Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020Y0701(01)

    Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-2 ta’ Ġunju 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (BĊE/2020/9) 2020/C 217/01

    ĠU C 217, 1.7.2020, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 217/1


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

    tat-2 ta’ Ġunju 2020

    li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom

    (BĊE/2020/9)

    (2020/C 217/01)

    IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 u l-Artikoli 16 sa 18 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/448/KE u 2006/49/KE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 134(4) tagħha,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (3), u b’mod partikolari l-Artikoli 18 sa 20 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Sabiex jiġu żgurati miżuri ta’ politika makroprudenzjali nazzjonali effettivi u konsistenti, huwa importanti li tiġi kkumplimentata r-reċiproċità obbligatorja meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni b’reċiproċità volontarja.

    (2)

    Il-qafas dwar reċiproċità volontarja għal miżuri tal-politika makroprudenzjali stipulat fir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (4) għand l-għan li jiżgura li l-miżuri kollha tal-politika makroprudenzjali bbażati fuq skopertura attivati fi Stat Membru wieħed ikunu rreċiprokati fl-Istati Membri l-oħrajn.

    (3)

    Fl-24 ta’ Ġunju 2016, skont ir-Rakkomandazzjoni BERS/2016/4 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (5), ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 ġiet emendata sabiex tirrakkomanda r-reċiproċità tar-riżerva dwar ir-riskju sistemiku ta’ 1 fil-mija applikata mill-Eesti Pank skont l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE għall-iskoperturi domestiċi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Estonja.

    (4)

    B’risposta għad-deċiżjoni tal-Eesti Pank tas-6 ta’ April 2020 biex jitnaqqas il-livell tar-riżerva dwar ir-riskju sistemiku għal 0 fil-mija, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2020, il-Bord Ġenerali tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) iddeċieda li jeskludi l-miżura Estonjana mil-lista ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali li huma rrakkomandati li jiġu rreċiprokati taħt ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2.

    (5)

    Għalhekk, ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    EMENDI

    Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 hija emendata kif ġej:

    1.

    Fit-Taqsima 1, is-subrakkomandazzjoni C(1) hija ssostitwita b’dan li ġej:

    “1.

    L-awtoritajiet rilevanti huma rrakkomandati li jirreċiprokaw il-miżuri tal-politika makroprudenzjali adottati minn awtoritajiet rilevanti oħrajn u rrakkomandati għal reċiprokazzjoni mill-BERS. Huwa rrakkomandat li l-miżuri li ġejjin, kif deskritt aktar fl-Anness, jiġu rreċiprokati:

     

    Il-Finlandja

    limitu minimu ta’ 15 fil-mija għall-piż tar-riskju medju fuq self ipotekarju residenzjali ggarantit minn ipoteka fuq unitajiet domestiċi fil-Finlandja applikat b’konformità mal-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Finlandja, li jużaw l-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni (approċċ IRB) għall-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kapital regolatorju;

     

    Il-Belġju:

    suppliment għall-piż tar-riskju għall-iskoperturi fil-livell tal-konsumatur iggarantit minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju, applikata skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 lil istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Belġju bl-użu tal-Approċċ IRB għall-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kapital regolatorju u magħmul minn:

    (a)

    suppliment fiss ta’ piż għar-riskju ta’ 5 punti perċentwali; u

    (b)

    suppliment għall-piż tar-riskju proporzjonat li jikkonsisti minn 33 fil-mija tal-medja ponderata skont l-iskopertura tal-piż tar-riskju applikat għall-portafoll ta’ skoperturi fil-livell tal-konsumatur iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju;

     

    Franza:

    issikkar tal-limitu ta’ skopertura kbira pprovdut fl-Artikolu 395(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, applikabbli għall-iskoperturi għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji kbar b’dejn kbir li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza għal 5 fil-mija tal-kapital eliġibbli, applikat skont l-Artikolu 458(2)(d)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal istituzzjonijiet sistemikament importanti globali (G-SIIs) u istituzzjonijiet sistemikament importanti oħrajn (O-SIIs) fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju tagħhom;

     

    L-Iżvezja:

    limitu minimu speċifiku għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ 25 fil-mija għall-medja ponderata għall-iskopertura tal-piżijiet tar-riskju applikati għall-portafoll ta’ skoperturi fil-livell tal-konsumatur lil obbliganti li jirrisjedu fl-Iżvezja ggarantiti minn proprjetà immobbli skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fl-Iżvezja li jużaw l-Approċċ IRB għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kapital regolatorju.”;

    2.

