EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021L0903

Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2021/903 tat-3 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-valuri ta’ limitu speċifiċi għall-anilina f’ċerti ġugarelli (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/3887

ĠU L 197, 4.6.2021, p. 110–113 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2021/903/oj

4.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/110


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/903

tat-3 ta’ Ġunju 2021

li temenda d-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-valuri ta’ limitu speċifiċi għall-anilina f’ċerti ġugarelli

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 46(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/48/KE tistabbilixxi ċertu rekwiżiti għal sustanzi kimiċi li huma kklassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-Appendiċi C tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE jistipula l-valuri ta’ limitu speċifiċi għas-sustanzi kimiċi użati f’ġugarelli maħsuba biex jintużaw minn tfal ta’ taħt is-36 xahar jew f’ġugarelli oħra maħsuba biex jitqiegħdu fil-ħalq.

(2)

L-anilina (Numru CAS: 62-53-3) hija kklassifikata bħala karċinoġenika tal-kategorija 2 u mutaġenika tal-kategorija 2 skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Skont il-punt 5(a) tal-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE, is-sustanzi karċinoġeniċi tal-kategorija 2, bħall-anilina, jistgħu jintużaw fil-ġugarelli f’konċentrazzjonijiet individwali daqs jew iżgħar mill-konċentrazzjoni rilevanti stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għall-klassifikazzjoni ta’ taħlitiet li jkun fihom dawk is-sustanzi, jiġifieri 1 % (4), li jikkorrispondi għal 10 000 mg/kg (“limitu ta’ kontenut”). L-istess limitu ta’ kontenut japplika għas-sustanzi mutaġeniċi tal-kategorija 2 (5).

(3)

Il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent (SCHER) ikkunsidra, fl-opinjoni tiegħu tad-29 ta’ Mejju 2007, li l-komposti li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR) ma għandhomx ikunu preżenti fil-ġugarelli (6). Ir-Rapport ta’ Valutazzjoni tar-Riskju tal-Unjoni Ewropea dwar l-anilina (7) kkonkluda li għall-konsumaturi hemm il-ħtieġa li jiġu limitati r-riskji għas-saħħa assoċjati mal-użu ta’ prodotti li fihom l-anilina. Dik il-konklużjoni kienet ibbażata fuq “tħassib fir-rigward tal-mutaġeniċità u tal-karċinoġeniċità bħala konsegwenza tal-esponiment li jirriżulta mill-użu ta’ prodotti li jkun fihom is-sustanza, peress li l-anilina hija identifikata bħala karċinoġen mingħajr valur ta’ limitu.” Il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi indika, fl-opinjoni tiegħu dwar ir-restrizzjoni ta’ sustanzi fil-linka tat-tatwaġġi u l-make-up permanenti (8), li l-anilina hija meqjusa bħala karċinoġen mingħajr valur ta’ limitu. Għalhekk, l-anilina tista’ tikkawża l-kanċer anke bl-inqas livell ta’ esponiment.

(4)

Sabiex jagħtiha pariri fit-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi u tal-inizjattivi tal-politika fil-qasam tas-sikurezza tal-ġugarelli, il-Kummissjoni stabbiliet il-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli. Il-missjoni tas-sottogrupp tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sustanzi Kimiċi fil-Ġugarelli, (is-sottogrupp Sustanzi Kimiċi), hija li jagħti pariri lill-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli fir-rigward tas-sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw fil-ġugarelli.

(5)

