Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1055

    Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq

    PE/26/2020/INIT

    ĠU L 249, 31.7.2020, p. 17–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1055/oj

    31.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 249/17


    REGOLAMENT (UE) 2020/1055 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta’ Lulju 2020

    li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    L-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009 (4) u (KE) Nru 1072/2009 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill uriet li r-regoli f’dawk ir-regolamenti joffru lok għal titjib f’għadd ta’ punti.

    (2)

    Sa issa, u sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor fil-liġi nazzjonali, ir-regoli dwar l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq ma japplikawx għall-impriżi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq bl-użu biss ta’ vetturi bil-mutur b’massa mgħobbija permissibbli li ma taqbiżx it-3,5 tunnellati jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi li ma jaqbżux dan il-limitu. L-għadd ta’ tali impriżi li huma attivi f’operazzjonijiet tat-trasport kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali qed jiżdied. B’riżultat ta’ dan, diversi Stati Membri ddeċidew li japplikaw ir-regoli dwar l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq, previsti fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 għal dawk l-impriżi. Sabiex jiġu evitati lakuni possibbli u biex jiġi żgurat livell minimu ta’ professjonalizzazzjoni tas-settur bl-użu ta’ vetturi bil-mutur maħsuba esklużivament għat-trasport tal-merkanzija u b’massa mgħobbija permissibbli li ma taqbiżx it-3,5 tunnellati permezz ta’ regoli komuni, u biex b’hekk titwettaq l-approssimazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi kollha, jenħtieġ li dak ir-Regolament jiġi emendat. Ir-rekwiżiti għall-aċċess għall-professjoni jenħtieġ li jsiru obbligatorji għal operaturi li jużaw vetturi bil-mutur jew kombinazzjoni ta’ vetturi maħsuba esklużivament għat-trasport tal-merkanzija u b’massa mgħobbija permissibbli li taqbeż it-2,5 tunnellati iżda li ma taqbiżx it-3,5 tunnellati involuti fit-trasport internazzjonali.

    (3)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 ċerti attivitajiet internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija huma eżentati mill-ħtieġa ta’ liċenzja Komunitarja sabiex jidħlu fis-suq Ewropew tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Fil-qafas tal-organizzazzjoni ta’ dak is-suq, l-impriżi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li jġorru merkanzija b’vetturi bil-mutur jew kombinazzjoni ta’ vetturi li jkollhom massa mgħobbija permissibbli li ma taqbiżx it-2,5 tunnellati jenħtieġ li jkunu eżentati mill-ħtieġa ta’ liċenzja Komunitarja jew awtorizzazzjoni ta’ trasport oħra.

    (4)

    Għalkemm il-vetturi li jkollhom massa mgħobbija permissibbli taħt ċertu limitu huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009, dak ir-Regolament jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw parzjalment jew totalment id-dispożizzjonijiet tiegħu għal tali vetturi.

    (5)

    Bħalissa, l-Istati Membri huma intitolati li jagħmlu l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq suġġett għal rekwiżiti li huma addizzjonali għal dawk speċifikati fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009. Din il-possibbiltà ma ntweriex li hija meħtieġa sabiex jingħata rispons għall-ħtiġijiet imperattivi u wasslet għal diverġenzi fir-rigward ta’ tali aċċess. Għaldaqstant, jenħtieġ li jitneħħa.

    (6)

    Sabiex jiġi miġġieled il-fenomenu tal-hekk imsejħa “kumpaniji fantażma” u biex tkun garantita kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-operaturi tat-trasport bit-triq li jkunu stabbiliti fi Stat Membru jkollhom preżenza reali u kontinwa f’dak l-Istat Membru u li jmexxu n-negozju ta’ trasport tagħhom minn hemm. Għalhekk, u fid-dawl tal-esperjenza miksuba, jenħtieġ li jiġu ċċarati u msaħħa d-dispożizzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ stabbiliment effettiv u stabbli filwaqt li tkun evitata l-impożizzjoni ta’ piż amministrattiv sproporzjonat.

    (7)

    Il-preżenza reali u kontinwa fl-Istat Membru ta’ stabbiliment għandha b’mod partikolari teħtieġ li l-impriża twettaq operazzjonijiet tat-trasport bit-tagħmir tekniku xieraq li jkun jinsab f’dak l-Istat Membru.

    (8)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 jirrikjedi li l-impriżi jwettqu b’mod effettiv u kontinwu l-operazzjonijiet tagħhom bit-tagħmir u l-faċilitajiet tekniċi xierqa f’ċentru operattiv li jinsab fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, u jippermetti li jkun hemm rekwiżiti addizzjonali fil-livell nazzjonali, bl-aktar komuni jkun rekwiżit li jkollhom spazji ta’ parkeġġ disponibbli fl-Istat Membru ta’ stabbiliment. Madankollu, dawk ir-rekwiżiti applikati b’mod mhux uniformi, ma kinux biżżejjed biex jiżguraw rabta ġenwina ma’ dak l-Istat Membru sabiex jiġu miġġielda b’mod effiċjenti l-kumpaniji fantażma u biex jitnaqqas ir-riskju ta’ kabotaġġ sistematiku u xufiera nomadiċi organizzati minn impriża li lejha l-vetturi ma jirritornawx. Meta jitqies li, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern fil-qasam tat-trasport, jista’ jkun hemm bżonn ta’ regoli speċifiċi dwar id-dritt ta’ stabbiliment u l-forniment ta’ servizzi, huwa xieraq li jiġu armonizzati aktar ir-rekwiżiti ta’ stabbiliment u li jissaħħu r-rekwiżiti marbuta mal-preżenza tal-vetturi użati mill-operatur tat-trasport fl-Istat Membru ta’ stabbiliment. Id-definizzjoni ta’ intervall minimu ċar li matulu l-vettura trid tirritorna tikkontribwixxi wkoll biex jiġi żgurat li dawk il-vetturi tkun tista’ ssirilhom manutenzjoni b’mod korrett bit-tagħmir tekniku li jinsab fl-Istat Membru ta’ stabbiliment u tiffaċilita l-kontrolli.

    Iċ-ċiklu għal dawn ir-ritorni jenħtieġ li jiġi sinkronizzat mal-obbligu fuq l-impriża tat-trasport fir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) li torganizza l-operazzjonijiet tagħha b’mod li jippermetti lix-xufier jirritorna d-dar mill-inqas kull erba’ ġimgħat, sabiex iż-żewġ obbligi jkunu jistgħu jiġu ssodisfati permezz tar-ritorn tax-xufier flimkien mal-vettura mill-inqas ma’ kull tieni ċiklu ta’ erba’ ġimgħat. Din is-sinkronizzazzjoni ssaħħaħ id-dritt tax-xufier li jirritorna u tnaqqas ir-riskju li l-vettura jkollha tirritorna biss biex tissodisfa dan ir-rekwiżit ġdid dwar l-istabbiliment. Madankollu, ir-rekwiżit ta’ ritorn lejn l-Istat Membru ta’ stabbiliment jenħtieġ li ma jirrikjedix li jitwettqu għadd speċifiku ta’ operazzjonijiet fl-Istat Membru ta’ stabbiliment jew li b’xi mod ieħor jillimita l-possibbiltà tal-operaturi li jipprovdu servizzi fis-suq intern kollu.