    L-Anness huwa ssostitwit bl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Ġunju 2020.

    Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

    f’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS

    Francesco MAZZAFERRO


    (1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

    (2)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

    (3)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

    (4)  Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-15 ta’ Diċembru 2015 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C 97, 12.3.2016, p. 9).

    (5)  Rakkomandazzjoni BERS/2016/4 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-24 ta’ Ġunju 2016 li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C 290, 10.8.2016, p. 1).


    ANNESS

    L-Anness għar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “ANNESS

    Il-Finlandja

    Livell minimu ta’ 15 % speċifikament għal istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-piż tar-riskju medju fuq self iggarantit minn ipoteka fuq unitajiet domestiċi fil-Finlandja applikabbli għal istituzzjonijiet ta’ kreditu billi jintuża l-Approċċ Ibbażat fuq il-Klassifikazzjonijiet Interni (IRB) (minn hawn ’il quddiem ‘istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB’) skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    I.   Deskrizzjoni tal-miżura

    1.

    Il-miżura Finlandiża, applikata b’konformità mal-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, tikkonsisti minn livell minimu ta’ 15 fil-mija speċifikament għal istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-piż tar-riskju medju ta’ 15 fil-mija għal istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB, fil-livell ta’ portafoll, għal self ipotekarju residenzjali ggarantit minn unitajiet domestiċi fil-Finlandja.

    II.   Reċiprokazzjoni

    2.

    B’konformità mal-Artikolu 458(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati li jirreċiprokaw il-miżura Finlandiża u li japplikawha għall-portafolji tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB ta’ self ipotekarju fil-livell tal-konsumatur iggarantit minn unitajiet domestiċi fil-Finlandja, maħruġ minn friegħi domestiċi awtorizzati li jinsabu fil-Finlandja. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, tapplika l-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

    3.

    Huwa rrakkomandat ukoll li l-awtoritajiet rilevanti jirreċiprokaw il-miżura Finlandiża u japplikawha għall-portafollji tal-istituti ta’ kreditu IRB ta’ self ipotekarju fil-livell tal-konsumatur iggarantit minn unitajiet domestiċi fil-Finlandja, maħruġ direttament b’mod transkonfinali minn istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, tapplika l-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

    4.

    Skont is-subrakkomandazzjoni C(2), huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, miżura ta’ politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom li jkollha l-effett l-aktar ekwivalenti għall-miżura fuq msemmija għar-reċiprokazzjoni, inkluża l-adozzjoni ta’ miżuri u setgħat superviżorji stipulati fit-Titolu VII, Kapitolu 2, Taqsima IV tad-Direttiva 2013/36/UE. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jadottaw il-miżura ekwivalenti fi żmien erba’ xhur.

    III.   Livell limitu ta’ materjalità

    5.

    Il-miżura hija kkumplimentata minn livell limitu ta’ materjalità ta’ skopertura ta’ EUR 1 biljun lis-suq tas-self ipotekarju residenzjali fil-FInlandja sabiex tiggwida l-applikazzjoni potezjali tal-prinċipju de minimis mill-Istati Membri reċiprokanti.

    6.

    B’mod konformi mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jeżentaw lil istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB individwali b’portafolji mhux materjali ta’ self ipotekarju fil-livell tal-konsumatur iggarantit minn unitajiet domestiċi fil-Finlandja li huma taħt il-livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 1 biljun. F’dan il-każ l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkomandat li jirreċiprokaw fejn istituzzjoni ta’ kreditu IRB teċċedi l-livell limitu ta’ EUR 1 biljun.

    7.

    Fejn ma hemmx istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB awtorizzati fi Stati Membri kkonċernati oħrajn b’friegħi li jinsabu fil-Finlandja jew li jipprovdu servizzi finanzjarji direttament fil-Finlandja li għandhom skoperturi ta’ EUR 1 biljun jew aktar għas-suq ipotekarju Finlandiż, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu jiddeċiedu li ma jirreċiprokawx kif stipulat fit-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2. F’dan il-każ l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkomandat li jirreċiprokaw fejn istituzzjoni ta’ kreditu IRB teċċedi l-livell limitu ta’ EUR 1 biljun.

