Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0112

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/112 tal-25 ta’ Jannar 2021 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun

    ĠU L 36, 2.2.2021, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/112/oj

    2.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 36/1


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/112

    tal-25 ta’ Jannar 2021

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1026 (2), il-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-22 ta’ Ġunju 2020, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

    (2)

    Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-korpi konġunti stabbiliti skont il-Ftehim, għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja, talbiet għal konsultazzjonijiet u miżuri għas-sospensjoni tal-obbligi ta’ aċċettazzjoni, kif ukoll għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-emendi tal-Annessi għall-Ftehim.

    (3)

    Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill, f’isem l-Unjoni, għandu jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 20(1) tal-Ftehim (3).

    Artikolu 3

    1.   L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata fil-Kumitat Konġunt tal-Partijiet stabbilit skont l-Artikolu 11 tal-Ftehim (“il-Kumitat Konġunt”) mill-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea u akkumpanjata mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni tal-Istati Membri bħala r-rappreżentanti tagħhom.

    2.   L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata fil-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Anness 1 tal-Ftehim mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, megħjuna mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni tal-Istati Membri direttament ikkonċernati mill-aġenda għal kull laqgħa.

    Artikolu 4

    1.   Il-Kummissjoni tista’ tieħu l-azzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    tadotta miżuri ta’ salvagwardja f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 5(1) tal-Ftehim;

    (b)

    titlob li jsiru konsultazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16(3) tal-Ftehim;

    (c)

    tieħu miżuri għas-sospensjoni tal-obbligi ta’ aċċettazzjoni reċiproka u tirrevoka din is-sospensjoni, f’konformità mal-Artikolu 17 tal-Ftehim.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill biżżejjed minn qabel l-intenzjoni tagħha li tieħu kwalunkwe azzjoni skont dan l-Artikolu.

    Artikolu 5

    Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi għall-Annessi għall-Ftehim adottati mill-Kumitat Konġunt f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim sa fejn dawn l-emendi jkunu konsistenti mal-atti legali rilevanti tal-Unjoni, u ma jinvolvu l-ebda modifika tagħhom, soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni f’isem l-Unjoni:

    tkun fl-interessi tal-Unjoni;

    taqdi l-għanijiet li l-Unjoni ssegwi fil-qafas tal-politika tagħha dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni u l-kummerċ;

    tqis l-interessi tal-manifatturi, il-kummerċjanti u l-konsumaturi tal-Unjoni;

    ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali;

    fejn applikabbli, tappoġġa t-titjib tal-kwalità tal-prodotti ajrunawtiċi ċivili billi tagħmilha aktar faċli li jinqabdu prattiki frawdolenti u qarrieqa;

    fejn applikabbli, ikollha l-għan tal-approssimazzjoni tal-istandards marbuta mal-prodotti ajrunawtiċi ċivili;

    fejn applikabbli, tevita li toħloq ostakli għall-innovazzjoni; u

    fejn applikabbli, tiffaċilita l-kummerċ tal-prodotti ajrunawtiċi ċivili; u

    (b)

    il-Kummissjoni tippreżenta l-emendi proposti lill-Kunsill b’mod f’waqtu qabel l-approvazzjoni tagħhom.

    Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri għandu jivvaluta jekk l-emendi proposti jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu.

    Il-Kummissjoni għandha tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni sakemm għadd ta’ Stati Membri li jirrappreżentaw minoranza li timblokka tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma joġġezzjonawx għalihom. Jekk ikun hemm din il-minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-emendi proposti f’isem l-Unjoni.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Approvazzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1026 tal-24 ta’ April 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun (ĠU L 229, 16.7.2020, p. 1).

    (3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top