EUR-Lex Prieiga prie Europos Sąjungos teisės

Grįžti į „EUR-Lex“ pradžios puslapį

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas 32020R0532

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/532 tas-16 ta’ April 2020 li fir-rigward tas-sena 2020 jidderoga mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, (UE) Nru 180/2014, (UE) Nru 181/2014, (UE) 2017/892, (UE) 2016/1150, (UE) 2018/274, (UE) 2017/39, (UE) 2015/1368 u (UE) 2016/1240 fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post applikabbli permezz tal-Politika Agrikola Komuni

C/2020/2405

ĠU L 119, 17.4.2020, p. 3—14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dokumento teisinis statusas Galioja: Šis aktas pakeistas. Dabartinė konsoliduota redakcija: 20/04/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/532/oj

17.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/532

tas-16 ta’ April 2020

li fir-rigward tas-sena 2020 jidderoga mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, (UE) Nru 180/2014, (UE) Nru 181/2014, (UE) 2017/892, (UE) 2016/1150, (UE) 2018/274, (UE) 2017/39, (UE) 2015/1368 u (UE) 2016/1240 fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post applikabbli permezz tal-Politika Agrikola Komuni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 7, l-Artikolu 11(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi ta’ moviment stabbiliti fl-Istati Membri, kull Stat Membru kellu diffikultajiet amministrattivi eċċezzjonali fejn jidħlu l-ippjanar u l-eżekuzzjoni fil-ħin tal-verifiki fuq il-post skont l-għadd rikjest. Dawk id-diffikultajiet għandhom ir-riskju li t-twettiq tal-verifiki jieħu fit-tul u għalhekk iwassal biex jiddewwem il-pagament tal-għajnuna. Fl-istess ħin, il-bdiewa huma vulnerabbli għat-tfixkil ekonomiku li kkawżat il-pandemija u jġarrbu diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ likwidità.

(2)

Fid-dawl tan-natura bla preċedent ta’ dawk iċ-ċirkostanzi, dawk id-diffikultajiet jeħtieġ jittaffew billi tingħata deroga minn Regolamenti ta’ Implimentazzjoni differenti applikabbli fil-qasam tal-Politika Agrikola Komuni fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (4) jistabbilixxi regoli, fost l-oħrajn, fuq il-limiti taż-żmien għan-notifika tad-data ta’ kontroll u l-istatistika ta’ kontroll li jkopru s-sena kalendarja preċedenti, it-twaqqit tal-verifiki fuq il-post, ir-rata ta’ kontroll ta’ ċerti verifiki fuq il-post fis-sistema integrata, inkluż għall-iskemi ta’ għajnuna relatati maż-żoni għajr il-pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent, għall-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni, għall-miżuri tal-iżvilupp rurali, għall-iskemi ta’ għajnuna relatata mal-annimali, u għaż-żieda jew it-tnaqqis tar-rata ta’ kontroll fir-rigward ta’ ċerti skemi. Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 jistabbilixxi regoli dwar il-verifiki fuq il-post relatati mal-kriterji tal-eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħra b’rabta mal-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatata mal-bhejjem u t-talbiet għal pagamenti permezz ta’ miżuri ta’ għajnuna relatata mal-annimali, rati ta’ kontroll għall-miżuri tal-iżvilupp rurali mhux relatati maż-żona u mhux relatati mal-annimali, u rati ta’ kontroll minimi relatati mal-kundizzjonalità.

(4)

L-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jeżiġi li l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Lulju ta’ kull sena, dwar id-data ta’ kontroll u bl-istatistika ta’ kontroll li jkopru s-sena kalendarja preċedenti għal kull skema ta’ pagament dirett, miżura tal-iżvilupp rurali u skema ta’ assistenza teknika u appoġġ fis-settur tal-inbid, dwar il-modifiki sussegwenti fir-rapport fir-rigward tal-alternattivi magħżula għall-kontroll tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità u l-korpi ta’ kontroll kompetenti li huma responsabbli għall-verifiki tar-rekwiżiti u tal-istandards tal-kundizzjonalità, u dwar ir-rapport fir-rigward tal-miżuri meħuda għall-amministrazzjoni u l-kontroll tal-appoġġ akkoppjat volontarju li jikkonċerna s-sena kalendarja preċedenti. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, jixraq li dik l-iskadenza ta’ din is-sena tiġi estiża sal-15 ta’ Settembru 2020.

(5)

L-Artikolu 24(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jeżiġi li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu spezzjonijiet fiżiċi fuq il-post kull meta l-fotointerpretazzjoni tal-immaġnijiet bis-satellita jew mill-ajru ma tipprovdix riżultati konklużivi dwar il-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà jew id-daqs korrett taż-żona li hi soġġetta għall-verifiki amministrattivi jew fuq il-post. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali bla preċedent, hu xieraq li jitħeġġu t-twettiq ta’ kontrolli bit-telerilevament u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda bħal pereżempju s-Sistemi tal-Ajru mingħajr Bdot Abbord, ir-ritratti mmarkati bil-post ġeografiku, ir-riċevituri tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) ikkombinati mas-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) u ma’ Galileo, id-data miġbura mis-satelliti ta’ Copernicus Sentinels u evidenza dokumentarja oħra rilevanti li trid tintuża biex jiġu vverifikati l-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà, mal-impenji jew ma’ obbligi oħra għall-iskema ta’ għajnuna jew il-miżura ta’ appoġġ ikkonċernati kif ukoll il-konformità mar-rekwiżiti u mal-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità.