    Il-Belġju

    Suppliment għall-piż tar-riskju għall-iskoperturi fil-livell tal-konsumatur iggarantit minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju, impost fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Belġju, li jużaw l-Approċċ IRB u applikat b’konformità mal-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Is-suppliment huwa magħmul minn żewġ komponenti:

    (a)

    suppliment fiss ta’ piż għar-riskju ta’ 5 punti perċentwali; u

    (b)

    suppliment għall-piż tar-riskju proporzjonat li jikkonsisti minn 33 fil-mija tal-medja ponderata skont l-iskopertura tal-piż tar-riskju applikat għall-portafoll ta’ skoperturi fil-livell tal-konsumatur iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju;

    I.   Deskrizzjoni tal-miżura

    1.

    Il-miżura Belġjana, applikata skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u imposta fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Belġju li jużaw l-Approċċ IRB, tikkonsisti f’suppliment għall-piż tar-riskju għall-iskoperturi fil-livell tal-konsumatur iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju, li huwa magħmul minn żewġ komponenti:

    (a)

    L-ewwel komponent jikkonsisti f’suppliment ta’ 5 punti perċentwali għall-piż tar-riskju għall-iskoperturi fil-livell tal-konsumatur iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju miksuba wara l-komputazzjoni tat-tieni parti tas-suppliment għall-piż tar-riskju skont il-punt (b).

    (b)

    It-tieni komponent jikkonsisti f’ suppliment għall-piż tar-riskju ta’ 33 fil-mija tal-medja ponderata tal-iskopertura tal-piżijiet tar-riskju applikati għall-portafoll ta’ skoperturi fil-livell tal-konsumatur iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju. Il-medja ponderata skont l-iskopertura hija l-medja tal-ponderazzjonijiet tar-riskju tas-self individwali kkalkulata skont l-Artikolu 154 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ponderata mill-valur tal-iskopertura rilevanti.

    II.   Reċiprokazzjoni

    2.

    Skont l-Artikolu 458(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jirreċiprokaw il-miżura Belġjana billi japplikawha għal friegħi li jinsabu fil-Belġju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati domestikament bl-użu tal-Approċċ IRB fiż-żmien speċifikat fis-subrakkomandazzjoni C(3).

    3.

    Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jirreċiprokaw il-miżura Belġjana billi japplikawha għal istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati domestikament bl-użu tal-Approċċ IRB li għandu skoperturi diretti fil-livell tal-konsumatur iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju. Skont is-subrakkomandazzjoni C(2), huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw l-istess miżura bħal dik li ġiet implimentata fil-Belġju mill-awtorità attivanti fl-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

    4.

    Jekk l-istess miżura ta’ politika makroprudenzjali ma hijiex disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, miżura ta’ politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom li jkollha l-aktar effett ekwivalenti għar-reċiprokazzjoni msemmija hawn fuq, inkluż l-adozzjoni ta’ miżuri u setgħat superviżorji stipulati fit-Titolu VII, Kapitolu 2, Taqsima IV tad-Direttiva 2013/36/UE. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jadottaw il-miżura ekwivalenti sa mhux aktar tard minn erba’ xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    III.   Livell limitu ta’ materjalità

    5.

    Il-miżura hija kkumplimentata minn livell limitu ta’ materjalità speċifiku għall-istituzzjoni ta’ EUR 2 biljun biex tidderieġi l-applikazzjoni potenzjali tal-prinċipju de minimis mill-awtoritajiet rilevanti li jirreċiprokaw il-miżura.

    6.

    B’mod konformi mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jeżentaw lil istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali awtorizzati domestikament bl-użu tal-Approċċ IRB li jkollhom skoperturi fil-livell tal-konsumatur iggarantiti minn unitajiet domestiċi fil-Belġju li huma taħt il-livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 2 biljun. Meta japplikaw il-livell limitu tal-materjalità, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkomandat li japplikaw il-miżura Belġjana għal istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali awtorizzati domestikament li qabel kienu eżentati meta jeċċedu l-livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 2 biljun.

