Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0878

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/878 tat-18 ta’ Ġunju 2020 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/4003

    ĠU L 203, 26.6.2020, p. 28–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/878/oj

    26.6.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 203/28


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/878

    tat-18 ta’ Ġunju 2020

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 131 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jistipula r-rekwiżiti għall-kumpilazzjoni tal-iskedi ta’ data ta’ sigurtà, użati biex tingħata informazzjoni dwar sustanzi u taħlitiet kimiċi fl-Unjoni Ewropea.

    (2)

    Mill-1 ta’ Jannar 2020, għandu japplika r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1881 (2) li jemenda l-Annessi I, III u VI sa XII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Ir-Regolament (UE) 2018/1881 jintroduċi rekwiżiti speċifiċi għan-nanoforom tas-sustanzi. Billi l-informazzjoni b’rabta ma’ dawk ir-rekwiżiti għandha tiġi inkluża fl-iskedi ta’ data ta’ sigurtà, jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi modifikat skont dan.

    (3)

    Is-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikettar ta’ Sustanzi Kimiċi (GHS), żviluppata fil-qafas tal-istruttura tan-Nazzjonijiet Uniti, tistabbilixxi kriterji armonizzati fil-livell internazzjonali għall-klassifikazzjoni u għat-tikkettar ta’ sustanzi kimiċi kif ukoll ir-regoli għall-iskedi ta’ data ta’ sigurtà. L-Unjoni kkonfermat l-intenzjoni tagħha li tinkorpora l-kriterji tal-GHS fil-liġi tal-Unjoni.

    (4)

    L-istrumenti previsti mill-GHS biex jikkomunikaw il-perikli ta’ sustanzi u ta’ taħlitiet huma t-tikketti u l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà. Id-dispożizzjonijiet tal-GHS dwar l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà huma inklużi fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti għal skedi ta’ data ta’ sigurtà stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġu adattati għar-regoli għall-iskedi ta’ data ta’ sigurtà tas-sitt u s-seba’ reviżjoni tal-GHS.

    (5)

    L-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) se jippermetti, inter alia, li l-identifikatur uniku tal-formula jiġi indikat biss fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà fir-rigward ta’ taħlitiet perikolużi fornuti għall-użu f’siti industrijali. Għal ċerti taħlitiet li mhumiex ippakkjati, dan se jeżiġi wkoll li l-identifikatur uniku tal-formula jiġi indikat fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament KE Nru 1907/2006 jirrifletti dawk il-bidliet u li jindika fejn fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà jrid jidher l-identifikatur uniku tal-formula.

    (6)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Novembru 2018“Lejn qafas tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali” (4) tindika li l-Kummissjoni qed tivvaluta kif tista’ ttejjeb il-komunikazzjoni permezz tal-katina tal-provvista għall-interferenti endokrinali skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 fil-kuntest tal-ħidma fuq l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà. Ġew identifikati għadd ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-iskedi ta’ data ta’ sigurtà bħala rilevanti għas-sustanzi u għat-taħlitiet bi proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali u għalhekk l-Anness II ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ jiġi modifikat skont dan.

    (7)

    Hemm limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi, fatturi ta’ multiplikazzjoni u stimi ta’ tossiċità akuta li huma stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u li huma rilevanti għall-użu sikur ta’ sustanzi u ta’ taħlitiet, u għalhekk jenħtieġ jingħataw fl-iskedi ta’ data ta’ sigurtà, jekk disponibbli.

    (8)

    Ir-rekwiżit li l-operaturi ekonomiċi li diġà jkunu kkompilaw skedi ta’ data ta’ sigurtà, jaġġornawhom immedjatament skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jimponi piż sproporzjonat fuqhom. Minflok jenħtieġ li l-operaturi jitħallew ikomplu jipprovdu l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà, skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/830 (5) għal ċertu perjodu. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu li jiġu aġġornati l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà skont l-Artikolu 31(9) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, inkluż il-każijiet meta l-identifikatur uniku tal-formula jiġi miżjud mal-iskedi ta’ data ta’ sigurtà kif previsti fit-Taqsima 5 tal-Parti A tal-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    B’deroga mill-Artikolu 3, l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà li ma jikkonformawx mal-Anness ta’ dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu jingħataw sal-31 ta’ Diċembru 2022.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1881 tat-3 ta’ Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Annessi I, III, VI, VII, VIII, IX, X, XI, u XII biex jindirizza n-nanoforom tas-sustanzi (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

    (4)  COM(2018)734

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/830 tat-28 ta’ Mejju 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU L 132, 29.5.2015, p. 8).


    ANNESS

    “ANNESS II

    REKWIŻITI GĦALL-KOMPILAZZJ-ONI TAL-ISKEDI TA’ DATA TA’ SIGURTÀ

    PARTI A

    0.1.   Introduzzjoni

    0.1.1.

    Dan l-Anness jistipula r-rekwiżiti li l-fornitur għandu jilħaq għall-kompilazzjoni ta’ skeda ta’ data ta’ sigurtà li tingħata għal sustanza jew għal taħlita skont l-Artikolu 31.

    0.1.2.

    L-informazzjoni dwar is-sustanzi mogħtija fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni fir-reġistrazzjoni u fir-rapport ta’ sigurtà kimika, meta dan ikun meħtieġ. Fil-każ li jitlesta rapport ta’ sigurtà kimika, ix-xenarju(i) rilevanti tal-esponiment għandhom jitqiegħdu f’anness tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    0.1.3.

    F’kull taqsima rilevanti, l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha ssemmi jekk tkoprix nanoforom differenti u liema minnhom, u għandha torbot l-informazzjoni tas-sikurezza rilevanti ma’ kull waħda minn dawk in-nanoforom. Kif previst fl-Anness VI, it-terminu “nanoforma” f’dan l-Anness jirreferi għal nanoforma jew għal sett ta’ nanoforom simili.

    0.2.   Rekwiżiti ġenerali għat-tfassil ta’ skeda ta’ data ta’ sigurtà

    0.2.1.

    L-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tippermetti li l-utenti jieħdu l-miżuri meħtieġa relatati mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tal-bniedem, u mal-ħarsien tal-ambjent. Min jimla l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandu jagħti kas li skeda ta’ data ta’ sigurtà trid tgħarraf lil min jaqraha bil-perikli ta’ sustanza jew ta’ taħlita u trid tagħti informazzjoni dwar il-ħażna, il-ġestjoni u r-rimi bla periklu tas-sustanza jew tat-taħlita.

    0.2.2.

    L-informazzjoni mogħtija fl-iskedi ta’ data ta’ sigurtà għandha wkoll tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 98/24/KE. B’mod partikolari, mill-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, min iħaddem għandu jkun jista’ jiddetermina jekk fuq il-post tax-xogħol hemmx xi aġenti kimiċi perikolużi, u jkun jista’ jistma kwalunkwe riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema meta dawn jintużaw.

    0.2.3.

    L-informazzjoni fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tkun miktuba b’mod ċar u konċiż. L-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha titħejja minn persuna kompetenti li tqis ir-rekwiżiti u l-għarfien speċifiċi tal-utenti indirizzati, sa fejn dawn ikunu magħrufa. Il-fornituri ta’ sustanzi u ta’ taħlitiet għandhom jiżguraw li dawn il-persuni kompetenti jkunu ħadu taħriġ xieraq, inkluż taħriġ ta’ aġġornament.

    0.2.4.

    Il-lingwaġġ użat fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandu jkun sempliċi, ċar u preċiż, b’mod li jevita l-lingwaġġ speċjalizzat, l-akronimi u t-taqsiriet. Ma għandhomx jintużaw dikjarazzjonijiet bħal “jista’ jkun perikoluż”, “mingħajr effetti fuq is-saħħa”, “bla periklu fil-biċċa l-kbira tal-kundizzjonijiet ta’ użu” jew “bla periklu” jew xi dikjarazzjoni oħra li tindika li s-sustanza jew it-taħlita mhix perikoluża jew xi dikjarazzjoni oħra li tkun inkonsistenti mal-klassifikazzjoni ta’ dik is-sustanza jew ta’ dik it-taħlita.

    0.2.5.

    Id-data tal-kumpilazzjoni tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tinkiteb fl-ewwel paġna. Meta skeda ta’ data ta’ sigurtà tkun ġiet riveduta u l-verżjoni l-ġdida u riveduta tingħata lill-benefiċjarji, il-bidliet għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-benefiċjarji għat-Taqsima 16 tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, sakemm dawn ma jkunux ġew indikati band’oħra. Għall-iskedi ta’ data ta’ sigurtà riveduti, fl-ewwel paġna għandha tidher id-data tal-kumpilazzjoni identifikata bħala “Reviżjoni: (id-data)”, flimkien ma’ indikazzjoni waħda jew aktar dwar liema verżjoni hija sostitwita, pereżempju n-numru tal-verżjoni, in-numru tar-reviżjoni, jew id-data ta’ sostituzzjoni.

    0.3.   Format tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà

    0.3.1.

    L-iskeda ta’ data ta’ sigurtà ma għandhiex tul fiss. It-tul tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandu jkun proporzjonat mal-periklu tas-sustanza jew tat-taħlita u mal-informazzjoni disponibbli.

    0.3.2.

    Il-paġni kollha ta’ skeda ta’ data ta’ sigurtà, inkluż kull anness, għandhom ikunu numerati u għandu jkollhom indikazzjoni tat-tul tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà (pereżempju “paġna 1 minn 3”) jew indikazzjoni dwar jekk hemmx paġna wara (pereżempju “Ikompli fil-paġna li ġejja” jew “Tmiem l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà”).

    0.4.   Kontenut tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà

    L-informazzjoni meħtieġa skont dan l-Anness għandha tiġi inkluża fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, meta applikabbli u disponibbli, fis-subtaqsimiet rilevanti stipulati fil-Parti B. L-iskeda ta’ data ta’ sigurtà ma għandux ikollha subtaqsimiet vojta.

    0.5.   Rekwiżiti oħra ta’ informazzjoni

    Minħabba l-firxa wiesgħa ta’ proprjetajiet tas-sustanzi u tat-taħlitiet, f’xi każijiet jista’ jkun meħtieġ li tiġi inkluża informazzjoni rilevanti addizzjonali u disponibbli fis-subtaqsimiet rilevanti.

    L-informazzjoni addizzjonali ta’ sigurtà u dwar l-ambjent hija meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-baħħara u ta’ ħaddiema oħra tat-trasport bl-ingrossa ta’ oġġetti perikolużi bil-baħar jew fuq passaġġi tal-ilma interni jew fuq bastimenti tat-tankijiet permezz tal-passaġġi tal-ilma interni soġġetti għar-regolamenti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) jew għal regolamenti nazzjonali. Is-subtaqsima 14.7 tirrakkomanda l-inklużjoni ta’ informazzjoni bażika dwar il-klassifikazzjoni meta dawn it-tipi ta’ merkanzija jkunu trasportati bl-ingrossa skont l-istrumenti rilevanti tal-OMI. Barra minn hekk, il-bastimenti li jġorru ż-żejt jew il-fjuwil taż-żejt, kif definit fl-Anness I tal-MARPOL (1), jew il-fjuwil taż-żejt għar-riforniment tal-bastimenti, huma meħtieġa li qabel ma jgħabbu jkollhom “skeda ta’ data ta’ sigurtà tal-materjali” skont ir-riżoluzzjoni tal-Kumitat għas-Sikurezza Marittima (l-MSC) tal-OMI “Recommendations for Material Safety Data Sheets (MSDS) for MARPOL Annex I Oil Cargo and Oil Fuel” (MSC.286(86)). Għalhekk, sabiex ikun hemm skeda ta’ data ta’ sigurtà unika u armonizzata għall-użu marittimu kif ukoll għal dak mhux marittimu, meta jkun xieraq jistgħu jiddaħħlu fl-iskedi ta’ data ta’ sigurtà d-dispożizzjonijiet addizzjonali tar-Riżoluzzjoni MSC.286(86) għat-trasport marittimu tal-merkanziji u ż-żjut tal-fjuwil marini tal-Anness I tal-MARPOL.

    0.6.   Unitajiet

    Għandhom jintużaw l-unitajiet ta’ kejl kif stipulat fid-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE (2).

    0.7.   Każijiet speċjali

    L-iskedi ta’ data ta’ sigurtà għandhom ikunu meħtieġa wkoll għall-każijiet speċjali elenkati fil-paragrafu 1.3 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 li għalihom hemm derogi tat-tikkettar.

    1.    TAQSIMA 1: Identifikazzjoni tas-sustanza/tat-taħlita u tal-kumpanija/tal-impriża

    Din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tippreskrivi l-mod kif għandha tiġi identifikata s-sustanza jew it-taħlita u l-mod kif l-użi rilevanti identifikati, l-isem tal-fornitur tas-sustanza jew tat-taħlita u l-informazzjoni bid-dettalji tal-kuntatt tal-fornitur tas-sustanza jew tat-taħlita inkluż kuntatt ta’ emerġenza għandhom jingħataw fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    1.1.   Identifikatur tal-prodott

    Fil-każ ta’ sustanza, l-identifikatur tal-prodott għandu jingħata skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, filwaqt li fil-każ ta’ taħlita dan għandu jingħata skont l-Artikolu 18(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, kif stipulat fit-tikketta bl-ilsna uffiċjali tal-Istati Membri fejn is-sustanza jew it-taħlita titqiegħed fis-suq, sakemm l-Istati Membri konċernati ma jistipulawx mod ieħor.

    Għas-sustanzi soġġetti għar-reġistrazzjoni, l-identifikatur tal-prodott għandu jkun konsistenti ma’ dak provdut fir-reġistrazzjoni u għandu jiġi indikat ukoll in-numru tar-reġistrazzjoni assenjat skont l-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-Regolament. Jistgħu jingħataw identifikaturi addizzjonali wkoll jekk ma jkunux intużaw fir-reġistrazzjoni.

    Mingħajr ma jintlaqtu l-obbligi tal-utenti downstream stipulati fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament, fornitur li huwa distributur jew utent downstream jista’ jħalli barra dik il-parti tan-numru tar-reġistrazzjoni li tirreferi għar-reġistrant individwali ta’ sottomissjoni konġunta, bil-kundizzjoni li:

    (a)

    dan il-fornitur jerfa’ r-responsabilità li jagħti n-numru tar-reġistrazzjoni sħiħ malli jintalab għal skopijiet ta’ infurzar jew, jekk in-numru tar-reġistrazzjoni sħiħ ma jkunx disponibbli għalih, li jibgħat it-talba lill-fornitur tiegħu skont il-punt (b); u

    (b)

    dan il-fornitur jipprovdi n-numru tar-reġistrazzjoni sħiħ lill-awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-infurzar (“l-awtorità tal-infurzar”) fi żmien sebat (7) ijiem malli jintalab, jew direttament mingħand l-awtorità tal-infurzar inkella mingħand id-destinatarju tiegħu, jew jekk in-numru tar-reġistrazzjoni sħiħ mhuwiex disponibbli għalih, dan il-fornitur għandu jgħaddi t-talba lill-fornitur tiegħu fi żmien sebat (7) ijiem minn meta tasallu t-talba u fl-istess waqt jinforma lill-awtorità tal-infurzar b’dan.

    Tista’ tingħata skeda ta’ data ta’ sigurtà waħda li tkun tkopri aktar minn sustanza jew taħlita waħda diment li l-informazzjoni f’dik l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà tkun tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan l-Anness għal kull waħda minn dawk is-sustanzi jew taħlitiet.

    Meta forom differenti ta’ sustanza jkunu koperti minn skeda ta’ data ta’ sigurtà waħda, għandha tiġi inkluża l-informazzjoni rilevanti li tindika b’mod ċar liema informazzjoni hija relatata ma’ liema forma. Inkella tista’ titħejja skeda ta’ data ta’ sigurtà separata għal kull forma jew għal kull grupp ta’ forom.

    Meta l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà tkun tappartjeni għal nanoforma waħda jew iktar, jew għal sustanzi li jinkludu n-nanoforom, dan għandu jiġi indikat billi tintuża l-kelma “nanoforma”.

    Mezzi oħra ta’ identifikazzjoni

    Jistgħu jingħataw ismijiet jew sinonimi oħra li s-sustanza jew it-taħlita tkun tikkettata bihom jew tkun magħrufa l-aktar bihom.

    Meta taħlita jkollha identifikatur uniku tal-formula (UFI) skont it-Taqsima 5 tal-Parti A tal-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u dak l-identifikatur uniku tal-formula huwa indikat fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, f’dak il-każ il-UFI għandu jingħata f’din is-subtaqsima.

    1.2.   Użi rilevanti identifikati tas-sustanza jew tat-taħlita u użi mhux rakkomandati

    Mill-inqas għandha tiġi indikata deskrizzjoni qasira tal-użi identifikati (pereżempju t-tindif tal-art, jew l-użu industrijali fil-produzzjoni tal-polimeri, jew l-użu professjonali fl-aġenti tat-tindif) li huma pertinenti għar-riċevitur(i) tas-sustanza jew tat-taħlita.

