Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1083

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1083 tal-14 ta’ Mejju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/517 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla u l-proċedura għall-ħatra tar-Reġistru tal-isem tad-dominju tal-ogħla livell.eu (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/3075

    ĠU L 239, 24.7.2020, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1083/oj

    24.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 239/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1083

    tal-14 ta’ Mejju 2020

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/517 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla u l-proċedura għall-ħatra tar-Reġistru tal-isem tad-dominju tal-ogħla livell.eu

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/517 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem ta’ dominju tal-ogħla livell.eu u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Dan ir-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi l-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla u l-proċedura għall-ħatra tar-Reġistru fdat bl-organizzazzjoni, bl-amministrazzjoni u bil-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell.eu.

    (2)

    Ir-reġistru jenħtieġ jintgħażel skont proċedura tal-għażla miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja li tippermetti proċess tal-għażla ġust u kompetittiv. Għal dan il-għan, u biex jinkiseb l-akbar għadd possibbli ta’ kandidati xierqa, is-sejħa għall-applikazzjonijiet jenħtieġ tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (3)

    Il-proċedura tal-għażla jenħtieġ torganizzaha l-Kummissjoni f’żewġ fażijiet, biex tkun żgurata t-trasparenza tal-proċess u użu effiċjenti tar-riżorsi.

    (4)

    Tul l-ewwel fażi tal-proċedura, il-Kummissjoni jenħtieġ tivverifika l-eliġibbiltà tal-applikanti, biex ikun żgurat li dawn jikkonformaw mal-karatteristiċi minimi tar-Reġistru kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/517.

    (5)

    Tul it-tieni fażi tal-proċedura, il-Kummissjoni jenħtieġ tistabbilixxi l-klassifika tal-applikanti eliġibbli skont kriterji li jiżguraw li l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell.eu hu konformi mal-objettivi li jkun jappoġġa s-suq uniku diġitali, li jkun imsejjes fuq l-identità Ewropea online u li jkun iħeġġeġ attivitajiet online transfruntieri. Biex ikun żgurat li jintlaħqu dawn l-objettivi, fil-proċedura tal-għażla l-Kummissjoni jenħtieġ tagħti piż xieraq lill-kwalità tas-servizz, lir-riżorsi umani u tekniċi allokati u lill-qagħda finanzjarja tal-applikanti.

    (6)

    Biex tkun żgurata superviżjoni xierqa u fil-ħin tal-funzjonijiet ewlenin tar-Reġistru, l-infrastruttura meħtieġa biex jitwettqu dawn il-funzjonijiet jenħtieġ tkun tinsab fl-Unjoni. Din l-infrastruttura jenħtieġ tkun tinkludi, fost l-oħrajn, is-software, il-hardware u faċilitajiet oħra meħtieġa għall-amministrazzjoni, għall-funzjonament u għall-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell. eu, bħall-bażi tad-data għal data tar-reġistrazzjoni tat-TLD.eu, il-bażi tad-data għar-reġistraturi akkreditati tat-TLD.eu, is-server awtoritattiv għat-TLD.eu, il-kustodja tad-data tal-parti terza għall-fajl taż-żona tat-TLD.eu u għall-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju, is-sistema tas-servizzi tal-mistoqsijiet tal-pubbliku, u s-sit web b’politika aġġornata u informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni għat-TLD.eu.

    (7)

    Biex ikun żgurat livell xieraq ta’ ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell.eu, is-sejħa għall-applikazzjonijiet li tippubblika l-Kummissjoni jenħtieġ tistabbilixxi punteġġ minimu li jridu jilħqu l-applikanti skont il-kriterji tal-għażla, biex ikunu jistgħu jinħatru bħala Reġistru.

    (8)

    Biex tkun żgurata t-trasparenza tal-proċedura, il-Kummissjoni jenħtieġ tipprovdi raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha li jenħtieġ jiġu kkomunikati lill-applikanti.

