EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1564

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1564 tas-6 ta’ Awwissu 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2018/985 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19

C/2020/5473

ĠU L 358, 28.10.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1564/oj

28.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 358/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1564

tas-6 ta’ Awwissu 2020

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2018/985 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, il-magni mgħammra f’vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija jsegwu l-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti tal-Istadju V u d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

B’riżultat tat-tfixkil ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, ir-Regolament (UE) 2020/1040 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) estenda l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fir-Regolament (UE) 2016/1628 bi 12-il xahar għal ċerti subkategoriji ta’ magni.

(3)

Għalhekk, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/985 (4) li jistabbilixxi r-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet u l-proċeduri dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija kif ukoll għall-magni tagħhom, jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(4)

Barra minn hekk, minħabba li l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali mhux se jkollha impatt ambjentali, peress li l-magni ta’ tranżizzjoni kkonċernati diġà ġew prodotti, flimkien mal-fatt li hu diffiċli li tiġi mbassra d-durata eżatta tad-dewmien ikkawżat mit-tfixkil tal-COVID-19, l-estensjoni tal-perjodi rilevanti jenħtieġ li tkun ta’ 12-il xahar kif previst mir-Regolament (UE) 2020/1040.

(5)

Minħabba l-fatt li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 13(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/985 għal ċerti magni se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2020 u li l-manifatturi kellhom sat-30 ta’ Ġunju 2020 biex jipproduċu vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija mgħammra b’magni ta’ tranżizzjoni għal dawk is-subkategoriji, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Lulju 2020. Din id-dispożizzjoni hija ġġustifikata min-natura mhux prevedibbli u għall-għarrieda tat-tifqigħa tal-COVID-19 kif ukoll mill-ħtieġa li jiġu żgurati ċ-ċertezza tad-dritt u t-trattament indaqs tal-manifatturi irrispettivament minn jekk jipproduċux il-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/985, il-paragrafu 5 hu emendat kif ġej:

(1)

fit-tielet subparagrafu, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-magni tas-subkategoriji tal-kategorija NRE li għalihom id-data obbligatorja ta’ applikazzjoni stabbilita fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq hija l-1 ta’ Jannar 2020, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-estensjoni bi 12-il xahar ieħor tal-perjodu ta’ 24 xahar u tal-perjodu ta’ 18-il xahar imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, għall-manifatturi tal-vetturi bi produzzjoni annwali totali ta’ inqas minn 100 unità ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija mgħammra b’magna.”;

(2)

jiżdied ir-raba’ subparagrafu li ġej:

“Għall-magni tas-subkategoriji kollha li għalihom id-data obbligatorja ta’ applikazzjoni stabbilità fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq hija l-1 ta’ Jannar 2019, il-perjodu ta’ 24 xahar u l-perjodu ta’ 18-il xahar imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi għandhom jiġu estiżi bi 12-il xahar.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2020/1040 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 231, 17.7.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/985 tat-12 ta’ Frar 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali u tal-unità tal-propulsjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u l-magni tagħhom u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 (ĠU L 182, 18.7.2018, p. 1).


Top