EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019Y1209(01)

Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tas-26 ta’ Settembru 2019 dwar l-iskambju u l-ġbir ta’ informazzjoni għal skopijiet makruprudenzjali dwar friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz (BERS/2019/18)2019/C 412/01

ĠU C 412, 9.12.2019, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 412/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tas-26 ta’ Settembru 2019

dwar l-iskambju u l-ġbir ta’ informazzjoni għal skopijiet makruprudenzjali dwar friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz

(BERS/2019/18)

(2019/C 412/01)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku  (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(b), (d) u (f) u l-Artikoli 16 sa 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku  (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 15(3)(e) u l-Artikoli 18 sa 20 tagħha,

Billi:

(1)

L-għan aħħari tal-politika makroprudenzjali huwa li tikkontribwixxi għas-salvagwardjar tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja bħala ħaġa sħiħa, inkluż bit-tisħiħ tar-reżiljenza tagħha u t-tnaqqis tal-akkumulazzjoni ta’ riskji sistemiċi.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 jirrikonoxxi li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta’ riskji sistemiċi potenzjali għandhom ikunu bbażati fuq ġabra wiesgħa ta’ indikaturi u dejta makroekonomiċi u mikrofinanzjarji rilevanti u jagħti lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu fir-rigward tas-sorveljanza makroprudenzjali, filwaqt li jippreżerva l-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni.

(3)

Awtoritajiet oħrajn fdati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħrajn tal-istabbiltà finanzjarja — inklużi awtoritajiet li jipprovdu analiżi ta’ sostenn għal deċiżjonijiet tal-politika makroprudenzjali — għandu jkollhom ukoll aċċess għas-sett ta’ dejta rilevanti u l-indikaturi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom. L-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet rilevanti dwar friegħi fit-territorji tagħhom tvarja minn Stat Membru għal ieħor f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni u frekwenzi.

(4)

Ir-rakkomandazzjoni BERS/2011/3 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (3) irrakkomandat, fost affarijiet oħra, li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet makroprudenzjali jkollhom is-setgħa li jeżiġu u jiksbu fi żmien xieraq id-dejta u l-informazzjoni nazzjonali kollha rilevanti biex jeżerċitaw il-kompiti tagħhom, inkluża informazzjoni minn superviżuri mikroprudenzjali u tas-suq tat-titoli u informazzjoni minn barra l-perimetru regolatorju, kif ukoll informazzjoni speċifika għall-istituzzjoni fuq talba mmotivata u b’arranġamenti adegwati biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità. Madankollu, dik ir-Rakkomandazzjoni ma setgħetx tantiċipa d-diversi arranġamenti istituzzjonali relatati mal-istabbiliment u t-twettiq tal-politika makroprudenzjali li evolvew fl-Istati Membri sa mill-2011. Għalhekk, ma indirizzatx speċifikament ċerti arranġamenti istituzzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet makroprudenzjali jkollhom aċċess għal informazzjoni li titqies neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, iżda li ma tkunx disponibbli għalihom.

(5)

Attwalment, il-forniment ta’ servizzi finanzjarji transkonfinali permezz ta’ friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz jirrappreżenta parti importanti tas-sistema finanzjarja f’għadd ta’ Stati Membri. F’dawn l-Istati Membri, ċerti friegħi (a) ġew innominati milll-awtoritajiet kompetenti bħala sinifikanti f’konformità mal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), (b) jissodisfaw il-kriterji ta’ istituzzjonijiet sistemikament importanti oħrajn skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE, (c) jipprovdu funzjonijiet kritiċi fuq il-bażi tal-qafas Ewropew ta’ rkupru u riżoluzzjoni, jew (d) għandhom sehem sostanzjali tas-suq f’attivitajiet li huma rilevanti mill-perspettiva tal-istabbiltà finanzjarja (flimkien minn hawn’ il quddiem imsejħa “friegħi rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja”). Id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix definizzjoni armonizzata ta’ friegħi rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja. Il-forniment ta’ servizzi finanzjarji transkonfinali permezz ta’ friegħi bħal dawn huwa mistenni li jiżdied fil-futur hekk kif tkompli l-integrazzjoni finanzjarja fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe awtorità fdata bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew ta’ kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja għandha tkun kapaċi tikseb ċerta informazzjoni bażika dwar il-friegħi kollha li joperaw fil-ġurisdizzjoni tagħha fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu prinċipali jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz. Dan sabiex l-awtorità tkun tista’, bħala minimu, tivvaluta jekk dawn il-friegħi humiex rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja fil-pajjiż li fih joperaw. Jekk l-awtorità tqis li dan huwa l-każ, jeħtieġ ukoll li tkun kapaċi tikseb informazzjoni aktar dettaljata dwar l-attivitajiet ta’ dawk il-friegħi.