    (9)

    Sa fejn l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq jiddependi fuq ir-reputazzjoni tajba tal-impriża kkonċernata, huma meħtieġa kjarifiki rigward il-persuni li l-aġir tagħhom irid jiġi kkunsidrat, il-proċeduri amministrattivi li jridu jiġu segwiti u l-perijodi ta’ stennija fir-rigward tar-riabilitazzjoni ladarba maniġer tat-trasport jitlef ir-reputazzjoni tajba.

    (10)

    Fid-dawl tal-potenzjal tagħhom li jaffettwaw b’mod konsiderevoli l-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta fis-suq tat-trasport bit-triq, jenħtieġ li l-każijiet ta’ ksur serju tar-regoli tat-taxxa nazzjonali jiġu miżjuda mal-elementi rilevanti għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni tajba.

    (11)

    Fid-dawl tal-potenzjal tagħhom li jaffettwaw b’mod konsiderevoli s-suq tat-trasport bit-triq u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, jenħtieġ li l-każijiet ta’ ksur serju tar-regoli tal-Unjoni dwar il-postazzjoni tal-ħaddiema fit-trasport tat-triq, il-kabotaġġ u l-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali jiġu miżjuda mal-elementi rilevanti għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni tajba.

    (12)

    Minħabba l-importanza ta’ kompetizzjoni ġusta fis-suq intern, il-ksur tar-regoli tal-Unjoni li huwa rilevanti għal din il-kwistjoni, inkluż ir-regoli dwar l-aċċess għas-suq bħar-regoli dwar il-kabotaġġ, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-valutazzjoni tar-reputazzjoni tajba tal-maniġers tat-trasport u tal-impriżi tat-trasport. Jenħtieġ li t-termini tal-għoti tas-setgħa li permezz tagħha l-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-grad ta’ serjetà tal-każijiet ta’ ksur rilevanti jiġi ċċarat skont il-każ.

    (13)

    L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabu diffikultajiet biex jidentifikaw id-dokumenti li l-impriżi jistgħu jippreżentaw bħala prova tal-pożizzjoni finanzjarja tagħhom, b’mod partikolari fin-nuqqas ta’ kontijiet annwali ċċertifikati. Jenħtieġ li r-regoli dwar l-evidenza meħtieġa bħala prova tal-pożizzjoni finanzjarja jiġu ċċarati.

    (14)

    Jenħtieġ li l-impriżi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq permezz ta’ vetturi bil-mutur jew kombinazzjoni ta’ vetturi maħsuba esklużivament għat-trasport tal-merkanzija, involuti fit-trasport internazzjonali u li jkollhom massa mgħobbija permissibbli li taqbeż it-2,5 tunnellati iżda li ma taqbiżx it-3,5 tunnellati jkollhom kapaċità finanzjarja minima biex jiġi żgurat li jkollhom il-mezzi biex iwettqu l-operazzjonijiet fuq bażi stabbli u fit-tul. Madankollu, peress li l-operazzjonijiet imwettqa b’dawn il-vetturi huma ġeneralment ta’ daqs limitat, jenħtieġ li r-rekwiżiti korrispondenti għall-kapaċità finanzjarja jkunu inqas stretti minn dawk li japplikaw għall-operaturi li jagħmlu użu minn vetturi li jaqbżu dak il-limitu. Jenħtieġ li l-kombinazzjonijiet ta’ vetturi jiġu kkunsidrati meta wieħed ikun qed jiddetermina l-kapaċità finanzjarja meħtieġa. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tapplika l-livell ta’ rekwiżit finanzjarju ogħla jekk il-massa mgħobbija permissibbli tal-kombinazzjoni ta’ vetturi taqbeż it-3,5 tunnellati.

    (15)

    Sabiex iżommu u joħolqu standards għoljin għall-impriżi mingħajr ma joħolqu impatti negattivi fuq is-suq intern tat-trasport bit-triq, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew japplikaw ir-rekwiżiti finanzjarji li jirreferu għall-użu ta’ vetturi tqal anki għall-impriżi stabbiliti fit-territorji tagħhom fir-rigward ta’ vetturi li jkollhom massa mgħobbija permissibbli li ma taqbiżx it-3,5 tunnellati.

    (16)

    Sabiex jiġi żgurat settur affidabbli tat-trasport bit-triq u biex jitjieb il-ġbir tad-djun dovut lill-korpi irregolati mid-dritt pubbliku, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jirrikjedu konformità mal-obbligi tal-ħlas lejn entitajiet pubbliċi, bħad-djun tat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u li jirrikjedu li l-impriżi ma jkunux suġġetti għal proċedimenti li jkunu ġew introdotti biex jipproteġu l-assi tagħhom.

    (17)

    Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-operaturi tat-trasport fir-reġistri elettroniċi nazzjonali tkun kemm jista’ jkun kompluta u aġġornata sabiex l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tar-regoli rilevanti jkun jista’ jkollhom stampa ġenerali sodisfaċenti tal-operaturi li jkunu qegħdin jiġu investigati. B’mod partikolari, l-informazzjoni dwar in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi għad-dispożizzjoni tal-operaturi u l-klassifikazzjoni tar-riskju tal-operaturi għandhom jippermettu li jkun hemm infurzar aħjar tar-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009 u (KE) Nru 1072/2009 fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell transfruntiera. Għalhekk, jenħtieġ li r-regoli dwar ir-reġistru elettroniku nazzjonali jiġu emendati skont dan.

    (18)

    Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta fost l-oħrajn il-proċeduri tekniċi għall-konsultazzjoni elettronika tar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra. Dan jista’ jinvolvi proċeduri meħtieġa biex jiġi żgurat li jkun possibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jkollhom aċċess għall-klassifikazzjoni tar-riskju armonizzata ta’ impriża skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) matul il-kontrolli fil-ġenb tat-triq. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    (19)

    Id-definizzjoni tal-aktar ksur serju b’rabta mal-qbiż tal-ħin tas-sewqan ta’ kuljum, kif previst fl-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 1071/2009, ma taqbilx mad-dispożizzjoni rilevanti eżistenti stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 561/2006. Dik l-inkonsistenza twassal għal inċertezza u għal prattiki diverġenti fost l-awtoritajiet nazzjonali li jirriżultaw f’diffikultajiet fl-infurzar tar-regoli inkwistjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dik id-definizzjoni tiġi ċċarata sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konsistenza bejn iż-żewġ Regolamenti.

    (20)

    Jenħtieġ li r-regoli dwar it-trasport nazzjonali li jsir fuq bażi temporanja minn operaturi tat-trasport mhux residenti fi Stat Membru ospitanti (“kabotaġġ”) ikunu ċari, sempliċi u faċli biex jiġu infurzati, filwaqt li jżommu wkoll il-livell ta’ liberalizzazzjoni li nkiseb sa issa.

    (21)

    Jenħtieġ li l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ jgħinu biex jiżdied il-fattur ta’ tagħbija ta’ vetturi heavy-duty u jitnaqqsu l-vjaġġi bla tagħbija, u jenħtieġ li jiġu permessi sakemm dawn ma jitwettqux b’mod li tinħoloq attività permanenti jew kontinwa fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat. Biex ikun żgurat li ma jsirux operazzjonijiet ta’ kabotaġġ b’mod li tinħoloq attività permanenti jew kontinwa, jenħtieġ li l-operaturi tat-trasport ma jitħallewx iwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fl-istess Stat Membru fi żmien ċertu perijodu wara t-tmiem ta’ perijodu ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.