Waqt il-laqgħa tas-sottogrupp Sustanzi Kimiċi li saret fit-18 ta’ Frar 2015 (9), bosta mill-membri tiegħu indikaw li l-anilina tista’ tinstab f’materjal tal-ġugarelli kkulurit, bħal tessuti jew ġilda, meta dak il-materjal jiġi soġġett għat-test tal-qsim riduttiv previst fl-Appendiċi 10 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). L-okkorrenza tal-anilina fit-tessuti wara l-ittestjar tal-qsim riduttiv ġiet ikkonfermata fi studju li sar fl-Iżvezja (11) bħala segwitu għal-laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli fit-8 ta’ Ġunju 2015. Minn 23 kampjun ta’ tessuti, l-anilina ġiet identifikata f’tessut aħmar wieħed (4 % tal-kampjuni kollha), b’kontenut ta’ 91 mg/kg. L-okkorrenza tal-anilina fil-ħwejjeġ wara l-ittestjar tal-qsim riduttiv ġiet ikkonfermata fi studju b’153 kampjun (12). L-anilina ġiet identifikata f’disa’ kampjuni (6 % tal-kampjuni kollha), b’kontenut ta’ sa 588 mg/kg. Barra minn hekk, l-anilina nstabet f’żebgħa tas-swaba’ wara test tal-qsim riduttiv, skont rivista tal-konsumaturi Ġermaniża (13). Is-sottogrupp Sustanzi Kimiċi nnotifika wkoll, permezz ta’ korrispondenza bil-miktub lill-Kummissjoni f’Mejju 2020, li l-anilina libera tista’ tkun preżenti fiż-żebgħa tas-swaba’ bħala impurità tal-koloranti f’tali żebgħa.

(6)

Fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli li saret fit-8 ta’ Ġunju 2015, il-Ġermanja ppreżentat dokument ta’ pożizzjoni li jipprovdi valutazzjoni xjentifika tal-proprjetajiet tossikoloġiċi tal-anilina (14). Skont dik il-valutazzjoni, il-limitu ta’ kontenut eżistenti għall-anilina jippreżenta riskju kemm għall-effetti sistemiċi kif ukoll għall-effetti tal-kanċer ta’ dik is-sustanza. Is-sottogrupp Sustanzi Kimiċi kkonkluda, fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2017 (15), li jenħtieġ li restrizzjoni għall-anilina fil-ġugarelli tkun applikabbli għall-ġugarelli u l-komponenti tal-ġugarelli magħmulin mit-tessuti u mill-ġilda, u għaż-żebgħa tas-swaba’, peress li s’issa ftit li xejn kien hemm informazzjoni disponibbli dwar il-ħtieġa ta’ restrizzjoni għall-anilina fil-ġugarelli jew fil-materjali tal-ġugarelli li mhumiex tessuti, ġilda u żebgħa tas-swaba’. Is-sottogrupp indika wkoll li l-valur ta’ limitu jenħtieġ li jkun ta’ 30 mg/kg, wara l-qsim riduttiv. Dak il-valur huwa l-aktar konċentrazzjoni baxxa li tista’ tiġi identifikata b’mod affidabbli mit-test tal-qsim riduttiv. Fir-rigward taż-żebgħa tas-swaba’, is-sottogrupp indika li jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu ta’ 10 mg/kg għall-anilina libera peress li din hija l-aktar konċentrazzjoni baxxa li tista’ tiġi vverifikata b’mod affidabbli fit-testijiet ta’ rutina taż-żebgħa tas-swaba’.

(7)

Il-grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli, fil-laqgħa tiegħu tad-19 ta’ Diċembru 2017 (16), eżamina l-istabbiliment ta’ valuri ta’ limitu ta’ 30 mg/kg għall-anilina wara l-qsim riduttiv f’materjali tal-ġugarelli tessili u tal-ġilda; ta’ 30 mg/kg għall-anilina wara l-qsim riduttiv fiż-żebgħa tas-swaba’; u ta’ 10 mg/kg għall-anilina libera fiż-żebgħa tas-swaba’, kif indikat qabel mis-sottogrupp Sustanzi Kimiċi.

(8)

Skont l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2009/48/KE, ir-rekwiżiti tal-imballaġġ għall-ikel stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) iridu jitqiesu meta jiġu adottati valuri ta’ limitu speċifiċi għas-sustanzi kimiċi fl-Appendiċi C ta’ dik id-Direttiva. Is-suppożizzjonijiet bażiċi wara l-metodi tal-ittestjar tal-migrazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 (18), li hija miżura speċifika skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 u li tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għall-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel, madankollu huma differenti mis-suppożizzjonijiet bażiċi wara l-limiti ta’ kontenut għall-anilina f’ċerti ġugarelli fid-Direttiva 2009/48/KE. Barra minn hekk, huwa impossibbli li l-limiti tal-migrazzjoni jitqabblu mal-limiti ta’ kontenut. Għalhekk, b’segwitu għal dawn il-konklużjonijiet ma hemm l-ebda mod kif jistgħu jitqiesu r-rekwiżiti tal-imballaġġ għall-ikel meta jiġu stabbiliti l-limiti ta’ kontenut għall-anilina f’ċerti ġugarelli.