(6)

Il-friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz ivarjaw fid-daqs u fl-importanza. Meta dawk il-friegħi jitqiesu bħala relevanti għall-istabbiltà finanzjarja fil-pajjiż fejn joperaw ikun hemm il-ħtieġa li tiġi intensifikata l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet relevanti tal-Istati Membri ospitanti u domiċiljari. F’dawk il-każijiet, l-iskambju ta’ informazzjoni magħżula dwar istituzzjonijiet ommijiet u l-gruppi li minnhom jiffurmaw parti dawk il-friegħi huwa neċessarju biex jiġi vvalutat l-impatt potenzjali amplifikanti li dawk il-friegħi jista’ jkollhom matul perijodi ta’ tkabbir ta‘ kreditu eċċessiv jew fi kriżi. L-iskambju ta’ dik l-informazzjoni magħżula dwar dawk l-istituzzjonijiet ommijiet u l-gruppi relatati ma’ fondi proprji u ingranaġġ (inklużi rekwiżiti ta’ riżerva relevanti), finanzjament u riskju ta’ likwidità, strateġija ta’ negozju, u ċerti aspetti ta’ pjanijiet ta’ rkupru huwa meħtieġ ukoll sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-politika makroprudenzjali fl-Istati Membri ospitanti ta’ tali friegħi.

(7)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-għoti ta’ informazzjoni indikata fir-Rakkomandazzjoni C titqies li hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet fdati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħrajn tal-istabbiltà finanzjarja jkunu jistgħu jissodisfaw il-mandati tagħhom. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lil dawk l-awtoritajiet fuq talba mmotivata, fuq il-bażi tal-ħtieġa ta’ tagħrif, u fi ħdan il-limiti tad-dritt tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli. Meta dawk l-awtoritajiet ikollhom bżonn jiksbu informazzjoni addizzjonali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom u jimmonitorjaw jew jivvalutaw riskji sistemiċi jew għall-finijiet tal-iżvilupp ta’ strumenti ta’ politika ġodda, għandhom jingħataw dik l-informazzjoni addizzjonali fuq talba mmotivata.

(8)

La d-Direttiva 2013/36/UE, b’mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu, u lanqas ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) ma jipprekludu jew joħolqu ostakli għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet jew korpi inkarigati bir-responsabbiltà għaż-żamma tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri, fil-qadi tad-dmirijiet superviżorji tagħhom. Għalkemm id-dritt tal-Unjoni jipprovdi qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet relevanti għal skopijiet mikroprudenzjali, ebda qafas ma jeżisti għall-iskambju ta’informazzjoni għal skopijiet makroprudenzjali.

(9)

Il-banek ċentrali jiġbru informazzjoni dwar friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li għamdhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz. Il-banek ċentrali nazzjonali fi ħdan is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) huma mħeġġa jiskambjaw dik l-informazzjoni mal-awtoritajiet relevanti fuq talba mmotivata u fuq il-bażi tal-ħtieġa ta’ tagħrif, peress li dan jitqies bħala mod effettiv biex jiġi ffaċilitat l-eżerċitar tal-kompiti tagħhom.

(10)

Arranġamenti mfassla sew li jirregolaw l-iskambju ta’ informazzjoni dwar friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet inkarigati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħrajn tal-istabbiltà finanzjarja fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. L-użu ta’ memoranda ta’ qbil għandu jintroduċi standardizzazzjoni u prevedibbiltà, u joħloq bażi komuni dwar x’jikkostitwixxi informazzjoni rilevanti għall-eżerċitar tal-kompiti tagħhom; il-memoranda ta’ qbil jitqiesu wkoll bħala mezz effettiv u effiċjenti biex jintlaħaq l-objettiv li tiġi stabbilita kultura ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti għal skopijiet makroprudenzjali. F’dan ir-rigward, il-Forum Makroprudenzjali Nordiku-Baltiku (6) u l-aktar Memorandum ta’ Qbil reċenti dwar il-Kooperazzjoni u l-KoordInazzjoni fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja transkonfinali fir-reġjun Nordiku-Baltiku (7) jistgħu jservu bħala punti ta’ referenza għal qafas ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet rilevanti.

