Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1207

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1207 tad-19 ta’ Lulju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2003/77/KE li tistabbilixxi linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar

    ST/9391/2021/INIT

    ĠU L 261, 22.7.2021, p. 47–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1207/oj

    22.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 261/47


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1207

    tad-19 ta’ Lulju 2021

    li temenda d-Deċiżjoni 2003/77/KE li tistabbilixxi linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 37 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Sabiex tkun newtrali għall-klima sal-2050, l-Unjoni teħtieġ “klima u riżorsi minn ta’ quddiem” biex tiżviluppa l-ewwel applikazzjonijiet kummerċjali ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji f’setturi industrijali ewlenin sal-2030, u proċess ta’ produzzjoni tal-azzar b’żero emissjonijiet ta’ karbonju sal-2030.

    (2)

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE (2), il-Kummissjoni għandha tamministra l-assi tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar b’tali mod li tiżgura redditu fit-tul. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE (3) tistabbilixxi l-linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni ta’ dawn l-assi. Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2003/77/KE, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina jew tissupplimenta dawk il-linji gwida u terġa’ tivvaluta l-operat u l-effikaċja tagħhom.

    (3)

    Sabiex jiġi pprovdut appoġġ sinifikanti għal proġetti ta’ riċerka kollaborattiva siewja li jkollhom il-massa kritika u l-valur miżjud tal-Unjoni biex itejbu s-sostenibbiltà, il-kompetittività, is-saħħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar, jeħtieġ li jiġi żgurat li jiġu pprovduti l-pagamenti relatati mal-allokazzjoni annwali definita u stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2003/76/KE sal-2027 biex jiġu ffinanzjati dawn il-proġetti. Jenħtieġ li dawn il-pagamenti jiġu ffinanzjati mid-dħul nett mill-investimenti u mid-dħul iġġenerat mill-bejgħ ta’ parti mill-assi sal-ammont annwali stabbilit mis-servizz deżinjat tal-Kummissjoni fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2003/76/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/376/KE (4).

    (4)

    L-esperjenza miksuba fil-perijodu ta’ ħames snin l-aktar reċenti tal-implimentazzjoni tal-linji gwida finanzjarji (2012–2017) u l-iżviluppi fil-kundizzjonijiet tas-swieq finanzjarji juru l-ħtieġa li dawn il-linji gwida jiġu adattati.

    (5)

    Jenħtieġ li l-assi li jifdal wara l-ġbid sal-2027 b’rabta mal-allokazzjoni annwali stabbilita bid-Deċiżjoni 2003/76/KE jiġu amministrati fuq il-bażi ta’ orizzont tal-investiment fit-tul, li jippermetti aktar diversifikazzjoni.

    (6)

    Bħala medja, l-investiment ta’ parti kbira tal-assi għal perijodu twil huwa konsistenti mal-istennija ta’ redditi ogħla, b’kont meħud tal-possibbiltà ta’ fluttwazzjonijiet miżjuda fuq perijodu ta’ żmien qasir. Minkejja dan, jenħtieġ li l-investimenti jimmiraw li jiżguraw ammont suffiċjenti ta’ assi likwidi għall-pagamenti annwali mitluba mis-servizz deżinjat tal-Kummissjoni fuq il-bażi tad-Deċiżjonijiet 2003/76/KE u 2008/376/KE.

    (7)

    Il-linji gwida finanzjarji jenħtieġ li jippermettu approċċ aktar flessibbli fir-rigward tal-aspetti tekniċi tal-implimentazzjoni u jenħtieġ li jiddeterminaw strumenti tal-investiment xierqa biex jiksbu l-objettivi tal-investiment.

    (8)

    Jenħtieġ li kull klassi tal-assi ma titqiesx waħedha, iżda bir-rwol tagħha f’portafoll diversifikat. Storikament, id-diversifikazzjoni bejn il-klassijiet tal-assi twassal għal iżjed redditi bl-istess livell ta’ riskju. Il-korrelazzjoni bejn l-assi hija importanti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet b’rabta mal-allokazzjoni tal-assi fil-kuntest tar-riskju ta’ investiment ġenerali u r-redditu.

    (9)

    L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar jenħtieġ li jiġu amministrati fuq il-bażi ta’ strateġija tal-investiment espressa fil-forma ta’ allokazzjoni strateġika tal-assi u parametru referenzjarju strateġiku, b’riflessjoni tal-objettivi tal-investiment u t-tolleranza tar-riskju tal-assi. Il-parametru referenzjarju jipprovdi gwida għall-investiment ta’ terminu twil lill-maniġers tal-portafolli, fil-forma ta’ allokazzjonijiet lil klassijiet tal-assi differenti.

