EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0839

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/839 tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward ċerti materji amministrattivi u tal-persunal tal-Komunità tat-Trasport

ST/8039/2021/INIT

ĠU L 185, 26.5.2021, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/839/oj

26.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/27


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/839

tal-20 ta’ Mejju 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward ċerti materji amministrattivi u tal-persunal tal-Komunità tat-Trasport

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91 u 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“TCT”) ġie approvat f’isem l-Unjoni fl-4 ta’ Marzu 2019 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.

(2)

Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali ġie stabbilit mit-TCT għall-amministrazzjoni u għall-implimentazzjoni kif suppost tat-TCT. It-TCT jeħtieġ li l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali jadotta regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport u deċiżjoni li tispeċifika l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit.

(3)

Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali dalwaqt ser jadotta deċiżjonijiet dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni barra mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport li jkunu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport, ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni meta jibdew dmirijiethom u meta jintemm is-servizz tagħhom, u l-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport.

(4)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, peress li tali deċiżjonijiet huma neċessarji għall-funzjonament tajjeb tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport u ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali mwaqqaf mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport fir-rigward tar-regoli dwar il-kwistjonijiet li ġejjin għandha tkun imsejsa fuq l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet korrispondenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali (2):

(a)

ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni barra mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport li jkunu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport;

(b)

ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni meta jibdew dmirijiethom u meta jintemm is-servizz tagħhom; u

(c)

il-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport.

2.   Jista’ jintlaħaq qbil mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali dwar bidliet minuri fir-rigward tal-abbozz ta’ deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 mingħajr ma tittieħed deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SANTOS SILVA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 71, 13.3.2019, p. 1).

(2)  Ara d-dokument ST 8040/21 fi http://register.consilium.europa.eu.


Top