    Meta jkun japplika, għandhom jiġu dikjarati l-użi li l-fornitur iwissi kontrihom u r-raġunijiet għaliex iwissi kontrihom. Din mhemmx għalfejn tkun lista eżawrjenti.

    Meta jkun meħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika, l-informazzjoni f’din is-subtaqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tkun konsistenti mal-użi identifikati fir-rapport ta’ sigurtà kimika u x-xenarji tal-esponiment mir-rapport ta’ sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    1.3.   Dettalji tal-fornitur tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà

    Il-fornitur tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandu jiġi identifikat, kemm jekk huwa l-manifattur, l-importatur, l-uniku rappreżentant, l-utent downstream jew id-distributur. Għandhom jingħataw ukoll l-indirizz sħiħ u n-numru tat-telefown tal-fornitur kif ukoll l-indirizz elettroniku ta’ persuna kompetenti responsabbli mill-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    Barra minn hekk, jekk il-fornitur ma jkunx jinsab fl-Istat Membru fejn is-sustanza jew it-taħlita titqiegħed fis-suq u dan ikun innomina persuna responsabbli għal dak l-Istat Membru, għandhom jingħataw l-indirizz sħiħ u n-numru tat-telefown ta’ dik il-persuna responsabbli.

    Meta jkun inħatar rappreżentant uniku, jistgħu jingħataw ukoll id-dettalji tal-manifattur jew tal-formulatur li mhuwiex fl-Unjoni.

    Għar-reġistranti, l-informazzjoni dwar il-fornitur tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà u, jekk tkun ipprovduta, dwar il-fornitur tas-sustanza jew tat-taħlita, għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni dwar l-identità tal-manifattur, tal-importatur jew tal-uniku rappreżentant mogħtija fir-reġistrazzjoni.

    1.4.   Numru tat-telefown ta’ emerġenza

    Għandhom jingħataw referenzi għas-servizzi ta’ informazzjoni ta’ emerġenza. Jekk ikun hemm korp konsultattiv uffiċjali fl-Istat Membru fejn is-sustanza jew it-taħlita titqiegħed fis-suq (dan jista’ jkun il-korp responsabbli li jirċievi informazzjoni relatata mas-saħħa kif imsemmi fl-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008), għandu jingħata n-numru tat-telefown tiegħu u dan għandu jkun biżżejjed. Jekk id-disponibilità ta’ servizzi bħal dawn tkun limitata għal xi raġunijiet, bħas-sigħat tal-operat, jew jekk ikun hemm limiti fuq tipi speċifiċi ta’ informazzjoni mogħtija, dan għandu jiġi dikjarat b’mod ċar.

    2.    TAQSIMA 2: Identifikazzjoni tar-riskji

    Din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà tiddeskrivi l-perikli tas-sustanza jew tat-taħlita u l-informazzjoni xierqa ta’ twissija assoċjata ma’ dawk il-perikli.

    2.1.   Klassifikazzjoni tas-sustanza jew tat-taħlita

    Għandha tingħata l-klassifikazzjoni tas-sustanza jew tat-taħlita li tirriżulta meta jiġu applikati l-kriterji tal-klassifikazzjoni li hemm fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Meta l-fornitur ikun innotifika l-informazzjoni fir-rigward tas-sustanza għall-inventarju tal-klassifikazzjoni u tat-tikkettar skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, jew ikun ta l-informazzjoni bħala parti minn reġistrazzjoni skont dan ir-Regolament, il-klassifikazzjoni mogħtija fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tkun l-istess bħall-klassifikazzjoni mogħtija f’dik in-notifika jew f’dik ir-reġistrazzjoni.

    Jekk it-taħlita ma tkunx tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, dan għandu jiġi ddikjarat b’mod ċar.

    L-informazzjoni dwar is-sustanzi fit-taħlita hija mogħtija fis-subtaqsima 3.2.

    Jekk il-klassifikazzjoni, inkluż id-dikjarazzjonijiet tal-periklu, ma tkunx inkitbet b’mod sħiħ, għandha ssir referenza għat-Taqsima 16, fejn għandu jingħata t-test sħiħ ta’ kull klassifikazzjoni, inkluż kull dikjarazzjoni tal-periklu.

    Għandhom jiġu elenkati l-aktar effetti fiżiċi, sanitarji u ambjentali avversi importanti skont it-Taqsimiet 9 sa 12 tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, b’tali mod li min ma jkunx espert fil-qasam xorta jkun jista’ jidentifika l-perikli tas-sustanza jew tat-taħlita.

    2.2.   Elementi fuq it-tikketta

    Abbażi tal-klassifikazzjoni, tal-inqas l-elementi li ġejjin għandhom jidhru fuq it-tikketta skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008: pittogramma(i) tal-perikli, kelma/kliem ta’ sinjal, dikjarazzjoni(jiet) tal-periklu u dikjarazzjoni(jiet) ta’ prekawzjoni. Riproduzzjoni grafika tal-pittogramma sħiħa tal-perikli bl-iswed fuq l-abjad jew riproduzzjoni grafika tas-simbolu biss jistgħu jiġu sostitwiti bil-pittogramma bil-kulur prevista fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

    L-elementi applikabbli fuq it-tikketta għandhom jingħataw skont l-Artikolu 25(1) sa (6) u mal-Artikolu 32(6) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

    2.3.   Perikli oħrajn

    Għandha tingħata informazzjoni dwar jekk is-sustanza tissodisfax il-kriterji bħala persistenti, bijoakkumulattiva u tossika jew persistenti ħafna u bijoakkumulattiva ħafna skont l-Anness XIII, dwar jekk is-sustanza ġietx inkluża fil-lista stabbilità skont l-Artikolu 59(1) billi jkollha proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali, u dwar jekk is-sustanza hijiex identifikata bħala sustanza li għandha proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2100 (3) jew fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 (4). Għal taħlita, għandha tingħata l-informazzjoni għal kull tali sustanza li jkun hemm fit-taħlita f’konċentrazzjoni ugwali jew akbar minn 0,1 % skont il-piż.

    Għandha tingħata informazzjoni dwar perikli oħra li ma jirriżultawx fil-klassifikazzjoni iżda li jistgħu jikkontribwixxu għall-perikli globali tas-sustanza jew tat-taħlita, bħalma huma l-formazzjoni ta’ elementi li jniġġsu l-arja waqt it-twebbis jew l-ipproċessar, il-ħolqien ta’ trab, proprjetajiet splussivi li ma jissodisfawx il-kriterji tal-klassifikazzjoni tal-parti 2, it-Taqsima 2.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, perikli ta’ splużjoni tat-trab, transensitizzazzjoni, soffokazzjoni, iffriżar, potenza elevata tar-riħa jew tat-togħma, jew effetti ambjentali bħal perikli għall-organizmi li jgħixu fil-ħamrija, jew il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ ożonu fotokimiku. Id-dikjarazzjoni “Jekk tixxerred, tista’ tifforma taħlita ta’ trab splussiv fl-arja” hija xierqa fil-każ ta’ periklu ta’ splużjoni tat-trab.

    3.    TAQSIMA 3: Kompożizzjoni/informazzjoni dwar l-ingredjenti

    Din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tiddeskrivi l-identità kimika tal-ingredjenti tas-sustanza jew tat-taħlita, inkluż l-impuritajiet u l-addittivi ta’ stabilità kif stipulat hawn taħt. Għandha tiġi indikata informazzjoni tas-sikurezza xierqa u disponibbli dwar il-kimika tas-superfiċje.

    3.1.   Sustanzi

    L-identità kimika tal-kostitwent ewlieni tas-sustanza għandha tingħata billi tal-inqas jingħata l-identifikatur tal-prodott jew wieħed mill-mezzi l-oħra ta’ identifikazzjoni mogħtija fis-subtaqsima 1.1.

    Għandha tingħata l-identità kimika ta’ kwalunkwe impurità, addittiv ta’ stabbilizzazzjoni jew kostitwent individwali ieħor minbarra l-kostitwent ewlieni, li dan stess huwa klassifikat u li jikkontribwixxi għall-klassifikazzjoni tas-sustanzi kif ġej:

    (a)

    l-identifikatur tal-prodott skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

    (b)

    fil-każ li l-identifikatur tal-prodott ma jkunx disponibbli, wieħed mill-ismijiet l-oħra (l-isem tas-soltu, l-isem kummerċjali, taqsira) jew in-numri ta’ identifikazzjoni.

    Il-limitu ta’ konċentrazzjoni speċifiku, il-fattur-M u l-istima tat-tossiċità akuta għas-sustanzi inklużi fil-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, jew determinati skont l-Anness I ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu indikati, jekk ikunu disponibbli.

    Jekk is-sustanza tkun reġistrata u tkopri nanoforma, għandhom jiġu indikati l-karatteristiċi tal-partikuli li jispeċifikaw in-nanoforma, kif deskritt fl-Anness VI.

    Jekk is-sustanza ma tkunx reġistrata, iżda l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà tkun tkopri n-nanoforom, li l-karatteristiċi tal-partikuli tagħhom ikollhom impatt fuq is-sikurezza tas-sustanza, dawk il-karatteristiċi għandhom jiġu indikati.

    Il-fornituri tas-sustanzi jistgħu jagħżlu li jelenkaw ukoll il-kostitwenti kollha, inkluż dawk mhux klassifikati.

    Din is-subtaqsima tista’ tintuża wkoll biex tagħti informazzjoni dwar sustanzi multikostitwenti.

    3.2.   Taħlitiet

    Għandhom jingħataw l-identifikatur tal-prodott, il-konċentrazzjoni jew il-firxiet ta’ konċentrazzjoni tal-inqas għas-sustanzi kollha msemmija fil-punti 3.2.1 jew 3.2.2. Il-fornituri tat-taħlitiet jistgħu jagħżlu li minbarra dawn, jelenkaw is-sustanzi kollha fit-taħlita, inkluż is-sustanzi li ma jikkonformawx mal-kriterji għall-klassifikazzjoni. L-informazzjoni għandha tippermetti li d-destinatarju jidentifika faċilment il-perikli tas-sustanzi fit-taħlita. Il-perikli tat-taħlita stess għandhom jingħataw fit-Taqsima 2.

    Il-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi f’taħlita għandhom jiġu deskritti b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:

    (a)

    il-perċentwali eżatti f’ordni dekrexxenti skont il-massa jew il-volum, jekk dan ikun possibbli teknikament;

    (b)

    il-firxiet tal-perċentwali f’ordni dekrexxenti skont il-massa jew il-volum, jekk dan ikun possibbli teknikament.

    Meta tintuża firxa ta’ perċentwali, jekk l-effetti tat-taħlita fit-totalità tagħha ma jkunux disponibbli, il-perikli għas-saħħa u għall-ambjent għandhom jiddeskrivu l-effetti tal-ogħla konċentrazzjonijiet ta’ kull ingredjent.

    Jekk l-effetti tat-taħlita fit-totalità tagħha jkunu disponibbli, il-klassifikazzjoni determinata minn din l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fit-Taqsima 2.

    Meta l-użu ta’ isem kimiku alternattiv ikun permess skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, dak l-isem jista’ jintuża.

    3.2.1.

    Għal taħlita li tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, is-sustanzi li ġejjin (ara wkoll it-Tabella 1.1) għandhom jiġu indikati, flimkien mal-konċentrazzjoni jew mal-firxa tal-konċentrazzjoni tagħhom fit-taħlita:

    (a)

    is-sustanzi li jippreżentaw periklu għas-saħħa jew għall-ambjent fit-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, jekk dawn ikunu preżenti f’konċentrazzjonijiet ugwali jew akbar mill-inqas wieħed fost xi waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    il-valuri ta’ limitu ġeneriċi stipulati fit-Tabella 1.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

    (ii)

    il-limiti ġeneriċi ta’ konċentrazzjoni mogħtija fil-partijiet 3 sa 5 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1272/2008, filwaqt li jitqiesu l-konċentrazzjonijiet speċifikati fin-noti għal ċerti tabelli fil-parti 3 b’rabta mal-obbligu li meta tintalab, trid issir disponibbli skeda ta’ data ta’ sigurtà għat-taħlita, u għall-periklu mill-aspirazzjoni (it-Taqsima 3.10 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008) ≥ 1 %;

    (iii)

    il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi mogħtija fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

    (iv)

    jekk ikun ingħata fattur M (fattur multiplikanti) fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, il-valur ta’ limitu ġeneriku fit-Tabella 1.1 tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, aġġustat bl-użu tal-kalkolu stabbilit fit-Taqsima 4.1 tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament;

    (v)

    il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi mogħtija lill-inventarju tal-klassifikazzjoni u tat-tikkettar stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

    (vi)

    wieħed minn għaxra tal-limitu ta’ konċentrazzjoni speċifiku għal sustanza klassifikata bħala sensitizzatur tal-ġilda jew sensitizzatur respiratorju b’limitu ta’ konċentrazzjoni speċifiku;

    (vii)

    il-limiti ta’ konċentrazzjoni stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

    (viii)

    jekk ikun ingħata fattur M lill-inventarju tal-klassifikazzjoni u tat-tikkettar stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, il-valur ta’ limitu ġeneriku fit-Tabella 1.1 tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, aġġustat bl-użu tal-kalkolu stipulat fit-Taqsima 4.1 tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

    (b)

    is-sustanzi li għalihom ikun hemm limiti tal-Unjoni tal-esponiment fuq il-post tax-xogħol, li ma jkunux diġà inklużi fil-punt (a);

    (c)

    bil-kundizzjoni li l-konċentrazzjoni ta’ sustanza individwali tkun 0,1 % jew aktar, is-sustanzi li jissodisfaw xi wieħed mill-kriterji li ġejjin:

    is-sustanzi li huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII,

    is-sustanzi inklużi fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 59(1) għal raġunijiet għajr il-perikli msemmija fil-punt (a) ta’ din is-subtaqsima bħal proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali,

    is-sustanzi identifikati li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2017/2100 jew fir-Regolament (UE) 2018/605.

    Tabella 1.1

    Lista tal-klassijiet tal-periklu, tal-kategoriji tal-periklu u tal-limiti ta’ konċentrazzjoni li għalihom sustanza għandha tiġi elenkata bħala sustanza f’taħlita tas-subtaqsima 3.2.1

    Klassi u kategorija tal-periklu

    Limitu ta’ konċentrazzjoni (%)

    Tossiċità akuta, il-kategorija 1, 2 u 3

    ≥ 0,1

    Tossiċità akuta, il-kategorija 4

    ≥ 1

    Korrużjoni/irritazzjoni tal-ġilda, il-kategorija 1, il-kategoriji 1 A, 1B, 1C u l-kategorija 2

    ≥ 1

    Ħsara serja lill-għajnejn/irritazzjoni tal-għajnejn, il-kategorija 1 u 2

    ≥ 1

    Sensitizzatur respiratorju tal-kategorija 1 jew tal-kategorija 1B

    ≥ 0,1

    Sensitizzatur respiratorju tal-kategorija 1 A

    ≥ 0,01

    Sensitizzatur tal-ġilda tal-kategorija 1 jew tal-kategorija 1B

    ≥ 0,1

    Sensitizzatur tal-ġilda tal-kategorija 1 A

    ≥ 0,01

    Mutaġeniċità għaċ-ċelloli ġerminali tal-kategoriji 1 A u1B

    ≥ 0,1

    Mutaġeniċità għaċ-ċelloli ġerminali tal-kategorija 2

    ≥ 1

    Karċinoġeniċità tal-kategoriji 1 A, 1B u 2

    ≥ 0,1

    Tossiċità riproduttiva tal-kategorija 1 A, 1B, 2 u effetti fuq jew permezz tat-treddigħ

    ≥ 0,1

    Tossicità speċifika għall-organi fil-mira (STOT) — esponiment ta’ darba tal-kategoriji 1, 2 u 3

    ≥ 1

    Tossicità speċifika għall-organi fil-mira (STOT) — esponiment ripetut tal-kategoriji 1 u 2

    ≥ 1

    Tossiċità mill-aspirazzjoni

    ≥ 1

    Perikoluża għall-ambjent akkwatiku — Akuta, il-kategorija 1

    ≥ 0,1

    Perikoluża għall-ambjent akkwatiku — Kronika, il-kategorija 1

    ≥ 0,1

    Perikoluża għall-ambjent akkwatiku — Kronika, il-kategoriji 2, 3 u 4

    ≥ 1

    Perikoluża għas-saff tal-ożonu

    ≥ 0,1

    3.2.2.

