Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1119

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1119 tas-27 ta’ Lulju 2020 dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Health and Safety Executive tar-Renju Unit li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu fuq barra tal-prodott bijoċidali Ficam D f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2020) 4968) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

C/2020/4968

ĠU L 243, 29.7.2020, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1119/oj

29.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 243/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1119

tas-27 ta’ Lulju 2020

dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Health and Safety Executive tar-Renju Unit li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu fuq barra tal-prodott bijoċidali Ficam D f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2020) 4968)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2),

Billi:

(1)

Fit-3 ta’ Settembru 2019, il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit (“l-awtorità kompetenti”) adotta, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, deċiżjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu fuq barra tal-prodott bijoċidali Ficam D fuq il-bejtiet taż-żunżan bagħal Asjatiku sal-1 ta’ Marzu 2020 (“l-azzjoni”). L-awtorità kompetenti għarrfet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra dwar l-azzjoni u l-ġustifikazzjoni għaliha, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti, l-azzjoni kienet meħtieġa biex jiġu protetti l-annimali u l-ambjent, b’mod partikolari n-naħal tal-għasel u insetti oħra li jagħmlu l-ġid. Iż-żunżan bagħal Asjatiku (Vespa velutina nigrithorax de Buysson, 1905) huwa inkluż fl-elenku tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1141 (3) billi hemm evidenza xjentifika li turi li x’aktarx dan ikollu impatt negattiv sinifikanti fuq il-bijodiversità jew is-servizzi tal-ekosistema relatati. B’mod aktar speċifiku, iż-żunżan bagħal Asjatiku huwa ta’ theddida għan-naħal tal-għasel u għal insetti oħra li jagħmlu l-ġid, billi jippredomina fuqhom u b’hekk ifixkel ir-rwol ekoloġiku tagħhom.

(3)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jeżiġi li l-Istati Membri japplikaw malajr miżuri ta’ eradikazzjoni wara d-detezzjoni ta’ speċi elenkata fit-territorju tagħhom fl-istadju bikri tal-invażjoni.

(4)

Il-Ficam D huwa trab li fih il-bendjokarb bħala sustanza attiva, li hi approvata għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip 18 (insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra) kif iddefiniti fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Il-Ficam D ġie awtorizzat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-Renju Unit dwar il-bijoċidi u kien komponent ċentrali fir-rispons tar-Renju Unit biex jiġu ttrattati u nnewtralizzati l-bejtiet taż-żunżan bagħal Asjatiku. L-awtorizzazzjoni tal-Ficam D skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 illimitat l-użu tiegħu għal ġewwa biss, minħabba tħassib potenzjali għall-ambjent jekk jintuża fuq barra.

(5)

Fit-28 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità Żvediża kompetenti biex tiġi estiża l-azzjoni f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba saret abbażi ta’ tħassib li n-naħal tal-għasel u insetti oħra li jagħmlu l-ġid jistgħu jiġu pperikolati miż-żunżan bagħal Asjatiku wara l-1 ta’ Marzu 2020 u filwaqt li tqies li l-Ficam D huwa kruċjali biex jitrażżan il-periklu maħluq miż-żunżan bagħal Asjatiku.

(6)

L-awtorità kompetenti kienet qed tfittex alternattivi għat-trattament tal-bejtiet taż-żunżan Asjatiku kif ukoll alternattivi għat-trattament dirett tal-bejtiet, pereżempju permezz ta’ lixki. Madankollu, għad hemm bżonn iż-żmien għall-provi u għall-analiżi tal-alternattivi sabiex tiġi kkonfermata l-vijabbiltà u l-effikaċja tagħhom u biex tiġi identifikata l-aħjar alternattiva għall-Ficam D.

(7)

Barra minn hekk, skont l-awtorità kompetenti, l-investigazzjonijiet inizjali tal-alternattivi juru l-vantaġġi tat-trattament tal-bejtiet taż-żunżan bagħal Asjatiku bil-Ficam D meta mqabbel ma’ alternattivi oħra. It-trattatment bil-Ficam D ma jeħtieġx applikazzjonijiet ripetuti, u b’hekk jiġi evitat ir-rilaxx ta’ rġejjen li jistgħu joħolqu bejtiet ġodda; ma jinvolvix aġitazzjoni tal-bejtiet, li hu importanti speċjalment meta t-trattament iseħħ f’żoni abitati, u ma jeħtieġx l-immersjoni tal-bejtiet, għall-kuntrarju tal-prodotti b’bażi ta’ likwidu, illi kieku jikkawża d-diżintegrazzjoni tal-bejtiet u jagħmel l-analiżijiet vitali tal-laboratorju, bħalma hi l-analiżi ġenetika biex tiġi ddeterminata r-relazzjoni bejn il-bejtiet, ferm diffiċli jew impossibbli.

(8)

Billi n-nuqqas ta’ kontroll taż-żunżan bagħal Asjatiku jista’ jipperikola n-naħal tal-għasel u insetti oħra li jagħmlu l-ġid u billi dak il-periklu ma jistax jiġi kontenut b’mod adegwat b’mezzi oħra, huwa xieraq li l-awtorità kompetenti titħalla testendi l-azzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet.

(9)

Meta wieħed iqis li l-azzjoni ilha li skadiet mit-2 ta’ Marzu 2020, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jkollha effett retroattiv.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit jista’ jestendi l-permess għat-tqegħid fis-suq u għall-użu fuq barra tal-prodott bijoċidali Ficam D sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika jew sat-3 ta’ Settembru 2021, skont liema data tiġi l-ewwel, ħlief għall-Irlanda ta’ Fuq, li għalih jista’ jestendi dak il-permess sat-3 ta’ Settembru 2021, diment li jiżgura li l-prodott jintuża biss minn operaturi ċċertifikati taħt is-superviżjoni tiegħu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Għandu japplika mit-2 ta’ Marzu 2020.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1141 tat-13 ta’ Lulju 2016 li jadotta lista ta’ speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 189, 14.7.2016, p. 4).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).


Top