(6)

Bosta obbligi skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 b’rabta mal-kundizzjonalità u skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) b’rabta mal-ekoloġizzazzjoni jiddependu fuq meded taż-żmien speċifiċi u differenzjati biex jintlaħqu, u għalhekk jeħtieġ li l-verifiki fuq il-post isiru f’dawn l-oqfsa. Il-miżuri tal-Istati Membri li ddaħħlu fis-seħħ fl-2020 biex jindirizzaw it-tifqigħa attwali tal-COVID-19 jaffettwaw il-fattibbiltà li l-verifiki meħtieġa fuq il-post jitwettqu b’mod preċiż u fil-limiti taż-żmien b’mod korrispondenti għal dawn l-obbligi. Għalhekk, b’rabta ma’ ċerti verifiki li jridu jitwettqu fl-2020, jeħtieġ tingħata deroga mill-Artikoli 30 sa 33a u mill-Artikolu 68(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 u titnaqqas ir-rata minima tal-verifiki fuq il-post meta mqabbla mar-rati normali ta’ kontroll tal-obbligi tal-ekoloġizzazzjoni u tal-kundizzjonalità, rispettivament. Meta titqies in-natura tal-obbligi u l-proporzjonalità tal-isforzi ta’ kontroll fiċ-ċirkostanzi tal-pandemija, il-popolazzjoni ta’ kontroll jenħtieġ tiġi limitata f’konformità mal-obbligi applikabbli għall-benefiċjarji u l-użu tal-art rilevanti.

(7)

L-Artikolu 42(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jistabbilixxi regoli dwar il-verifiki fuq il-post biex ikun żgurat li l-kriterji kollha tal-eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħra huma ssodisfati u li jkopru l-annimali kollha li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet għall-għajnuna u talbiet għal pagamenti permezz ta’ skemi ta’ għajnuna relatati mal-annimali, jew miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali u li jridu jiġu verifikati. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, hu xieraq li jkun previst li meta l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu dawk il-verifiki fuq il-post kif teżiġi dik id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jwettqu dawk il-verifiki b’rabta mas-sena tat-talba 2020 f’xi żmien tas-sena, sakemm dawn xorta jkunu jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà.

(8)

Għall-miżuri tal-iżvilupp rurali mhux relatati maż-żona u mhux relatati mal-annimali, l-Artikolu 48(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jipprevedi li l-verifiki amministrattivi tal-operazzjonijiet tal-investiment iridu jinkludu mill-anqas żjara waħda lill-operazzjoni appoġġata jew fuq is-sit tal-investiment biex jiġi verifikat it-twettiq tal-investiment. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, hu xieraq li jkun previst li meta l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu dawk iż-żjarat qabel l-għoti tal-pagamenti finali, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jissostitwixxu dawk iż-żjarat, sakemm ikunu japplikaw il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, b’xi evidenza dokumentarja rilevanti.

(9)

L-Artikoli 50(1), 60(2) u 52(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fihom regoli għall-verifiki fuq il-post jew għall-verifiki ex post għall-miżuri tal-iżvilupp rurali mhux relatati maż-żona u mhux relatati mal-annimali. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, l-Istati Membri jenħtieġ jitħallew inaqqsu l-għadd ta’ dawk il-verifiki jew jissostitwixxu l-verifiki fuq il-post b’evidenza dokumentarja rilevanti.

(10)

Ir-regoli tal-konfinament deċiżi f’ċerti Stati Membri għall-fini li titħares is-saħħa pubblika, ipprevedew restrizzjonijiet ta’ moviment estensivi u b’hekk evitaw l-eżekuzzjoni reali ta’ verifiki fuq il-post kull meta l-ispetturi kienu soġġetti għal restrizzjonijiet li għamluhielhom impossibbli li jżuru lill-benefiċjarji jew li jmorru fiżikament fl-azjendi. Minħabba n-natura bla preċedent ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, jenħtieġ ikun aċċettat b’mod eċċezzjonali, b’rabta mas-sena 2019, li f’dawk l-Istati Membri tiġi eżekwita rata aktar baxxa ta’ verifiki. Biex ikunu żgurati t-trasparenza u t-trattament ugwali, l-aċċettazzjoni tar-rata aktar baxxa ta’ verifiki għas-sena tat-talba 2019 u, fil-każ tal-miżuri tal-iżvilupp rurali mhux relatati maż-żona u mhux relatati mal-annimali għas-sena kalendarja 2019, jenħtieġ li jiġu limitati l-każijiet meta jkun hemm fis-seħħ restrizzjonijiet tal-moviment fuq skala kbira, b’mod partikolari b’data ċara meta beda japplika l-konfinament, u li waqqfu t-tlestija tal-verifiki rilevanti.