    7.

    Fejn m’hemm l-ebda istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata fl-Istati Membri kkonċernati ma’ friegħi li jinsabu fil-Belġju jew li għandhom skoperturi diretti għall-bejgħ fil-livell tal-konsumatur iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali fil-Belġju, li jużaw l-Approċċ IRB u li għandhom skoperturi ta’ EUR 2 biljun jew iktar lil suq tal-proprjetà immobbli residenzjali Belġjan, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu, skont it-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, jiddeċiedu li ma jirreċiprokawx il-miżura Belġjana. F’dan il-każ, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkommandat li jirreċiprokaw il-miżura Belġjana meta istituzzjoni ta’ kreditu li tuża l-Approċċ IRB teċċedi l-livell limitu ta’ EUR 2 biljun.

    8.

    F’konformità mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, il-livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 2 biljun huwa l-massimu rakkomandat tal-livell limitu. L-awtoritajiet rilevanti reċiprokanti jistgħu għalhekk jistabbilixxu livell limitu aktar baxx minflok japplikaw il-livell limitu rakkomandat għall-ġurisdizzjonijiet tagħhom fejn xieraq, jew jirreċiprokaw il-miżura mingħajr ebda livell limitu ta’ materjalità.

    Franza

    Tnaqqis tal-limitu ta’ skopertura kbira pprovdut fl-Artikolu 395(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, applikabbli għall-iskoperturi għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji kbar b’dejn kbir li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza għal 5 fil-mija tal-kapital eliġibbli, applikat skont l-Artikolu 458(2)(d)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal istituzzjonijiet sistemikament importanti globali (G-SIIs) u istituzzjonijiet sistemikament importanti oħrajn (O-SIIs) fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju tagħhom.

    I.   Deskrizzjoni tal-miżura

    1.

    Il-miżura Franċiża, applikata skont l-Artikolu 458(2)(d)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u imposta fuq il-G-SIIs u l-O-SIIs fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju tagħhom (mhux f’livell subkonsolidat), tikkonsisti fi tnaqqis tal-limitu ta’ skopertura kbira għal 5 fil-mija tal-kapital eliġibbli tagħhom, applikabbli għal skoperturi għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji kbar b’dejn kbir li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza.

    2.

    Korporazzjoni mhux finanzjarja hija ddefinita bħala persuna fiżika jew ġuridika taħt id-dritt privat li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Franza, u li, fil-livell tagħha u fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni, tappartjeni għas-settur tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji kif iddefinit fil-punt 2.45 tal-Anness A għar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*).

    (*) Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

    3.

    Il-miżura tapplika għal skoperturi għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza u għal skoperturi għal gruppi ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji konnessi kif ġej:

    (a)

    Għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji li huma parti minn grupp ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji konnessi li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi Franza, il-miżura tapplika għat-total tal-iskoperturi netti lejn il-grupp u l-entitajiet konnessi kollha tiegħu fit-tifsira tal-punt (39) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

    (b)

    Għall-korporazzjonijiet mhux finanzjarji li huma parti minn grupp ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji konnessi li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni barra minn Franza, il-miżura tapplika għat-total ta’:

    (i)

    l-iskoperturi għal dawk il-korporazzjonijiet mhux finanzjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza;

    (ii)

    l-iskoperturi għall-entitajiet fi Franza jew barra mill-pajjiż li fuqhom il-korporazzjonijiet mhux finanzjarji msemmija f’(i) għandhom kontroll dirett jew indirett skont it-tifsira tal-punt (39) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; u

    (iii)

    l-iskoperturi għall-entitajiet fi Franza jew barra mill-pajjiż li huma ekonomikament dipendenti fuq il-korporazzjonijiet mhux finanzjarji msemmija f’(i) skont it-tifsira tal-punt (39) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    Għaldaqstant, korporazzjonijiet mhux finanzjarji li m’għandhomx l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza u li mhumiex sussidjarji jew entitajiet ekonomikament dipendenti fuq, u li mhumiex ikkontrollati direttament jew indirettament minn, korporazzjoni mhux finanzjarja li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Franza, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura.