    (22)

    Filwaqt li l-liberalizzazzjoni ulterjuri stabbilita bl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE (9), meta mqabbla mal-kabotaġġ skont ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009, kienet ta’ benefiċċju fil-promozzjoni tat-trasport ikkombinat u għandha, fil-prinċipju, tinżamm, jinħtieġ li jiġi żgurat li ma tintużax ħażin. L-esperjenza turi li, f’ċerti partijiet tal-Unjoni, dik id-dispożizzjoni intużat b’mod sistematiku biex tiġi evitata n-natura temporanja tal-kabotaġġ u bħala l-bażi għall-preżenza kontinwa ta’ vetturi fi Stat Membru li mhux dak tal-istabbiliment tal-impriża. Tali prattiki inġusti jwasslu għal dumping soċjali u jipperikolaw ir-rispett għall-qafas legali relatat mal-kabotaġġ. Jenħtieġ għalhekk li jkun possibbli li l-Istati Membri jidderogaw mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/106/KEE u japplikaw id-dispożizzjonijiet relatati mal-kabotaġġ fir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 sabiex jindirizzaw tali problemi billi jintroduċu limitu proporzjonat għall-preżenza kontinwa ta’ vetturi fit-territorju tagħhom.

    (23)

    L-infurzar effettiv u effiċjenti tar-regoli huwa prerekwiżit għal kompetizzjoni ġusta fis-suq intern. Id-diġitalizzazzjoni ulterjuri tal-għodda tal-infurzar hija essenzjali sabiex tkun disponibbli l-kapaċità ta’ infurzar, biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi żejda fuq l-operaturi internazzjonali tat-trasport u, b’mod partikolari, l-intrapriżi żgħar u medji, biex jiġu indirizzati aħjar l-operaturi tat-trasport b’riskju għoli u biex jiġu identifikati prattiki frawdolenti. Jenħtieġ li ssir kjarifika dwar il-mezzi li bihom l-operaturi tat-trasport bit-triq jistgħu jagħtu prova tal-konformità mar-regoli għal operazzjonijiet ta’ kabotaġġ. Il-kontrolli mal-ġenb tat-triq jenħtieġ li jkunu bbażati fuq id-dokumenti tat-trasport u, jekk ikunu disponibbli, ir-reġistri tat-takografu. Sabiex jiġi ssimplifikat l-għoti ta’ evidenza rilevanti u t-trattament tagħha mill-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li l-użu u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni elettronika dwar it-trasport jiġu rikonoxxuti bħala mezzi ta’ prova tal-konformità. Jenħtieġ li l-format li jintuża għal dak l-għan jiżgura l-affidabbiltà u l-awtentiċità. Meta wieħed iqis l-użu dejjem jiżdied tal-iskambju elettroniku effiċjenti ta’ informazzjoni fit-trasport u fil-loġistika, huwa importanti li tiġi żgurata l-koerenza tal-oqfsa regolatorji u li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jindirizzaw is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi.

    (24)

    L-impriżi tat-trasport huma d-destinatarji tar-regoli dwar it-trasport internazzjonali u, bħala tali, huma suġġetti għall-konsegwenzi ta’ kwalunkwe ksur li jistgħu jwettqu. Madankollu, sabiex jiġi evitat l-abbuż minn impriżi b’kuntratt ta’ servizzi ta’ trasport minn operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu wkoll regoli ċari u prevedibbli dwar sanzjonijiet kontra l-ispedituri, l-ispedizjoniera, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi f’każijiet fejn dawn kienu jafu, jew, fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha rilevanti messhom kienu jafu, li s-servizzi tat-trasport li jikkummissjonaw jinvolvu ksur tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009.

    (25)

    L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li l-ambitu tal-attivitajiet tagħha, kif stabbilit fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), ikopri r-Regolament (KE) Nru 1071/2009, ser ikollha rwol importanti biex tassisti lill-Istati Membri biex jinfurzaw b’mod adegwat ir-regoli ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-rwol ser jikkonċerna b’mod partikolari l-verifiki miftiehma, il-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni u l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-promozzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, l-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, it-taħriġ u l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni.

    (26)

    Sabiex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi tas-suq u l-progress tekniku, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġu emendati l-Annessi I, II u III tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u biex jiġu emendati l-Annessi I, II u III tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (11). B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess waqt li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess b’mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

    (27)

    Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-introduzzjoni ta’ grad ta’ armonizzazzjoni f’ċerti oqsma li sa issa għadhom ma ġewx armonizzati mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport b’vetturi kummerċjali ħfief u l-prattiki ta’ infurzar, u l-approssimazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-titjib tal-infurzar, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba n-natura tal-għanijiet mixtieqa flimkien man-natura transfruntiera tat-trasport bit-triq, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa.

    (28)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) jiġu emendati skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1071/2009

    Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    impriżi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq permezz biss ta’ vetturi bil-mutur jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi li l-massa mgħobbija permissibbli tagħhom ma taqbiżx it-3,5 tunnellati li jeżerċitaw esklużivament operazzjonijiet ta’ trasport nazzjonali fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom;”;

    (b)

    jiddaħħal il-punt li ġej:

    “(aa)

    impriżi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq permezz biss ta’ vetturi bil-mutur jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi li l-massa mgħobbija permissibbli tagħhom ma taqbiżx it-2,5 tunnellati;”;

    (c)

    il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    impriżi li jeżerċitaw servizzi ta’ trasport bit-triq tal-passiġġieri għal finijiet mhux kummerċjali jew li għandhom professjoni prinċipali differenti minn dik ta’ operatur tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri.”

    (d)

    wara l-punt (c), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, kwalunkwe trasport bit-triq, għajr trasport b’kiri jew b’kumpens jew għall-kont proprju, li għalih ebda remunerazzjoni diretta jew indiretta ma tiġi riċevuta u li direttament jew indirettament ma jiġġenera ebda dħul għax-xufier tal-vettura jew għal oħrajn, u li ma jkunx hemm rabta ma’ attività professjonali, għandu jitqies bħala trasport esklużivament għal finijiet mhux kummerċjali.”;

    (2)

    fl-Artikolu 3, jitħassar il-paragrafu 2;

    (3)

    l-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 5

    Il-kundizzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżit tal-istabbiliment

    1.   Sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, l-impriża għandha:

    (a)

    jkollha bini li fih tkun tista’ taċċessa l-verżjoni oriġinali tad-dokumenti ewlenin tan-negozju tagħha, sew jekk fil-forma elettronika jew fi kwalunkwe forma oħra, partikolarment il-kuntratti dwar it-trasport, id-dokumenti relatati mal-vetturi għad-dispożizzjoni tal-impriża, id-dokumenti dwar il-kontabbiltà, id-dokumenti dwar il-ġestjoni tal-persunal, il-kuntratti tax-xogħol, id-dokumenti tas-sigurtà soċjali, id-dokumenti li fihom data dwar id-dispaċċ u l-istazzjonar ta’ xufiera, id-dokumenti li jkun fihom data relatata mal-kabotaġġ, mal-ħin tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ, u kwalunkwe dokument ieħor li għalih l-awtorità kompetenti jrid ikollha aċċess sabiex tivverifika l-konformità tal-impriża mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament;

    (b)

    torganizza l-attività tal-flotta tal-vetturi tagħha b’tali mod li jiġi żgurat li l-vetturi li jkunu għad-dispożizzjoni tal-impriża u użati fit-trasport internazzjonali jirritornaw lejn wieħed miċ-ċentri operazzjonali f’dak l-Istat Membru tal-inqas fi żmien tmien ġimgħat wara li jitilqu minn hemm;