(11)

Jenħtieġ li d-derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 previsti f’dan ir-Regolament jippermettu lill-Istati Membri jevitaw dewmien fil-miżuri ta’ kontroll u fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, u b’hekk ikun evitat id-dewmien fil-pagamenti lill-benefiċjarji għas-sena 2020. L-Istati Membri li jużaw dawk id-derogi jenħtieġ jagħmlu ħilithom biex jużaw sorsi alternattivi ta’ evidenza, li jistgħu jinkludu l-użu ta’ verifiki dokumentarji, l-użu ta’ teknoloġiji ġodda jew ta’ evidenza affidabbli mogħtija mill-benefiċjarju, biex jissostitwixxu l-informazzjoni li normalment kienet tinkiseb mill-verifiki li kienu jitwettqu f’ċirkostanzi normali. Madankollu, hu essenzjali li dawn id-derogi ma jfixklux il-ġestjoni finanzjarja tajba u r-rekwiżit ta’ livell suffiċjenti ta’ assigurazzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri li jagħmlu użu minn dawk id-derogi għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu evitati pagamenti żejda u jkun instigat l-irkupru ta’ ammonti mhux dovuti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-użu ta’ dawn id-derogi jkun kopert mid-dikjarazzjoni tal-ġestjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għas-snin finanzjarji 2020 u 2021.

(12)

Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 180/2014 (6) u (UE) Nru 181/2014 (7) jipprevedu rati ta’ kontroll għall-verifiki ta’ miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u fil-gżejjer minuri tal-Eġew. Minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 li jaffettwaw ukoll ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u fil-gżejjer minuri tal-Eġew, hu xieraq li jingħataw derogi minn dawk ir-Regolamenti billi jiġu adattati r-rati ta’ kontroll tal-verifiki fuq il-post għas-sena 2020.

(13)

L-Artikolu 27(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 (8) jistabbilixxi kampjun għall-verifiki annwali fuq il-post ta’ mill-anqas 30 % tal-għajnuna totali li ssir applikazzjoni għaliha u jipprevedi li kull organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jimplimentaw programm operazzjonali għandha ssirilhom mill-anqas żjara waħda kull 3 snin. L-Artikolu 27(7) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li l-azzjonijiet implimentati fuq azjendi individwali ta’ membri ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi koperti bil-kampjun imsemmi fl-Artikolu 27(2) ta’ dak ir-Regolament iridu jkunu soġġetti għal mill-anqas żjara waħda biex tiġi verifikata l-eżekuzzjoni tagħhom. Minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jaf ma jkunux jistgħu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti u għalhekk jenħtieġ jitħallew iwettqu persentaġġ iżgħar minn dawk il-verifiki fis-sena 2020 u jenħtieġ ma jkunux soġġetti fis-sena 2020 għar-rekwiżiti fuq il-frekwenza taż-żjarat fl-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

(14)

L-Artikolu 29(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 jipprevedi li l-verifiki tal-ewwel livell fuq l-operazzjonijiet tal-irtirar iridu jkopru 100 % tal-kwantità tal-prodotti irtirati mis-suq, għajr għall-prodotti maħsuba għad-distribuzzjoni libera, li għalihom skont l-Artikolu 29(3) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jwettqu persentaġġ iżgħar tal-verifiki, iżda mhux inqas minn 10 % tal-kwantitajiet konċernati matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ organizzazzjoni partikolari tal-produtturi. Minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jaf ma jkunux jistgħu jissodisfaw dan ir-rekwiżit, u jenħtieġ li fis-sena 2020 jitħallew iwettqu persentaġġ iżgħar tal-verifiki, iżda mhux inqas minn 10 % tal-kwantitajiet konċernati matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ organizzazzjoni partikolari tal-produtturi anki għal kull prodott irtirat ieħor, irrispettivament mid-destinazzjoni maħsuba tagħhom.

(15)

L-Artikolu 30(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 jipprevedi li kull verifika trid tinkludi kampjun li jirrappreżenta mill-anqas 5 % tal-kwantitajiet irtirati mill-organizzazzjoni tal-produtturi matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni. Minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jaf ma jkunux jistgħu jissodisfaw dan ir-rekwiżit, u jenħtieġ li fis-sena 2020 jitħallew jużaw kampjuni li jirrappreżentaw mill-anqas 3 % tal-kwantitajiet irtirati mill-organizzazzjoni tal-produtturi matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni 2019.

(16)

Minħabba l-kriżi li kkawżat il-pandemija tal-COVID-19, se jkun materjalment impossibbli għall-Istati Membri biex fl-2020 iwettqu verifiki fuq il-post sistematiċi u bbażati fuq kampjuni għall-operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikoli 45 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Għaldaqstant, jenħtieġ tingħata deroga mill-Artikoli 32(1) u 42(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (10) fir-rigward tas-sena finanzjarja 2019-2020 biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddefinixxu kontrolli ekwivalenti għall-verifiki fuq il-post sistematiċi, bħal ritratti datati, rapporti datati tas-sorveljanza bid-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji, u jiggarantixxu li r-regoli tal-leġiżlazzjoni relatata mal-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid huma rispettati qabel jagħmlu xi pagamenti. Din id-deroga jenħtieġ tapplika irrispettivament minn jekk l-Istati Membri kinux daħħlu fis-seħħ miżuri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19.