    (9)

    Jenħtieġ li l-applikant li abbażi tal-punteġġ tal-evalwazzjoni jkun fuq nett fil-klassifika, jinħatar bħala r-Reġistru. Jekk il-kuntratt mar-Reġistru maħtur ma jiġix konkluż, il-Kummissjoni jenħtieġ tkun tista’ taħtar lill-applikant li jmiss fil-klassifika bħala r-Reġistru.

    (10)

    Biex tkun tista’ ssir proċedura tal-għażla ġusta u kompetittiva għar-Reġistru, li trid tiġi konkluża sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Ottubru 2021 bl-iffirmar tal-kuntratt, dan ir-Regolament jenħtieġ jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Is-suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla u l-proċedura għall-ħatra tar-Reġistru tad-dominju tal-ogħla livell.eu, skont il-prinċipji tal-ftuħ, tat-trasparenza u tan-nondiskriminazzjoni.

    Artikolu 2

    Il-kriterji tal-eliġibbiltà

    1.   Ir-Reġistru għandu jkun organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, iffurmata skont il-liġi ta’ Stat Membru. Għandu jkollu l-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju tiegħu fit-territorju tal-Unjoni.

    2.   L-infrastruttura meħtieġa biex jitwettqu l-funzjonijiet ewlenin tar-Reġistru ewlieni kif previst fl-Artikolu 5(2) għandha tkun fit-territorju tal-Unjoni.

    3.   Meta konsorzju ta’ entitajiet jew grupp ta’ kuntratturi jkun jistabbilixxi l-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, kull entità li tifforma parti mill-konsorzju jew mill-grupp għandu jkollha l-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju tagħha fl-Unjoni.

    4.   Ir-Reġistru għandu jintrabat li jwettaq il-kompiti tiegħu bħala kuntrattur ewlieni. Is-subkuntrattar hu permess esklużivament meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-ħidma u bi ftehim bil-miktub minn qabel mill-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    Applikazzjonijiet

    1.   L-applikazzjoni għandha tidentifika b’mod ċar l-Istati Membri fejn tkun irreġistrata l-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ u għandha tipprovdi informazzjoni sħiħa dwar il-post tal-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju tagħha.

    2.   Jekk l-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ tiġi stabbilita minn konsorzju ta’ entitajiet jew minn grupp ta’ kuntratturi, l-applikazzjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar ir-rwoli differenti u l-istatus ta’ kull membru tal-konsorzju jew tal-grupp, inkluż l-informazzjoni kollha li jeżiġi l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    3.   Jekk entità waħda jew aktar li jiffurmaw parti mill-konsorzju jew mill-grupp tkun entità bi skop ta’ qligħ, l-applikazzjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri li se jieħu l-konsorzju jew il-grupp biex jiżgura s-separazzjoni legali u finanzjarja ta’ kull attività bi skop ta’ profitt mill-attivitajiet fil-funzjoni tar-Reġistru.

    4.   L-applikazzjoni għandha tipprovdi deskrizzjoni tal-organizzazzjoni interna tal-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ u magħha għandhom jinhemżu d-dokumenti ġustifikattivi kollha kif titlob is-sejħa għall-applikazzjonijiet biex jintgħażel ir-Reġistru.

    Artikolu 4

    Il-kwalità tas-servizz

    1.   Ir-Reġistru għandu jħabrek għall-eċċellenza operazzjonali u jiżgura kwalità għolja tas-servizz bi prezzijiet kompetittivi. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kapaċità li l-applikanti eliġibbli jipprovdu l-kwalità meħtieġa tas-servizz. Dan il-kriterju għandu jkollu piż ta’ 40 % tal-punteġġ totali tal-valutazzjoni.

    2.   L-applikanti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-esperjenza tagħhom fl-oqsma relatati mal-organizzazzjoni, mal-amministrazzjoni u mal-ġestjoni tal-ismijiet tad-dominju.