    (c)

    tkun irreġistrata fir-reġistru tal-kumpaniji kummerċjali ta’ dak l-Istat Membru jew f’reġistru simili kull meta jkun meħtieġ skont il-liġi nazzjonali;

    (d)

    tkun suġġetta għal taxxa fuq id-dħul u, kull meta meħtieġ skont il-liġi nazzjonali, ikollha numru ta’ reġistrazzjoni validu tat-taxxa fuq il-valur miżjud;

    (e)

    ladarba tingħata awtorizzazzjoni, ikollha għad-dispożizzjoni tagħha vettura waħda jew aktar li jkunu rreġistrati jew imqegħdin fiċ-ċirkolazzjoni u awtorizzati biex jintużaw f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, kemm jekk dawk il-vetturi jkunu totalment proprjetà tagħha kif ukoll jekk, pereżempju, ikunu miżmuma taħt ftehim ta’ lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri jew taħt kuntratt ta’ kiri jew leasing;

    (f)

    twettaq b’mod effettiv u kontinwu l-attivitajiet amministrattivi u kummerċjali tagħha bit-tagħmir u l-faċilitajiet xierqa f’bini kif imsemmi fil-punt (a) li jkun jinsab f’dak l-Istat Membru u tamministra l-operazzjonijiet tat-trasport tagħha b’mod effettiv u kontinwu bl-użu tal-vetturi msemmija fil-punt (g) permezz tat-tagħmir tekniku xieraq li jkun jinsab f’dak l-Istat Membru;

    (g)

    fuq bażi kontinwa, ikollha għad-dispożizzjoni regolari tagħha għadd ta’ vetturi li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (e) u xufiera li normalment ikunu bbażati f’ċentru operattiv f’dak l-Istat Membru, fiż-żewġ każijiet proporzjonat għall-volum tal-operazzjonijiet ta’ trasport imwettqa mill-impriża.

    2.   Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jesiġu li impriża jkollha, fl-Istat Membru ta’ stabbiliment:

    (a)

    b’mod proporzjonat għad-daqs tal-attività tal-impriża, persunal amministrattiv debitament kwalifikat fil-bini jew il-maniġer tat-trasport aċċessibbli matul il-ħinijiet tan-negozju konswetudinarji;

    (b)

    b’mod proporzjonat għad-daqs tal-attività tal-impriża, infrastruttura operattiva għajr it-tagħmir tekniku msemmi fil-punt (f) tal-paragrafu 1 fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, inkluż uffiċċju li jkun miftuħ matul il-ħinijiet tan-negozju konswetudinarji.”;

    (4)

    l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Fid-determinazzjoni dwar jekk impriża tissodisfax jew le dak ir-rekwiżit, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-kondotta ta’ dik l-impriża, il-maniġers tat-trasport tagħha, id-diretturi eżekuttivi u kwalunkwe persuna rilevanti oħra kif jista’ jkun determinat mill-Istat Membru. Kwalunkwe referenza f’dan l-Artikolu għal kundanni, pieni jew ksur għandha tinkludi kundanni, pieni jew ksur tal-impriża nfisha, tal-maniġers tat-trasport tagħha, tad-diretturi eżekuttivi u ta’ kwalunkwe persuna rilevanti oħra kif jista’ jkun determinat mill-Istat Membru.”;

    (ii)

    fil-punt (vi) tal-punt (a) tat-tielet subparagrafu, il-kelma “u” titħassar;

    (iii)

    fil-punt (a) tat-tielet subparagrafu jiżdied il-punt li ġej:

    “(vii)

    il-liġi tat-taxxa; u”;

    (iv)

    fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(xi)

    l-istazzjonar tal-ħaddiema fit-trasport bit-triq;

    (xii)

    il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali;

    (xiii)

    il-kabotaġġ.”;

    (b)

    il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

    “2.   Għall-finijiet tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, meta l-maniġer tat-trasport jew l-impriża tat-trasport ikunu ġew ikkundannati għal reat kriminali serju jew ġew mogħtija piena għal wieħed mill-aktar ksur serju ta’ regoli tal-Unjoni kif stabbilit fl-Anness IV, fi Stat Membru wieħed jew iżjed, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għandha twettaq u tikkompleta b’mod adattat u f’waqtu proċedura amministrattiva, li għandha tinkludi, jekk ikun xieraq, kontroll fuq il-post fil-bini tal-impriża kkonċernata.

    Matul il-proċedura amministrattiva, il-maniġer tat-trasport jew rappreżentanti legali oħra tal-impriża tat-trasport għandhom, skont il-każ, jingħataw id-dritt li jippreżentaw l-argumenti u l-ispjegazzjonijiet tagħhom.

    Matul il-proċedura amministrattiva, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk, minħabba ċirkostanzi speċifiċi, it-telf ta’ reputazzjoni tajba jikkostitwixxix rispons sproporzjonat fil-każ individwali. F’dik il-valutazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra l-għadd ta’ każijiet ta’ ksur serju ta’ regoli nazzjonali u tal-Unjoni kif imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, kif ukoll l-għadd tal-aktar ksur serju ta’ regoli tal-Unjoni kif stabbilit fl-Anness IV li għalihom ikunu nstabu ħatja jew ingħataw pieni l-maniġer tat-trasport jew l-impriża tat-trasport. Kwalunkwe sejba bħal din għandha tkun debitament motivata u ġustifikata.

    Meta l-awtorità kompetenti ssib li t-telf tar-reputazzjoni tajba jkun sproporzjonat, din għandha tiddeċiedi li l-impriża kkonċernata għadha impriża ta’ reputazzjoni tajba. Ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni għandhom jiġu reġistrati fir-reġistru nazzjonali. In-numru ta’ tali deċiżjonijiet għandu jiġi indikat fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 26(1).

    Meta l-awtorità kompetenti ma ssibx li t-telf ta’ reputazzjoni tajba jkun sproporzjonat, il-kundanna jew il-piena għandhom iwasslu għat-telf tar-reputazzjoni tajba.”;

    (c)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2a.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu lista tal-kategoriji, tat-tipi u tal-gradi ta’ serjetà ta’ ksur serju ta’ regoli tal-Unjoni msemmija fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 li flimkien ma’ dawk stabbiliti fl-Anness IV, jistgħu jwasslu għat-telf tar-reputazzjoni tajba. Meta jistabbilixxu l-prijoritajiet għal verifiki skont l-Artikolu 12(1), l-Istati Membri għandhom iqisu l-informazzjoni dwar dak il-ksur, inkluż l-informazzjoni mingħand Stati Membri oħra.

    Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha:

    (a)

    tistabbilixxi l-kategoriji u t-tipi ta’ ksur li jseħħu l-aktar ta’ spiss;

    (b)

    tiddefinixxi l-grad ta’ serjetà tal-każijiet ta’ ksur skont il-potenzjal tagħhom li joħolqu riskju ta’ fatalitajiet jew ta’ korrimenti serji u li jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq tat-trasport bit-triq, inkluż billi jdgħajfu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport;

    (c)

    tipprovdi l-frekwenza ta’ okkorrenzi li lil hinn minnha ksur ripetut għandu jitqies bħala iżjed serju, filwaqt li jittieħed f’kunsiderazzjoni l-għadd ta’ vetturi li jintużaw għall-attivitajiet tat-trasport immexxija mill-maniġer tat-trasport.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(3).”;

    (5)

    l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1 l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1), impriża għandha f’kull ħin tkun kapaċi tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha matul is-sena finanzjarja annwali. L-impriża għandha turi, abbażi tal-kontijiet annwali ċċertifikati minn awditur jew minn persuna debitament akkreditata, li għal kull sena din ikollha għad-dispożizzjoni tagħha kapital u riżervi li jammontaw għal mill-inqas:

    (a)

    EUR 9 000, għall-ewwel vettura bil-mutur użata;

    (b)

    EUR 5 000 għal kull vettura bil-mutur addizzjonali jew kombinazzjoni ta’ vetturi użati b’massa mgħobbija permissibbli li taqbeż it-3,5 tunnellati; u

    (c)

    EUR 900 għal kull vettura bil-mutur addizzjonali jew kombinazzjoni ta’ vetturi użati b’massa mgħobbija permissibbli li taqbeż it-2,5 tunnellati iżda li ma taqbiżx it-3,5 tunnellati.

    L-impriżi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bl-użu biss ta’ vetturi bil-mutur jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi li għandhom massa mgħobbija permissibbli li taqbeż it-2,5 tunnellati iżda li ma taqbiżx it-3,5 tunnellati għandhom juru, abbażi tal-kontijiet annwali ċċertifikati minn awditur jew minn persuna debitament akkreditata, li, għal kull sena, huma għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom kapital u riżervi li jammontaw għal mill-anqas:

    (a)

    EUR 1 800 għall-ewwel vettura wżata; u

    (b)

    EUR 900 għal kull vettura addizzjonali wżata.

    L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-impriżi stabbiliti fit-territorji tagħhom juru li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom għal dawn il-vetturi l-istess ammonti ta’ kapital u riżervi bħal fil-każ tal-vetturi msemmija fl-ewwel subparagrafu. F’każijiet bħal dawn, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru konċernat għandha tinforma lill-Kummissjoni kif meħtieġ, u l-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni pubblikament disponibbli.”;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-impriża, il-maniġer tat-trasport jew kwalunkwe persuna rilevanti oħra li tista’ tiġi determinata mill-Istati Membri ma jkollhiex djun mhux personali pendenti ma’ korpi rregolati bil-liġi pubblika, u ma tkunx falluta jew suġġetta għall-proċeduri ta’ insolvenza jew stralċ.”;

    (c)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista’ taqbel jew tirrikjedi li impriża turi l-pożizzjoni finanzjarja tagħha permezz ta’ ċertifikat determinat mill-awtorità kompetenti, bħal garanzija bankarja jew assigurazzjoni, inkluż assigurazzjoni fuq ir-responsabbiltà professjonali minn bank wieħed jew aktar jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra inkluż kumpaniji tal-assigurazzjoni jew permezz ta’ dokument vinkolanti ieħor li jipprovdi garanzija in solidum għall-impriża fir-rigward tal-ammonti speċifikati fil-paragrafu 1.”;

    (d)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “2a.   B’deroga mill-paragrafu 1, fin-nuqqas ta’ kontijiet annwali ċċertifikati għas-sena tar-reġistrazzjoni tal-impriża, l-awtorità kompetenti għandha taqbel li impriża turi l-pożizzjoni finanzjarja tagħha permezz ta’ ċertifikat, bħal garanzija bankarja, dokument maħruġ minn istituzzjoni finanzjarja li jistabbilixxi l-aċċess għall-kreditu f’isem l-impriża, jew permezz ta’ dokument vinkolanti ieħor kif determinat mill-awtorità kompetenti li juri li l-impriża għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-ammonti speċifikati fil-paragrafu 1.”;

    (6)

    l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   l-Istati Membri jistgħu jippromwovu taħriġ perjodiku dwar is-suġġetti elenkati fl-Anness I f’intervalli ta’ tliet snin biex jiżguraw li l-persuna jew persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikunu konxji biżżejjed mill-iżviluppi fis-settur.”;

    (b)

    il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “9.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 24a biex temenda l-Annessi I, II u III bl-għan li tadattahom għall-iżviluppi tas-suq u għall-progress tekniku.”;

    (7)

    fl-Artikolu 9, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “Għall-fini li tingħata liċenzja lil impriża ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq li topera biss vetturi bil-mutur jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi li l-massa awtorizzata tagħhom meta mgħobbija ma taqbiżx it-3,5 tunnellati, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw mill-eżamijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) persuni li juru provi li għall-perijodu ta’ 10 snin qabel l-20 ta’ Awwissu 2020, kienu b’mod kontinwu mmaniġġaw impriża tal-istess tip.”;

    (8)

    fl-Artikolu 11(4) jitħassar it-tielet subparagrafu;

    (9)

    l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw b’mod regolari jekk l-impriżi li huma awtorizzaw biex jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq ikomplux jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli, inkluż, fejn xieraq, spezzjonijiet fuq il-post fil-bini tal-impriża kkonċernata, u fil-mira jkun hemm dawk l-impriżi li jkunu klassifikati li jikkostitwixxu riskju akbar. Għal dak l-iskop, l-Istati Membri għandhom jestendu s-sistema ta’ klassifikazzjoni tar-riskju stabbilita minnhom skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) biex tkopri l-ksur kollu speċifikat fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.

    (*1)  Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kundizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014 u tad-Direttiva 2002/15/KE fir-rigward tal-leġiżlazzjoni soċjali relatata ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35).”;"

    (b)

    fil-paragrafu 2, jitħassar it-tieni subparagrafu;

    (10)

    fl-Artikolu 13(1), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    limitu ta’ żmien li ma jaqbiżx is-sitt xhur, li fih ir-rekwiżit tal-pożizzjoni finanzjarja ma jkunx ġie sodisfatt, sabiex turi li r-rekwiżit ġie ssodisfat mill-ġdid fuq bażi permanenti.”;

    (11)

    l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “L-awtorità kompetenti ma għandhiex tirriabilita l-maniġer tat-trasport aktar kmieni minn sena mid-data tat-telf tar-reputazzjoni tajba u, fi kwalunkwe każ, mhux qabel ma l-maniġer tat-trasport ikun wera li segwa taħriġ xieraq għal perijodu ta’ mill-inqas tliet xhur jew ikun għadda eżami dwar is-suġġetti elenkati fil-parti I tal-Anness I għal dan ir-Regolament.”;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Sakemm ma tkunx itittieħdet miżura għar-riabilitazzjoni skont dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonali msemmi fl-Artikolu 8(8) tal-maniġer tat-trasport li jkun ġie ddikjarat inkapaċi m’għandux jibqa’ validu fl-ebda Stat Membru.”;

    (12)

    l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

    “(a)

    il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    (c)

    isem il-maniġers tat-trasport magħżula bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 b’rabta mar-reputazzjoni tajba u mal-kompetenza professjonali jew, meta jkun xieraq, l-isem ta’ rappreżentant ġuridiku;”;

    (ii)

    jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(g)

    in-numri ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi għad-dispożizzjoni tal-impriża kont il-punt (g) tal-Artikolu 5 (1);

    (h)

    l-għadd ta’ persuni impjegati fl-impriża fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel, li għandu jiġi rreġistrat fir-reġistru nazzjonali sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena;

    (i)

    il-klassifikazzjoni tar-riskju tal-impriża skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/22/KE.”;

    (iii)

    it-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “Id-data msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-ħarsien tad-data personali.