    (10)

    Il-linji gwida finanzjarji jenħtieġ li jippermettu investimenti f’bonds likwidi ħafna denominati f’dollari Amerikani, maħruġa minn entitajiet sovrani, supranazzjonali, sottosovrani u aġenziji tal-gvern, biex itejbu d-diversifikazzjoni, filwaqt li jiġu ħħeġġjati – sal-limitu xieraq – ir-riskji tat-telf minħabba l-fluttwazzjoni tar-rata tal-kambju. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi, bi qbil mal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni, dwar investimenti f’assi oħra li huma denominati f’muniti ta’ ekonomiji avvanzati oħra jew ta’ Stati Membri oħra. Jenħtieġ li dawn id-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq dimostrazzjoni sostanzjata b’mod sħiħ tal-vantaġġi tal-investiment inkwistjoni għall-prestazzjoni tal-assi. Jenħtieġ li l-linji gwida finanzjarji jwessgħu l-ambitu tal-investimenti eliġibbli biex joffru l-possibbiltà ta’ skopertura diversifikata għal indiċijiet wiesgħa tas-suq, ċerti setturi ġeografiċi u klassijiet tal-assi partikolari.

    (11)

    Jenħtieġ li l-linji gwida finanzjarji jippermettu strumenti finanzjarji oħra, bħal kuntratti tal-futuri, kuntratti forward u swaps biex jiġu ġestiti r-riskji u l-iskoperturi bħar-riskju tar-rata tal-imgħax u tal-kambju.

    (12)

    Il-karatteristiċi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG, environmental, social and governance) ta’ investiment dejjem qed isiru aktar importanti u jenħtieġ li jitqiesu fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-investiment. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/77/KE tiġi emendata biex jiġu introdotti l-karatteristiċi ESG bl-inklużjoni ta’ skrinjar pożittiv li jiffavorixxi l-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ESG fl-għażla tal-investimenti, u skrinjar negattiv li fih lista ta’ attivitajiet esklużi, għal raġunijiet etiċi jew morali, għall-finijiet ta’ investimenti tat-teżor.

    (13)

    Jenħtieġ li r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar imwettqa fil-qafas tal-linji gwida finanzjarji, ikun jipprovdi informazzjoni dwar l-allokazzjoni fil-klassijiet tal-assi differenti. Jenħtieġ li r-rapport annwali jispjega kwalunkwe bidla kbira fl-allokazzjoni strateġika tal-assi.

    (14)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/77/KE tiġi emendata skont dan.

    (15)

    Fid-dawl tal-konnessjoni strutturali mad-Deċiżjoni 2003/76/KE, din l-emenda jenħtieġ li tapplika biss mid-data li fiha tibda tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1208 (5),

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2003/77/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 1a

    L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar għandhom ikunu amministrati biex jipprovdu pagamenti annwali fil-limiti tal-allokazzjoni annwali ta’ EUR 111-il miljun għall-finanzjament ta’ riċerka kollaborattiva fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar. Il-pagamenti annwali għandhom jiġu ffinanzjati mid-dħul nett mill-investimenti u mid-dħul iġġenerat mill-bejgħ ta’ parti mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar, sal-ammont annwali stabbilit mis-servizz deżinjat tal-Kummissjoni fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2003/76/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/376/KE (*1).

    (*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/376/KE tad-29 ta’ April 2008 dwar l-adozzjoni tal-Programm ta’ Riċerka tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar u dwar il-linji gwida tekniċi pluriennali għal dan il-programm (ĠU L 130 20.5.2008, p. 7).”;"

    (2)

    l-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandha tapplika mid-data li fiha tibda tapplika d-Deċiżjoni (UE) 2021/1208.

    Magħmul fi Brussell, i Brussell, id-19 ta’ Lulju 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. PODGORŠEK


    (1)  L-opinjoni tas-7 ta’ Lulju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE tal-1 ta’ Frar 2003 li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar (ĠU L 29, 5.2.2003, p. 22).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE tal-1 ta’ Frar 2003 li tistabbilixxi linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar (ĠU L 29, 5.2.2003, p. 25).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/376/KE tad-29 ta’ April 2008 dwar l-adozzjoni tal-Programm ta’ Riċerka tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar u dwar il-linji gwida tekniċi pluriennali għal dan il-programm (ĠU L 130 20.5.2008, p. 7).