    Skont l-Artikolu 395(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-miżura hija applikabbli wara li jiġi kkunsidrat l-effett tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskji ta’ kreditu u tal-eżenzjonijiet skont l-Artikoli 399 sa 403 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    4.

    G-SII jew O-SII għandha tikkunsidra korporazzjoni mhux finanzjarja li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Franza bħala kbira jekk l-iskopertura oriġinali tagħha għall-korporazzjoni mhux finanzjarja, jew għall-grupp ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji konnessi fit-tifsira tal-paragrafu 3, hija ta’ EUR 300 miljun jew aktar. Il-valur tal-iskopertura oriġinali huwa kkalkulat skont l-Artikoli 389 u 390 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 qabel jitqies l-effett tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskji ta’ kreditu u tal-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikoli 399 sa 403 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif irrappurtat skont l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014(**)”.

    (**) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta’ istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1.).

    5.

    Korporazzjoni mhux finanzjarja titqies li għandha dejn kbir jekk ikollha proporzjon ta’ ingranaġġ li jkun akbar minn 100 fil-mija u proporzjon ta’ kopertura tal-imposti finanzjarji taħt tlieta, ikkalkulati fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-grupp kif ġej:

    (a)

    Il-proporzjon ta’ ingranaġġ huwa l-proporzjon bejn id-dejn totali nett mill-flus kontanti u l-ekwità; u

    (b)

    Il-proporzjon ta’ kopertura tal-imposti finanzjarji huwa l-proporzjon bejn, minn naħa, il-valur miżjud flimkien mas-sussidji operattivi wara li jitnaqqsu: (i) is-salarji; (ii) it-taxxi u d-dazji operattivi; (iii) l-ispejjeż operattivi ordinarji netti oħrajn eskluż l-imgħax nett u imposti simili; u (iv) id-deprezzament u l-amortizzazzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-imgħax u imposti simili.

    Il-proporzjonijiet huma kkalkulati abbażi ta’ aggregati tal-kontabilità ddefiniti skont l-istandards applikabbli, kif ippreżentati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-korporazzjoni mhux finanzjarja, iċċertifikati fejn xieraq minn accountant bil-liċenzja.

    II.   Reċiprokazzjoni

    6.

    Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jirreċiprokaw il-miżura Franċiża billi japplikawha għall-G-SIIs u l-O-SIIs awtorizzati domestikament fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fil-ġurisdizzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju tagħhom.

    7.

    Jekk l-istess miżura ta’ politika makroprudenzjali mhijiex disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom, f’konformità mas-subrakkomandazzjoni C(2), huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, miżura ta’ politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom li għandha l-aktar effett ekwivalenti għall-miżura msemmija hawn fuq rakkomandata għar-reċiprokazzjoni. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jadottaw il-miżura ekwivalenti mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    III.   Livell limitu ta’ materjalità

    8.

    Il-miżura hija kkomplementata minn livell limitu ta’ materjalità kombinat sabiex jiggwida l-applikazzjoni potenzjali tal-prinċipju de minimis mill-awtoritajiet rilevanti li jirreċiprokaw il-miżura, li hija komposta minn:

    (a)

    Livell limitu ta’ EUR 2 biljun għall-iskoperturi oriġinali totali ta’ G-SIIs u O-SIIs awtorizzati domestikament fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju għas-settur Franċiż ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji;

    (b)

    Livell limitu ta’ EUR 300 miljun applikabbli għal G-SIIs u O-SIIs awtorizzati domestikament li huwa ugwali għal jew jaqbeż il-livell limitu msemmi f’(a) għal:

    (i)

    skopertura oriġinali waħda għal korporazzjoni mhux finanzjarja li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Franza;

    (ii)

    it-total ta’ skoperturi oriġinali għal grupp ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji, li għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi Franza, ikkalkulat skont il-paragrafu 3(a);

    (iii)

    it-total tal-iskoperturi oriġinali għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza li huma parti minn grupp ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji konnessi li għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fi Franza kif irrappurtat fil-mudelli C 28.00 u C 29.00 tal-Anness VIII għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014;

    (c)

    Livell limitu ta’ 5 fil-mija tal-kapital eliġibbli tal-G-SII jew tal-O-SII fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni, għal skoperturi identifikati f’(b) wara li jiġi kkunsidrat l-effett tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskji ta’ kreditu u l-eżenzjonijiet skont l-Artikoli 399 sa 403 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    Il-livelli limiti msemmija fil-paragrafi (b) u (c) għandhom ikunu applikati irrispettivament minn jekk l-entità rilevanti jew il-korporazzjoni mhux finanzjarja għandhiex dejn kbir jew le.