(11)

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-għażla tal-awtorità rilevanti li tiġbor informazzjoni għal finijiet tal-istabbiltà finanzjarja jew makroprudenzjali għandha ssir mill-Istat Membru rilevanti.

(12)

Taħt l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/36/KE, l-awtoritijajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti jistgħu jeħtieġu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li jkollhom friegħi fit-territorji tagħhom, jirrapportaw perjodikament dwar l-attivitajiet tagħhom f’dawk l-Istati Membri ospitanti. Dan ir-rapportar jista’ jkun meħtieġ (i) għal skopijiet ta’ informazzjoni u statistika, (ii) għall-identifikazzjoni ta’ friegħi bħala sinifikanti jew (iii) għal finijiet superviżorji fdati lill-awtorità kompetenti ospitanti skont id-Direttiva 2013/36/UE. Mhuwiex ċar jekk l-informazzjoni miġbura skont dak l-Artikolu tistax tintuża wkoll għal skopijiet makroprudenzjali, peress li d-dispożizzjoni rilevanti ma tiddistingwix bejn is-superviżjoni mikroprudenzjali u makroprudenzjali. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra, fir-rieżami previst fl-Artikolu 513 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi rrevedut, biex jiġi ċċarat li l-informazzjoni mill-friegħi tista’ tinġabar ukoll għal skopijiet makroprudenzjali.

(13)

Il-friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f’pajjiż terz huma soġġetti biss għad-dritt nazzjonali, u l-liġijiet nazzjonali f’dan il-qasam mhumiex armonizzati bid-dritt tal-Unjoni. Wara emendi reċenti permezz tad-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2013/36/UE jispeċifika li ġabra minima ta’ informazzjoni kkumplimentata bi kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa bħala neċessarja biex ikun jista’ jsir monitoraġġ komprensiv tal-attivitajiet tal-fergħa għandha tinġabar mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mingħand il-friegħi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f’pajjiż terz. Dik l-informazzjoni għandha tiġi kondiviża mal-awtoritajiet fdati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħrajn tal-istabbiltà finanzjarja, fejn dan ikun possibbli u xieraq. Fi ħdan ir-rieżami tagħha kif previst fl-Artikolu 513 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 — u msemmi hawn fuq — dwar jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi rivedut, jiġifieri biex jiġi ċċarat li l-informazzjoni mill-friegħi tista’ tinġabar ukoll għal skopijiet makroprudenzjali, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll il-fattibbiltà tal-ġbir tad-dejta għal tali finijiet minn friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f’pajjiż terz.

(14)

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (9) (iktar ’il quddiem ir- “Regolament MSU”), il-BĊE huwa l-awtorità kompetenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti fil-kuntest tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Bħala tali, il-BĊE huwa responsabbli mis-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti u jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) biex iwettaq il-kompiti tiegħu permezz ta’ timijiet superviżorji konġunti, li jinkludu l-persunal tal-BĊE u tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti. Dan jippermetti l-iskambju bla xkiel u fil-pront ta’ informazzjoni relatata mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni. L-awtoritajiet fdati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħrajn tal-istabbiltà finanzjarja jistgħu jitolbu u jiksbu informazzjoni mingħand il-BĊE fir-rwol superviżorju tiegħu fuq friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor.

(15)

Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament MSU, il-BĊE huwa responsabbli għall-valutazzjoni ta’ miżuri makroprudenzjali adottati mill-awtoritajiet nazzjonali u, meta jitqies li huwa neċessarju, biex japplika rekwiżiti ogħla għal riżervi ta’ kapital u miżuri aktar strinġenti. F’dan ir-rigward, informazzjoni dwar friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz taqa’ taħt il-kategoriji ta’ informazzjoni li tista’ tkun neċessarja għall-BĊE biex iwettaq dawn il-kompiti.

(16)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx fl-MSU jistgħu jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni dwar istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni fi ħdan kulleġġi ta’ superviżuri stabbiliti skont l-Artikoli 51 u 116 tad-Direttiva 2013/36/UE u li jservu bħala vetturi għall-koordinazzjoni ta’ kompiti superviżorji relatati ma’ attivitajiet transkonfinali mwettqa minn istituzzjoni ta’ kreditu.