    Għal taħlita li ma tissodisfax il-kriterji għall-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, għandhom jiġu indikati s-sustanzi preżenti f’konċentrazzjoni individwali li tkun ugwali jew akbar mill-konċentrazzjonijiet li ġejjin, flimkien mal-konċentrazzjoni tagħhom jew il-firxa ta’ konċentrazzjoni tagħhom:

    (a)

    1 % skont il-piż f’taħlitiet mhux gassużi u 0,2 % mil-lat ta’ volum f’taħlitiet gassużi għal:

    (i)

    sustanzi li jippreżentaw periklu għas-saħħa jew għall-ambjent fit-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008; jew

    (ii)

    sustanzi li għalihom ġew assenjati limiti tal-Unjoni tal-esponiment fuq il-post tax-xogħol;

    (b)

    0,1 % skont il-piż għas-sustanzi li jissodisfaw xi wieħed mill-kriterji li ġejjin:

    is-sustanzi li huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII,

    is-sustanzi li huma persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna skont il-kriterji stipulati fl-Anness XIII,

    is-sustanzi inklużi fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 59(1) għal raġunijiet għajr il-perikli msemmija fil-punt (a) ta’ din is-subtaqsima bħal proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali;

    identifikati li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2017/2100 jew fir-Regolament (UE) 2018/605;

    (c)

    0,1 % ta’ sustanza klassifikata bħala sensitizzatur tal-ġilda kategorija 1 jew 1B, sensitizzatur respiratorju tal-kategorija 1 jew, 1B, jew karċinoġenika tal-kategorija 2;

    (d)

    0,01 % ta’ sustanza klassifikata bħala sensitizzatur tal-ġilda tal-kategorija 1 A jew bħala sensitizzatur respiratorju tal-kategorija 1 A;

    (e)

    wieħed minn għaxra tal-limitu ta’ konċentrazzjoni speċifiku għal sustanza klassifikata bħala sensitizzatur tal-ġilda jew sensitizzatur respiratorju b’limitu ta’ konċentrazzjoni speċifiku;

    (f)

    0,1 % tas-sustanza klassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni tal-kategoriji 1 A, 1B jew 2, jew b’effetti fuq jew permezz tat-treddigħ.

    3.2.3.

    Għas-sustanzi indikati fis-subtaqsima 3.2.:

    għandhom jingħataw il-klassifikazzjoni tas-sustanza skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, inkluż il-klassi(jiet) tal-periklu u l-kodiċi(jiet) tal-kategorija kif mogħtija fit-Tabella 1.1 tal-Anness VI ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-periklu u d-dikjarazzjonijiet tal-periklu supplimentari. F’din is-subtaqsima ma hemmx il-ħtieġa li d-dikjarazzjonijiet tal-periklu u d-dikjarazzjonijiet tal-periklu supplementari jinkitbu b’mod sħiħ: il-kodiċijiet tagħhom għandhom ikunu biżżejjed. Meta ma jinkitbux b’mod sħiħ, għandha ssir referenza għat-Taqsima 16, fejn it-test sħiħ ta’ kull dikjarazzjoni rilevanti ta’ periklu għandu jkun elenkat. Jekk is-sustanza ma tissodisfax il-kriterji ta’ klassifikazzjoni, għandha tingħata deskrizzjoni tar-raġuni tal-indikazzjoni tas-sustanza fis-subtaqsima 3.2, pereżempju “sustanza vPvB mhux klassifikata” jew “sustanza b’limitu tal-Unjoni tal-esponiment fuq il-post tax-xogħol”.

    il-limitu ta’ konċentrazzjoni speċifiku, il-fattur-M u l-istima tat-tossiċità akuta għas-sustanza fil-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jew kif determinati skont l-Anness I ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu indikati, jekk ikunu disponibbli.

    jekk is-sustanza użata fit-taħlita hija nanoforma u fil-fatt tkun irreġistrata jew indirizzata bir-rapport ta’ sigurtà kimika għall-utent downstream, għandhom jiġu indikati l-karatteristiċi tal-partikuli li jispeċifikaw in-nanforma, kif deskritti fl-Anness VI. – jekk is-sustanza kif użata fit-taħlita hija f’nanoforma iżda ma tkunx irreġistrata jew indirizzata bir-rapport ta’ sigurtà kimika għall-utent downstream, għandhom jiġu indikati l-karatteristiċi tal-partikuli li għandhom impatt fuq is-sikurezza tat-taħlita.

    3.2.4.

    Għas-sustanzi indikati fis-subtaqsima 3.2 għandhom jingħataw l-isem u, jekk ikun disponibbli, in-numru tar-reġistrazzjoni, kif assenjat skont l-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-Regolament.

    Mingħajr ma taffettwa l-obbligi tal-utenti downstream stipulati fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament, il-parti tan-numru tar-reġistrazzjoni li tirreferi għar-reġistrant individwali ta’ sottomissjoni konġunta tista’ titħalla barra mill-fornitur tat-taħlita bil-kundizzjoni li:

    (a)

    dan il-fornitur jerfa’ r-responsabilità li jagħti n-numru tar-reġistrazzjoni sħiħ malli jintalab għal skopijiet ta’ infurzar jew, jekk in-numru tar-reġistrazzjoni sħiħ ma jkunx disponibbli għalih, li jibgħat it-talba lill-fornitur tiegħu skont il-punt (b); u

    (b)

    dan il-fornitur jipprovdi n-numru tar-reġistrazzjoni sħiħ lill-awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-infurzar (minn issa ’l quddiem “l-awtorità tal-infurzar”) fi żmien sebat ijiem malli jintalab, jew direttament mill-awtorità tal-infurzar inkella mid-destinatarju tiegħu, jew jekk in-numru tar-reġsitrazzjoni sħiħ mhuwiex disponibbli għalih, dan il-fornitur għandu jgħaddi t-talba lil fornitur tiegħu fi żmien sebat ijiem minn meta tasallu t-talba u fl-istess waqt jinforma l-awtorità tal-infurzar b’dan.

    Għandu jingħata n-numru KE, jekk disponibbli, skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. jistgħu jingħataw ukoll in-numru CAS u l-isem IUPAC, jekk dawn ikunu disponibbli.

    Għas-sustanzi indikati f’din is-subtaqsima permezz ta’ isem kimiku alternattiv skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, in-numru tar-reġistrazzjoni, in-numru KE u identifikaturi kimiċi preċiżi oħra mhumiex neċessarji.

    4.    TAQSIMA 4: Miżuri tal-ewwel għajnuna

    Din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tiddeskrivi l-ewwel kura b’tali mod li tista’ tinftiehem u tista’ tingħata minn persuna mhux imħarrġa mingħajr l-użu ta’ tagħmir sofistikat u mingħajr id-disponibilità ta’ għażla wiesgħa ta’ medikamenti. Jekk ikun hemm bżonn attenzjoni medika, l-istruzzjonijiet għandhom jiddikjaraw dan, inkluż l-urġenza tagħha.

    4.1.   Deskrizzjoni tal-miżuri tal-ewwel għajnuna

    4.1.1.

    L-istruzzjonijiet tal-ewwel għajnuna għandhom jingħataw skont il-modi ta’ esponiment rilevanti. Għandhom jintużaw subdiviżjonijiet biex jindikaw il-proċedura għal kull mod, pereżempju l-ġbid man-nifs, il-ġilda, l-għajnejn jew l-inġestjoni.

    4.1.2.

    Għandu jingħata parir dwar jekk:

    (a)

    ikunx hemm bżonn attenzjoni medika immedjata u jekk wieħed jistax jistenna effetti tardjati wara l-esponiment;

    (b)

    huwiex rakkomandat il-moviment tal-individwu espost miż-żona għall-apert;

    (c)

    humiex rakkomandati t-tneħħija u t-trattament tal-ilbies u ż-żraben mill-individwu; u

    (d)

    huwiex rakkomandat tagħmir ta’ protezzjoni personali għall-persuni li qed jagħtu l-ewwel għajnuna.

    4.2.   Sintomi u effetti prinċipali, kemm akuti kif ukoll tardjati

    Għandha tingħata informazzjoni fil-qosor dwar is-sintomi u l-effetti prinċipali, kemm akuti kif ukoll tardjati, minħabba l-esponiment.

    4.3.   Indikazzjoni ta’ xi attenzjoni medika immedjata u trattament speċjali meħtieġa

    Meta jkun xieraq, għandha tingħata informazzjoni dwar l-ittestjar kliniku u s-sorveljanza medika għall-effetti tardjati, dettalji speċifiċi dwar l-antidoti (meta dawn ikunu magħrufa) u l-kontraindikazzjonijiet.

    Għal xi sustanzi jew taħlitiet, jista’ jkun importanti li jiġi enfasizzat li fuq il-post tax-xogħol għandhom ikunu disponibbli mezzi speċjali biex jingħata trattament speċifiku u immedjat.

    5.    TAQSIMA 5: Miżuri għat-tifi tan-nar

    Din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tiddeskrivi r-rekwiżiti għat-tifi tan-nar ikkawżat mis-sustanza jew mit-taħlita, jew li jseħħ fil-viċinanza tagħha.

    5.1.   Mezzi għat-tifi tan-nar

    Mezzi xierqa għat-tifi tan-nar:

    Għandha tingħata informazzjoni dwar il-mezzi adattati għat-tifi tan-nar.

    Mezzi mhux xierqa għat-tifi tan-nar:

    Għandhom jingħataw indikazzjonijiet jekk hemmx xi mezzi għat-tifi tan-nar li mhumiex adattati għal sitwazzjoni partikolari li tinvolvi s-sustanza jew it-taħlita (eż. jiġu evitati l-mezzi ta’ pressjoni għolja li jistgħu jikkawżaw il-formazzjoni ta’ taħlita ta’ trab potenzjalment splussiv fl-arja).

    5.2.   Perikli speċifiċi li joriġinaw mis-sustanza jew mit-taħlita

    Għandha tingħata informazzjoni dwar perikli li jistgħu joriġinaw mis-sustanza jew mit-taħlita, bħalma huma prodotti perikolużi ta’ kombustjoni li jiffurmaw meta s-sustanza jew it-taħlita tinħaraq, pereżempju “jekk tinħaraq, tista’ tipproduċi dħaħen tossiċi ta’ monossidu tal-karbonju” jew “tipproduċi ossidi tal-kubrit u nitroġenu f’każ ta’ kombustjoni”.

    5.3.   Parir lill-pumpiera

    Għandu jingħata parir dwar kwalunkwe azzjoni protettiva li trid tittieħed waqt it-tifi tan-nar, pereżemju “il-kontenituri għandhom jinżammu friski bi sprej tal-ilma”, u dwar tagħmir ta’ protezzjoni speċjali għall-pumpiera, bħalma huma l-bwiez, l-overalls, l-ingwanti, il-protezzjoni tal-għajnejn u tal-wiċċ u l-apparat biex tieħu n-nifs.

    6.    TAQSIMA 6: Miżuri għar-rilaxx aċċidentali

    Din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tirakkomanda r-reazzjoni adattata f’każ ta’ tixrid, tnixxijiet jew rilaxxi, biex jiġu evitati jew minimizzati l-effetti ta’ ħsara fuq il-persuni, fuq il-proprjetà u fuq l-ambjent. Din għandha tiddistingwi bejn ir-rispons għal ammonti kbar jew żgħar ta’ tixrid, meta l-volum tat-tixrid iħalli impatt sinifikanti fuq il-periklu. Jekk il-proċeduri għall-konteniment u għall-irkupru jindikaw li hemm bżonn prassi differenti, dawn għandhom jiġu indikati fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    6.1.   Prekawzjonijiet personali, tagħmir ta’ protezzjoni u proċeduri ta’ emerġenza

    6.1.1.   Għall-persunal li mhuwiex ta’ emerġenza

    Għandu jingħata parir b’rabta mat-tixrid u mar-rilaxx aċċidentali tas-sustanza jew tat-taħlita bħalma huma:

    (a)

    l-ilbies ta’ tagħmir ta’ protezzjoni xieraq (inkluż it-tagħmir ta’ protezzjoni personali msemmi fit-Taqsima 8 tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà) biex tiġi evitata kwalunkwe kontaminazzjoni tal-ġilda, tal-għajnejn u tal-ilbies personali;

    (b)

    it-tneħħija ta’ sorsi ta’ tqabbid, il-provvista ta’ ventilazzjoni suffiċjenti, il-kontroll tat-trab; u

    (c)

    il-proċeduri ta’ emerġenza bħalma hija l-ħtieġa li tiġi evakwata ż-żona tal-periklu jew li jiġi kkonsultat espert.

    6.1.2.   Għall-persunal tal-emerġenza

    Għandu jingħata parir b’rabta mat-tessut xieraq għall-ilbies ta’ protezzjoni personali (pereżempju “xieraq: butilen”; “mhux xieraq: PVC”).

    6.2.   Prekawzjonijiet ambjentali

    Għandu jingħata parir dwar kwalunkwe prekawzjoni ambjentali li għandha tittieħed b’rabta mat-tixrid u mar-rilaxx aċċidentali tas-sustanza jew tat-taħlita, bħal pereżempju li jinżamm ’il bogħod mill-katusi, l-ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ.

    6.3.   Metodi u materjal għall-konteniment u għat-tindif

    6.3.1.

    Għandu jingħata parir xieraq dwar il-konteniment ta’ tixrid. Tekniki ta’ konteniment xierqa jistgħu jinkludu xi wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    iżolament jew kopertura ta’ katusi;

    (b)

    proċeduri ta’ siġillar.

    6.3.2.

    Għandu jingħata parir xieraq dwar kif jitnaddaf it-tixrid. Tekniki xierqa ta’ tindif jistgħu jinkludu xi wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    tekniki ta’ newtralizzazzjoni;

    (b)

    tekniki ta’ dekontaminazzjoni;

    (c)

    materjali assorbenti;

    (d)

    tekniki ta’ tindif;

    (e)

    tekniki ta’ vacuum;

    (f)

    tagħmir meħtieġ għall-konteniment/għat-tindif (inkluż l-użu ta’ għodod u tagħmir li ma jisparkjawx skont il-każ).

    6.3.3.

    Għandha tingħata kull informazzjoni oħra b’rabta mat-tixrid u mar-rilaxxi, inkluż parir dwar tekniki mhux xierqa ta’ konteniment jew ta’ tindif, pereżempju permezz ta’ indikazzjonijiet bħal “qatt tuża…”.

    6.4.   Referenza għal taqsimiet oħra

    Jekk ikun xieraq, għandha ssir referenza għat-Taqsimiet 8 u 13.

    7.    TAQSIMA 7: Ġestjoni u ħżin

    Din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tipprovdi parir dwar prattiki ta’ manipulazzjoni sikura. Għandha tenfasizza l-prekawzjonijiet li huma xierqa għall-użi identifikati msemmija fis-subtaqsima 1.2 u għall-proprjetajiet uniċi tas-sustanza jew tat-taħlita.

    L-informazzjoni f’din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandu jkollha x’taqsam mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, mas-sikurezza u mal-ambjent. Għandha tgħin lil min iħaddem biex ifassal proċeduri tax-xogħol u miżuri organizzattivi xierqa skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/24/KE u skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Meta jkun meħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika, l-informazzjoni f’din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni mogħtija għall-użi identifikati fir-rapport ta’ sigurtà kimika u x-xenarji tal-esponiment li juru kontroll tar-riskju mir-rapport ta’ sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    Minbarra l-informazzjoni mogħtija f’din it-taqsima, tista’ tinstab informazzjoni rilevanti fit-Taqsima 8.

    7.1.   Prekawzjonijiet għal manipulazzjoni sikura

    7.1.1.

    Fir-rakkomandazzjonijiet għandu jkun speċifikat li:

    (a)

    jippermettu l-manipulazzjoni sikura tas-sustanza jew tat-taħlita, bħal miżuri għall-konteniment u miżuri li jevitaw in-nirien kif ukoll il-ġenerazzjoni ta’ aerosol u ta’ trab;

    (b)

    jevitaw il-manipulazzjoni ta’ sustanzi jew ta’ taħlitiet inkompatibbli;

    (c)

    jiġbdu l-attenzjoni għall-operazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet li joħolqu riskji ġodda billi jbiddlu l-proprjetajiet tas-sustanza jew tat-taħlita, u għall-kontromiżuri xierqa u

    (d)

    inaqqsu r-rilaxx tas-sustanza jew tat-taħlita fl-ambjent, bħal pereżempju li jiġi evitat it-tixrid jew li jinżammu ’l bogħod mill-katusi.

    7.1.2.

    Għandu jingħata parir dwar l-iġjene okkupazzjonali ġenerali, pereżempju li l-individwi:

    (a)

    ma jiklux, ma jixorbux u ma jpejpux f’żoni tax-xogħol;

    (b)

    jaħslu jdejhom wara l-użu; u

    (c)

    ineħħu l-ilbies u t-tagħmir ta’ protezzjoni kontaminati qabel ma jidħlu fiż-żoni għall-ikel.

