Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0237

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/237 tal-21 ta’ Diċembru 2020 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205, (UE) 2016/592 u (UE) 2016/1178 fir-rigward tad-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għal ċerti tipi ta’ kuntratti (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/9148

    ĠU L 56, 17.2.2021, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/237/oj

    17.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 56/6


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/237

    tal-21 ta’ Diċembru 2020

    li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205, (UE) 2016/592 u (UE) 2016/1178 fir-rigward tad-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għal ċerti tipi ta’ kuntratti

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 (2), (UE) 2016/592 (3) u (UE) 2016/1178 (4) jispeċifikaw, fost l-oħrajn, id-dati effettivi tal-obbligu tal-ikklerjar għal kuntratti li jappartjenu għall-klassijiet tad-derivattivi OTC stabbiliti fl-Annessi ta’ dawk ir-Regolamenti. Dawk ir-Regolamenti jistabbilixxu d-dati differiti ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għal kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi bejn kontropartijiet li jkunu parti mill-istess grupp u meta kontroparti waħda tkun stabbilita f’pajjiż terz u l-kontroparti l-oħra tkun stabbilita fl-Unjoni. Dawk id-dati differiti kienu meħtieġa biex jiġi żgurat li tali kuntratti tad-derivattivi OTC ma jkunux suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar qabel l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

    (2)

    Mill-2018, l-ebda att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma ġie adottat b’rabta mal-obbligu tal-ikklerjar. L-applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għall-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi bejn kontropartijiet li huma parti mill-istess grupp u fejn kontroparti waħda tkun stabbilita f’pajjiż terz u l-kontroparti l-oħra tkun stabbilita fl-Unjoni għalhekk ġiet differita bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/667 (5), jew sal-21 ta’ Diċembru 2020 jew sal-adozzjoni ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni. Minkejja l-isforzi investiti biex jiġu analizzati ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom jista’ jkun meħtieġ kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni bħal dan, għadu ma ġie adottat l-ebda att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar. L-applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għal dawk il-kuntratti jenħtieġ għalhekk li tiġi differita aktar sabiex jiġi evitat l-impatt ekonomiku detrimentali mhux intenzjonat li jista’ jkollha l-iskadenza ta’ dik l-eżenzjoni fuq id-ditti tal-Unjoni.

    (3)

    Ir-Renju Unit sar pajjiż terz fl-1 ta’ Frar 2020 u l-liġi tal-Unjoni mhux se tibqa’ tapplika għar-Renju Unit u fih fil-31 ta’ Diċembru 2020. Madankollu, l-obbligu ta’ kklerjar stipulat fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma jiħux f’kunsiderazzjoni l-eventwalità li Stat Membru joħroġ mill-Unjoni. Ir-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205, (UE) 2016/592 u (UE) 2016/1178 jispeċifikaw id-dati minn meta l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ għal kuntratti li jappartjenu għal ċerti klassijiet ta’ derivati OTC. Barra minn hekk, dawn ir-Regolamenti jipprovdu għal dati differenti skont il-kategorija ta’ kontroparti għal dawk il-kuntratti. Il-kontropartijiet ma jistgħux ibassru x’jista’ jkun l-istatus ta’ kontroparti stabbilita fir-Renju Unit jew sa liema punt din il-kontroparti tkun tista’ tkompli tipprovdi ċerti servizzi lil kontrapartijiet stabbiliti fl-Unjoni. L-isfidi ffaċċjati mill-partijiet ta’ kuntratt ta’ derivattivi OTC li l-kontropartijiet tiegħu huma stabbiliti fir-Renju Unit, huma għalhekk konsegwenza diretta ta’ avveniment li huwa lil hinn mill-kontroll tagħhom u jista’ jpoġġihom fi żvantaġġ meta mqabbel ma’ kontropartijiet oħra fl-Unjoni.

    (4)

    Biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni, il-kontropartijiet jistgħu jkunu jridu jissostitwixxu l-kuntratt billi kontroparti stabbilita fi Stat Membru tieħu post il-kontroparti stabbilita fir-Renju Unit. Jekk, minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, jiġi deċiż li l-kontroparti stabbilita fir-Renju Unit tiġi sostitwita b’kontroparti ġdida stabbilita fl-Unjoni, is-sostituzzjoni tista’ tiskatta l-obbligu tal-ikklerjar jekk isseħħ fi jew wara d-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għal dak it-tip ta’ kuntratt. Bħala riżultat, il-partijiet jista’ jkollhom jikklerjaw dak il-kuntratt f’CCP awtorizzata jew rikonoxxuta. Peress li kuntratti kklerjati ċentralment huma suġġetti għal reġim kollaterali differenti minn kuntratti kklerjati mhux ċentralment, l-iskattar tal-obbligu tal-ikklerjar jista’ jobbliga lil ċerti kontropartijiet li ma jkomplux it-tranżazzjonijiet tagħhom, b’mod li ċerti riskji jibqgħu mhux iħħeġġjati. Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq u li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi bejn il-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni, jenħtieġ li l-kontropartijiet ikunu jistgħu jissostitwixxu l-kontropartijiet stabbiliti fir-Renju Unit b’ kontropartijiet stabbiliti f’xi Stat Membru mingħajr ma jiskatta l-obbligu tal-ikklerjar.