(17)

Dan il-mekkaniżmu transkonfinali għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni huwa ffukat fuq l-objettivi tas-superviżjoni mikroprudenzjali. Konsegwentement, l-Artikoli 51 u 116 tad-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/98 (10), li jiffissa l-kundizzjonijiet ġenerali għall-funzjonament tal-kulleġġi ta’ superviżuri, ma pprevediex speċifikament il-parteċipazzjoni ta’ awtoritajiet fdati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħrajn tal-istabbiltà finanzjarja fil-kulleġġi superviżorji relevanti. Madankollu, l-awtorità kompetenti relevanti tal-Istat Membru domiċiljari hija, fil-prinċipju, kapaċi tistieden entitajiet oħrajn biex jipparteċipaw f’laqgħat ta’ kulleġġi ta’ superviżuri, diment li l-membri kollha tal-kulleġġ jaqblu. Ċerta informazzjoni relatata mal-istituzzjoni ta’ kreditu li għaliha tappartjeni l-fergħa u li hija kondiviża fil-kulleġġi ta’ superviżuri tista’ tkun relevanti għal finijiet makroprudenzjali. F’dan ir-rigward l-awtoritajiet kompetenti huma mħeġġa jistiednu lill-awtoritajiet relevanti fdati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħrajn tal-istabbiltà finanzjarja biex ikunu involuti fil-kunsiderazzjoni ta’ suġġetti speċifiċi ta’ interess makroprudenzjali li huma diskussi fil-kulleġġi ta’ superviżuri. Jekk dawn l-awtoritajiet relevanti jiġu inklużi espliċitament fil-kulleġġi ta’ superviżuri bħala osservaturi potenzjali taħt ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/98, dan jista’ jipprovdi ċertezza akbar fir-rigward ta’ dan ir-rwol. Li jiġu mistiedna rappreżentanti tal-awtoritajiet makroprudenzjali biex jattendu l-laqgħat tal-kulleġġi tas-superviżuri biex jinfurmaw lill-parteċipanti l-oħra dwar ir-riskji makroprudenzjali jew l-iżviluppi regolatorji f’oqsma makroprudenzjali jista’ jkun ta’ benefiċċju wkoll għad-diskussjonijiet fi ħdan il-kulleġġi tas-superviżuri.

(18)

Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti, effiċjenti u effettiv għall-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), f’kooperazzjoni mal-BERS, għandhom jiżviluppaw linji gwida għall-iskambju ta’ informazzjoni u jimmonitorjawh. Sabiex jinkiseb ċertu grad ta’ konverġenza ta’ informazzjoni li tasal mingħand il-partijiet interessati rilevanti, l-ABE għandha tistabbilixxi qafas komuni għall-memoranda ta’ qbil f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti kollha.

(19)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-mandati tal-politika monetarja tal-banek ċentrali fl-Unjoni.

(20)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-BERS jiġu ppubblikati wara li jkunu ġew infurmati d-destinatarji, u wara li l-Bord Ġenerali jkun informa lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li jagħmel dan u sakemm il-Kunsill ikollu l-opportunità li jirreaġixxi.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

TAQSIMA 1

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Rakkomandazzjoni A — Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni abbażi tal-ħtieġa ta’ għarfien

Huwa rakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti:

1.

jiskambjaw informazzjoni meqjusa neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħhom relatati mal-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew għal kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja, b’mod effettiv u effiċjenti, fir-rigward ta’ friegħi fi Stat Membru ospitanti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz. L-iskambju ta’ informazzjoni għandu jsir malli tiġi rċevuta talba motivata għall-informazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-friegħi — filwaqt li jitqiesu l-linji gwida maħruġa mill-ABE skont is-subrakkomandazzjoni C(1) — imressqa minn awtorità rilevanti tal-Istat Membru ospitanti fdata bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja. L-informazzjoni li għandha tiġi skambjata għandha tkun proporzjonata mar-rilevanza tal-friegħi għall-istabbiltà finanzjarja fl-Istat Membru ospitanti.

2.

jistabbilixxu memoranda ta’ qbil jew forom oħra ta’ arranġamenti volontarji għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejniethom — jew ma’ awtorità rilevanti ta’ pajjiż terz — fir-rigward ta’ friegħi fl-Istat Membru ospitanti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, meta dan jitqies li huwa meħtieġ u xieraq mill-partijiet kollha involuti sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni.

