EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0531

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/531 tas-16 ta’ April 2020 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livell ta’ pagamenti bil-quddiem għall-pagamenti diretti kif ukoll għal miżuri ta’ żvilupp rurali relatati mal-erja u mal-annimali u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(2) ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-pagamenti diretti

C/2020/2404

ĠU L 119, 17.4.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/531/oj

17.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/531

tas-16 ta’ April 2020

li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livell ta’ pagamenti bil-quddiem għall-pagamenti diretti kif ukoll għal miżuri ta’ żvilupp rurali relatati mal-erja u mal-annimali u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(2) ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-pagamenti diretti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir- Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 75(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, mis-16 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Novembru, l-Istati Membri jistgħu jħallsu bil-quddiem sa 50 % għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u sa 75 % għall-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja u mal-annimali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

L-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jipprevedi li l-pagamenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, inkluż il-pagamenti bil-quddiem għall-pagamenti diretti, ma għandhomx isiru qabel ma jiġu ffinalizzati l-verifiki amministrattivi u fuq il-post li jridu jitwettqu skont l-Artikolu 74 ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, fir-rigward tal-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja u mal-annimali fil-qafas tal-iżvilupp rurali, l-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jippermetti li l-pagamenti bil-quddiem isiru wara li jkunu ġew iffinalizzati l-verifiki amministrattivi skont l-Artikolu 59(1) ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Minħabba s-sitwazzjoni attwali li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi ta’ moviment introdotti fl-Istati Membri, kien hemm diffikultajiet amministrattivi eċċezzjonali fl-Istati Membri kollha. Dawk id-diffikultajiet jirriskjaw li l-waqtiet skedati tal-verifiki jieħu fit-tul u għalhekk jiddewwem il-pagament tal-għajnuna li jirriżulta. Fl-istess ħin, il-bdiewa huma vulnerabbli għat-tfixkil ekonomiku kkawżat mill-pandemija u jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ likwidità.

(4)

Fid-dawl tan-natura eċċezzjonali ta’ dawk iċ-ċirkostanzi, jeħtieġ jittaffew dawk id-diffikultajiet permezz ta’ deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu livell ogħla ta’ pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji għas-sena 2020.

(5)

Barra minn hekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali mingħajr preċedent, jeħtieġ tingħata deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li tippermetti li jsiru pagamenti bil-quddiem għall-pagamenti diretti wara li jkunu tlestew il-verifiki amministrattivi kif speċifikat fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (4). Madankollu, huwa essenzjali li tali deroga ma tfixkilx il-ġestjoni finanzjarja tajba u r-rekwiżit ta’ livell suffiċjenti ta’ assigurazzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri li jagħmlu użu minn dik id-deroga għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu evitati pagamenti żejda u li kwalunkwe ammonti mhux dovuti jiġu irkuprati malajr u effettivament. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-użu ta’ din id-deroga jiġi kopert mid-dikjarazzjoni tal-ġestjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għas-sena finanzjarja 2021.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, il-Kumitat għall-Pagamenti Diretti u l-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, fir-rigward tas-sena tat-talba 2020, l-Istati Membri jistgħu jħallsu bil-quddiem sa 70 % fir-rigward tal-pagamenti diretti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u sa 85 % għall-appoġġ mogħti fil-qafas tal-iżvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 67(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 2

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, fir-rigward tas-sena tat-talba 2020, l-Istati Membri jistgħu jħallsu bil-quddiem fir-rigward tal-pagamenti diretti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 wara li jkunu ġew iffinalizzati l-verifiki amministrattivi kif imsemmija fl-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 3

Għall-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, id-dikjarazzjoni tal-ġestjoni li trid titfassal skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għas-sena finanzjarja 2021 għandha tinkludi konferma li kienu evitati pagamenti żejda lill-benefiċjarji u li l-ammonti mhux dovuti ġew irkuprati malajr u effettivament, abbażi tal-verifika tal-informazzjoni kollha meħtieġa.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).


Top