    7.2.   Kundizzjonijiet għall-ħżin bla periklu, inkluż kwalunkwe nuqqas ta’ kompatibilità

    Il-parir mogħti għandu jkun konsistenti mal-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi deskritti fit-Taqsima 9 tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà. Jekk rilevanti, għandu jingħata parir dwar rekwiżiti speċifiċi ta’ ħżin, inkluż:

    (a)

    kif jiġu trattati r-riskji assoċjati ma’:

    (i)

    atmosferi splussivi;

    (ii)

    kundizzjonijiet korrużivi;

    (iii)

    perikli ta’ fjammabilità;

    (iv)

    sustanzi jew taħlitiet inkompatibbli;

    (v)

    kundizzjonijiet evaporattivi; u

    (vi)

    sorsi potenzjali ta’ tqabbid (inkluż tagħmir elettriku);

    (b)

    kif għandhom jiġu kontrollati l-effetti ta’:

    (i)

    kundizzjonijiet tat-temp;

    (ii)

    pressjoni ambjentali;

    (iii)

    temperatura;

    (iv)

    dawl tax-xemx;

    (v)

    umidità u

    (vi)

    vibrazzjoni;

    (c)

    kif għandha tinżamm l-integrità tas-sustanza jew tat-taħlita bl-użu ta’:

    (i)

    stabbilizzaturi; u

    (ii)

    antiossidanti;

    (d)

    pariri oħra, inkluż:

    (i)

    rekwiżiti ta’ ventilazzjoni;

    (ii)

    tfassil speċifiku għall-kmamar jew għall-kontenituri ta’ ħżin (inklużi l-ħitan ta’ konteniment u l-ventilazzjoni);

    (iii)

    limiti tal-kwantità f’kundizzjonijiet ta’ ħżin (jekk rilevanti); u

    (iv)

    kompatibilitajiet ta’ ppakkjar.

    7.3.   Użi finali speċifiċi

    Għas-sustanzi u għat-taħlitiet iddestinati għal użi finali speċifiċi, ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jirrelataw mal-użu jew mal-użi identifikati msemmija fis-subtaqsima 1.2 u jridu jkunu dettaljati u operattivi. Jekk ikun mehmuż xenarju ta’ esponiment, tista’ ssir referenza għalih jew tingħata l-informazzjoni kif meħtieġ fis-subtaqsimiet 7.1 u 7.2. Jekk operatur fil-katina tal-forniment ikun wettaq valutazzjoni tas-sigurtà kimika għat-taħlita, ikun suffiċjenti li l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà u x-xenarji tal-esponiment ikunu konsistenti mar-rapport ta’ sigurtà kimika għat-taħlita, pjuttost milli mar-rapporti ta’ sigurtà kimika għal kull sustanza fit-taħlita. Jekk teżisti xi gwida speċifika għall-industrija jew għas-settur, tista’ ssir referenza dettaljata għaliha (inkluż is-sors u d-data tal-ħruġ).

    8.    TAQSIMA 8: Kontrolli tal-esponiment/il-protezzjoni personali

    Din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tiddeskrivi l-limiti tal-esponiment okkupazzjonali applikabbli u l-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju neċessarji.

    Meta jkun meħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika, l-informazzjoni f’din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni mogħtija għall-użi identifikati fir-rapport ta’ sigurtà kimika u x-xenarji tal-esponiment li juru kontroll tar-riskju mir-rapport ta’ sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    8.1.   Parametri ta’ kontroll

    8.1.1.

    Meta jkunu disponibbli, għas-sustanza jew għal kull waħda mis-sustanzi fit-taħlita, għandhom jiġu elenkati l-valuri ta’ limitu nazzjonali li ġejjin, inkluż il-bażi legali ta’ kull wieħed minnhom, li bħalissa huma applikabbli fl-Istat Membru li fih qed tingħata l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà. Meta jiġu elenkati l-valuri ta’ limitu tal-esponiment okkupazzjonali, għandha tintuża l-identità kimika kif speċifikata fit-Taqsima 3.

    8.1.1.1.

    il-valuri ta’ limitu nazzjonali tal-esponiment okkupazzjonali li jikkorrispondu għall-valuri ta’ limitu tal-Unjoni tal-esponiment okkupazzjonali skont id-Direttiva 98/24/KE, inkluż kwalunkwe notazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE (5);

    8.1.1.2.

    il-valuri ta’ limitu nazzjonali tal-esponiment okkupazzjonali li jikkorrispondu għall-valuri ta’ limitu tal-Unjoni skont id-Direttiva 2004/37/KE, inkluż kull notazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 2014/113/UE;

    8.1.1.3.

    kull valur ta’ limitu nazzjonali ieħor tal-esponiment okkupazzjonali;

    8.1.1.4.

    il-valuri ta’ limitu bijoloġiċi nazzjonali li jikkorrispondu għall-valuri ta’ limitu bijoloġiċi tal-Unjoni skont id-Direttiva 98/24/KE, inkluż kwalunkwe notazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 2014/113/UE;

    8.1.1.5.

    kull valur ta’ limitu bijoloġiku nazzjonali ieħor.

    8.1.2.

    Għandha tingħata informazzjoni dwar proċeduri ta’ monitoraġġ rakkomandati bħalissa tal-inqas għall-aktar sustanzi rilevanti.

    8.1.3.

    Jekk is-sustanza jew it-taħlita tintuża kif suppost u jiġu ffurmati kontaminanti tal-arja, għandhom jiġu elenkati wkoll il-valuri ta’ limitu applikabbli tal-esponiment okkupazzjonali u/jew il-valuri ta’ limitu bijoloġiċi għalihom.

    8.1.4.

    Meta jintalab rapport ta’ sigurtà kimika jew jekk ikun disponibbli DNEL kif imsemmi fit-Taqsima 1.4 tal-Anness I jew PNEC kif imsemmi fit-Taqsima 3.3 tal-Anness I, għandhom jingħataw id-DNELs u l-PNECs rilevanti għas-sustanza għax-xenarji tal-esponiment mir-rapport ta’ sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    8.1.5.

    Meta jintuża metodu ta’ kontrolli bbażat fuq firxa ta’ perikli biex tittieħed deċiżjoni dwar miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju fir-rigward ta’ użi speċifiċi, għandu jingħata biżżejjed dettall li jippermetti l-ġestjoni effettiva tar-riskju. Il-kuntest u l-limitazzjonijiet tar-rakkomandazzjoni speċifika bbażata fuq firxa ta’ perikli għandhom ikunu ċari.

    8.2.   Kontrolli tal-esponiment

    Għandha tingħata l-informazzjoni meħtieġa f’din is-subtaqsima, diment li ma jkunx hemm xenarju tal-esponiment b’dik l-informazzjoni mehmuż mal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    Meta l-fornitur ma jkunx applika test skont it-Taqsima 3 tal-Anness XI, huwa għandu jindika l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ użu li fuqhom ibbaża l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu li jwarrab it-test.

    Meta sustanza tkun ġiet reġistrata bħala sustanza intermedja iżolata (fuq il-post jew trasportata), il-fornitur għandu jindika li din l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà hija konsistenti mal-kundizzjonijiet speċifiċi li fuqhom ibbaża l-ġustifikazzjoni tar-reġistrazzjoni skont l-Artikoli 17 jew 18.

    8.2.1.   Kontrolli xierqa tal-inġinerija

    Id-deskrizzjoni ta’ miżuri xierqa tal-kontroll tal-esponiment għandha ssir b’rabta mal-użi identifikati tas-sustanza jew mat-taħlita kif imsemmi fis-subtaqsima 1.2. Din l-informazzjoni għandha tkun suffiċjenti biex tippermetti lil min iħaddem iwettaq valutazzjoni tar-riskju għas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema li jirriżulta mill-preżenza tas-sustanza jew tat-taħlita skont l-Artikoli 4 sa 6 tad-Direttiva 98/24/KE u skont l-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 2004/37/KE, meta jkun xieraq.

    Din l-informazzjoni għandha tikkomplementa dik mogħtija diġà fit-Taqsima 7.

    8.2.2.   Miżuri individwali ta’ protezzjoni, bħat-tagħmir ta’ protezzjoni personali

    8.2.2.1.

    L-informazzjoni dwar l-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali għandha tkun konsistenti ma’ prattiki tajba tal-iġjene okkupazzjonali u flimkien ma’ miżuri oħra ta’ kontroll, inkluż il-kontrolli tal-inġinerija, tal-ventilazzjoni u tal-iżolament. Meta jkun xieraq, għal parir speċifiku dwar it-tagħmir ta’ protezzjoni personali għan-nar/għall-kimika għandha ssir referenza għat-Taqsima 5.

    8.2.2.2.

    Filwaqt li jitqies ir-Regolament (KE) Nru 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u b’referenza għall-istandards CEN xierqa, għandhom jingħataw speċifikazzjonijiet dettaljati dwar liema tagħmir għandu jipprovdi protezzjoni adegwata u xierqa, inkluż:

    (a)

    Il-protezzjoni tal-għajnejn/tal-wiċċ

    It-tip ta’ tagħmir ta’ protezzjoni tal-għajnejn/tal-wiċċ meħtieġ għandu jiġi speċifikat skont il-periklu tas-sustanza jew tat-taħlita u l-potenzal ta’ kuntatt, bħan-nuċċalijiet tas-sikurezza, il-goggles tas-sikurezza, il-maskri tal-protezzjoni tal-wiċċ.

    (b)

    Il-protezzjoni tal-ġilda

    (i)

    Il-protezzjoni tal-idejn

    It-tip ta’ ingwanti li jridu jintlibsu meta tkun qed tiġi manipulata s-sustanza jew it-taħlita għandu jiġi speċifikat b’mod ċar skont il-periklu tas-sustanza jew tat-taħlita u l-potenzjal ta’ kuntatt u fir-rigward tal-ammont u t-tul ta’ ħin tal-esponiment għall-ġilda, inkluż:

    it-tip ta’ materjal u l-ħxuna tiegħu,

    ir-reżistenza tipika jew minima tal-materjal tal-ingwanti,

    Jekk ikun meħtieġ għandhom jiġu indikati miżuri addizzjonali ta’ protezzjoni għall-idejn.

    (ii)

    Oħrajn

    Jekk ikun hemm il-ħtieġa li tiġi protetta parti oħra tal-ġisem minbarra l-idejn, għandhom jiġu speċifikati t-tip u l-kwalità tat-tagħmir ta’ protezzjoni meħtieġa, bħalma huma ingwanti twal, bwiez, bodysuit skont il-perikli assoċjati mas-sustanza jew mat-taħlita u l-potenzjal ta’ kuntatt.

    Jekk ikun meħtieġ, għandhom jiġu indikati miżuri addizzjonali ta’ protezzjoni tal-ġilda u miżuri speċifiċi ta’ iġjene.

    (c)

    Il-protezzjoni respiratorja

    Għall-gassijiet, għall-fwar, għan-nida jew għat-trab, it-tip ta’ tagħmir ta’ protezzjoni li jrid jintuża għandu jkun speċifikat skont il-periklu u l-potenzjal ta’ esponiment, inkluż ir-respiraturi li jippurifikaw l-arja, billi jiġi speċifikat l-element xieraq ta’ purifikazzjoni (skartoċċ jew filtru), il-filtri tal-partikuli adegwati separati u l-maskri adegwati, jew l-apparat awtonomu għan-nifs.

    (d)

    Il-perikli termiċi

    Meta jiġi speċifikat it-tagħmir ta’ protezzjoni li jrid jintlibes għall-materjali li joffru periklu termali, għandha tingħata kunsidrazzjoni speċjali għall-kostruzzjoni tat-tagħmir ta’ protezzjoni personali.

    8.2.3.   Kontrolli tal-esponiment ambjentali

    Għandha tiġi speċifikata l-informazzjoni meħtieġa mill-impjegatur biex jissodisfa l-impenji tiegħu skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ambjentali.

    Meta jkun meħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika, għandha tingħata taqsira tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju li jikkontrollaw b’mod adegwat l-esponiment tal-ambjent għas-sustanza fix-xenarji tal-esponiment stipulati fl-anness tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    9.    TAQSIMA 9: Proprjetajiet fiżiċi u kimiċi

    Din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tiddeskrivi d-data empirika relatata mas-sustanza jew mat-taħlita, jekk tkun rilevanti. Għandu japplika l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

    Biex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri xierqa ta’ kontroll, għandha tingħata l-informazzjoni rilevanti kollha dwar is-sustanza jew dwar it-taħlita. L-informazzjoni f’din it-taqsima għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni mogħtija fir-reġistrazzjoni u/jew fir-rapport ta’ sigurtà kimika fejn meħtieġ, u flimkien mal-klassifikazzjoni tas-sustanza jew tat-taħlita.

    Fil-każ ta’ taħlita, meta l-informazzjoni ma tkunx tapplika għat-taħlita fit-totalità tagħha, l-entrati għandhom jindikaw b’mod ċar għal liema sustanza fit-taħlita tapplika d-data.

    Il-proprjetajiet rapportati għandhom ikunu identifikati b’mod ċar u għandhom jiġu rapportati fl-unitajiet tal-kejl xierqa. Għandu jingħata l-metodu ta’ determinazzjoni, inkluż il-kejl u l-kundizzjonijiet ta’ referenza, jekk dawn ikunu rilevanti għall-interpretazzjoni tal-valur numeriku. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, il-kundizzjonijiet standard tat-temperatura u tal-pressjoni huma 20 °C u 101,3 kPa, rispettivament.

    Il-proprjetajiet elenkati fis-subtaqsimiet 9.1 u 9.2 jistgħu jingħataw f’forma ta’ lista. Fis-subtaqsimiet, l-ordni tal-elenku tal-proprjetajiet tista’ tkun differenti jekk jitqies xieraq.

    9.1.   Informazzjoni dwar proprjetajiet fiżiċi u kimiċi bażiċi

    Kull skeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tinkludi l-proprjetajiet imsemmija hawn taħt. Jekk ikun dikjarat li xi proprjetà partikolari ma tapplikax, jew jekk l-informazzjoni dwar proprjetà partikolari ma tkunx disponibbli, għandhom jingħataw ir-raġunijiet.

    (a)

    L-istat fiżiku

    B’mod ġenerali għandu jiġi indikat l-istat fiżiku (gass, likwidu jew solidu) f’kundizzjonijiet standard ta’ temperatura u ta’ pressjoni.

    Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tat-termini gass, likwidu u solidu kif mogħtija fit-Taqsima 1.0 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

    (b)

    Il-kulur

    Għandu jiġi indikat il-kulur tas-sustanza jew tat-taħlita.

    Meta tintuża skeda ta’ data ta’ sigurtà waħda biex tkopri varjanti ta’ taħlita li jista’ jkollha kuluri differenti, it-terminu “diversi” jista’ jintuża biex jiddeskrivi l-kulur.

    (c)

    Ir-riħa

    Għandha tingħata deskrizzjoni kwalitattiva tar-riħa jekk fil-letteratura din tkun magħrufa sew jew deskritta.

    Jekk disponibbli, għandu jiġi indikat il-limitu massimu tar-riħa (b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv)

    (d)

    Il-punt tat-tidwib/il-punt tal-iffriżar

    Ma japplikax għall-gassijiet.

    Il-punt tat-tidwib u l-punt tal-iffriżar għandhom jiġu indikati fi pressjoni standard.

    Fil-każ li l-punt tat-tidwib ikun ogħla mill-firxa tal-kejl tal-metodu, għandu jiġi indikat sa liema temperatura ma ġie osservat l-ebda punt tat-tidwib.

    Fil-każ li sseħħ dekompożizzjoni jew sublimazzjoni qabel jew matul it-titwib, dan għandu jiġi indikat.

    F’dak li għandu x’jaqsam ma’ xemgħat u pejsts, il-punt/il-firxa tat-trattib jista’ jiġi indikat minflok il-punt tat-tidwib u l-punt tal-iffriżar.

    Fir-rigward tat-taħlitiet, jekk ma jkunx possibbli teknikament li jiġi determinat il-punt tat-tidwib/il-punt tal-iffriżar, dan għandu jiġi indikat.

    (e)

    Il-punt tat-togħlija jew il-punt inizjali tat-togħlija u l-firxa tat-togħlija

    Dawn il-proprjetajiet għandhom jiġu indikati fi pressjoni standard. Jista’ madankollu jiġi indikat punt tat-togħlija fi pressjoni aktar baxxa, f’każ li l-punt tat-togħlija jkun għoli ħafna jew fil-każ li sseħħ dekompożizzjoni qabel it-togħlija fi pressjoni standard.

    Jekk il-punt tat-togħlija jkun ogħla mill-firxa tal-kejl tal-metodu, għandu jiġi indikat sa liema temperatura ma ġie osservat l-ebda punt tat-togħlija.

    Fil-każ li sseħħ dekompożizzjoni qabel jew matul it-togħlija, dan għandu jiġi indikat.

    Fir-rigward tat-taħlitiet, jekk ma jkunx possibbli teknikament li jiġi determinat il-punt jew il-firxa tat-togħlija, dan għandu jiġi indikat; f’dak il-każ, għandu jiġi indikat ukoll il-punt tat-togħlija tal-ingredjent bl-aktar punt baxx tat-togħlija.