Rakkomandazzjoni B — Bidliet fil-qafas legali tal-Unjoni

Huwa rakkomandat li l-Kummissjoni Ewropea:

1.

tivvaluta jekk jeżistux xi impedimenti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jipprevjenu lill-awtoritajiet fdati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja milli jkollhom jew jiksbu l-informazzjoni meħtieġa dwar il-friegħi biex iwettqu dawk il-funzjonijiet jew iwettqu dawk il-kompiti;

2.

Tipproponi li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi emendata biex jitneħħew dawk l-impedimenti, meta l-Kummissjoni Ewropea tikkonkludi, bħala riżultat tal-valutazzjoni tagħha, li jeżistu dawk l-impedimenti.

Rakkomandazzjoni C — Linji gwida għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-monitoraġġ tiegħu

Huwa rakkomandat li l-Awtorità Bankarja Ewropea::

1.

Toħroġ linji gwida skont ir-Rakkomandazzjoni A għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet relevanti fir-rigward ta’ friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor, li għandhom jinkludu lista ta’ informazzjoni li għandha tiġi skambjata, bħala minimu, abbażi tal-ħtieġa ta’ għarfien, u fi ħdan il-limiti tal-liġijiet applikabbli tal-Unjoni u dawk nazzjonali. Il-lista għandha tinkludi, bħala minimu, elementi ta’ informazzjoni minn kull waħda minn dawn il-kategoriji

 

fil-livell tal-fergħa:

(a)

assi u skoperturi, b’rendikonti;

(b)

rendikonti ta’ assi fir-rigward ta’ miżuri bbażati fuq min jissellef;

(c)

obbligazzjonijiet, b’rendikonti;

(d)

skoperturi fis-settur intrafinanzjarju;;

(e)

informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati istituzzjonijiet oħrajn sistemikament importanti (O-SIIs);

 

fil-livell tal-grupp omm/istituzzjoni omm:

(f)

fondi proprji u ingranaġġ;

(g)

finanzjament u likwidità;

(h)

informazzjoni relevanti dwar friegħi, bħall-istrateġija ta’ negozju u ċerti elementi ta’ pjanijiet ta’ rkupru ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u valutazzjonijiet superviżorji li huma relevanti;

2.

Timmonitorja fuq bażi regolari, f’kooperazzjoni mal-BERS, l-effettività u l-effiċjenza tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet relevanti fir-rigward ta’ friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz.

TAQSIMA 2

IMPLIMENTAZZJONI

1.   Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“fergħa” tfisser post tan-negozju li jifforma parti legalment dipendenti minn istituzzjoni ta’ kreditu u li jwettaq b’mod dirett it-transazzjonijiet kollha jew uħud minnhom inerenti fin-negozju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu;

(b)

“istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

“fergħa rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja” tfisser fergħa fi Stat Membru ospitanti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz li tissodisfa kwalunkwe wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(i)

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tkun iddeterminat li l-fergħa hija nnominata bħala waħda sinifikanti skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(ii)

l-awtorità kompetenti jew innominata tal-Istat Membru ospitanti tkun iddeterminat li l-fergħa tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 131(3) tad-Direttiva 2013/36/UE għall-identifikazzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra sistemikament importanti (O-SIIs), f’konformità mal-Linji Gwida EBA/GL/2014/10 tal-Awtorità Bankarja Ewropea; (11);

(iii)

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti tkun iddeterminat li fl-Istat Membru ospitanti l-fergħa tipprovdi funzjonijiet kritiċi fit-tifsira tal-punt 35 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(iv)

Il-fergħa għandha sehem mis-suq li jaqbeż it-2 % ta’ kwalunkwe waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ skoperturi stipulati fil-punti a) u b) tal-Artikolu 133(5) tad-Direttiva 2013/36/UE (13).

(d)

“Stat Membru ospitanti” tfisser Stat Membru ospitanti kif iddefinit fil-punt (44) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(e)

“Stat Membru domiċiljari” tfisser Stat Membru domiċiljari kif iddefinit fil-punt (43) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(f)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità pubblika jew korp rikonoxxut uffiċjalment mid-dritt nazzjonali, li tingħata s-setgħa mid-dritt nazzjonali li tissorvelja istituzzjonijiet ta’ kreditu bħala parti mis-sistema ta’ superviżjoni li tkun operattiva fl-Istat Membru kkonċernat, u l-BĊE taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(g)

“memorandum ta’ qbil” tfisser arranġament volontarju li jistabbilixxi kif l-awtoritajiet rilevanti għandhom l-intenzjoni li jikkooperaw ma’ xulxin u li jispeċifika d-dettalji tad-data u l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli.