(17)

Għall-istess raġuni, se jkun materjalment impossibbli wkoll għall-Istati Membri li, fir-rigward tas-sena finanzjarja 2019-2020, sal-iskadenzi stabbiliti mill-Artikolu 43(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, iwettqu verifiki fuq il-post sistematiċi għall-operazzjonijiet ta’ ħsad bikri appoġġati skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Għalhekk, jenħtieġ tiġi introdotta deroga biex tiġi posposta t-tlestija tal-verifiki sal-15 ta’ Settembru 2020.

(18)

L-Artikolu 27(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/274 (11) jistabbilixxi l-għadd ta’ kampjuni tal-għeneb frisk li jridu jittieħdu mill-vinji matul il-perjodu meta r-roqgħa inkwistjoni tiġi maħsuda għall-istabbiliment tal-bank tad-data analitiku ta’ data isotopika msemmi fl-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 (12). Meta l-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 twaqqaf lill-Istati Membri milli jwettqu dawn il-verifiki, l-Istati Membri jenħtieġ jitħallew jidderogaw mill-għadd minimu ta’ kampjuni, irrispettivament minn jekk kinux daħħlu fis-seħħ miżuri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19.

(19)

L-Artikolu 31(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274 jipprevedi li l-Istati Membri jridu jwettqu verifiki annwali fuq il-post lil mill-inqas 5 % tal-vitikulturi kollha identifikati fir-reġistru tad-dwieli. Meta l-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 twaqqaf it-twettiq ta’ dawn il-verifiki f’diversi Stati Membri tal-produtturi tal-inbid għal perjodu twil taż-żmien, dan il-persentaġġ jenħtieġ jitnaqqas għas-sena 2020. Din id-deroga jenħtieġ tapplika irrispettivament minn jekk l-Istati Membri kinux daħħlu fis-seħħ miżuri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jissospendu temporanjament il-verifiki fuq il-post sistematiċi msemmijin fl-Artikolu 31(2)(c) ta’ dak ir-Regolament li jridu jitwettqu fiż-żoni mħawlin bi dwieli li mhuma inklużi fl-ebda fajl tal-vitikultur fis-sena 2020.

(20)

L-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 (13) jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni, il-kontenut, it-twaqqit u r-rappurtar tal-verifiki fuq il-post imwettqa mill-Istati Membri fil-qafas tal-iskema msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (“l-iskema għall-iskejjel”). Il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jaf ma ħallewhomx jikkonformaw, sal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10(3) ta’ dak ir-Regolament dwar l-għadd ta’ verifiki fuq il-post fir-rigward tas-sena skolastika 2018/2019. Għaldaqstant, hu xieraq li tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri billi jiġi estiż il-perjodu għat-twettiq ta’ dawk il-verifiki fuq il-post fir-rigward tas-sena skolastika 2018/2019.

(21)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 (14) fir-rigward tal-għajnuna fis-settur tal-apikultura fih regoli dwar il-monitoraġġ u l-verifiki b’rabta mal-implimentazzjoni korretta tal-programmi nazzjonali tal-apikultura, in-nefqa reali mġarrba u l-għadd korrett ta’ doqqajs irrapportat minn dawk li jrabbu n-naħal. F’konformità mal-Artikolu 8(3) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas 5 % tal-applikanti għall-għajnuna fil-qafas tal-programmi tagħhom tal-apikultura jkunu soġġetti għal verifiki fuq il-post. Il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jwasslu għal diffikultajiet fit-twettiq tal-għadd ta’ verifiki fuq il-post meħtieġa biex jiġi ssodisfat dak il-livell limitu. Għalhekk, hu xieraq li tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri billi tiġi permessa deroga minn dak ir-rekwiżit. Madankollu jenħtieġ li din id-deroga ma twassalx biex jiżdied ir-riskju għal pagamenti mhux dovuti. Għalhekk, kull tnaqqis fl-għadd ta’ verifiki fuq il-post jenħtieġ jiġi sostitwit kemm jista’ jkun b’kontrolli alternattivi.

(22)

Bħalissa, l-aġenziji tal-pagament fl-Istati Membri qed iwettqu verifiki għall-prodotti maħżuna skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1882 (15). Il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti għall-verifiki fuq il-post fejn jidħlu l-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat skont l-Artikolu 60 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 (16). Hu xieraq li tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri billi jiġi estiż il-perjodu għat-twettiq ta’ dawk il-verifiki jew billi dawn jiġu sostitwiti bl-użu ta’ evidenza rilevanti oħra. Għalhekk hu xieraq li jingħataw derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 għall-prodotti maħżuna skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1882.

(23)

Il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, il-Kumitat għall-Pagamenti Diretti, il-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma ħarġux opinjoni fi żmien il-limitu taż-żmien stabbilit mill-president,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DEROGI MIR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI (UE) NRU 809/2014

Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 9(1), (2) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, għall-2020 l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-data ta’ kontroll u bl-istatistika ta’ kontroll li jkopru s-sena kalendarja preċedenti, bil-modifiki sussegwenti fir-rapport fir-rigward tal-alternattivi magħżula għall-kontroll tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità u l-korpi ta’ kontroll li huma responsabbli għall-verifiki tar-rekwiżiti u tal-istandards tal-kundizzjonalità, u bir-rapport fir-rigward tal-miżuri meħuda għall-amministrazzjoni u l-kontroll tal-appoġġ akkoppjat volontarju li jikkonċerna s-sena kalendarja preċedenti 2019 sal-15 ta’ Settembru 2020.