    (f)

    Il-fjammabilità

    Tapplika għall-gassijiet, għal-likwidi u għas-solidi.

    Għandu jiġi indikat jekk is-sustanza jew it-taħlita tistax taqbad, jiġifieri jekk hix kapaċi tieħu n-nar jew li titqabbad bin-nar, anke jekk ma tkunx klassifikata għall-fjammabilità.

    Jekk tkun disponibbli u xierqa, tista’ tiġi indikata aktar informazzjoni, bħal jekk l-effett ta’ tqabbid huwiex differenti minn kombustjoni normali (eż. splużjoni) u l-kapaċità għat-tqabbid f’kundizzjonijiet mhux standard.

    Tista’ tiġi indikata informazzjoni aktar speċifika dwar il-fjammabilità abbażi tal-klassifikazzjoni tal-periklu rispettiva. L-informazzjoni provduta fis-subtaqsima 9.2.1 ma għandhiex tingħata f’dan il-punt.

    (g)

    Il-limiti inferjuri u superjuri ta’ splużjoni (7)

    Ma japplikawx għas-solidi.

    Fir-rigward tal-likwidi fjammabbli, għandu jkun indikat tal-inqas il-limitu inferjuri ta’ splużjoni. Jekk il-punt ta’ fjammabilità jkun bejn wieħed u ieħor -25 °C jew ogħla, jista’ ma jkunx possibbli li jiġi determinat il-limitu superjuri ta’ splużjoni f’temperatura standard; f’dak il-każ, huwa rakkomandat li jiġi indikat il-limitu superjuri ta’ splużjoni f’temperatura ogħla. Jekk il-punt ta’ fjammabilità jkun ogħla minn 20 °C, jista’ ma jkunx possibbli li jiġi determinat il-limitu inferjuri jew dak superjuri f’temperatura standard; f’dak il-każ, huwa rakkomandat li jiġu indikati kemm il-limitu inferjuri ta’ splużjoni kif ukoll dak superjuri f’temperatura ogħla.

    (h)

    Il-punt ta’ fjammabilità;

    Ma japplikax għall-gassijiet, għall-aerosols u għas-solidi.

    Għat-taħlitiet, għandu jiġi indikat valur għat-taħlita, jekk ikun disponibbli. Inkella, għandu jiġi indikat il-punt(i) ta’ fjammabilità tas-sustanza(i) bl-aktar punt(i) baxx(i) ta’ fjammabilità.

    (i)

    It-temperatura tal-awtofjammabilità

    Tapplika biss għall-gassijiet u għal-likwidi.

    Fir-rigward tat-taħlitiet għandha tiġi indikata t-temperatura tal-awtofjammabilità għat-taħlita, jekk din tkun disponibbli. Jekk il-valur għat-taħlita ma jkunx disponibbli, għandhom jiġu indikati t-temperatura(i) tal-awtofjammabilità tal-ingredjenti bl-aktar temperatura(i) baxx(i) tal-awtofjammabilità.

    (j)

    It-temperatura tad-dekompożizzjoni

    Tapplika biss għas-sustanzi u għat-taħlitiet awtoreattivi, għall-perossidi organiċi, u għal sustanzi u taħlitiet oħra li jistgħu jiddekomponu.

    Għandha tiġi indikata t-temperatura tad-dekompożizzjoni awtoaċċellerata (SADT) u l-volum li għaliha tapplika, jew it-temperatura tal-bidu tad-dekompożizzjoni.

    Għandu jiġi indikat jekk it-temperatura mogħtija hix l-SADT jew it-temperatura tal-bidu tad-dekompożizzjoni.

    Jekk ma ġiet osservata l-ebda dekompożizzjoni, għandu jiġi indikat sa liema temperatura ma ġiet osservata l-ebda dekompożizzjoni, eż. “ma ġiet osservata l-ebda dekompożizzjoni sa x °C”.

    (k)

    Il-pH

    Ma japplikax għall-gassijiet.

    Għandu jiġi indikat il-pH tas-sustanza jew tat-taħlita kif fornuta, jew meta l-prodott huwa solidu, għandu jiġi indikat il-pH ta’ likwidu jew soluzzjoni milwiema f’konċentrazzjoni partikolari.

    Għandha tiġi indikata l-konċentrazzjoni tas-sustanza tat-test jew tat-taħlita tat-test fl-ilma.

    (l)

    Il-viskożità kinematika

    Tapplika biss għal-likwidi.

    L-unità tal-kejl għandha tkun mm2/s.

    Għal-likwidi non-Newtonjani, għandha tiġi indikata l-imġiba tixotropika jew reopressika.

    (m)

    Is-solubilità

    Is-solubilità għandha ġeneralment tiġi indikata f’temperatura standard.

    Għandha tiġi indikata s-solubilità fl-ilma.

    Is-solubilità f’solventi polari u mhux polari oħrajn tista’ tiġi inkluża wkoll.

    Fir-rigward tat-taħlitiet, għandu jiġi indikat jekk it-taħlita hix solubbli kompletament jew parzjalment fl-ilma jew jekk titħallatx mal-ilma jew ma’ solvent ieħor.

    Fir-rigward tan-nanoforom, minbarra s-solubilità fl-ilma għandha tiġi indikata wkoll ir-rata ta’ taħlil fl-ilma jew f’mezzi bijoloġiċi jew ambjentali rilevanti oħra.

    (n)

    Il-koeffiċjent tal-partizzjoni n-ottanol/ilma (il-valur tal-log)

    Ma japplikax għal-likwidi inorganiċi u joniċi u b’mod ġenerali ma japplikax għat-taħlitiet.

    Għandu jiġi indikat jekk il-valur rapportat huwiex ibbażat fuq l-ittestjar jew fuq il-kalkolu.

    Fir-rigward tan-nanoforom ta’ sustanza li għaliha ma japplikax il-koeffiċjent tal-partizzjoni n-ottanol/ilma, għandha tiġi indikata l-istabilità tad-dispersjoni f’mezzi differenti.

    (o)

    Il-pressjoni tal-fwar

    Il-pressjoni tal-fwar għandha tiġi indikata b’mod ġenerali f’temperatura standard.

    Fir-rigward tal-fluwidi volatili, għandha tiġi indikata wkoll il-pressjoni tal-fwar f’temperatura ta’ 50 °C.

    Meta tintuża skeda ta’ data ta’ sigurtà waħda biex tkopri varjanti ta’ taħlita likwida jew ta’ taħlita ta’ gass likwifikat, għandha tiġi indikata firxa għall-pressjoni tal-fwar.

    Fir-rigward tat-taħlitiet likwidi jew tat-taħlitiet ta’ gass likwifikat, għandha tiġi indikata firxa għall-pressjoni tal-fwar jew tal-inqas il-pressjoni tal-fwar tal-ingredjent(i) volatili, meta l-pressjoni tal-fwar tat-taħlita tkun determinata b’mod predominanti minn dik jew dawk l-ingredjent(i).

    Tista’ tiġi indikata wkoll il-konċentrazzjoni tal-fwar saturat.

    (p)

    Id-densità u/jew id-densità relattiva

    Japplikaw biss għal-likwidi u għas-solidi.

    B’mod ġenerali d-densità u d-densità relattiva għandhom jiġu indikati f’kundizzjonijiet standard ta’ temperatura u ta’ pressjoni.

    Għandha tiġi indikata d-densità assoluta u/jew id-densità relattiva bbażata fuq l-ilma f’temperatura ta’ 4 °C bħala referenza (imsejħa wkoll il-gravità speċifika).

    Meta l-varjazzjonijiet fid-densità huma possibbli, eż. minħabba l-manifattura tal-lott, jew meta tintuża skeda ta’ data ta’ sigurtà waħda biex tkopri diversi varjanti ta’ sustanza jew ta’ taħlita, tista’ tkun indikata firxa.

    L-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tindika jekk hix qed tiġi rapportata d-densità assoluta (unitajiet eż. g/cm3 jew kg/m3 ) u/jew id-densità relattiva (mingħajr dimensjoni).

    (q)

    Id-densità relattiva tal-fwar

    Tapplika biss għall-gassijiet u għal-likwidi.

    Fir-rigward tal-gassijiet, għandha tiġi indikata d-densità relattiva tal-gass ibbażata fuq l-arja f’temperatura ta’ 20 °C bħala referenza.

    Fir-rigward tal-likwidi, għandha tiġi indikata d-densità relattiva tal-fwar ibbażata fuq l-arja f’temperatura ta’ 20 °C bħala referenza.

    Fir-rigward tal-likwidi, tista’ tiġi indikata wkoll id-densità relattiva D m tal-fwar/tat-taħlita ta’ arja f’temperatura ta’ 20 °C.

    (r)

    Il-karatterstiċi tal-partikuli

    Japplikaw biss għas-solidi.

    Għandu jiġi indikat id-daqs tal-partikuli (id-dijametru ekwivalenti medjan, il-metodu ta’ kalkolu tad-dijametru (ibbażat fuq in-numru, is-superfiċje jew il-volum) u l-firxa li fiha jvarja dan il-valur medjan). Proprjetajiet oħra jistgħu jiġu indikati wkoll, bħad-distribuzzjoni tad-daqs (eż. bħala firxa), il-proporzjon tal-forma u l-aspett, l-aggregazzjoni u l-istat tal-agglomerazzjoni, l-erja tas-superfiċje speċifika u l-ħolqien ta’ trab. Jekk is-sustanza tkun f’nanoforma jew jekk it-taħlita fornuta jkun fiha nanoforma, dawk il-karatteristiċi għandhom jiġu indikati f’din is-subtaqsima, jew għandha ssir referenza għalihom jekk ma jkunux diġà speċifikati xi mkien ieħor fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    9.2.   Informazzjoni oħra

    Minbarra l-proprjetajiet imsemmija fis-subtaqsima 9.1, għandhom jiġu indikati parametri fiżiċi u kimiċi oħra, bħalma huma l-proprjetajiet elenkati fis-subtaqsimiet 9.2.1. u 9.2.2., jekk l-indikazzjoni tagħhom hija rilevanti għall-użu sikur tas-sustanza jew tat-taħlita.

    9.2.1.   Informazjzoni b’rabta mal-klassijiet ta’ periklu fiżiku

    Din is-subtaqsima telenka l-proprjetajiet, il-karatteristiċi ta’ sikurezza u r-riżultati tat-testijiet, li jistgħu jkunu utli biex jiddaħħalu fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà meta sustanza jew taħlita tiġi klassifikata fil-klassi ta’ periklu fiżiku rispettiva. Jista’ wkoll ikun xieraq li tiġi indikata d-data meqjusa rilevanti fir-rigward ta’ periklu fiżiku speċifiku iżda li ma tirriżultax fil-klassifikazzjoni (eż. riżultati negattivi tat-test qrib il-kriterju).

    L-isem tal-klassi ta’ periklu li għaliha tirreferi d-data jista’ jiġi indikat flimkien mad-data.

    (a)

    L-isplussivi

    Dan il-punt japplika wkoll għas-sustanzi u għat-taħlitiet imsemmija fin-Nota 2 tat-Taqsima 2.1.3. tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u għal sustanzi u taħlitiet oħra li juru effett pożittiv jekk jissaħħnu fil-magħluq.

    Tista’ tingħata din l-informazzjoni:

    (i)

    is-sensittività għax-xokkijiet;

    (ii)

    l-effett tat-tisħin fil-magħluq;

    (iii)

    l-effett tat-tqabbid fil-magħluq;

    (iv)

    is-sensittività għall-impatt;

    (v)

    is-sensittività għall-frizzjoni;

    (vi)

    l-istabilità termali;

    (vii)

    il-pakkett (it-tip, id-daqs, il-massa netta tas-sustanza jew tat-taħlita), li abbażi tiegħu ġiet assenjata “d-diviżjoni” fi ħdan il-klassi splussiva, jew abbażi ta’ liema s-sustanza jew it-taħlita kienet eżentata milli tiġi klassifikata bħala splussiva.

    (b)

    Il-gassijiet fjammabbli

    Fir-rigward tal-gass fjammabbli pur, tista’ tingħata l-informazzjoni li ġejja flimkien mad-data dwar il-limiti ta’ splużjoni msemmija fil-punt (g) tas-subtaqsima 9.1.:

    (i)

    it-T Ci (il-kontenut massimu ta’ gass fjammabbli li, meta jitħallat man-nitroġenu, ma jiħux in-nar fl-arja, f’mol. %);

    (ii)

    il-veloċità tal-kombustjoni fundamentali jekk il-gass jiġi klassifikat bħala tal-kategorija 1B abbażi tal-veloċità tal-kombustjoni fundamentali.

    Fir-rigward ta’ taħlita ta’ gass fjammabbli, tista’ tingħata l-informazzjoni li ġejja flimkien mad-data dwar il-limiti ta’ splużjoni msemmija fil-punt (g) tas-subtaqsima 9.1.:

    (i)

    il-limiti ta’ splużjoni, jekk ittestjati, jew indikazzjoni ta’ jekk il-klassifikazzjoni u l-assenjazzjoni tal-kategorija humiex ibbażati fuq kalkolu;

    (ii)

    il-veloċità tal-kombustjoni fundamentali jekk it-taħlita ta’ gass tiġi klassifikata bħala tal-kategorija 1B abbażi tal-veloċità tal-kombustjoni fundamentali.

    (c)

    L-aerosols

    Jistgħu jingħataw il-perċentwali totali li ġejjin (skont il-massa) ta’ komponenti fjammabbli, sakemm l-aerosol ma jkunx klassifikat bħala Aerosol tal-kategorija 1 għax ikun fih aktar minn 1 % (skont il-massa) ta’ komponenti fjammabbli jew ikollu sħana tal-kombustjoni ta’ mill-anqas 20 kJ/g u ma jiġix sottomess għall-proċeduri tal-klassifikazzjoni tal-fjammabilità (ara n-Nota fil-Paragrafu 2.3.2.2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008);

    (d)

    Il-gassijiet ossidanti

    Fir-rigward tal-gass pur, jistgħu jingħataw il-C i (il-koeffiċjent tal-ekwivalenza ta’ ossiġenu) skont l-ISO 10156 “Gassijiet u taħlitiet ta’ gass – Determinazzjoni tal-potenzjal tan-nirien u l-kapaċità ossidanti għall-għażla ta’ żbokkijiet taċ-ċilindri”, jew skont metodu ekwivalenti;

    Fir-rigward ta’ taħlita ta’ gass, il-kliem “gass ossidanti tal-Kategorija 1 (ittestjat skont ISO 10156 (jew skont metodu ekwivalenti))” jistgħu jiġu indikati fir-rigward ta’ taħlitiet ittestjati, jew il-potenza ossidanti kkalkulata skont ISO 10156 jew skont metodu ekwivalenti;

    (e)

    Il-gassijiet fi pressjoni

    Għall-gass pur, tista’ tingħata temperatura kritika.

    Għat-taħlita ta’ gass, tista’ tingħata temperatura psewdokritika;

    (f)

    Il-likwidi fjammabbli

    Meta s-sustanza jew it-taħlita tiġi klassifikata bħala likwidu fjammabbli, ma hemmx bżonn tingħata data dwar il-punt tat-togħlija u dwar il-punt ta’ fjammabilità skont dan il-punt billi dik id-data għandha tiġi indikata skont is-subtaqsima 9.1. Tista’ tingħata informazzjoni dwar il-kombustibilità sostnuta.

    (g)

    Is-solidi fjammabbli

    Tista’ tingħata l-informazzjoni li ġejja:

    (i)

    ir-rata tal-kombustjoni, jew il-ħin tal-kombustjoni fir-rigward tat-trab metalliku,

    (ii)

    dikjarazzjoni dwar jekk ġietx issuperata ż-żona umidifikata;

    (h)

    Is-sustanzi u t-taħlitiet awtoreattivi

    Minbarra l-indikazzjoni tal-SADT kif speċifikat fil-punt (j) tas-subtaqsima 9.1, tista’ tingħata l-informazzjoni li ġejja:

    (i)

    it-temperatura tad-dekompożizzjoni,

    (ii)

    il-proprjetajiet tad-detonazzjoni,

    (iii)

    il-proprjetajiet tad-deflagrazzjoni,

    (iv)

    l-effett tat-tisħin fil-magħluq,

    (v)

    il-potenza splussiva, jekk applikabbli;

    (i)

    Il-likwidi piroforiċi

    Tista’ tingħata informazzjoni dwar jekk iseħħx jew le tqabbid spontanju jew karbonizzazzjoni tal-karta tal-filtru.

    (j)

    Is-solidi piroforiċi

    Tista’ tingħata din l-informazzjoni:

    (i)

    id-dikjarazzjoni dwar jekk iseħħx tqabbid spontanju waqt it-tferrigħ jew sa ħames minuti wara, fir-rigward tas-solidi f’forma ta’ trab,

    (ii)

    id-dikjarazzjoni dwar jekk il-proprjetajiet piroforiċi jistgħux jinbidlu maż-żmien.