(h)

“awtorità rilevanti” tfisser:

1.

awtorità fdata bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja, bħal analiżi ta’ appoġġ relatata, inkluż iżda mhux limitat għal:

i.

awtorità nnominata skont il-Kapitolu 4 tat-Titolu VII tad-Direttiva 2013/36/UE jew l-Artikolu 458(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

ii.

il-BĊE taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

iii.

Awtorità makroprudenzjali bl-objettivi, arranġamenti, kompiti, setgħat, strumenti, rekwiżiti ta’ akkontabilità u karatteristiċi oħrajn stipulati fir-Rakkomandazzjoni BERS/2011/3;

2.

awtorità kompetenti.

2.   Kriterji għall-implimentazzjoni

1.

Il-kriterji li ġejjin japplikaw għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni:

(a)

għandu jitqies b’mod xieraq il-prinċipju tal-ħtieġa ta’ għarfien u l-prinċipju tal-proporzjonalità, filwaqt illi jitqies l-għan u l-kontenut ta’ kull rakkomandazzjoni;

(b)

għandhom jiġu sodisfatti l-kriterji speċifiċi ta’ konformità stabbiliti fl-Anness fir-rigward ta’ kull Rakkomandazzjoni.

2.

Id-destinatarji huma mitluba jirrapportaw lill-BERS u lill-Kunsill dwar l-azzjonijiet meħuda b’risposta għal din ir-Rakkomandazzjoni, jew jiġġustifikaw b mod adegwat kull nuqqas ta’ azzjoni. Bħala minimu r-rapporti għandhom jinkludu:

(a)

informazzjoni dwar is-sustanza u skeda ta’ żmien tal-azzjonijiet meħuda;

(b)

valutazzjoni tal-funzjonament tal-azzjonijiet imwettqa, waqt li jitqiesu l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(c)

ġustifikazzjoni dettaljata ta’ kull nuqqas ta’ azzjoni jew devjazzjoni minn din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż kull dewmien.

3.   Skeda ta’ żmien għas-segwitu

Id-destinatarji huma mitluba li jirrapportaw lill-BERS u lill-Kunsill dwar l-azzjonijiet meħuda b’risposta għal din ir-Rakkomandazzjoni, jew li jiġġustifikaw b’mod adegwat kwalunkwe nuqqas ta’ azzjoni, skont l-iskedi ta’ żmien li ġejjin.

1.   Rakkomandazzjoni A

(a)

Sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-awtoritajiet makroprudenzjali nazzjonali huma mitluba li jibagħtu lill-BERS u lill-Kunsill rapport finali dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni A;

(b)

Sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-awtoritajiet rilevanti huma mitluba li jibagħtu lill-BERS u lill-Kunsill rapport finali dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni A, filwaqt li jqisu l-bidliet potenzjali fil-liġi nazzjonali u tal-UE u fil-linji gwida tal-ABE.

2.   Rakkomandazzjoni B

Sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni hija mitluba tibgħat rapport lill-BERS u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni B.

3.   Rakkomandazzjoni C

Sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni hija mitluba tibgħat rapport lill-BERS u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni C.

4.   Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.

Is-Segretarjat tal-BERS għandu:

(a)

jassisti lid-destinatarji, billi jiżgura l-koordinazzjoni tar-rapportar u l-forniment tal-mudelli relevanti, u jagħti dettalji fejn meħtieġ dwar il-proċedura u l-iskeda ta’ żmien għas-segwitu;

(b)

jivverifika s-segwitu mid-destinatarji, jipprovdi assistenza fuq talba tagħhom, u jissottimetti rapporti ta’ segwitu lil-Bord Ġenerali permezz tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

2.

Il-Bord Ġenerali għandu jivvaluta l-azzjonijiet u l-ġustifikazzjonijiet irrapportati mid-destinatarji u, fejn xieraq, jista’ jiddeċiedi li din ir-Rakkomandazzjoni ma ġietx segwita u li destinatarju naqas milli jipprovdi ġustifikazzjoni adegwata għan-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-26 ta’ Settembru 2019.