Artikolu 2

B’deroga mill-Artikolu 24(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, għall-verifiki li jridu jitwettqu fis-sena tat-talba 2020 b’rabta mal-iskemi ta’ għajnuna relatati maż-żona, jissostitwixxu għalkollox l-ispezzjonijiet fiżiċi li jridu jitwettqu skont dak ir-Regolament, b’mod partikolari ż-żjarat fuq il-post u l-verifiki fuq il-post, bl-użu ta’ interpretazzjoni tal-immaġnijiet bis-satellita jew tal-ortoimmaġnijiet mill-ajru jew ta’ evidenza rilevanti oħra inkluż evidenza provduta mill-benefiċjarju fuq talba tal-awtorità kompetenti, pereżempju ritratti mmarkati bil-post ġeografiku, li jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet definittivi għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti.

Artikolu 3

B’deroga mill-Artikolu 26(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post b’rabta mal-miżuri skont is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll biex jiżguraw verifika effettiva ta’ ċerti kriterji tal-eliġibbiltà, impenji u obbligi oħra li jistgħu jiġu vverifikati biss matul perjodu taż-żmien speċifiku, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jwettqu dawk il-verifiki fir-rigward tas-sena tat-talba 2020 bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, inkluż b’ritratti mmarkati bil-post ġeografiku, jew evidenza rilevanti oħra, flimkien mal-possibbiltà li jużaw it-telerilevament.

Artikolu 4

1.   B’deroga mill-Artikoli 30 sa 33 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dawk l-Artikoli, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jorganizzaw dawk il-verifiki fuq il-post fir-rigward tas-sena tat-talba 2020 f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-kampjuni ta’ kontroll għall-verifiki fuq il-post fir-rigward tas-sena tat-talba 2020 għandhom ikopru mill-inqas:

(a)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-iskema ta’ pagament bażiku jew għall-iskema ta’ pagament uniku skont iż-żona;

(b)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament ridistributtiv;

(c)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament għal żoni b’restrizzjonijiet naturali;

(d)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament għal bdiewa żgħażagħ;

(e)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagamenti relatati maż-żona skont l-appoġġ akkoppjat volontarju;

(f)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament skont l-iskema għall-bdiewa żgħar;

(g)

10 % taż-żoni ddikjarati għall-produzzjoni tal-qanneb;

(h)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton;

(i)

3 % tal-benefiċjarji kollha li jeħtieġ iħarsu l-prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent;

(j)

3 % tal-benefiċjarji kollha li jeħtieġ iħarsu l-prattiki ta’ ekoloġizzazzjoni u jużaw l-iskemi nazzjonali jew reġjonali ta’ ċertifikazzjoni ambjentali kif imsemmi fl-Artikolu 43(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(k)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-miżuri tal-iżvilupp rurali;

(l)

3 % tal-entitajiet kollettivi kollha li jressqu talba kollettiva;

(m)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għal skemi ta’ għajnuna għall-annimali u li jkopru mill-inqas 3 % tal-annimali.

Fl-istess ħin, il-kampjun imsemmi fil-punt (i) tal-ewwel subparagrafu għandu jkopri mill-inqas 3 % tal-benefiċjarji kollha li għandhom żoni koperti minn bur permanenti li huma ambjentalment sensittivi fiż-żoni koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (17) jew mid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u żoni sensittivi oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Fir-rigward tal-punt (k) tal-ewwel subparagrafu, għall-miżuri previsti fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), ir-rata ta’ kontroll ta’ 3 % għandha tinkiseb fil-livell tal-miżura individwali.

3.   L-Istati Membri li, f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, diġà ddeċidew li jnaqqsu r-rati ta’ kontroll ta’ ċerti skemi għal 3 %, jistgħu jnaqqsu aktar il-persentaġġi stabbiliti għal dawk l-iskemi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għal 1 %.

4.   Ir-riżultati tal-verifiki mwettqa f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jitqiesu fis-sena tat-talba ta’ wara għall-finijiet tal-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014. Madankollu, iż-żieda fir-rati ta’ kontroll li kellhom jiġu applikati fis-sena tat-talba 2020 f’konformità mal-Artikolu 35 ta’ dak ir-Regolament, għandha tiġi applikata b’żieda korrispondenti fis-sena tat-talba 2021.

5.   Għall-fini tal-applikazzjoni tar-rati ta’ kontroll stabbiliti fil-punti (a), (e), (i) u (j) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità liż-żoni għajr dawk tal-bur permanenti u/jew tal-għelejjel permanenti.

Iż-żoni li mhumiex koperti mill-verifiki fir-rigward tas-sena tat-talba 2020 minħabba l-applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3 għandhom jingħataw prijorità fl-aġġornament tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-irqajja’ tal-art agrikola fis-snin sussegwenti.