    (k)

    Is-sustanzi u t-taħlitiet li jisħnu waħedhom

    Tista’ tingħata din l-informazzjoni:

    (i)

    id-dikjarazzjoni dwar jekk iseħħx tqabbid spontanju u ż-żieda massima fit-temperatura miksuba,

    (ii)

    ir-riżultati tat-testijiet tal-iskrinjar imsemmija fit-taqsima 2.11.4.2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, jekk dawn ikunu rilevanti u disponibbli;

    (l)

    Is-sustanzi u t-taħlitiet, li jarmu gassijiet fjammabbli f’kuntatt mal-ilma

    Tista’ tingħata din l-informazzjoni:

    (i)

    l-identità tal-gass emess, jekk din tkun magħrufa,

    (ii)

    id-dikjarazzjoni dwar jekk il-gass emess jaqbadx spontanjament,

    (iii)

    ir-rata tal-evoluzzjoni tal-gass;

    (m)

    Il-likwidi ossidanti

    Tista tingħata informazzjoni dwar jekk iseħħx tqabbid spontanju meta jitħallat ma’ ċelluloża.

    (n)

    Is-solidi ossidanti

    Tista tingħata informazzjoni dwar jekk iseħħx tqabbid spontanju meta jitħallat maċ-ċelluloża.

    (o)

    Il-perossidi organiċi

    Minbarra l-indikazzjoni tal-SADT kif speċifikat fil-punt (j) tas-subtaqsima 9.1, tista’ tingħata l-informazzjoni li ġejja:

    (i)

    it-temperatura tad-dekompożizzjoni,

    (ii)

    il-proprjetajiet tad-detonazzjoni,

    (iii)

    il-proprjetajiet tad-deflagrazzjoni,

    (iv)

    l-effett tat-tisħin fil-magħluq,

    (v)

    il-potenza splussiva,

    (p)

    Is-sustanzi korrużivi għall-metalli

    Tista’ tingħata din l-informazzjoni:

    (i)

    il-metalli li jikkorrodaw minħabba s-sustanza jew it-taħlita,

    (ii)

    il-veloċità ta’ korrużjoni u dikjarazzjoni dwar jekk din tirreferix għall-azzar jew għall-aluminju,

    (iii)

    ir-referenza għal taqsimiet oħra fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà rigward materjali kompatibbli jew inkompatibbli.

    (q)

    L-isplussivi desensitizzati

    Tista’ tingħata din l-informazzjoni:

    (i)

    l-aġent desensitizzanti użat,

    (ii)

    l-enerġija tad-dekompożizzjoni esotermika,

    (iii)

    il-veloċità tal-kombustjoni korreġuta (Ac);

    (iv)

    il-proprjetajiet splussivi tal-isplussiv desensitizzat f’dak l-istat.

    9.2.2.   Karatteristiċi oħra tas-sikurezza

    Il-karatteristiċi, il-karatteristiċi tas-sikurezza u r-riżultati tat-testijiet elenkati hawn taħt jistgħu jkunu utli biex jindikaw b’rabta ma’ sustanza jew ma’ taħlita:

    (a)

    is-sensittività mekkanika;

    (b)

    it-temperatura ta’ polimerizzazzjoni awtoaċċellerata;

    (c)

    il-formazzjoni ta’ taħlitiet ta’ trab/ta’ arja splussivi;

    (d)

    ir-riżerva aċida/alkalina

    (e)

    ir-rata tal-evaporazzjoni;

    (f)

    il-kapaċità għat-taħlit;

    (g)

    il-konduttività;

    (h)

    il-korrużività;

    (i)

    il-grupp ta’ gass;

    (j)

    il-potenzjal għall-ossiduriduzzjoni;

    (k)

    il-potenzjal għall-formazzjoni ta’ radikali;

    (l)

    il-proprjetajiet fotokatalitiċi.

    Għandhom jiġu indikati parametri fiżiċi u kimiċi oħra jekk l-indikazzjoni tagħhom hija rilevanti għall-użu sikur tas-sustanza jew tat-taħlita.

    10.    TAQSIMA 10: Stabilità u reattività

    Din it-taqsima fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tiddeskrivi l-istabilità tas-sustanza jew tat-taħlita u l-possibilità ta’ reazzjonijiet perikolużi li jseħħu f’ċerti kundizzjonijiet ta’ użu u wkoll jekk jiġu rilaxxati fl-ambjent, inkluż, meta jkun xieraq, referenza għall-metodi tal-ittestjar użati. Jekk ikun dikjarat li proprjetà partikolari ma tapplikax, jew jekk l-informazzjoni dwar proprjetà partikolari ma tkunx disponibbli, għandhom jingħataw ir-raġunijiet.

    10.1.   Reattività

    10.1.1.

    Għandhom jiġu deskritti l-perikli ta’ reattività tas-sustanza jew tat-taħlita. Meta tkun disponibbli, għandha tingħata data tat-test speċifika għas-sustanza jew għat-taħlita fit-totalità tagħha. Minkejja dan, l-informazzjoni tista’ tkun ibbażata wkoll fuq data ġenerali għall-klassi jew għall-familja ta’ sustanza jew ta’ taħlita, fil-każ li din id-data tkun tirrappreżenta b’mod adegwat il-periklu antiċipat tas-sustanza jew tat-taħlita.

    10.1.2.

    Jekk id-data għat-taħlitiet ma tkunx disponibbli, għandha tingħata data dwar is-sustanzi fit-taħlita. Għad-determinazzjoni tal-inkompatibilità, għandhom jiġu kkunsidrati l-kontenituri u l-kontaminanti li s-sustanza jew it-taħlita tista’ tkun esposta għalihom waqt it-trasport, il-ħażna u l-użu.

    10.2.   Stabilità kimika

    Għandu jiġi indikat jekk is-sustanza jew it-taħlita hix stabbli jew instabbli f’ambjent normali u f’kundizzjonijiet antiċipati ta’ ħżin u ta’ manipulazzjoni ta’ temperatura u ta’ pressjoni. Għandu jiġi deskritt kull stabbilizzatur li jintuża, jew li jaf ikun meħtieġ jintuża, biex tinżamm l-istabilità kimika tas-sustanza jew tat-taħlita. Għandu jiġi indikat is-sinifikat tas-sikurezza ta’ kwalunkwe bidla fl-apparenza fiżika tas-sustanza jew tat-taħlita. Fir-rigward ta’ splussivi desensitizzati, għandha tingħata informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien għall-konservazzjoni tal-prodott u l-istruzzjonijiet dwar kif għandha tiġi verifikata d-desensitizzazzjoni, u għandu jiġi indikat li t-tneħħija tal-aġent desensitizzanti se jittrasforma l-prodott fi splussiv.

    10.3.   Possibilità ta’ reazzjonijiet perikolużi

    Jekk ikun rilevanti, għandu jiġi dikjarat jekk is-sustanza jew it-taħlita hix se tirreaġixxi jew tippolimerizza, u b’hekk tirrilaxxa pressjoni jew sħana eċċessiva, jew toħloq kundizzjonijiet oħra ta’ periklu. Għandhom jiġu deskritti l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jseħħu r-reazzjonijiet perikolużi.

    10.4.   Kundizzjonijiet li jridu jiġu evitati

    Għandhom jiġu elenkati l-kundizzjonijiet bħalma huma t-temperatura, il-pressjoni, id-dawl, ix-xokk, l-iskarika statika, il-vibrazzjonijiet jew pressjonijiet fiżiċi oħrajn li jistgħu jirriżultaw f’sitwazzjoni ta’ periklu (kundizzjonijiet li jridu jiġu evitati) u jekk xieraq għandha tingħata deskrizzjoni qasira tal-miżuri li jridu jittieħdu għall-ġestjoni tar-riskji assoċjati ma’ perikli bħal dawn. Fir-rigward tal-isplussivi desensitizzati, għandha tingħata informazzjoni dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex tiġi evitata t-tneħħija mhux intenzjonata tal-aġent desensitizzanti, u għandhom jiġu elenkati l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu evitati jekk is-sustanza jew it-taħlita ma tkunx desensitizzata biżżejjed.

    10.5.   Materjali inkompatibbli

    Għandhom jiġu elenkati l-familji tas-sustanzi jew tat-taħlitiet jew tas-sustanzi speċifiċi, bħalma huma l-ilma, l-arja, l-aċidi, il-bażijiet, l-aġenti tal-ossidazzjoni, li magħhom tista’ tirreaġixxi s-sustanza jew it-taħlita biex tipproduċi sitwazzjoni perikoluża (bħal splużjoni, rilaxx ta’ materjali tossiċi jew fjammabbli, jew liberazzjoni ta’ sħana eċċessiva) u jekk xieraq għandha tingħata deskrizzjoni qasira tal-miżuri li għandhom jittieħdu għall-ġestjoni tar-riskji assoċjati ma’ perikli bħal dawn.

    10.6.   Prodotti perikolużi ta’ dekompożizzjoni

    Għandhom jiġu elenkati l-prodotti perikolużi tad-dekompożizzjoni magħrufa u raġonevolment antiċipati minħabba l-użu, il-ħżin, it-tixrid u t-tisħin. Il-prodotti perikolużi ta’ kombustjoni għandhom jiġu inklużi fit-Taqsima 5 tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    11.    TAQSIMA 11: Informazzjoni tossikoloġika

    Din it-taqsima fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà hija maħsuba primarjament għall-użu mill-professjonisti mediċi, mill-professjonisti tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u mit-tossikologi. Għandha tingħata deskrizzjoni konċiża iżda kompluta u komprensibbli tal-effetti tossikoloġiċi (fuq is-saħħa) varji u d-data disponibbli użata biex tidentifika dawk l-effetti, inkluż meta jkun xieraq informazzjoni dwar it-tossikokinetika, il-metaboliżmu u d-distribuzzjoni. L-informazzjoni f’din it-taqsima għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni mogħtija fir-reġistrazzjoni u/jew fir-rapport ta’ sigurtà kimika fejn meħtieġ, u flimkien mal-klassifikazzjoni tas-sustanza jew tat-taħlita.

    11.1.   Informazzjoni dwar il-klassi ta’ periklu kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008

    Il-klassijiet ta’ periklu rilevanti, li għalihom għandha tingħata informazzjoni, huma:

    (a)

    tossiċità akuta;

    (b)

    korrużjoni/irritazzjoni tal-ġilda;

    (c)

    ħsara serja lill-għajnejn/irritazzjoni tal-għajnejn;

    (d)

    sensitizzazzjoni respiratorja jew tal-ġilda;

    (e)

    mutaġeniċità għaċ-ċelloli ġerminali;

    (f)

    karċinoġeniċità;

    (g)

    tossiċità riproduttiva;

    (h)

    tossicità speċifika għall-organi fil-mira (STOT) – esponiment ta’ darba;

    (i)

    tossicità speċifika għall-organiżmi fil-mira (STOT) – esponiment ripetut;

    (j)

    periklu mill-aspirazzjoni.

    Dawn il-perikli għandhom dejjem jiġu elenkati fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    Għas-sustanzi soġġetti għar-reġistrazzjoni, għandhom jingħataw taqsiriet konċiżi tal-informazzjoni derivata mill-applikazzjoni tal-Annessi VII sa XI, inkluż, meta jkun xieraq, referenza għall-metodi tal-ittestjar użati. Għas-sustanzi soġġetti għal reġistrazzjoni, l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll ir-riżultat tat-tqabbil tad-data disponibbli mal-kriterji mogħtija fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għal CMR, il-kategoriji 1 A u 1B, wara l-punt 1.3.1 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    11.1.1.   L-informazzjoni għandha tingħata għal kull klassi ta’ periklu jew differenzjar. Jekk ikun dikjarat li s-sustanza jew it-taħlita mhijiex klassifikata għal klassi partikolari ta’ periklu jew għal differenzjar partikolari, l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tiddikjara b’mod ċar jekk dan huwiex dovut minħabba nuqqas ta’ data, minħabba impossibilità teknika li tinkiseb id-data, minħabba data inkonklussiva, jew minħabba data konklussiva iżda mhux suffiċjenti għall-klassifikazzjoni; fil-każ tal-aħħar, l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, għandha tispeċifika li “abbażi tad-data disponibbli, il-kriterji tal-klassifikazzjoni mhumiex issodisfati”.

    11.1.2.   Id-data inkluża f’din is-subtaqsima għandha tapplika għas-sustanza jew għat-taħlita kif imqiegħda fis-suq. Fil-każ ta’ taħlita, id-data għandha tiddeskrivi l-proprjetajiet tossikoloġiċi tat-taħlita fit-totalità tagħha, ħlief jekk ikun japplika l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Jekk disponibbli, għandhom jingħataw ukoll il-proprjetajiet tossikoloġiċi rilevanti tas-sustanzi perikolużi f’taħlita, bħalma huma l-LD50, l-istimi tat-tossiċità akuta jew l-LC50.

    11.1.3.   Meta jkun hemm ammont sostanzjali ta’ data tat-test dwar is-sustanza jew dwar it-taħlita, jista’ jkun meħtieġ li r-riżultati tal-istudji kritiċi użati jingħataw fil-qosor, pereżempju skont il-mod ta’ esponiment.

    11.1.4.   Meta ma jiġux issodisfati l-kriterji tal-klassifikazzjoni għal klassi partikolari ta’ periklu, għandha tingħata informazzjoni li tiġġustifika din il-konklużjoni.

    11.1.5.   Informazzjoni dwar il-modi probabbli ta’ esponiment

    Għandha tingħata informazzjoni dwar il-modi probabbli ta’ esponiment u l-effetti tas-sustanza jew tat-taħlita permezz ta’ kull mod possibbli ta’ esponiment, jiġifieri, permezz ta’ inġestjoni (meta tinbela’), permezz ta’ ġbid man-nifs, jew permezz ta’ esponiment tal-għajnejn/tal-ġilda. Jekk l-effetti fuq is-saħħa ma jkunux magħrufa, dan għandu jiġi dikjarat.

    11.1.6.   Sintomi relatati mal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tossikoloġi

    Għandhom jiġu deskritti l-effetti potenzjalment ta’ ħsara fuq is-saħħa u s-sintomi assoċjati mal-esponiment għas-sustanza jew għat-taħlita u l-ingredjenti jew il-prodotti sekondarji tagħha. Għandha tingħata l-informazzjoni disponibbli dwar is-sintomi relatati mal-karatteristiċi, fiżiċi, kimiċi u tossikoloġiċi tas-sustanza jew tat-taħlita wara l-esponiment. Id-deskrizzjoni għandha tkopri l-firxa kollha ta’ sintomi mill-ewwel sintomi tal-esponiment baxx u jibqgħu sejrin sal-konsegwenzi tal-esponiment qawwi, pereżempju “jistgħu jseħħu wġigħ ta’ ras u sturdament, li jwasslu għall-ħass ħażin jew għat-telf mis-sensi; dożi kbar jistgħu jirriżultaw f’koma jew f’mewt”.

    11.1.7.   Effetti tardjati u immedjati kif ukoll effetti kroniċi minn esponiment għal terminu ta’ zmien qasir jew twil

    Għandha tingħata informazzjoni dwar jekk għandhomx jiġu mistennija effetti tardjati jew immedjati wara esponiment għal terminu ta’ zmien qasir jew fit-tul. Għandha tingħata wkoll informazzjoni dwar effetti fuq is-saħħa akuti u kroniċi relatati mal-esponiment uman għas-sustanza jew għat-taħlita. Meta ma tkunx disponibbli data umana, għandha tingħata fil-qosor l-informazzjoni dwar id-data sperimentali, bid-dettalji dwar data tal-annimali u dwar l-ispeċi identifikati b’mod ċar jew dwar it-testijiet in vitro u t-tipi ta’ ċelloli identifikati b’mod ċar. Għandu jiġi indikat jekk id-data tossikoloġika hijiex ibbażata fuq data umana jew fuq data tal-annimali jew fuq testijiet in vitro.

    11.1.8.   Effetti interattivi

    Għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar l-interazzjonijiet jekk din tkun rilevanti u disponibbli.

    11.1.9.   Nuqqas ta’ data speċifika

    Jista’ ma jkunx dejjem possibbli li tinkiseb informazzjoni dwar il-perikli ta’ sustanza jew ta’ taħlita. Meta d-data dwar is-sustanza jew dwar it-taħlita speċifika ma tkunx disponibbli, tista’ tintuża data dwar sustanzi jew taħlitiet simili, jekk ikun xieraq, diment li s-sustanza jew it-taħlita simili rilevanti tkun identifikata. Meta ma tintużax data speċifika, jew meta ma jkunx hemm data disponibbli, dan għandu jiġi dikjarat b’mod ċar,

    11.1.10.   Taħlitiet

    Għal effett fuq is-saħħa parikolari, jekk taħlita ma tkunx ġiet ittestjata fit-totalità tagħha għall-effetti tagħha fuq is-saħħa, għandha tingħata l-informazzjoni rilevanti fuq is-sustanzi rilevanti elenkati fit-Taqsima 3.