(9)

Fid-dawl tal-klassifikazzjoni tal-anilina bħala sustanza CMR, tar-Rapport ta’ Valutazzjoni tar-Riskju tal-Unjoni Ewropea dwar l-anilina, tal-opinjoni tal-RAC u tas-SCHER u tal-opinjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli u tas-sottogrupp Sustanzi Kimiċi tiegħu, kif ukoll tal-istudji dwar il-preżenza tal-anilina fit-tessuti, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit limitu għall-anilina fil-materjal tal-ġugarelli tessili u fil-materjal tal-ġugarelli tal-ġilda ta’ 30 mg/kg wara l-qsim riduttiv u limitu għall-anilina fiż-żebgħa tas-swaba’ ta’ 10 mg/kg bħala anilina libera u ta’ 30 mg/kg wara l-qsim riduttiv.

(10)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttiva 2009/48/KE tiġi emendata skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fl-Appendiċi C tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE, tiżdied l-entrata li ġejja:

Sustanza

Nru tal-CAS

Il-valur tal-limitu

“Anilina

62-53-3

30 mg/kg

wara l-qsim riduttiv fil-materjal tal-ġugarelli tessili u fil-materjal tal-ġugarelli tal-ġilda

10 mg/kg

bħala anilina libera fiż-żebgħa tas-swaba’

30 mg/kg

wara l-qsim riduttiv fiż-żebgħa tas-swaba’”

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-4 ta’ Diċembru 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-5 ta’ Diċembru 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Tabella 3 fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(4)  Tabella 3.6.2 fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(5)  Tabella 3.5.2 fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(6)  Il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u għall-Ambjent (SCHER). It-tweġiba tas-CEN għall-opinjoni tas-CSTEE dwar il-valutazzjoni tar-rapport tas-CEN dwar il-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanzi kimiċi fil-ġugarelli. Adottata fid-29.5.2007.

http://ec.europa.eu/health/archive/ph_risk/committees/04_scher/docs/scher_o_056.pdf

(7)  L-Uffiċċju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi, L-Istitut għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur, 2004. EUR 21092 EN. Taqsima 5.2.1.2, p. 180.

https://echa.europa.eu/documents/10162/6434698/orats_final_rar_aniline_en.pdf/0abd36ad-53de-4b0f-b258-10cf90f90493

(8)  Il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC), il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC), Opinjoni dwar dossier tal-Anness XV li jipproponi restrizzjoni fuq sustanzi użati fil-linka tat-tatwaġġi u fil-make-up permanenti. Adottata fl-20 ta’ Novembru 2018. Appendiċi 2, Taqsima 2, p. 90.

https://echa.europa.eu/documents/10162/2b4533af-f717-4bff-939b-2320fb43b462

(9)  Ara r-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni, il-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli (E01360).

https://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetailDoc&id=20916&no=1

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(11)  Id-dokument tal-laqgħa tas-sottogrupp Sustanzi Kimiċi: EXP/WG/2015/027/Ann1, Anilina mill-qsim ta’ żebgħa ażojka, Riżultati mill-Iżvezja.

(12)  Brüschweiler et al., Identification of non-regulated aromatic amines of toxicological concern which can be cleaved from azo dyes used in clothing textiles, Regulatory Toxicology and Pharmacology 69 (2014) 263–272. Ikkwotat fi: ANEC – Dokument ta’ pożizzjoni dwar l-anilina. April 2016. Ippreżentat lis-sottogrupp “Sustanzi Kimiċi” fl-1 ta’ Ġunju 2016 (EXP/WG/2016/027).

(13)  Ökotest 2/2015, p. 69.

(14)  Id-dokument ta’ diskussjoni EXP/2015/029/rev1.

(15)  Ir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni, il-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli (E01360).

http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupMeeting&meetingId=4151.

(16)  Ir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni, il-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli (E01360), ara “Laqgħat”.

http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupMeeting&meetingId=1485.

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4).

(18)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta’ Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ikel (ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1).


Top