6.   Fis-sena 2020, l-Artikolu 33a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 ma għandux japplika.

Artikolu 5

B’deroga mill-Artikolu 42(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fir-rigward tal-annimali kif teżiġi dik id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jwettqu dawk il-verifiki fir-rigward tas-sena tat-talba 2020 f’xi żmien tas-sena, sakemm dawn xorta jippermettu li ssir il-verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà.

Artikolu 6

B’deroga mill-Artikolu 48(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-ebda żjara fl-operazzjoni appoġġata jew fuq is-sit ta’ investiment qabel ma jagħtu l-pagamenti finali, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, sa meta japplikaw dawk il-miżuri, jissostitwixxu dawn iż-żjarat b’xi evidenza dokumentarja, inkluż ritratti mmarkati bil-post ġeografiku, li trid tingħata mill-benefiċjarju.

Jekk dawk iż-żjarat ma jistgħux jiġu sostitwiti b’evidenza dokumentarja rilevanti, l-Istati Membri għandhom iwettqu dawk iż-żjarat wara li jkun sar il-pagament finali.

Artikolu 7

B’deroga mill-Artikolu 50(1) u mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu verifiki fuq il-post kif jeżiġu dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jissostitwixxu l-verifiki fuq il-post b’xi evidenza dokumentarja rilevanti, inkluż ritratti mmarkati bil-post ġeografiku, li trid tiġi provduta mill-benefiċjarju u li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet definittivi għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti fir-rigward tat-twettiq tal-operazzjoni;

(b)

fis-sena kalendarja 2020, il-kampjun ta’ kontroll għall-verifiki fuq il-post għandu jkopri mill-inqas 3 % tan-nefqa msemmija fl-Artikolu 46 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 u kkofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) li tintalab mingħand l-aġenzija tal-pagamenti u li ma tinkludix operazzjonijiet li għalihom ikunu ntalbu biss pagamenti bil-quddiem.

Ir-riżultati tal-verifiki mwettqa f’konformità mal-punt (b) tal-ewwel paragrafu ma għandhomx jitqiesu fir-rigward tas-sena kalendarja għall-finijiet tal-Artikolu 50(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014. Madankollu, iż-żieda fir-rata ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena kalendarja 2020 f’konformità mal-Artikolu 50(5) ta’ dak ir-Regolament, għandha tiġi applikata b’żieda korrispondenti fis-sena kalendarja 2021.

Artikolu 8

B’deroga mill-Artikolu 52(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki ex post kif teżiġi dik id-dispożizzjoni, il-kampjun ta’ kontroll għall-verifiki ex post fis-sena kalendarja 2020 għandu jkopri mill-inqas 0,6 % tan-nefqa tal-FAEŻR għall-operazzjonijiet ta’ investiment biex jiġi vverifikat li ġew rispettati l-impenji skont l-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) jew deskritti fid-dettall fil-programm tal-iżvilupp rurali.

Artikolu 9

B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jwettqu dawk il-verifiki fuq il-post fir-rigward tas-sena tat-talba 2020 lil mill-inqas 0,5 % tal-għadd totali tal-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u li għalihom hija responsabbli l-awtorità ta’ kontroll kompetenti inkwistjoni.

Ir-riżultati tal-verifiki mwettqa f’konformità mal-ewwel paragrafu ma għandhomx jitqiesu fir-rigward tas-sena tat-talba ta’ wara għall-finijiet tal-Artikolu 68(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014. Madankollu, iż-żieda fir-rati ta’ kontroll li kellhom jiġu applikati fis-sena tat-talba 2020 f’konformità mal-Artikolu 68(4) ta’ dak ir-Regolament, għandha tiġi applikata b’żieda korrispondenti fis-sena tat-talba 2021.

Artikolu 10

Meta minħabba r-regoli dwar il-konfinament li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, Stat Membru ma jkunx f’pożizzjoni li jlesti ċerti verifiki fuq il-post meħtieġa skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fir-rigward tas-sena tat-talba 2019 għall-miżuri skont is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll jew għas-sena kalendarja 2019 fil-każ tal-miżuri tal-iżvilupp rurali mhux relatati maż-żoni u mhux relatati mal-annimali, u ma jkunx jista’ jikseb l-evidenza alternattiva msemmija fl-Artikolu 2, ir-rata ta’ verifiki fuq il-post miksuba fl-ewwel jum tad-dħul fis-seħħ tar-regoli rilevanti dwar il-konfinament għandha titqies bħala aċċettabbli.

Artikolu 11

1.   L-Istati Membri li jużaw id-derogi previsti fl-Artikoli 4, 5, 7, 8 u 9, u b’mod partikolari li jbiddlu l-waqtiet skedati tal-verifiki jew li jnaqqsu l-għadd tagħhom, sa fejn ikun possibbli għandhom jistabbilixxu proċeduri biex tintuża evidenza alternattiva biex jinżamm il-livell xieraq ta’ assigurazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa u l-konformità mar-rekwiżiti u mal-istandards tal-kundizzjonalità.

2.   Għall-Istati Membri li japplikaw l-Artikoli 2 sa 9, id-dikjarazzjoni tal-ġestjoni li trid titfassal skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għas-snin finanzjarji 2020 u 2021 għandha tinkludi konferma li kienu evitati pagamenti żejda lill-benefiċjarji u li kien instigat l-irkupru ta’ ammonti mhux dovuti abbażi tal-verifika tal-informazzjoni kollha meħtieġa.