    11.1.11.   Informazzjoni dwar taħlita versus informazzjoni dwar sustanza

    11.1.11.1.

    Is-sustanzi f’taħlita jistgħu jinteraġixxu ma’ xulxin fil-ġisem, u dan jirriżulta f’rati differenti ta’ assorbiment, ta’ metaboliżmu u ta’ eskrezzjoni. Bħala riżultat, l-azzjonijiet tossiċi jistgħu jinbidlu u t-tossiċità globali tat-taħlita tista’ tkun differenti minn dik tas-sustanzi ġo fiha. Dan għandu jitqies meta tingħata informazzjoni tossikoloġika f’din is-subtaqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    11.1.11.2.

    Jeħtieġ jitqies jekk il-konċentrazzjoni ta’ kull sustanza hix suffiċjenti biex tikkontribwixxi għall-effetti globali fuq is-saħħa tat-taħlita. L-informazzjoni dwar l-effetti tossiċi għandha tiġi preżentata għal kull sustanza, ħlief fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    jekk l-informazzjoni tkun duplikata, din għandha tiġi elenkata darba biss għat-taħlita globalment, pereżempju meta ż-żewġ sustanzi, it-tnejn li huma, ikunu jikkawżaw remettar u dijarea;

    (b)

    jekk ikun improbabbli li dawn l-effetti se jseħħu fil-konċentrazzjonijiet preżenti, bħal meta irritant mhux qawwi jiġi dilwit għal livell inqas minn konċentrazzjoni determinata f’soluzzjoni mhux irritanti;

    (c)

    meta l-informazzjoni dwar l-interazzjonijiet bejn is-sustanzi f’taħlita ma tkunx disponibbli, ma għandhomx isiru assunzjonijiet u minflok għandhom jiġu elenkati l-effetti fuq is-saħħa ta’ kull sustanza separatament.

    11.2   Informazzjoni dwar perikli oħrajn

    11.2.1.   Proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali

    Meta tkun disponibbli, għandha tingħata informazzjoni dwar l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa kawżati minn proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali, għas-sustanzi identifikati fis-subtaqsima 2.3 li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali Din l-informazzjoni għandha tikkonsisti minn taqsiriet konċiżi tal-informazzjoni li tkun ġejja mill-applikazzjoni tal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolamenti korrispondenti ((KE) Nru 1907/2006, (UE) 2017/2100, (UE) 2018/605), u li tkun rilevanti biex il-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali jiġu valutati għas-saħħa tal-bniedem

    11.2.2.   Informazzjoni oħra

    Għandha tiġi inkluża informazzjoni rilevanti oħra fuq effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa anki jekk din ma tkunx meħtieġa skont il-kriterji tal-klassifikazzjoni.

    12.    TAQSIMA 12: Informazzjoni ekoloġika

    Din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tagħti informazzjoni biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-impatt ambjentali tas-sustanza jew tat-taħlita meta din tiġi rilaxxata fl-ambjent. Is-subtaqsimiet 12.1 sa 12.7 tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandhom jagħtu taqsira tad-data inkluż, meta tkun disponibbli, id-data rilevanti tat-test u għandhom jindikaw b’mod ċar l-ispeċi, il-mezzi, l-unitajiet, it-tul ta’ żmien tat-test u l-kundizzjonijiet tat-test. Din l-informazzjoni tista’ tgħin fit-trattamenti tat-tixrid, u fl-evalwazzjoni tal-prattiki tat-trattament tal-iskart, fil-kontroll tar-rilaxxi, fil-miżuri għar-rilaxxi aċċidentali u fit-trasport. Jekk ikun dikjarat li proprjetà partikolari ma tapplikax (għax id-data disponibbli turi li s-sustanza jew it-taħlita ma tissodisfax il-kriterji għall-klassifikazzjoni) jew jekk l-informazzjoni dwar proprjetà partikolari ma tkunx disponibbli, għandhom jiġu indikati r-raġunijiet. Barra minn hekk, jekk sustanza jew taħlita mhijiex klassifikata għal raġunijiet oħra (pereżempju, minħabba impossibilità teknika li tinġabar id-data jew minħabba data inkonklużiva), dan għandu jiġi dikjarat b’mod ċar fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    Xi proprjetajiet bħall-bijoakkumulazzjoni, bħall-persistenza u bħad-degradabilità, huma speċifiċi għal sustanza partikolari, u din l-informazzjoni għandha tingħata meta tkun disponibbli u skont kif ikun xieraq, għal kull sustanza rilevanti fit-taħlita (jiġifieri dawk li huma meħtieġa li jiġu elenkati fit-Taqsima 3 tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà u li jkunu ta’ periklu għall-ambjent jew li huma sustanzi PBT/vPvB). Għandha tingħata wkoll informazzjoni għall-prodotti ta’ trasformazzjoni perikoluża li jirriżultaw mid-degradazzjoni ta’ sustanzi jew ta’ taħlitiet.

    L-informazzjoni f’din it-taqsima għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni mogħtija fir-reġistrazzjoni u/jew fir-rapport ta’ sigurtà kimika fejn meħtieġ, u flimkien mal-klassifikazzjoni tas-sustanza jew tat-taħlita.

    Meta jkun hemm id-disponibilità ta’ data esperimentali affidabbli u rilevanti, għandha tingħata dik id-data u din għandha tieħu preċedenza fuq l-informazzjoni miksuba mill-mudelli.

    12.1.   Tossiċità

    Meta tkun disponibbli, għandha tingħata informazzjoni dwar it-tossiċità bl-użu tad-data minn testijiet magħmula fuq organiżmi akkwatiċi u/jew terrestri. Din għandha tinkludi data rilevanti disponibbli dwar it-tossiċità akkwatika, kemm akuta kif ukoll kronika għall-ħut, għall-krustaċji, għall-alga u għal pjanti akkwatiċi oħrajn. Barra minn hekk, meta tkun disponibbli, għandha tiġi inkluża data dwar it-tossiċità tal-mikrorganiżmi u l-makrorganiżmi tal-ħamrija u ta’ organiżmi oħra ambjentalment rilevanti, bħall-għasafar, in-naħal u l-pjanti. Meta s-sustanza jew it-taħlita jkollha effetti inibitorji fuq l-attività tal-mikrorganiżmi, għandu jissemma l-impatt possibbli fuq l-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ.

    Meta ma jkunx hemm disponibbli data esperimentali, il-fornitur għandu jikkunsidra jekk tistax tingħata informazzjoni affidabbli u rilevanti miksuba minn mudelli.

    Għal sustanzi soġġetti għar-reġistrazzjoni, għandhom jiġu inklużi taqsiriet tal-informazzjoni derivata mill-applikazzjoni tal-Annessi VII sa XI ta’ dan ir-Regolament.

    12.2.   Persistenza u degradabilità

    Id-degradabilità hija l-potenzjal li s-sustanza, jew li s-sustanzi xierqa f’taħlita, jiddegradaw fl-ambjent permezz tal-bijodegradazzjoni jew bi proċessi oħra bħall-ossidazzjoni jew l-idrolożi. Il-persistenza hija n-nuqqas ta’ evidenza ta’ degradazzjoni fis-sitwazzjonijiet definiti fit-Taqsimiet 1.1.1 u 1.2.1 tal-Anness XIII. Meta jkunu disponibbli, għandhom jingħataw ir-riżultati tat-testijiet rilevanti biex jivvalutaw il-persistenza u d-degradabilità. Jekk jiġu kwotati n-nofs ħajjiet tad-degradazzjoni, irid jiġi indikat jekk dawn in-nofs ħajjiet jirreferux għall-mineralizzazzjoni jew għad-degradazzjoni primarja. Għandu jissemma wkoll il-potenzjal tas-sustanza, jew ta’ ċerti sustanzi f’taħlita, li jiddegradaw fl-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ.

    Meta ma tkunx disponibbli data esperimentali, il-fornitur għandu jikkunsidra jekk tistax tingħata informazzjoni affidabbli u rilevanti miksuba minn mudelli.

    Din l-informazzjoni għandha tingħata meta tkun disponibbli u xierqa, għal kull sustanza individwali fit-taħlita li jeħtieġ tiġi elenkata fit-Taqsima 3 tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    12.3.   Potenzjal bijoakkumulattiv

    Il-potenzjal bijoakkumulattiv huwa l-potenzjal tas-sustanza, jew ta’ ċerti sustanzi f’taħlita, li jakkumulaw f’bijota u, eventwalment jgħaddu mill-katina tal-ikel. Għandhom jingħataw ir-riżultati tat-testijiet rilevanti biex jiġi valutat il-potenzjal bijoakkumulattiv. Dawn għandhom jinkludu r-referenza għall-koeffiċjent tal-partizzjoni ottanol/ilma (Kow) u l-fattur ta’ bijokonċentrazzjoni (BCF), jew parametri rilevanti oħrajn relatati mal-bijoakkumulazzjoni, jekk ikunu disponibbli.

    Meta d-data esperimentali ma tkunx disponibbli, għandu jitqies jekk jistgħux jingħataw mudelli tat-tbassir.

    Din l-informazzjoni għandha tingħata meta tkun disponibbli u xierqa, għal kull sustanza individwali fit-taħlita li jeħtieġ tiġi elenkata fit-Taqsima 3 tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    12.4.   Mobilità fil-ħamrija

    Il-mobilità fil-ħamrija hija l-potenzjal tas-sustanza jew tal-komponenti ta’ taħlita, jekk rilaxxati fl-ambjent, li jiċċaqilqu bis-saħħa ta’ forzi naturali lejn l-ilma tal-pjan jew lejn distanza mill-post tar-rilaxx. Meta jkun disponibbli, għandu jingħata l-potenzjal għall-mobilità fil-ħamrija. L-informazzjoni dwar il-mobilità fil-ħamrija tista’ tiġi determinata mid-data rilevanti dwar il-mobilità bħalma huma l-istudji tal-adsorbiment jew l-istudji tal-iskular, id-distribuzzjoni magħrufa jew imbassra għal kompartimenti ambjentali, jew it-tensjoni tas-superfiċje. Pereżempju, il-valuri tal-adsorbiment tal-ħamrija (Koc) jistgħu jitbassru mill-Kow. L-iskular u l-mobilità jistgħu jitbassru minn mudelli.

    Din l-informazzjoni għandha tingħata meta tkun disponibbli u xierqa, għal kull sustanza individwali fit-taħlita li jeħtieġ tiġi elenkata fit-Taqsima 3 tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    12.5.   Riżultati tal-valutazzjoni PBT u vPvB

    Meta jkun meħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika, għandhom jingħataw ir-riżultati tal-valutazzjoni PBT u vPvB kif stipulat fir-rapport ta’ sigurtà kimika.

    12.6.   Proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali

    Meta tkun disponibbli, għandha tingħata informazzjoni dwar l-effetti ta’ ħsara fuq l-ambjent kkawżati minn proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali, għas-sustanzi identifikati fis-subtaqsima 2.3 li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali Din l-informazzjoni għandha tikkonsisti minn taqsiriet konċiżi tal-informazzjoni li tkun ġejja mill-applikazzjoni tal-kriterji għall-valutazzjoni stipulati fir-Regolamenti korrispondenti ((KE) Nru 1907/2006, (UE) 2017/2100, (UE) 2018/605), u li tkun rilevanti biex jiġu valutati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali għall-ambjent.

    12.7.   Effetti oħra ta’ ħsara

    Meta tkun disponibbli, għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar kull effett ieħor ta’ ħsara fuq l-ambjent, pereżempju d-destin ambjentali (l-esponiment), il-potenzjal tal-ħolqien ta’ ożonu fotokimiku, il-potenzjal tat-tnaqqis tal-ożonu jew il-potenzjal tat-tisħin globali.

    13.    TAQSIMA 13: Kunsiderazzjonijiet ta’ rimi

    Din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tipprovdi informazzjoni għall-ġestjoni tal-iskart xierqa tas-sustanza jew tat-taħlita u/jew tal-kontenitur tagħha, biex tgħin fid-determinazzjoni ta’ alternattivi sikuri u ambjentalment ippreferiti tal-ġestjoni tal-iskart, li huma konsistenti mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) mill-Istat Membru fejn l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà qed tiġi fornuta. L-informazzjoni rilevanti għas-sikurezza tal-persuni li jwettqu attivitajiet ta’ ġestjoni tal-iskart għandha tikkomplementa l-informazzjoni mogħtija fit-Taqsima 8.

    Meta jkun meħtieġ rapport ta’ sigurtà kimika, l-informazzjoni f’din is-subtaqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tkun konsistenti mal-użi identifikati fir-rapport ta’ sigurtà kimika u max-xenarji tal-esponiment mir-rapport ta’ sigurtà kimika stipulat fl-anness tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

    13.1.   Metodi tat-trattament tal-iskart

    Din is-subtaqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha:

    (a)

    tispeċifika l-kontenituri u l-metodi tat-trattament tal-iskart inkluż il-metodi xierqa tat-trattament tal-iskart kemm tas-sustanza jew tat-taħlita kif ukoll għal kull ippakkjar kontaminat (pereżempju l-inċinerazzjoni, ir-riċiklaġġ, ir-rimi fir-radam);

    (b)

    tispeċifika l-proprjetajiet fiżiċi/kimiċi li jistgħu jaffettwaw alternattivi ta’ trattament tal-iskart;

    (c)

    tevita r-rimi tad-drenaġġ;

    (d)

    meta jkun xieraq, tidentifika prekawzjoni speċjali għal kwalunkwe alternattiva rakkomandata tat-trattament tal-iskart.

    Għandha ssir referenza għal kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-iskart jew, fin-nuqqas ta’ dan, għal kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti nazzjonali jew reġjonali fis-seħħ.

    14.    TAQSIMA 14: Informazzjoni dwar it-trasport

    Din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tagħti informazzjoni bażika ta’ klassifikazzjoni għat-trasport/għat-trasport bil-baħar tas-sustanzi jew tat-taħlitiet imsemmija fit-Taqsima 1 bit-triq, bil-ferrovija, bil-baħar, bil-passaġġi fuq l-ilma interni jew bl-ajru. Meta informazzjoni bħal din ma tkunx disponibbli jew rilevanti dan għandu jiġi dikjarat.

    Meta jkun rilevanti, f’din it-taqsima għandha tingħata informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tat-trasport għal kull wieħed mill-ftehimiet internazzjonali li ġejjin li jittrasponu r-Regolamenti Mudelli tan-NU għal modi speċifiċi tat-trasport: il-Ftehim dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR), ir-Regolamenti dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID) u l-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi fuq l-Ilma Interni (ADN), li kollha kemm huma ġew implimentati permezz tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), kif ukoll il-Kodiċi Marittima Internazzjonali dwar Oġġetti Perikolużi (IMDG) (10) għat-trasport ta’ oġġetti ppakkjati u l-kodiċijiet rilevanti tal-OMI għat-trasport bil-baħar ta’ merkanzija bl-ingrossa (11) u l-Istruzzjonijiet Tekniċi għat-Trasport Sikur ta’ Oġġetti Perikolużi bl-Ajru (ICAO TI) (12).

    14.1.   Numru tan-NU jew numru tal-ID

    Għandu jingħata n-numru tan-NU jew in-numru tal-ID (jiġifieri n-numru ta’ identifikazzjoni b’erba’ ċifri tas-sustanza, tat-taħlita jew tal-oġġett ippreċedut mill-ittri “UN” jew “ID”) mir-Regolamenti Mudell tan-NU, IMDG, ADR, RID, ADN jew ICAO TI.

    14.2.   Isem uffiċjali tat-trasport tan-NU

    Għandu jingħata l-isem uffiċjali tat-trasport kif previst fil-kolonna 2, “Isem u deskrizzjoni”, tat-Tabella A tal-Kapitolu 3.2 Lista ta’ Oġġetti Perikolużi tar-Regolamenti Mudell tan-NU, fl-ADR, fl-RIDu fit-Tabelli A u C tal-Kapitolu 3.2 tal-ADN, issupplementat, meta applikabbli, bl-isem tekniku fil-brekits kif meħtieġ, diment li ma kienx intuża bħala l-identifikatur tal-prodott fis-subtaqsima 1.1. Jekk in-numru tan-NU u l-isem uffiċjali tat-trasport ma jinbidlux fil-modi tat-trasport differenti, ma hemmx ħtieġa li din l-informazzjoni tiġi ripetuta. Fir-rigward tat-trasport marittimu, minbarra l-isem uffiċjali tat-trasport tan-NU, għandu jiġi indikat l-isem tekniku għall-oġġetti li se jiġu trasportati koperti mill-Kodiċi IMDG, meta jkun xieraq.