    3.   L-applikanti għandhom jiddeskrivu kif beħsiebhom jimmaniġġjaw id-dominju tal-ogħla livell.eu b’mod li jiżgura livell għoli ta’ kwalità tas-servizzi mogħtija, filwaqt li jqisu l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tal-prestazzjoni minimi għas-servizzi tar-reġistru tad-dominji tal-ogħla livell tal-kodiċi tal-pajjiżi stabbiliti mill-Korporazzjoni tal-Internet għall-Ismijiet u n-Numri Assenjati.

    4.   L-applikanti għandhom jiddeskrivu liema miżuri beħsiebhom jimplimentaw biex jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà u fiduċja fid-dominju tal-ogħla livell.eu.

    Artikolu 5

    Ir-riżorsi umani u tekniċi

    1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa r-riżorsi umani u tekniċi tal-applikant. Dan il-kriterju għandu jkollu piż ta’ 30 % tal-punteġġ totali tal-evalwazzjoni.

    2.   L-applikanti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar ir-riżorsi umani u tekniċi tagħhom u jiddeskrivu kif dawn ir-riżorsi huma biżżejjed biex iwettqu l-funzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell.eu, inkluż il-manutenzjoni tal-bażijiet tad-data korrispondenti u s-servizzi assoċjati tal-mistoqsijiet tal-pubbliku, ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju, it-tmexxija tar-Reġistru tal-ismijiet tad-dominju, it-tmexxija tas-servers tar-Reġistru tal-ismijiet tad-dominju tal-ogħla livell u l-ħolqien u l-ġestjoni ta’ fajls taż-żona tad-dominju tal-ogħla livell;

    (b)

    għoti tas-servizzi li jiżguraw il-kwalità għolja, it-trasparenza, is-sigurtà, l-istabbiltà, il-prevedibbiltà, l-affidabbiltà, l-aċċessibbiltà, l-effiċjenza, in-nondiskriminazzjoni, il-kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur.

    3.   Fl-applikazzjoni tagħhom, l-applikanti għandhom jiddeskrivu t-tip ta’ organizzazzjoni, amministrazzjoni u ġestjoni li beħsiebhom idaħħlu fis-seħħ biex jissodisfaw il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, inkluż dawn li ġejjin:

    (a)

    ir-riżorsi umani u s-sistemi meħtieġa;

    (b)

    is-software u l-hardware;

    (c)

    il-faċilitajiet meħtieġa għall-operazzjoni u l-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell.eu.

    4.   L-applikanti għandhom jiddeskrivu kif ir-riżorsi tagħhom, inkluż il-kapaċità umana u teknika, huma biżżejjed biex iwettqu l-funzjoni tar-reġistratur jekk il-Kummissjoni titlob li tattiva din il-funzjoni biex jintlaħqu objettivi speċifiċi ta’ politika. L-applikant għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dwar kif l-allokazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi biex titwettaq il-funzjoni tar-reġistratur hi konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2019/517.

    5.   L-applikanti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar kif beħsiebhom idaħħlu fis-seħħ l-istruttura organizzattiva u operazzjonali sħiħa biex ikunu jistgħu jibdew jiffunzjonaw bħala r-Reġistru mit-13 ta’ Ottubru 2022.

    Artikolu 6

    Il-qagħda finanzjarja u l-konformità

    1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-qagħda finanzjarja tal-applikanti eliġibbli. Dan il-kriterju għandu jkollu piż ta’ 30 % tal-punteġġ totali tal-evalwazzjoni.

    2.   L-applikanti għandhom:

    (a)

    juru livell ta’ sigurtà u stabbiltà finanzjarja li jkun adegwat biex jitwettqu l-kompiti tar-Reġistru;

    (b)

    jipprovdu informazzjoni sħiħa dwar ir-rekwiżiti tal-kostijiet u tal-kapital antiċipati għall-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell.eu, id-disponibbiltà tal-kapital u l-assigurazzjoni; jipprovdu mudell tal-introjtu, inkluż mudell tal-ipprezzar, analiżi tas-suq rilevanti, pjan tal-kummerċjalizzazzjoni, u dispożizzjonijiet dwar il-falliment tar-Reġistru;

    (c)

    jiddeskrivu kif se japplikaw il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba;

    (d)

    jipprovdu informazzjoni dwar it-tariffi li bi ħsiebhom japplikaw, u jiddeskrivu kif jiddeterminaw il-livelli tat-tariffi abbażi tal-kostijiet imġarrba.