KAPITOLU II

DEROGI MILL-MIŻURI SPEĊIFIĊI FAVUR IR-REĠJUNI ULTRAPERIFIĊI TAL-UNJONI U L-GŻEJJER MINURI TAL-EĠEW

TAQSIMA 1

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014

Artikolu 12

1.   B’deroga mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fir-reġjuni ultraperiferiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni, fl-2020 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jorganizzaw verifiki fiżiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-verifiki fiżiċi li jsiru fir-reġjun ultraperiferiku kkonċernat fuq l-importazzjoni, id-dħul, l-esportazzjoni u d-dispaċċ ta’ prodotti agrikoli għandhom jinvolvu kampjun rappreżentattiv li jammonta għal mill-anqas 3 % tal-liċenzji u ċ-ċertifikati ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014.

3.   B’deroga mill-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fir-reġjuni ultraperiferiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dak l-Artikolu, fl-2020 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jorganizzaw verifiki fuq il-post f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Abbażi ta’ analiżi tar-riskji mwettqa f’konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fuq il-post permezz tat-teħid ta’ kampjuni ta’ mill-anqas 3 % tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Il-kampjun għandu jirrappreżenta wkoll mill-inqas 3 % tal-ammonti koperti mill-għajnuna għal kull azzjoni.

TAQSIMA 2

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014

Artikolu 13

1.   B’deroga mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, il-Greċja ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq verifiki fiżiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni, fl-2020 il-Greċja tista’ tiddeċiedi li torganizza verifiki fiżiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-verifiki fiżiċi mwettqa fil-gżejjer minuri tal-Eġew mad-dħul ta’ prodotti agrikoli għandhom jinvolvu kampjun rappreżentattiv ta’ mill-inqas 3 % taċ-ċertifikati ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014.

Il-verifiki fiżiċi mwettqa fil-gżejjer minuri tal-Eġew fuq l-esportazzjoni jew id-dispaċċ previsti fit-Taqsima 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014 għandhom jinvolvu kampjun rappreżentattiv ta’ mill-inqas 3 % tal-operazzjonijiet, abbażi tal-profili tar-riskju stabbiliti mill-Greċja.

3.   B’deroga mill-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, il-Greċja ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq verifiki fuq il-post f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dak l-Artikolu, fl-2020 il-Greċja tista’ tiddeċiedi li torganizza verifiki fuq il-post f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Abbażi ta’ analiżi tar-riskji f’konformità mal-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fuq il-post permezz tat-teħid ta’ kampjuni, għal kull azzjoni, ta’ mill-inqas 3 % tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Il-kampjun għandu jirrappreżenta wkoll mill-inqas 3 % tal-ammonti koperti mill-għajnuna għal kull azzjoni.

KAPITOLU III

DEROGI MIR-REGOLI LI JIMPLIMENTAW L-ORGANIZZAZZJONI KOMUNI TAS-SWIEQ

TAQSIMA 1

Deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892

Artikolu 14

1.   B’deroga mill-Artikolu 27(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892:

(a)

fis-sena 2020, il-verifiki fuq il-post imsemmija fl-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu relatati ma’ kampjun li jirrappreżenta mill-inqas 10 % tal-għajnuna totali li tkun saret applikazzjoni għaliha fis-sena 2019;

(b)

ir-regola li kull organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li jimplimentaw programm operazzjonali għandha ssirilhom żjara mill-inqas darba kull 3 snin ma għandhiex tapplika għall-verifiki fuq il-post imwettqa fis-sena 2020.

2.   B’deroga mill-Artikolu 27(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, ir-regola li l-azzjonijiet fir-rigward ta’ azjendi individwali ta’ membri ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi koperti bil-kampjun imsemmi fl-Artikolu 27(2) ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għal mill-inqas żjara waħda fil-post li fih l-azzjoni ġiet implimentata biex jiġi vverifikat it-twettiq tagħha ma għandhiex tapplika għall-verifiki fuq il-post imwettqa fis-sena 2020.

3.   B’deroga mill-Artikolu 29(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, fis-sena 2020 l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw għall-prodotti kollha li jkunu ġew irtirati, irrispettivament mid-destinazzjoni maħsuba tagħhom, persentaġġ iżgħar minn dak stabbilit f’dik id-dispożizzjoni, diment li ma jkunx inqas minn 10 % tal-kwantitajiet ikkonċernati matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ xi organizzazzjoni partikolari tal-produtturi. Il-verifika tista’ ssir fil-bini tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew fis-siti tal-benefiċjarji tal-prodotti. Jekk il-verifiki jiżvelaw xi irregolaritajiet, l-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki addizzjonali.

4.   B’deroga mill-Artikolu 30(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, fis-sena 2020 kull verifika għandha tinkludi kampjun li jirrappreżenta mill-inqas 3 % tal-kwantitajiet irtirati mill-organizzazzjoni tal-produtturi matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni 2019.