    14.3.   Klassi(jiet) tal-periklu tat-trasport

    Għandha tingħata l-klassi ta’ periklu tat-trasport (u riskji sussidjarji) assenjati lis-sustanzi jew it-taħlitiet abbażi tal-periklu predominanti li jippreżentaw skont ir-Regolamenti Mudell tan-NU. Fir-rigward tat-trasport intern, għandha tingħata l-klassi ta’ periklu tat-trasport (u r-riskji sussidjarji) assenjata lis-sustanzi jew lit-taħlitiet abbażi tal-periklu predominanti li jirrappreżentaw skont l-ADR, l-RID u l-ADN.

    14.4.   Grupp tal-ippakkjar

    Għandu jingħata n-numru tal-grupp tal-ippakkjar mir-Regolamenti Mudell tan-NU, jekk applikabbli, kif meħtieġ mir-Regolamenti Mudell tan-NU, ADR, RID u ADN. In-numru tal-grupp tal-ippakkjar huwa assenjat lil ċerti sustanzi skont il-grad tagħhom ta’ periklu.

    14.5.   Perikli ambjentali

    Għandu jiġi indikat jekk is-sustanza jew it-taħlita hix perikoluża ambjentalment skont il-kriterji tar-Regolamenti Mudell tan-NU (kif riflessi fl-ADR, fl-RID u fl-ADN), u jekk hijiex sustanza niġġiesa tal-baħar skont il-Kodiċi IMDG u skont il-proċeduri ta’ rispons ta’ emergenza għall-bastimenti li jġorru prodotti perikolużi. Jekk is-sustanza jew it-taħlita tkun awtorizzata, jew maħsuba għat-trasport f’bastimenti tat-tankijiet permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni, għandu jiġi indikat jekk is-sustanza jew it-taħlita hijiex perikoluża ambjentalment fil-bastimenti tat-tankijiet skont l-ADN biss.

    14.6.   Prekawzjonijiet speċjali għall-utent

    Għandha tingħata informazzjoni dwar kull prekawzjoni speċjali li l-utent għandu jew irid jieħu jew li jrid ikun konxju minnha rigward it-trasport jew il-ġarr kemm ’il ġewwa kif ukoll ’il barra mill-azjenda tiegħu, għall-modi tat-trasport rilevanti kollha.

    14.7.   Trasport marittimu bl-ingrossa skont l-istrumenti tal-OMI

    Din is-subtaqsima tapplika biss meta l-merkanzija tkun maħsuba biex tinġarr bl-ingrossa skont l-istrumenti tal-OMI li ġejjin: il-Kapitolu VI jew il-Kapitolu VII tas-SOLAS (13), l-Anness II jew l-Anness V tal-MARPOL, il-Kodiċi IBC (14), il-Kodiċi IMSBC (15), u l-Kodiċi IGC (16) jew il-verżjonijiet preċedenti tiegħu, jiġifieri l-Kodiċi EGC (17), jew il-Kodiċi GC (18)).

    Fir-rigward tal-merkanzjija bl-ingrossa likwida, għandu jingħata l-isem tal-prodott (jekk l-isem ikun differenti minn dak mogħti fis-subtaqsima 1.1) kif meħtieġ skont id-dokument ta’ trasport u skont l-isem użat fil-listi ta’ ismijiet ta’ prodotti mogħtija fil-Kapitoli 17 jew 18 tal-Kodiċi IBC jew fl-aħħar edizzjoni tal-MEPC.2/Circular tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu tal-OMI (MEPC) (19). Għandhom jiġu indikati t-tip ta’ bastiment meħtieġ u l-kategorija tat-tniġġis, kif ukoll il-klassi ta’ periklu tal-OMI, skont l-Anness I(3)B(a) tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

    Fir-rigward tal-merkanzija solida bl-ingrossa, għandu jingħata l-isem tal-ġarr tal-merkanzija bl-ingrossa. Għandu jiġi indikat jekk il-merkanzija hix meqjusa ta’ ħsara għall-ambjent tal-baħar (HME) jew le, skont l-Anness V tal-MARPOL, jekk hijiex materjal perikoluż biss meta tkun bl-ingrossa (MHB) (21) skont il-Kodiċi IMSBC, u għal liema grupp ta’ merkanzija għandu jiġi kkunsidrat skont l-IMSBC.

    Fir-rigward ta’ tagħbijiet bl-ingrossa ta’ gass likwifikat, għandu jingħata l-isem tal-prodott u t-tip ta’ bastiment meħtieġ skont il-Kodiċi IGC jew skont il-verżjonijiet preċedenti tiegħu, jiġifieri l-Kodiċi EGC jew il-Kodiċi GC.

    15.    TAQSIMA 15: Informazzjoni regolatorja

    Din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tiddeskrivi l-informazzjoni regolatorja l-oħra dwar is-sustanza jew dwar it-taħlita li ma tkunx ingħatat fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà (pereżempju jekk is-sustanza jew it-taħlita hijiex soġġetta għar-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (22), ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropewu tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (23) jew ir-Regolament (KE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (24)).

    15.1.   Regolamenti/leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza, dwar is-saħħa u dwar l-ambjent li huma speċifiċi għas-sustanza jew għat-taħlita

    Għandha tingħata informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni dwar is-sikurezza, dwar is-saħħa u dwar l-ambjent (pereżempju l-kategorija Seveso/is-sustanzi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (25)) jew informazzjoni dwar l-istatus regolatorju nazzjonali tas-sustanza jew tat-taħlita (inkluż is-sustanzi fit-taħlita), inkluż parir dwar l-azzjoni li jenħtieġ jieħu r-riċevitur minħabba dawk id-dispożizzjonijiet. Jekk ikun rilevanti, għandha ssir referenza għal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri rilevanti li jimplimentaw dawk id-dispożizzjonijiet u kull miżura nazzjonali oħra li tista’ tkun rilevanti.

    Jekk is-sustanza jew it-taħlita koperta minn din l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà hija s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent fil-livell tal-Unjoni (pereżempju awtorizzazzjonijiet mogħtija skont it-Titolu VII jew restrizzjonijiet skont it-Titolu VIII) dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu dikjarati. Meta awtorizzazzjoni li tingħata skont it-Titolu VII timponi kundizzjonijiet jew arranġamenti ta’ monitoraġġ għal utent downstream tas-sustanza jew tat-taħlita, dawn għandhom jiġu provduti.

    15.2.   Valutazzjoni tas-sigurtà kimika

    Din is-subtaqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tindika jekk il-fornitur ikunx wettaq valutazzjoni tas-sigurtà kimika għas-sustanza jew għat-taħlita.

    16.    TAQSIMA 16: Informazzjoni oħra

    Din it-taqsima tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tinkludi inflormazzjoni oħra li mhix inkluża fit-Taqsimiet 1 sa 15, fosthom l-informazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà bħal:

    (a)

    fil-każ ta’ skeda ta’ data ta’ sigurtà riveduta, indikazzjoni ċara ta’ fejn saru l-bidliet fil-verżjoni preċedenti tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, sakemm ma tkunx ingħatat indikazzjoni ta’ dan it-tip xi mkien ieħor fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, bi spjegazzjoni tal-bidiiet, jekk ikun xieraq. Fornitur ta’ sustanza jew ta’ taħlita għandu jkun jista’ jipprovdi spjegazzjoni għall-bidliet jekk jintalab jagħmel hekk;

    (b)

    spjega jew didaskalija għall-abbrevjazzjonijiet u għall-akronomi użati fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà;

    (c)

    referenzi ewlenin għal-letteratura u għas-sorsi għad-data;

    (d)

    fil-każ tat-taħlitiet, indikazzjoni ta’ liema metodu ta’ evalwazzjoni tal-informazzjoni minn fost il-metodi msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 ntuża għall-fini tal-klassifikazzjoni;

    (e)

    lista bid-dikjarazzjonijiet tal-periklu, u/jew bid-dikjarazzjonijiet tal-prekawzjoni rielvanti. Ikteb it-test sħiħ ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni li ma tkunx inkitbet b’mod sħiħ fit-Taqsimiet 2 sa 15;

    (f)

    parir dwar xi taħriġ adattat għall-ħaddiema biex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa umana u l-ambjent.

    PARTI B

    L-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tinkludi s-16-il intestatura li ġejjin skont l-Artikolu 31(6) u flimkien magħhom is-subintestaturi elenkati wkoll, ħlief it-Taqsima 3, fejn is-subtaqsimiet 3.1 jew 3.2 biss jeħtieġ jiġu inklużi kif ikun xieraq:

    TAQSIMA 1: Identifikazzjoni tas-sustanza/tat-taħlita u tal-kumpanija/tal-impriża

    1.1.

    Identifikatur tal-prodott

    1.2.

    Użi rilevanti identifikati tas-sustanza jew tat-taħlita u użi mhux rakkomandati

    1.3.

    Dettalji tal-fornitur tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà

    1.4.

    Numru tat-telefown ta’ emerġenza

    TAQSIMA 2: Identifikazzjoni tar-riskji

    2.1.

    Klassifikazzjoni tas-sustanza jew tat-taħlita

    2.2.

    Elementi fuq it-tikketta

    2.3.

    Perikli oħrajn

    TAQSIMA 3: Kompożizzjoni/informazzjoni dwar l-ingredjenti

    3.1.

    Sustanzi

    3.2.

    Taħlitiet

    TAQSIMA 4: Miżuri tal-ewwel għajnuna

    4.1.

    Deskrizzjoni tal-miżuri tal-ewwel għajnuna

    4.2.

    Sintomi u effetti prinċipali, kemm akuti kif ukoll tardjati

    4.3.

    Indikazzjoni ta’ xi attenzjoni medika immedjata u trattament speċjali meħtieġa

    TAQSIMA 5: Miżuri għat-tifi tan-nar

    5.1.

    Mezzi għat-tifi tan-nar

    5.2.

    Perikli speċifiċi li joriġinaw mis-sustanza jew mit-taħlita

    5.3.

    Parir lill-pumpiera

    TAQSIMA 6: Miżuri għar-rilaxx aċċidentali

    6.1.

    Prekawzjonijiet personali, tagħmir ta’ protezzjoni u proċeduri ta’ emerġenza

    6.2.

    Prekawzjonijiet ambjentali

    6.3.

    Metodi u materjal għall-konteniment u għat-tindif

    6.4.

    Referenza għal taqsimiet oħra

    TAQSIMA 7: Ġestjoni u ħżin

    7.1.

    Prekawzjonijiet għal manipulazzjoni sikura

    7.2.

    Kundizzjonijiet għall-ħżin bla periklu, inkluż kwalunkwe nuqqas ta’ kompatibilità

    7.3.

    Użi finali speċifiċi

    TAQSIMA 8: Kontrolli tal-esponiment/il-protezzjoni personali

    8.1.

    Parametri ta’ kontroll

    8.2.

    Kontrolli tal-esponiment

    TAQSIMA 9: Proprjetajiet fiżiċi u kimiċi

    9.1.

    Informazzjoni dwar proprjetajiet fiċiżi u kimiċi bażiċi

    9.2.

    Informazzjoni oħra

    TAQSIMA 10: Stabilità u reattività

    10.1.

    Reattività

    10.2.

    Stabilità kimika

    10.3.

    Possibilità ta’ reazzjonijiet perikolużi

    10.4.

    Kundizzjonijiet li jridu jiġu evitati

    10.5.

    Materjali inkompatibbli

    10.6.

    Prodotti perikolużi ta’ dekompożizzjoni

    TAQSIMA 11: Informazzjoni tossikoloġika

    11.1.

    Informazzjoni dwar il-klassi ta’ periklu kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008

    11.2.

    Informazzjoni dwar perikli oħrajn

    TAQSIMA 12: Informazzjoni ekoloġika

    12.1.

    Tossiċità

    12.2.

    Persistenza u degradabilità

    12.3.

    Potenzjal bijoakkumulattiv

    12.4.

    Mobilità fil-ħamrija

    12.5.

    Riżultati tal-valutazzjoni PBT u vPvB

    12.6.

    Proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali

    12.7.

    Effetti oħra ta’ ħsara

    TAQSIMA 13: Kunsiderazzjonijiet ta’ rimi

    13.1.

    Metodi tat-trattament tal-iskart

    TAQSIMA 14: Informazzjoni dwar it-trasport

    14.1.

    Numru tan-NU jew numru tal-ID

    14.2.

    Isem uffiċjali tat-trasport tan-NU

    14.3.

    Klassi(jiet) tal-periklu tat-trasport

    14.4.

    Grupp tal-ippakkjar

    14.5.

    Perikli ambjentali

    14.6.

    Prekawzjonijiet speċjali għall-utent

    14.7.

    Trasport marittimu bl-ingrossa skont l-istrumenti tal-OMI

    TAQSIMA 15: Informazzjoni regolatorja

    15.1.

    Regolamenti/leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza, dwar is-saħħa u dwar l-ambjent li huma speċifiċi għas-sustanza jew għat-taħlita

    15.2.

    Valutazzjoni tas-sigurtà kimika

    TAQSIMA 16: Informazzjoni oħra


    (1)  Marpol — Edizzjoni konsolidata 2006, Londra, IMO 2007, ISBN 978-92-801-4216-7.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1979 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-unitajiet ta’ kejl u dwar l-irrevokar tad-Direttiva 71/354/KEE (ĠU L 39, 15.2.1980, p. 40).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2100 tal-4 ta’ Settembru 2017 li jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 301, 17.11.2017, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 tad-19 ta’ April 2018 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 billi jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi biex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali (ĠU L 101, 20.4.2018, p. 33).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol u li tħassar id-Deċiżjoni 95/320/KE (ĠU L 62, 4.3.2014 p. 18).

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51).

    (7)  Nota: It-terminu “limitu ta’ splużjoni” huwa sinonimu għal “limitu ta’ fjammabilità” użat barra l-Unjoni.

    (8)  Id- Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

    (9)  Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).

    (10)  Il-konformità mal-Kodiċi IMDG hija obbligatorja għall-ġarr bil-baħar ta’ oġġetti perikolużi ppakkjati kif previst fil-Kapitolu VII/Reg. 3 tas-SOLAS u fl-Anness III tal-Konvenzjoni MARPOL għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Sustanzi Perikolużi Trasportati bil-Baħar f’Forma Ppakkjata.

    (11)  L-OMI żviluppat diversi strumenti legali relatati ma’ merkanzija perikoluża u li tniġġes u tiddifferenzja bejn kif jinġarru l-oġġetti (ippakkjati u bl-ingrossa) u skont it-tip ta’ merkanzija (gassijiet solidi, likwidi u fi stat likwidu). Ir-regoli dwar il-ġarr ta’ merkanzija perikoluża u l-bastimenti li jġorru dawn it-tagħbijiet jinsabu fil-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS, 1974), kif emendata, u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL 73/78), kif emendata. Dawn il-konvenzjonijiet huma supplementati mill-kodiċijiet li ġejjin: IMDG, IMSBC, IBC u IGC.

    (12)  IATA, edizzjoni 2007-2008.

    (13)  SOLAS tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, 1974, kif emendata.

    (14)  Il-Kodiċi IBC tfisser il-Kodiċi Internazzjonali dwar il-kostruzzjoni u t-tagħmir ta’ bastimenti li jġorru kimiċi perikolużi bl-ingrossa, kif emendat.

    (15)  Il-Kodiċi IMSBC tfisser il-Kodiċi Marittima Internazzjonali għall-Merkanzija Solida bl-Ingrossa, kif emendat.

    (16)  Il-Kodiċi IGC tfisser il-Kodiċi Internazzjonali għall-Kostruzzjoni u t-Tagħmir ta’ Bastimenti li Jġorru Gassijiet Likwifikati bl-Ingrossa, inkluż l-emendi applikabbli skonthom ikun ġie ċċertifikat il-bastiment.

    (17)  Il-Kodiċi EGC tfisser il-Kodiċi għal Bastimenti Eżistenti li Jġorru Gassijiet Likwifikati bl-Ingrossa, kif emendat.

    (18)  Il-Kodiċi GC tfisser il-Kodiċi dwar il-Kostruzzjoni u t-Tagħmir ta’ Bastimenti li Jġorru Gassijiet Likwifikati bl-Ingrossa (Kodiċi tat-Trasportaturi tal-Gass), kif emendat.

    (19)  MEPC.2/Circular, Provisional categorisation of liquid substances (Klassifikazzjoni proviżorja tas-sustanzi likwidi), il-verżjoni 19, effettiva mis-17 ta’ Diċembru 2013).

    (20)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

    (21)  Materjali perikolużi biss bl-ingrossa (MHB) tfisser materjali li jista’ jkollhom perikli kimiċi meta jinġarru bl-ingrossa, ħlief il-materjali klassifikati bħala oġġetti perikolużi fil-Kodiċi IMDG.

    (22)  ĠU L 286, 31.10.2009, p. 1.

    (23)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7

    (24)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60.

    (25)  ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13.


    Top