    3.   L-applikanti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-awditjar estern li se jsirilhom biex juru l-konformità mar-Regolament (UE) 2019/517.

    Artikolu 7

    Il-proċedura tal-għażla

    1.   Il-Kummissjoni għandha torganizza proċedura tal-għażla miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja biex jintgħażel ir-Reġistru. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-applikanti għandu jkollhom mill-inqas 30 jum tax-xogħol biex iressqu l-applikazzjonijiet tagħhom.

    2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob konsulenza u għajnuna ta’ esperti esterni biex tanalizza u/jew tevalwa l-applikazzjonijiet. Dawn l-esperti esterni għandhom jintgħażlu skont il-kompetenzi u l-livell għoli ta’ indipendenza u imparzjalità tagħhom.

    Artikolu 8

    L-ewwel fażi tal-għażla — verifika tal-eliġibbiltà

    1.   L-applikanti għandhom iressqu l-applikazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni skont l-istruzzjonijiet stabbiliti fis-sejħa għall-applikazzjonijiet.

    2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-applikanti jipprovdu informazzjoni addizzjonali rigward l-issodisfar tal-kriterji tal-eliġibbiltà tul perjodu taż-żmien stipulat. Bħala parti mill-verifika tal-eliġibbiltà, il-Kummissjoni għandha tivvaluta:

    (a)

    jekk l-applikazzjoni tressqitx sad-data tal-iskadenza stabbilita fis-sejħa għall-applikazzjonijiet;

    (b)

    il-konformità mar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 2 u 3;

    (c)

    jekk l-applikazzjoni hix kompluta u, meta applikabbli, jekk l-applikant tax l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2.

    3.   Fi żmien 40 jum tax-xogħol mill-iskadenza tal-applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-eliġibbiltà tal-applikanti. Il-Kummissjoni għandha tagħti raġunijiet meta tkun iddeċidiet li applikant ma jissodisfax il-kriterji tal-eliġibbiltà. Għandha tikkomunika minnufih din id-deċiżjoni lil dak l-applikant.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-applikanti eliġibbli.

    Artikolu 9

    It-tieni fażi tal-għażla — l-ikklassifikar tal-applikanti eliġibbli u l-ħatra tar-Reġistru

    1.   Fi żmien 80 jum tax-xogħol wara l-pubblikazzjoni tal-lista tal-applikanti eliġibbli, il-Kummissjoni għandha tikklassifika l-applikanti eliġibbli li jkunu kisbu l-punteġġ minimu tal-evalwazzjoni identifikat fis-sejħa għall-applikazzjonijiet, abbażi tal-kriterji tal-għażla.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikanti eliġibbli bil-klassifika finali.

    3.   Il-Kummissjoni għandha taħtar lill-applikant li jkun fuq nett fil-klassifika bħala r-Reġistru. Għandha tippubblika d-deċiżjoni li taħtar ir-Reġistru f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 10

    Il-ħatra tar-Reġistru jekk il-kuntratt ma jiġix konkluż

    Meta n-negozjati tal-kuntratt bejn ir-Reġistru maħtur u l-Kummissjoni jintemmu mingħajr ma jiġi konkluż il-kuntratt, il-Kummissjoni għandha taħtar lill-applikant li jmiss fil-klassifika bħala r-Reġistru. Jekk dan ma jkunx possibbli, il-Kummissjoni għandha torganizza proċedura tal-għażla ġdida biex jintgħażel ir-Reġistru.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 91, 29.3.2019, p. 25.


    Top