TAQSIMA 2

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150

Artikolu 15

1.   B’deroga mill-Artikoli 32(1) u 42(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, matul is-sena finanzjarja 2019-2020, meta l-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 twaqqaf lill-Istati Membri milli jwettqu verifiki fuq il-post f’konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, dawk il-verifiki jistgħu jiġu sostitwiti b’tipi oħra ta’ kontrolli li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, pereżempju ritratti datati, rapporti datati tas-sorveljanza bid-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji, li jiggarantixxu li r-regoli relatati mal-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid huma rispettati.

2.   B’deroga mill-Artikolu 43(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, matul is-sena finanzjarja 2019-2020, meta l-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 twaqqaf lill-Istati Membri milli jwettqu verifiki fuq il-post f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, dawk il-verifiki fuq l-operazzjonijiet tal-ħsad bikri għandhom isiru sal-15 ta’ Settembru 2020.

TAQSIMA 3

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274

Artikolu 16

1.   B’deroga mill-Artikolu 27(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274, meta l-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 twaqqaf lill-Istati Membri, matul il-perjodu tal-ħsad tal-għeneb fl-2020, milli jiġbru u jipproċessaw l-għeneb frisk sal-livell tal-għadd ta’ kampjuni stabbilit fil-Parti II tal-Anness III ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dak l-għadd ta’ kampjuni.

2.   B’deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274, meta l-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 twaqqaf lill-Istati Membri milli jwettqu verifiki fuq il-post fl-2020 f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom iwettqu dawk il-verifiki lil mill-inqas 3 % tal-vitikulturi kollha identifikati fir-reġistru tad-dwieli.

3.   B’deroga mill-punt (c) tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274, fl-2020 l-Istati Membri jistgħu jissospendu b’mod temporanju l-verifiki fuq il-post sistematiċi mwettqa f’żoni mħawlin bi dwieli li ma jkunux inklużi f’xi fajl tal-vitikulturi, f’każijiet meta l-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 twaqqaf lill-Istati Membri milli jwettqu dawk il-verifiki.

TAQSIMA 4

Deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39

Artikolu 17

B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, fir-rigward tas-sena skolastika 2018/2019, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jwettqu verifiki fuq il-post sal-15 ta’ Ottubru 2020.

TAQSIMA 5

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368

Artikolu 18

B’deroga mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368, matul is-sena tal-apikultura 2020 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jiddevjaw mil-livell limitu ta’ 5 % fir-rigward tal-verifiki fuq il-post tal-applikanti għall-għajnuna fil-qafas tal-programm tal-apikultura tagħhom, diment li jissostitwixxu l-verifiki ppjanati fuq il-post b’verifiki alternattivi billi jitolbu ritratti, billi jagħmlu vidjokonverżazzjonijiet jew b’xi mezz ieħor li jista’ jservi bħala prova ta’ sostenn meta tiġi vverifikata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri inklużi fil-programm tal-apikultura.

TAQSIMA 6

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240

Artikolu 19

1.   B’deroga mill-Artikolu 60(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq il-verifiki fuq il-post u l-verifiki fiżiċi msemmija fl-Artikolu 60(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament fi żmien xieraq, għall-prodotti maħżuna skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1882, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jiddeċiedi li jestendi l-perjodu għat-twettiq tal-verifiki b’mhux aktar minn 30 jum minn meta jintemmu dawk il-miżuri, jew li jissostitwixxi għalkollox il-verifiki fuq il-post matul il-perjodu meta dawk il-miżuri jkunu fis-seħħ bl-użu ta’ evidenza rilevanti, inkluż ritratti mmarkati bil-post ġeografiku jew evidenza oħra b’format elettroniku.

2.   B’deroga mill-Artikolu 60(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx f’pożizzjoni li tivverifika fuq il-post il-preżenza u l-integrità tas-siġilli, għall-prodotti maħżuna skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1882, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jiddeċiedi li jissostitwixxi għalkollox il-verifika fuq il-post matul il-perjodu meta dawk il-miżuri jkunu fis-seħħ bl-użu ta’ evidenza rilevanti, inkluż ritratti mmarkati bil-post ġeografiku jew evidenza oħra b’format elettroniku.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 20

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23.

(3)  ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 180/2014 tal-20 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 63, 4.3.2014, p. 13).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 181/2014 tal-20 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew (ĠU L 63, 4.3.2014, p. 53).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 57).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 23).

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/274 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, u d-dikjarazzjonijiet obbligatorji, u tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontrolli rilevanti, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/561 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 60).

(12)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħlu l-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, id-dikjarazzjonijiet obbligatorji, in-notifiki u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni notifikata, u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli u penali rilevanti, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008, (KE) Nru 606/2009 u (KE) Nru 607/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 kif ukoll ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/560 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 1).

(13)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi (ĠU L 5, 10.1.2017, p. 1).

(14)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 tas-6 ta’ Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-għajnuna lis-settur tal-apikultura (ĠU L 211, 8.8.2015, p. 9).

(15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1882 tat-8 ta’ Novembru 2019 li jiftaħ proċeduri tal-offerti għall-ammont ta’ għajnuna għall-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 290, 11.11.2019, p. 12).

(16)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ intervent pubbliku u ta’ għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 71).

(17)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(18)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(19)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(20)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).


Į viršų