Kap tas-Segretarjat tal-BERS, f’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS.

Francesco MAZZAFERRO


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(2)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(3)  Rakkomandazzjoni BERS/2011/3 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-22 ta’ Diċembru 2011 dwar il-mandat makroprudenzjali tal-awtoritajiet nazzjonali (ĠU C 41, 14.2.2012, p. 1).

(4)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(6)  Il-Forum Makroprudenzjali Nordiku-Baltiku (NBMF) huwa korp ta’ kooperazzjoni reġjonali li jlaqqa’ flimkien lill-gvernaturi tal-banek ċentrali u lill-kapijiet tal-awtoritajiet superviżorji. L-NBMF jiddiskuti regolarment riskji għall-istabbiltà finanzjarja fiż-żona Nordika u tal-Baltiku u f’pajjiżi speċifiċi, kif ukoll miżuri makroprudenzjali u r-reċiprokazzjoni tagħhom bħala mezz biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji u biex titjieb il-koordinazzjoni reġjonali.

(7)  Memorandum ta’ Qbil dwar Kooperazzjoni u Koordinazzjoni dwar l-istabbiltà finanzjarja transkonfinali bejn il-Ministeri rilevanti, il-Banek Ċentrali, l-Awtoritajiet Superviżorji Finanzjarji u l-Awtoritajiet ta’ Riżoluzzjoni tad-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Iżlanda, il-Latvja, il-Litwanja, in-Norveġja u l-Iżvezja, datat 31 ta’ Jannar 2018.

(8)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta’ entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, ir-rimunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta’ konservazzjoni kapitali (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 253).

(9)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(10)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/98 tas-16 ta’ Ottubru 2015 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet ġenerali għall-funzjonament tal-kulleġġi tas-superviżuri (ĠU L 21, 28.1.2016, p. 2).

(11)  Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea tas-16 ta’ Diċembru 2014 dwar il-kriterji għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 131(3) tad-Direttiva 2013/36/UE (CRD) b’rabta mal-valutazzjoni ta’ istituzzjonijiet oħrajn sistemikament importanti (O-SIIs) (ABE/GL/2014/10).

(12)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(13)  Kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/878.


ANNESS

Kriterji ta’ konformità għar-rakkomandazzjonijiet

Rakkomandazzjoni A — Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni abbażi tal-ħtieġa ta’ għarfien

Għar-Rakkomandazzjoni A, qegħdin jiġu speċifikati l-kriterji ta’ konformità li ġejjin.

Sub-rakkomandazzjoni A (1) — L-effettività, l-effiċjenza u l-proporzjonalità fl-iskambju ta’ informazzjoni

1.

L-awtoritajiet relevanti għandhom, wara talba mmotivata minn awtorità fdata bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħrajn tal-istabbiltà finanzjarja, jiġbru u jiskambjaw bħala minimu l-kategoriji li ġejjin ta’ informazzjoni kif applikabbli: l-informazzjoni li tinsab fil-punti a) sa e) tas-subrakkomandazzjoni C(1) b’rabta mal-friegħi kollha, u barra minn hekk, l-informazzjoni stabbilita fil-punti f) sa h) tas-subrakkomandazzjoni C (1) fir-rigward ta’ friegħi rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja.

2.

L-awtoritajiet relevanti għandhom jirrapportaw lill-BERS u lill-ABE kwalunkwe kwistjoni li ltaqgħu magħha matul l-iskambju ta’ informazzjoni.

3.

Ladarba l-ABE tippubblika linji gwida skont is-subrakkomandazzjoni C(1), l-awtoritajiet relevanti għandhom jiskambjaw bħala minimu s-sett ta’ informazzjoni msemmi f’dawk il-linji gwida, wara talba mmotivata minn awtorità inkarigata bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja.

4.