    L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jżommu d-data msemmija fil-punti (e) sa (i) tal-ewwel subparagrafu f’reġistri separati. F’każijiet bħal dawn, id-data imsemmija fil-punti (e) u (f) għandha ssir disponibbli fuq talba jew għandha tkun direttament aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istat Membru kkonċernat. L-informazzjoni mitluba għandha tkun ipprovduta fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta tasal it-talba.

    Id-data msemmija fil-punti (g), (h) u (i) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti matul il-kontrolli fil-ġenb tat-triq sa mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni, adottat skont il-paragrafu 6, li jispeċifika l-funzjonalitajiet li jippermettu li d-data ssir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti matul il-kontrolli fil-ġenb tat-triq.

    Id-data msemmija fil-punti (e) sa (i) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun aċċessibbli biss għal awtoritajiet għajr l-awtoritajiet kompetenti meta dawk l-awtoritajiet ikunu debitament ingħataw is-setgħat relatati mas-superviżjoni u mal-impożizzjoni ta’ pieni fis-settur tat-trasport bit-triq u l-uffiċjali tagħhom ikunu ħadu ġurament ta’ segretezza jew ikunu b’xi mod ieħor taħt obbligu formali ta’ segretezza.”;

    (b)

    il-paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-data kollha li tinsab fir-reġistru elettroniku nazzjonali tinżamm aġġornata u tkun preċiża.”;

    (c)

    fil-paragrafu 6, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

    “Sa 14-il xahar wara l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni dwar formula komuni għall-kalkolu tal-klassifikazzjoni tar-riskju kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/22/KE, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, li jispeċifikaw il-funzjonalitajiet li jippermettu li d-data msemmija fil-punti (g), (h) u (i) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti matul il-kontrolli mal-ġenb tat-triq.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 25(2).”;

    (d)

    il-paragrafu 7 jitħassar.

    (13)

    l-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 18

    Il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri

    1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw punt ta’ kuntatt nazzjonali responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-ismijiet u l-indirizzi tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali tagħhom sal-4 ta’ Diċembru 2011. Il-Kummissjoni għandha tfassal lista tal-punti ta’ kuntatt kollha u tibgħatha lill-Istati Membri.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib u għandhom jipprovdu lil xulxin mingħajr dewmien b’assistenza reċiproka u bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar kundanni jew pieni għal kwalunkwe ksur serju msemmi fl-Artikolu 6(2). Stat Membru li jirċievi notifika għal ksur serju msemmi fl-Artikolu 6(2) li rriżulta f’kundanna jew f’piena fi Stat Membru ieħor matul is-sentejn ta’ qabel għandu jirreġistra dak il-ksur fir-reġistru elettroniku nazzjonali tiegħu.

    4.   L-Istati Membri għandhom iwieġbu għal talbiet għal informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u għandhom iwettqu kontrolli, spezzjonijiet u investigazzjonijiet dwar il-konformità tal-operaturi tat-trasport bit-triq stabbiliti fit-territorju tagħhom mar-rekwiżit stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1). Talbiet bħal dawn għal informazzjoni jistgħu jinkludu aċċess għal dokumenti meħtieġa biex tingħata prova li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 jkunu ssodisfati. It-talbiet għal informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu debitament ġustifikati u motivati. Għal dan l-għan, it-talbiet għandhom jinkludu indikazzjonijiet kredibbli ta’ ksur possibbli tal-punt (a) tal-Artikolu 3(1), jindikaw l-iskop tat-talba u jispeċifikaw f’dettall suffiċjenti l-informazzjoni u d-dokumenti mitluba.

    5.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-informazzjoni mitluba minn Stati Membri oħra skont il-paragrafu 4 fi żmien 30 jum ta’ xogħol minn meta tasal it-talba. Jista’ jiġi miftiehem limitu ta’ żmien iqsar bi qbil reċiproku bejn l-Istati Membri.

    6.   Meta l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jikkunsidra li t-talba mhijiex motivata biżżejjed, għandu jinforma lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba b’dan fi żmien 10-t ijiem ta’ xogħol minn meta tasal it-talba. L-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba għandu jissostanzja aktar it-talba. Meta l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba ma jkunx jista’ jissostanzja aktar it-talba, l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jista’ jiċħad it-talba.

    7.   Meta jkun diffiċli li tinkiseb konformità ma’ talba għal informazzjoni jew li jsiru kontrolli, spezzjonijiet jew investigazzjonijiet, l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jgħarraf lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba b’dan fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol minn meta tasal it-talba, u jagħti r-raġunijiet għad-diffikultà. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddiskutu ma’ xulxin bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni għal kwalunkwe diffikultà li tista’ titqajjem. Fil-każ ta’ dewmien persistenti fil-forniment tal-informazzjoni lill-Istat Membru li jagħmel it-talba, il-Kummissjoni għandha tkun infurmata u għandha tieħu miżuri xierqa.

    8.   L-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 għandu jseħħ permezz tas-sistema għall-iskambju tal-messaġġi, jiġifieri r-Reġistri Ewropej tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU - European Registers of Road Transport Undertakings) stabbilita mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1213/2010 (*2). Il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri previsti fil-paragrafi 4 sa 7 għandhom jiġu implimentati permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3). Għal dan l-għan, kull Stat Membru jista’ jinnomina l-punt ta’ kuntatt imsemmi fil-paragrafu 1 bħala l-awtorità kompetenti u għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan permezz tal-IMI.

    9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni trażmessa lilhom skont dan l-Artikolu tintuża biss fir-rigward tal-kwistjoni(jiet) li għaliha/għalihom tkun intalbet. Kwalunkwe pproċessar tad-data personali għandu jsir biss għall-finijiet ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament u għandu jkun skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).

    10.   Il-kooperazzjoni amministrattiva reċiproka u l-assistenza reċiproka għandhom jingħataw bla ħlas.

    11.   Talba għal informazzjoni ma għandhiex tipprekludi lill-awtoritajiet kompetenti milli jieħdu miżuri b’konformità mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti biex jinvestigaw u jipprevjenu ksur allegat ta’ dan ir-Regolament.

    (*2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1213/2010 tas-16 ta’ Diċembru 2010 li jistabbilixxi regoli komuni li jikkonċernaw l-interkonnessjoni tar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq (ĠU L 335, 18.12.2010, p. 21)."

    (*3)  Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (‘ir-Regolament tal-IMI’) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1)."

    (*4)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).”;"

    (14)

    fl-Artikolu 23, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1(2), sal-21 ta’ Mejju 2022 impriżi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq involuti f’operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali permezz biss ta’ vetturi bil-mutur jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi li l-massa awtorizzata tagħhom meta mgħobbija ma taqbiżx it-3,5 tunnellati, għandhom ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament sakemm il-liġi tal-Istat Membru ta’ stabbilitiment ma tipprovdix mod ieħor.

    Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 16(2), ir-rekwiżit li tiġi inkluża l-klassifikazzjoni tar-riskju tal-impriżi fir-reġistri elettroniċi nazzjonali għandu japplika minn 14-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni fuq formula komuni għall-kalkolu tal-klassifikazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/22/KE.”;

    (15)

    l-Artikolu 24 jitħassar;

    (16)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 24a

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(9) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat mill-20 ta’ Awwissu 2020.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 8(9) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*5).

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 8(9) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    (*5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”;"

    (17)

    l-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (*6).