    (5)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1208 tad-19 ta’ Lulju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar (ara paġna 54 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    ANNESS

    Linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar

    1.   UŻU TAL-FONDI

    L-assi tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) f’likwidazzjoni, inklużi kemm il-portafoll ta’ self tagħha u l-investimenti tagħha, għandhom jintużaw kif meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet li jifdal tal-KEFA, f’termini ta’ self pendenti, tal-impenji tagħha li jirriżultaw mill-baġits operattivi preċedenti, u kull obbligazzjoni li ma hijiex prevista.

    Sal-limitu li l-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar ma jkunux meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet kif deskritti fl-ewwel subparagrafu, dawk l-assi għandhom jiġu investiti b’mod prudenti f’konformità mal-orizzont tal-investiment magħżul biex jinkisbu redditi li jistgħu jintużaw biex tkompli tiġi ffinanzjata r-riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar.

    L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar għandhom jintużaw biex jipprovdu pagamenti annwali fil-limiti tal-allokazzjoni annwali ta’ EUR 111-il miljun għar-riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar. Dawk il-pagamenti għandhom jiġu ġġenerati mid-dħul nett mill-investimenti. Fejn dak id-dħul nett ikun insuffiċjenti biex tiġi onorata l-allokazzjoni annwali, dan għandu jiġu ssupplimentat bid-dħul iġġenerat mill-bejgħ ta’ parti mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar. Wara l-2027, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar għandhom jiġu investiti b’tali mod li jipprovdu dħul li jista’ jintuża biex tiġi ffinanzjata l-kontinwazzjoni tar-riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar.

    2.   ORIZZONT TAL-INVESTIMENT, OBJETTIV U TOLLERANZA TAR-RISKJU

    L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar, għandhom jiġu investiti bl-objettiv li jiġi ppreservat u, fejn possibbli, jittejjeb il-valur ta’ dawk l-assi (l-“objettiv tal-investiment”). L-objettiv tal-investiment għandu jiġi segwit matul l-orizzont tal-investiment, u jitwassal b’livell ta’ affidabbiltà għoli.

    L-assi għandhom jiġu amministrati f’konformità mar-regoli prudenzjali u mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba u f’konformità mar-regoli u mal-proċeduri stabbiliti mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    L-objettiv tal-investiment għandu jkun moqdi permezz tal-implimentazzjoni ta’ strateġija tal-investiment prudenti fuq il-bażi ta’ grad għoli ta’ diversifikazzjoni fost il-klassijiet tal-assi eliġibbli, żoni ġeografiċi, emittenti u maturitajiet (l-“istrateġija tal-investiment”). L-istrateġija tal-investiment għandha tiġi stipulata billi jitqies l-orizzont tal-investiment u b’mod li jiġi żgurat li l-fondi neċessarji jkunu disponibbli f’forma likwida biżżejjed kif u meta meħtieġ.

    L-istrateġija tal-investiment għandha tiġi espressa fil-forma ta’ allokazzjoni strateġika tal-assi, li għandha tistabbilixxi l-allokazzjonijiet indikattivi fil-mira għal kategoriji differenti ta’ assi finanzjarji eliġibbli.

    Il-Kummissjoni għandha tirrifletti l-allokazzjoni strateġika tal-assi f’parametru referenzjarju strateġiku (il-“parametru referenzjarju”), li miegħu għandha titqabbel il-prestazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar.

    L-istrateġija tal-investiment u l-parametru referenzjarju għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni u maqbula mal-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-uffiċjali awtorizzanti b’delega tal-Kummissjoni.

    L-istrateġija tal-investiment u l-parametru referenzjarju jistgħu jiġu mmodifikati mill-Kummissjoni f’każ ta’ bidla debitament ddokumentata u motivata fil-kundizzjonijiet ekonomiċi, bidla sostanzjali fil-ħtiġijiet u fis-sitwazzjoni tal-istrumenti ta’ kontribuzzjoni jew bidla sinifikanti fl-istimi tal-flussi tad-dħul/tal-ħruġ. Il-proċedura għal modifika tal-istrateġija ta’ investiment għandha tkun l-istess bħal dik għall-adozzjoni inizjali tagħha.

    L-istrateġija tal-investiment għandha tiġi stabbilita filwaqt li jitqies l-orizzont tal-investiment u t-tolleranza tar-riskju tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar.