    Il-valur tal-iskopertura oriġinali msemmi fil-paragrafi (a) u (b) għandu jiġi kkalkulat skont l-Artikoli 389 u 390 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 qabel jitqies l-effett tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskji ta’ kreditu u l-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikoli 399 sa 403 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif irrappurtat skont l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014.

    9.

    B’mod konformi mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jeżentaw lill-G-SIIs jew l-O-SIIs awtorizzati domestikament fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju li ma jiksrux il-livell limitu ta’ materjalità kkombinat imsemmi fil-paragrafu 8. Meta japplikaw il-livell limitu ta’ materjalità, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi ta’ G-SIIs u O-SIIs awtorizzati domestikament għas-settur Franċiż tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji kif ukoll il-konċentrazzjoni ta’ skopertura ta’ G-SIIs u O-SIIs awtorizzati domestikament għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji kbar li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza, u huwa rrakkomandat li japplikaw il-miżura Franċiża għal G-SIIs jew O-SIIs awtorizzati domestikament li kienu eżentati qabel fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju tagħhom meta l-livell limitu ta’ materjalità kkombinat imsemmi fil-paragrafu 8 jinkiser. L-awtoritajiet rilevanti huma mħeġġa wkoll jissenjalaw ir-riskji sistemiċi assoċjati mal-ingranaġġ miżjud ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza lil parteċipanti tas-suq oħrajn fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

    10.

    Fejn ma jkunx hemm G-SIIs jew O-SIIs fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju tagħhom awtorizzati fl-Istati Membri kkonċernati u li għandhom skoperturi għas-settur Franċiż tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji ogħla mil-livell limitu ta’ materjalità msemmi fil-paragrafu 8, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu, skont it-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, jiddeċiedu li ma jirreċiprokawx il-miżura Franċiża. F’dan il-każ l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskopertura ta’ G-SIIs u O-SIIs awtorizzati domestikament għas-settur Franċiż ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji kif ukoll il-konċentrazzjoni tal-iskopertura ta’ G-SIIs u O-SIIs awtorizzati domestikament għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza, u huwa rrakkomandat li jirreċiprokaw il-miżura Franċiża meta G-SII jew O-SII fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju tagħha teċċedi l-livell limitu ta’ materjalità kkombinat imsemmi fil-paragrafu 8. L-awtoritajiet rilevanti huma mħeġġa wkoll jissenjalaw ir-riskji sistemiċi assoċjati mal-ingranaġġ miżjud ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza lil parteċipanti tas-suq oħrajn fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

    11.

    F’konformità mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, il-livell limitu ta’ materjalità kkombinat imsemmi fil-paragrafu 8 huwa livell limitu massimu rakkomandat. L-awtoritajiet rilevanti reċiprokanti jistgħu għalhekk jistabbilixxu livell limitu aktar baxx minflok japplikaw il-livell limitu rakkomandat għall-ġurisdizzjonijiet tagħhom fejn xieraq, jew jirreċiprokaw il-miżura mingħajr ebda livell limitu ta’ materjalità.

    L-Iżvezja:

    Limitu minimu speċifiku għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ 25 fil-mija għall-medja ponderata għall-iskopertura tal-piżijiet tar-riskju applikati għall-portafoll ta’ skoperturi fil-livell tal-konsumatur lil obbliganti li jirrisjedu fl-Iżvezja ggarantiti minn proprjetà immobbli skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fl-Iżvezja li jużaw l-Approċċ IRB għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kapital regolatorju.

    I.   Deskrizzjoni tal-miżura

    1.