    (*6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

    (b)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”

    (18)

    l-Artikolu 26 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Rapportar u rieżami”;

    (b)

    fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija skont dan ir-Regolament skont is-sena u t-tip, l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet li ġew sospiżi, l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet li ġew irtirati, l-għadd ta’ dikjarazzjonijiet ta’ inkompetenza u r-raġunijiet li fuqhom kienu bbażati dawk id-deċiżjonijiet. Rapporti relatati mal-perijodu wara l-21 ta’ Mejju 2022 għandhom jinkludu wkoll dawn il-punti mqassmin skont jekk humiex:

    (i)

    operaturi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq;

    (ii)

    operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li jużaw esklużivament vetturi bil-mutur jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi, li l-massa awtorizzata tagħhom meta jkunu mgħobbija ma taqbiżx it-3,5 tunnellati; u

    (iii)

    l-operaturi l-oħra kollha tat-trasport tal-merkanzija bit-triq;”;

    (c)

    jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “3.   Kull sentejn l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar it-talbiet magħmula minnhom skont l-Artikolu 18(4) sa (9), dwar it-tweġibiet li jkunu rċevew mingħand Stati Membri oħra u dwar l-azzjonijiet li jkunu ħadu abbażi tal-informazzjoni pprovduta.

    4.   Sal-21 ta’ Awwissu 2023, fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3 u fuq il-bażi ta’ evidenza ulterjuri, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dettaljat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-firxa tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, dwar kwalunkwe nuqqas possibbli f’dan ir-rigward u dwar modi possibbli biex titjieb il-kooperazzjoni. Abbażi ta’ dan ir-rapport, hija għandha twettaq valutazzjoni biex tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ li jiġu proposti miżuri addizzjonali.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament sal-21 ta’ Awwissu 2023 u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    6.   Wara r-rapport imsemmi fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament fuq bażi regolari u għandha tippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    7.   Fejn ikun xieraq, ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 5 u 6 għandhom ikunu akkumpanjati minn proposti leġiżlattivi rilevanti.”;

    (19)

    l-Anness IV huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    L-aktar ksur serju għall-fini tal-artikolu 6(2)”;

    (b)

    fil-punt 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    meta jinqabeż il-limitu massimu tal-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum, matul perijodu ta’ ħidma ta’ kuljum, b’marġni ta’ 50 % jew iżjed.”;

    (c)

    il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.

    In-nuqqas ta’ twaħħil ta’ takografu u/jew tagħmir li jillimita l-veloċità, jew li fil-vettura jkun hemm u/jew jintuża tagħmir frawdolenti li jkun kapaċi jimmodifika r-reġistrazzjonijiet tat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni u/jew tat-tagħmir li jillimita l-veloċità jew jiffalsifika l-folji ta’ reġistrazzjoni jew tad-data trasferita mit-takografu u/jew tal-kard tax-xufier.”.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1072/2009

    Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    sal-20 ta’ Mejju 2022: trasport ta’ merkanzija f’vetturi li l-massa mgħobbija permissibbli tagħhom ma taqbiżx it-3,5 tunnellati;”;

    (b)

    jiżdied il-punt li ġej:

    “(ca)

    mill-21 ta’ Mejju 2022: trasport ta’ merkanzija f’vetturi li l-massa mgħobbija permissibbli tagħhom ma taqbiżx it-2,5 tunnellati;”;

    (2)

    l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, jitħassar it-tielet subparagrafu;

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Il-liċenzja Komunitarja u l-kopji veri attestati għandhom jikkorrispondu għall-mudell li jinstab fl-Anness II, li jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tagħha. Huma għandhom ikun fihom mill-inqas tnejn mill-karatteristiċi ta’ sigurtà elenkati fl-Anness I.

    Fil-każ ta’ vetturi użati għat-trasport ta’ merkanzija li l-massa mgħobbija permissibbli tagħhom ma taqbiżx it-3,5 tunnellati u li għalihom jiġu applikati r-rekwiżiti finanzjarji l-aktar baxxi stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009, l-awtorità tal-ħruġ għandha tikteb fit-taqsima ‘rimarki partikolari’ tal-liċenzja Komunitarja jew tal-kopja vera attestata tagħha: ‘≤ 3,5 t’.

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 14b biex temenda l-Annessi I u II bl-għan li tadattahom għall-progress tekniku.”;

    (3)

    fl-Artikolu 5, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 14b biex temenda l-Anness III bl-għan li tadattah għall-progress tekniku.”;

    (4)

    l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2a.   L-operaturi tat-trasport m’humiex permessijwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, bl-istess vettura, jew, fil-każ ta’ vetturi kombinati, bil-vettura bil-mutur ta’ dik l-istess vettura, fl-istess Stat Membru fi żmien erbat ijiem wara t-tmiem tal-aħħar operazzjoni ta’ kabotaġġ tagħha f’dak l-Istat Membru.”;

    (b)

    fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Is-servizzi nazzjonali ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq imwettqa fl-Istat Membru ospitanti minn operatur tat-trasport tal-merkanzija mhux residenti għandhom jitqiesu konformi ma’ dan ir-Regolament biss jekk l-operatur tat-trasport tal-merkanzija ikun jista’ jagħti evidenza ċara tat-trasport internazzjonali li jkun sar qabel u ta’ kull operazzjoni ta’ kabotaġġ konsekuttiva li tkun ġiet imwettqat. Fil-każ li l-vettura kienet fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti fi żmien il-perijodu ta’ erbat ijiem ta’ qabel it-trasport internazzjonali, l-operatur tat-trasport għandu jipproduċi wkoll evidenza ċara tal-operazzjonijiet kollha li saru matul dak il-perijodu.”;

    (c)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “4a.   L-evidenza msemmija fil-paragrafu 3 għandha tiġi ppreżentata jew trażmessa lill-uffiċjal ta’ spezzjoni awtorizzat tal-Istat Membru ospitanti fuq talba waqt li jkun qed isir il-kontroll mal-ġenb tat-triq. Tista’ tiġi ppreżentata jew trażmessa b’mod elettroniku, bl-użu ta’ format strutturat li jippermetti li jsiru reviżjonijiet u li jista’ jintuża direttament għall-ħżin u għall-ipproċessar b’kompjuter, bħal pereżempju nota ta’ konsenja elettronika (e-CMR) skont il-Protokoll Addizzjonali ta’ Ġinevra għall-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt ta’ Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija bit-Triq (CMR) fir-rigward tan-Nota Elettronika ta’ Konsenja tal-20 ta’ Frar 2008. Waqt li jkun qed isir il-kontroll mal-ġenb tat-triq, ix-xufier għandu jkun jista’ jikkuntattja lill-uffiċċju prinċipali, lill-maniġer tat-trasport jew lil kwalunkwe persuna jew entità oħra sabiex jipprovdu, qabel it-tmiem tal-kontroll mal-ġenb tat-triq, kwalunkwe evidenza msemmija fil-paragrafu 3.”;

    (d)

    il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

    “5.   Kwalunkwe operatur tat-trasport li jkun intitolat fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit li jagħmel l-operazzjonijiet ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq b’kiri jew b’kumpens li huma speċifikati fil-punti (a) sa (ca) tal-Artikolu 1(5) f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru għandu jitħalla, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu li jagħmel, skont ma jkun il-każ, operazzjonijiet ta’ kabotaġġ tal-istess tip jew operazzjonijiet ta’ kabotaġġ permezz ta’ vetturi fl-istess kategorija.”;

    (5)

    l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Il-Kummissjoni għandha teżamina s-sitwazzjoni abbażi, b’mod partikolari, tad-data rilevanti u, wara li tikkonsulta lill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7) għandha tiddeċiedi fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba tal-Istat Membru jekk humiex meħtieġa miżuri ta’ salvagwardja u għandha tadottahom jekk dawn ikunu meħtieġa.