    (5)

    Barra minn hekk, il-kontropartijiet jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex jissostitwixxu l-kontropartijiet tagħhom stabbiliti fir-Renju Unit. Għalhekk jenħtieġ li d-data li minnha jista’ jiskatta l-obbligu tal-ikklerjar għan-novazzjoni ta’ dawk il-kuntratti tiġi differita.

    (6)

    Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2019/834 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Minħabba dik l-emenda, ma għadux meħtieġ li jiġu kklerjati ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi qabel ma jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar. Lanqas mhuwa aktar meħtieġ li jiġu speċifikati l-maturitajiet minimi li jifdal tal-kuntratti tad-derivattivi OTC imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205, (UE) 2016/592 u (UE) 2016/1178 ma jibqgħux jispeċifikaw il-maturitajiet minimi li jifdal.

    (7)

    Jenħtieġ li r-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205, (UE) 2016/592 u (UE) 2016/1178 jiġu emendati skont dan.

    (8)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

    (9)

    L-emendi tar-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205, (UE) 2016/592 u (UE) 2016/1178 huma aġġustamenti limitati tal-qafas regolatorju eżistenti. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-emendi u l-urġenza tal-kwistjoni, ikun sproporzjonat ħafna għall-ESMA li twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa jew analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati. Għall-istess raġunijiet, l-ESMA ma kkonsultatx lill-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) li dwaru ġiet infurmata kif xieraq.

    (10)

    Huwa meħtieġ li tingħata ċertezza legali lill-parteċipanti fis-suq malajr kemm jista’ jkun sabiex ikunu jistgħu jippreparaw b’mod adegwat biex jikkonformaw mar-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, li l-applikazzjoni tiegħu se tkun affettwata minn dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti li għalihom qed toqrob malajr l-iskadenza applikabbli attwali. Għaldaqstant jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2015/2205

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2205 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    fit-30 ta’ Ġunju 2022, fil-każ li ma tkun ġiet adottata l-ebda deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament li tkun tkopri l-kuntratti ta’ derivattivi OTC elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament fejn jidħol il-pajjiz terz relevanti;”

    (b)

    għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

    “3.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2, għar-rigward ta’ kuntratti li jappartjenu għal klassi ta’ derivattivi OTC msemmija fl-Anness, l-obbligu tal-ikklerjar għandu jidħol fis-seħħ mit-18 ta’ Frar 2022 meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-obbligu tal-ikklerjar ma jkunx ġie skattat sat-18 ta’ Frar 2021;

    (b)

    il-kuntratti jiġu nnovati għall-iskop uniku li tiġi sostitwita l-kontroparti stabbilita fir-Renju Unit ma’ kontroparti stabbilita f’xi Stat Membru.”;

    (2)

    L-Artikolu 4 huwa mħassar.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2016/592

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/592 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    fit-30 ta’ Ġunju 2022, fil-każ li ma tkun ġiet adottata l-ebda deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament li tkun tkopri l-kuntratti ta’ derivattivi OTC elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament fejn jidħol il-pajjiz terz relevanti;”

    (b)

    għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

    “3.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2, għar-rigward ta’ kuntratti li jappartjenu għal klassi ta’ derivattivi OTC msemmija fl-Anness, l-obbligu tal-ikklerjar għandu jidħol fis-seħħ mit-18 ta’ Frar 2022 meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-obbligu tal-ikklerjar ma jkunx ġie skattat sat-18 ta’ Frar 2021;

    (b)

    il-kuntratti jiġu nnovati għall-iskop uniku li tiġi sostitwita l-kontroparti stabbilita fir-Renju Unit ma’ kontroparti stabbilita f’xi Stat Membru.”;

    (2)

    L-Artikolu 4 huwa mħassar.

    Artikolu 3

    Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2016/1178

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1178 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    fit-30 ta’ Ġunju 2022, fil-każ li ma tkun ġiet adottata l-ebda deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament li tkun tkopri l-kuntratti ta’ derivattivi OTC elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament fejn jidħol il-pajjiz terz relevanti;”

    (b)

    għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

    “3.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2, għar-rigward ta’ kuntratti li jappartjenu għal klassi ta’ derivattivi OTC msemmija fl-Anness, l-obbligu tal-ikklerjar għandu jidħol fis-seħħ mit-18 ta’ Frar 2022 meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-obbligu tal-ikklerjar ma jkunx ġie skattat sat-18 ta’ Frar 2021;

    (b)

    il-kuntratti jiġu nnovati għall-iskop uniku li tiġi sostitwita l-kontroparti stabbilita fir-Renju Unit ma’ kontroparti stabbilita f’xi Stat Membru.”;

    (2)

    L-Artikolu 4 huwa mħassar.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 tas-6 ta’ Awwissu 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 314, 1.12.2015, p. 13).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/592 tal-1 ta’ Marzu 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 103, 19.4.2016, p. 5).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1178 tal-Il-Ġimgħa, 10 ta’ Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 195, 20.7.2016, p. 3).

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/667 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2205, ir-Regolament Delegat (UE) 2016/592 u r-Regolament Delegat (UE) 2016/1178 sabiex jiġu estiżi d-dati differiti tal-applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għal ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC (ĠU L 113, 29.4.2019, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2019/834 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, ir-rekwiżiti tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 141, 28.5.2019, p. 42).

    (7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    Top