    Il-miżura Żvediża, applikata skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u imposta fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fl-Iżvezja li jużaw l-Approċċ IRB, tikkonsisti f’limitu minimu speċifiku għall-istituzzjonijiet ta’ 25 fil-mija għall-medja ponderata skont l-iskopertura tal-piż tar-riskju applikat għall-portafoll ta’ skoperturi fil-livell tal-konsumatur għall-obbliganti li jirrisjedu fl-Iżvezja ggarantiti minn proprjetà immobbli.

    2.

    Il-medja ponderata skont l-iskopertura hija l-medja tal-ponderazzjonijiet tar-riskju tal-iskoperturi individwali kkalkulata skont l-Artikolu 154 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ponderata mill-valur tal-iskopertura rilevanti.

    II.   Reċiprokazzjoni

    3.

    Skont l-Artikolu 458(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jirreċiprokaw il-miżura Żvediża billi japplikawha għall-friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati domestikament li jinsabu fl-Iżvezja li jużaw l-Approċċ IRB fl-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

    4.

    Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jirreċiprokaw il-miżura Żvediża billi japplikawha għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati domestikament li jużaw l-Approċċ IRB li għandhom skoperturi fil-livell tal-konsumatur diretti għal obbliganti li jirrisjedu fl-Iżvezja ggarantiti minn proprjetà immobbli. Skont is-subrakkomandazzjoni C(2), huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw l-istess miżura bħal dik li ġiet implimentata fl-Iżvezja mill-awtorità attivanti fl-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

    5.

    Jekk l-istess miżura ta’ politika makroprudenzjali ma tkunx disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, miżura ta’ politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom li għandha l-aktar effett ekwivalenti għall-miżura msemmija hawn fuq rakkomandata għar-reċiprokazzjoni. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jadottaw il-miżura ekwivalenti sa mhux aktar tard minn erba’ xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    III.   Livell limitu ta’ materjalità

    6.

    Il-miżura hija kkumplimentata minn limitu ta’ materjalità speċifiku għall-istituzzjoni ta’ EUR 5 biljun biex tidderieġi l-applikazzjoni potenzjali tal-prinċipju de minimis mill-awtoritajiet rilevanti li jirreċiprokaw il-miżura.

    7.

    B’mod konformi mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jeżentaw lil istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali awtorizzati domestikament li jużaw l-Approċċ IRB li għandhom skoperturi mhux materjali fil-livell tal-konsumatur għal obbliganti li jirrisjedu fl-Iżvezja ggarantiti minn proprjetà immobbli li huma taħt il-livell limitu ta’ materjalità ta’ SEK 5 biljun. Meta japplikaw il-livell limitu tal-materjalità, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkomandat li japplikaw il-miżura Żvediża għal istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali awtorizzati domestikament li qabel kienu eżentati meta jeċċedu l-livell limitu ta’ materjalità ta’ SEK 5 biljun.

    8.

    Fejn ma hemmx istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fl-Istati Membri kkonċernati bi friegħi li jinsabu fl-Iżvezja jew li għandhom skoperturi diretti fil-livell tal-konsumatur għal obbliganti li jirrisjedu fl-Iżvezja, iggarantiti minn proprjetà immobbli, li jużaw l-Approċċ IRB u li għandhom skoperturi fil-livell tal-konsumatur ta’ SEK 5 biljun jew aktar għal obbliganti li jirrisjedu fl-Iżvezja, iggarantiti minn proprjetà immobbli, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu, skont it-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, jiddeċiedu li ma jirreċiprokawx il-miżura Żvediża. F’dan il-każ, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkommandat lilhom li jirreċiprokaw il-miżura Żvediża meta istituzzjoni ta’ kreditu li tuża l-Approċċ IRB teċċedi l-livell limitu ta’ SEK 5 biljun.

    9.

    F’konformità mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, il-limitu ta’ materjalità ta’ SEK 5 biljun huwa l-massimu tal-livell minimu rrakkomandat. L-awtoritajiet rilevanti reċiprokanti jistgħu għalhekk jistabbilixxu livell limitu aktar baxx minflok japplikaw il-livell limitu rakkomandat għall-ġurisdizzjonijiet tagħhom fejn xieraq, jew jirreċiprokaw il-miżura mingħajr ebda livell limitu ta’ materjalità.

    Top