    (*7)  Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).”;"

    (b)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “7.   Barra mill-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-Artikolu u bħala deroga mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/106/KEE, l-Istati Membri jistgħu, fejn meħtieġ biex jiġi evitat l-użu ħażin tad-dispożizzjoni tal-aħħar permezz tal-għoti ta’ servizzi bla limitu u kontinwi li jikkonsistu minn vjaġġi inizjali jew finali bit-triq fi Stat Membru ospitanti li jifformaw parti minn operazzjonijiet tat-trasport ikkombinat bejn l-Istati Membri, jipprevedu li l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament japplika għat-trasportaturi tal-merkanzija meta jwettqu tali partijiet minn vjaġġi inizjali u/jew finali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq f’dak l-Istat Membru. Fir-rigward ta’ tali partijiet minn vjaġġi ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perijodu itwal mill-perijodu ta’ sebat ijiem previst fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-Regolament u jistgħu jipprevedu perijodu iqsar mill-perijodu ta’ erbat ijiem previst fl-Artikolu 8(2a) ta’ dan ir-Regolament. L-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-Regolament għal tali operazzjonijiet ta’ trasport għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti li ġejjin mid-Direttiva 92/106/KEE. L-Istati Membri li jagħmlu użu mid-deroga prevista f’dan il-paragrafu għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan qabel ma japplikaw il-miżuri nazzjonali rilevanti tagħhom. Huma għandhom jirrevedu dawk il-miżuri mill-inqas kull ħames snin u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-riżultati ta’ dik ir-reviżjoni. Huma għandhom jagħmlu r-regoli, inkluż it-tul tal-perijodi rispettivi, pubblikament disponibbli b’mod trasparenti.”;

    (6)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 10a

    Kontrolli

    1.   Sabiex jiġu infurzati aktar l-obbligi stabbiliti f’dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi applikata strateġija nazzjonali koerenti ta’ infurzar fit-territorju tagħhom. Dik l-istrateġija għandha tiffoka fuq l-impriżi b’rata għolja ta’ riskju kif imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8).

    2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-kontrolli previsti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE jinkludu kontroll fuq operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fejn rilevanti.

    3.   Tal-inqas darbtejn fis-sena, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli miftiehma mal-ġenb tat-triq fuq operazzjonijiet ta’ kabotaġġ. Dawn il-kontrolli għandhom isiru fl-istess ħin mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tar-regoli fil-qasam tat-trasport bit-triq ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, b’kull awtorità nazzjonali topera fit-territorju tagħha. L-Istati Membri jistgħu jikkombinaw dawk l-attivitajiet ma’ dawk previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/22/KE. Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali nominati skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar l-għadd u t-tipi ta’ ksur osservati wara li jkunu saru l-kontrolli miftiehma mal-ġenb tat-triq.

    (*8)  Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kundizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014 u tad-Direttiva 2002/15/KE fir-rigward tal-leġiżlazzjoni soċjali relatata ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35).”;"

    (7)

    jiddaħħlu l-Artikolili ġejjin:

    “Artikolu 14a

    Responsabbiltà

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet kontra l-konsenjaturi, l-ispedizjonieri, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi għal nuqqas ta’ konformità mal-Kapitoli II u III, f’każijiet fejn kienu jafu, jew fejn, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti kellhom ikunu jafu, li s-servizzi tat-trasport li kkummissjonaw involvew ksur ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 14b

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 5(4) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat mill-20 ta’ Awwissu 2020.

    3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 5(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*9).

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 5(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    (*9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”;"

    (8)

    l-Artikolu 15 jitħassar;

    (9)

    l-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 17

    Rapportar u rieżami

    1.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sentejn, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-għadd ta’ operaturi tat-trasport li jkollhom liċenzji Komunitarji fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull waħda mis-sentejn preċedenti u bl-għadd ta’ kopji veri attestati li jikkorrispondu għall-vetturi li jkun hemm fiċ-ċirkolazzjoni f’dik id-data. Rapporti marbuta mal-perijodu ta’ wara l-20 ta’ Mejju 2022 għandhom jinkludu wkoll tqassim ta’ dawn il-punti skont l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq involuti f’operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali permezz ta’ vetturi li l-massa mgħobbija permissibbli tagħhom ma taqbiżx it-3,5 tunnellati biss, u operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li jifdal.

    2.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sentejn, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-għadd ta’ attestazzjonijiet tax-xufiera maħruġa f’kull waħda mis-sentejn kalendarji preċedenti, kif ukoll l-għadd totali ta’ attestazzjonijiet tax-xufiera li jkun hemm fiċ-ċirkolazzjoni fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull waħda mis-sentejn ta’ qabel. Rapporti marbuta mal-perijodu ta’ wara l-20 ta’ Mejju 2022 għandhom jinkludu wkoll tqassim ta’ dawn il-punti skont l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq involuti f’operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali permezz biss ta’ vetturi li l-massa mgħobbija permissibbli tagħhom ma taqbiżx it-3,5 tunnellati, u l-operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li jifdal.

    3.   Sal-21 ta’ Awwissu 2022, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-istrateġija nazzjonali tagħhom tal-infurzar adottata skont l-Artikolu 10a. Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet ta’ infurzar imwettqa fis-sena kalendarja preċedenti skont l-Artikolu 10a, inkluż, fejn xieraq, l-għadd ta’ kontrolli mwettqa. Din l-informazzjoni għandha tinkludi n-numru ta’ vetturi kkontrollati.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-istat tas-suq tat-trasport bit-triq tal-Unjoni sal-21 ta’ Awwissu 2024. Ir-rapport għandu jkun fih analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq, inkluż evalwazzjoni tal-effikaċja tal-kontrolli u l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjiegi fil-professjoni.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-impatt tal-emendi tal-Artikolu 8 introdotti bir-Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*10) sal-21 ta’ Awwissu 2023 u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    6.   Wara r-rapport imsemmi fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament fuq bażi regolari u għandha tippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    7.   Fejn ikun xieraq, ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 5 u 6 għandhom ikunu akkumpanjati minn proposti leġiżlattivi rilevanti.

    (*10)  Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 17).”."

    Artikolu 3

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1024/2012

    Fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 jiżdied il-punt li ġej:

    “15.

    Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (*11): l-Artikolu 18(8)._

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-21 ta’ Frar 2022.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2020.

    Gћall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D.M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. KLOECKNER


    (1)  ĠU C 197, 8.6.2018,p. 38.

    (2)  ĠU C 176, 23.5.2018, p. 57.

    (3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-7 ta’ April 2020 (ĠU C 153, 7.5.2020, p. 1).Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51).

    (5)  Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72).

    (6)  Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).

    (7)  Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kundizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014 u tad-Direttiva 2002/15/KE fir-rigward tal-leġiżlazzjoni soċjali relatata ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35).

    (8)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (9)  Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta’ Diċembru 1992 dwar l-istabbilment ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri (ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38).

    (10)  Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21).

    (11)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (12)  Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).


    Top