    3.   PRINĊIPJI TAL-ALLOKAZZJONI TAL-ASSI U INVESTIMENTI ELIĠIBBLI

    Għandha tiġi żgurata diversifikazzjoni suffiċjenti fost il-klassijiet tal-assi kollha biex jonqsu r-riskji ta’ investiment. Fil-prinċipju, aktar ma assi jkun riskjuż jew inqas ma jkun likwidu, jenħtieġ li inqas tkun ikkonċentrata l-iskopertura.

    L-iskopertura għall-klassijiet tal-assi differenti tista’ tinkiseb ukoll permezz ta’ investimenti f’impriżi ta’ investiment kollettiv jew fi prodotti negozjati fil-borża.

    L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar għandhom ikunu investiti biss f’dawn li ġejjin:

    (a)

    assi tas-suq monetarju ddenominati f’euro;

    (b)

    titoli b’introjtu fiss; u

    (c)

    investimenti kollettivi regolati f’dejn u ekwità.

    L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar għandhom jiksbu skopertura għall-klassijiet tal-assi msemmija fis-subparagrafu preċedenti permezz ta’ investiment fl-istrumenti li ġejjin jew b’involviment fl-operazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    depożiti;

    (b)

    strumenti tas-suq monetarju u fondi tas-suq monetarju li joffru likwidità ta’ kuljum, kif regolati bir-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

    (c)

    strumenti ta’ dejn, bħal bonds, kambjali tat-teżor u obbligazzjonijiet, u strumenti titolizzati skont il-kriterji sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS) stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

    (d)

    impriżi ta’ investiment kollettiv koperti mid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jinkludu fondi negozjati fil-borża li jinvestu f’ekwità jew fi strumenti ta’ dejn fejn it-telf massimu ma jistax jaqbeż l-ammonti investiti;

    (e)

    ftehimiet ta’ riakkwist f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 212(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (ir-“Regolament Finanzjarju”);

    (f)

    ftehimiet ta’ riakkwist invers;

    (g)

    operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli b’sistemi tal-ikklirjar rikonoxxuti bħal Clearstream u Euroclear, jew ma’ istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin li jispeċjalizzaw f’dan it-tip ta’ operazzjoni.

    Derivattivi, fil-forma ta’ kuntratti forward u tal-futuri u swaps, għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta’ mmaniġġjar effiċjenti tal-portafoll u mhux għal skopijiet ta’ spekulazzjoni jew ingranaġġ ta’ pożizzjonijiet. Dawn id-derivattivi jistgħu jintużaw għall-aġġustament tad-durata, għall-mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu jew ta’ riskji rilevanti oħra jew għal bidliet fl-allokazzjoni tal-assi b’mod konsistenti mal-politika ta’ investiment.

    L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar jistgħu jiġu investiti f’bonds likwidi ħafna denominati f’dollari Amerikani maħruġa minn entitajiet sovrani u supranazzjonali unikament għall-finijiet ta’ diversifikazzjoni u skopertura għal kurva ta’ rata tal-imgħax oħra. Kwalunkwe riskju tal-kambju għandu jiġi ħħeġġjat billi jintużaw kif xieraq swaps jew strumenti oħra għal iħħeġġjar tas-suq tal-muniti barranin, kif speċifikat fis-subparagrafu preċedenti.

    Il-Kummissjoni tista’, bil-qbil tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà, tkabbar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investimenti eliġibbli biex tinkludi klassijiet tal-assi u operazzjonijiet tal-investiment oħra konsistenti mal-istrateġija u mal-objettivi tal-investiment, kif ukoll muniti ta’ ekonomiji avvanzati oħra, kif elenkati minn żmien għal żmien mill-Fond Monetarju Internazzjonali u soġġetti għall-iħħeġġjar tar-riskju tal-kambju. Kull deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta’ klassijiet tal-assi, operazzjonijiet tal-investiment jew muniti ta’ ekonomiji avvanzati ġodda għandha tkun sostnuta minn ġustifikazzjoni sostanzjata għal kull klassi tal-assi, operazzjoni jew munita, dwar kif it-tkabbir tal-possibbiltajiet tal-investiment ser itejjeb il-prestazzjoni tar-riskju/redditu tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar. Din il-ġustifikazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-kapaċitajiet operazzjonali meħtieġa biex jiġu appoġġati dawn il-possibbiltajiet ġodda ta’ investiment.

    4.   KUNSIDERAZZJONIJIET AMBJENTALI, SOĊJALI, TA’ GOVERNANZA U MORALI

    Għandhom japplikaw il-kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG, environmental, social and governance) li ġejjin:

    (a)

    l-investimenti tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar għandhom jiġu implimentati skont l-objettiv ta’ politika tal-Unjoni li trawwem il-finanzjament sostenibbli u l-ġustizzja soċjali sa fejn ikun konsistenti mal-preservazzjoni tal-kapital tal-assi;

    (b)

    l-implimentazzjoni tal-politika tal-investiment għandha tikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha li tippromwovi strumenti finanzjarji ESG u għandha tirrispetta l-istandards, is-sistemi, il-kriterji u l-proċessi rilevanti stabbiliti fil-qafas regolatorju tal-Unjoni;

    (c)

    il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Grupp ta’ Esperti Tekniċi tal-UE dwar il-Finanzjament Sostenibbli, jew is-suċċessur tiegħu, dwar l-implimentazzjoni tal-fatturi ESG fl-istrateġija tal-investiment għall-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar;

    (d)

    il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-profil ESG tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar, u tirrapporta dwaru fir-rapport annwali msemmi fil-punt 7 (Proċeduri ta’ Ġestjoni).

    Minħabba raġunijiet etiċi jew morali huma esklużi l-investimenti fl-attivitajiet li jidhru fil-lista li ġejja:

    (a)

    investimenti f’titoli maħruġa minn entitajiet li, skont l-informazzjoni li jkollha l-Kummissjoni, ikunu nstabu, skont sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali, li huma involuti f’xi waħda mill-attivitajiet li ġejjin:

    (i)

    attivitajiet meqjusa bħala illegali jew ipprojbiti minħabba raġunijiet etiċi jew morali fil-qafas regolatorju tal-Unjoni u skont il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali;

    (ii)

    attivitajiet relatati mal-iżvilupp, mal-produzzjoni u mal-kummerċ ta’ munizzjon jew armi li huma pprojbiti mil-liġi internazzjonali applikabbli;

    (b)

    investimenti f’titoli maħruġa minn impriżi li, skont l-informazzjoni li jkollha l-Kummissjoni, jiġġeneraw aktar minn 25 % tad-dħul annwali globali tagħhom mill-attivitajiet elenkati hawn taħt:

    (i)

    attivitajiet relatati ma’ logħob tal-azzard (attivitajiet relatati mal-produzzjoni, kostruzzjoni, distribuzzjoni, ipproċessar, kummerċ u mas-software);

    (ii)

    prodotti u attivitajiet relatati mat-tabakk (produzzjoni, distribuzzjoni, ipproċessar u kummerċ);

    (iii)

    il-kummerċ tas-sess u infrastrutturi, servizzi u media relatati.

    5.   TRASFERIMENT LILL-BAĠIT ĠENERALI TAL-UNJONI

    Id-dħul nett mill-investimenti tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar, u d-dħul iġġenerat mill-bejgħ ta’ parti mill-assi, ser jiġu impenjati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dħul iddedikat u ser jiġu ttrasferiti mill-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, mill-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar meta meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet mil-linja baġitarja diretta lejn il-programmi ta’ riċerka għas-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar.

    6.   KONTABBILTÀ

    L-amministrazzjoni tal-fondi għandha tkun spjegata fil-kontijiet annwali tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq u ppreżentati skont ir-Regoli tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni kif adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni, b’kont meħud tan-natura speċifika tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar. Il-kontijiet ikunu approvati mill-Kummissjoni u eżaminati mill-Qorti tal-Awdituri. Il-Kummissjoni għandha tqabbad ditti esterni biex iwettqu verifika annwali tal-kontijiet tagħha.

    7.   PROĊEDURI TA’ ĠESTJONI

    Il-Kummissjoni għandha twettaq, fir-rigward tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar, l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni hawn fuq imsemmija skont dawn il-linji gwida u skont ir-regoli interni u l-proċeduri fis-seħħ għall-KEFA fil-mument tax-xoljiment tagħha jew kif modifikati wara.

    Kull sena l-Kummissjoni għandha tfassal rapport dettaljat dwar l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni mwettqa skont dawn il-linji gwida finanzjarji u tibagħtu lill-Istati Membri. Fir-rapport annwali, il-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar l-użu tal-klassijiet tal-assi differenti, dwar ir-raġunijiet għall-għażla tagħha li tinvesti fi klassijiet speċifiċi tal-assi u dwar il-prestazzjonijiet osservati f’kull klassi tal-assi.


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-fondi tas-suq monetarju (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 8).

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).

    (3)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (riformulazzjoni) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

    (4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r- Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


    Top