Għandhom jiġu osservati l-prinċipji ta’ gwida li ġejjin meta tiġi skambjata l-informazzjoni:

a.

l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun ibbażat fuq talba mmotivata minn awtorità inkarigata bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja fl-Istat Membru ospitanti u l-informazzjoni mitluba għandha tkun meħtieġa għall-eżerċitar ta’ dawk il-kompiti, meta jitqies il-prinċipju tal-ħtieġa ta’ għarfien;

b.

l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata għandha tkun proporzjonata mar-relevanza tal-friegħi għall-istabbiltà finanzjarja fl-Istat Membru li qed jitlob l-informazzjoni;

c.

l-awtoritajiet fdati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja għandhom iqisu l-informazzjoni disponibbli qabel ma jitolbu informazzjoni minn awtoritajiet relevanti oħra;

d.

l-awtoritajiet relevanti għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba mingħajr dewmien żejjed;

e.

l-awtoritajiet relevanti għandhom, fil-limiti tal-qafas legali applikabbli, jużaw is-setgħat tagħhom biex jiġbru l-informazzjoni mitluba jekk ma tkunx disponibbli faċilment għall-awtoritajiet relevanti;

f.

l-awtoritajiet relevanti għandhom, kull meta jkun possibbli, jagħmlu użu tal-mudelli ta’ rapportar eżistenti;

g.

l-awtoritajiet relevanti għandhom jittrasferixxu d-dejta f’formati faċli għall-utent li jippermettu pproċessar awtomatiku ulterjuri tad-dejta;

h.

l-awtoritajiet relevanti għandhom jagħmlu arranġamenti biex jippermettu t-trasferiment kunfidenzjali ta’ informazzjoni, jekk ikun meħtieġ;

i.

l-awtorità riċeventi għandha tiżgura mill-inqas l-istess livell ta’ kunfidenzjalità għall-informazzjoni bħal dik li tapplika l-awtorità li tipprovdi l-informazzjoni.

5.

In-nuqqas ta’ azzjoni minn awtoritajiet fdati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew ta’ kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja fi Stati Membri ospitanti jitqies li huwa spjegat biżżejjed meta jkun hemm evidenza li ma hemm l-ebda fergħa rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja fl-Istat Membru tagħhom jew jekk l-awtoritajiet jiddikjaraw li għandhom l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. In-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet rilevanti jitqies li huwa spjegat biżżejjed jekk ma jkunux irċevew talba mmotivata għal informazzjoni minn awtorità ta’ Stat Membru ospitanti rilevanti fdata bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja.

Subrakkomandazzjoni A(2) — Mekkaniżmi għal kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni

1.

L-awtoritajiet rilevanti għandhom jiżguraw li kwalunkwe arranġament volontarju, bħal memoranda ta’ qbil, jistabbilixxi, inter alia, prinċipju ġenerali ta’ skambju reċiproku ta’ informazzjoni f’konformità mal-prinċipji dwar kooperazzjoni bejn awtoritajiet rilevanti u l-istandards għall-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba li huma stabbiliti fis-subrakkomandazzjoni A(1).

2.

L-awtoritajiet rilevanti jitqiesu li huma konformi mas-subrakkomandazzjoni A(2) meta jipprovdu evidenza ta’ tali arranġamenti volontarji jew jiddikjaraw li għandhom is-setgħa li jiskambjaw liberament l-informazzjoni skont is-subrakkomandazzjoni A(1) mingħajr ma jistabbilixxu tali arranġamenti volontarji.

3.

Nuqqas ta’ azzjoni minn awtoritajiet rilevanti jitqies bħala spjegat biżżejjed meta jkun hemm evidenza li ma hemm l-ebda fergħa rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja fl-Istat Membru tagħhom, jew jekk l-awtoritajiet fdati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew ta’ kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja jiddikjaraw li għandhom l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, jew li ma saret jew waslet l-ebda talba mmotivata għal informazzjoni.

Rakkomandazzjoni B — Bidliet fil-qafas legali tal-Unjoni

Għar-Rakkomandazzjoni B, qegħdin jiġu ddefiniti l-kriterji ta’ konformità li ġejjin.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tivvaluta jekk humiex meħtieġa bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet fdati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew ta’ kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja jkollhom l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom, sabiex, bħala minimu:

1.

l-informazzjoni relatata mal-kategoriji elenkati fis-subrakkomandazzjoni C(1) u li għandha tiġi żviluppata mill-ABE tista’ tinġabar fuq bażi regolari fuq talba mmotivata minn awtorità inkarigata bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja;

2.

tista’ tinġabar informazzjoni addizzjonali abbażi ta’ talba mmotivata ad hoc minn awtoritajiet fdati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja;

3.

il-ġbir u/jew l-iskambju ta’ informazzjoni skont ir-Rakkomandazzjoni A, kif ukoll ta’ informazzjoni mhux disponibbli għall-awtoritajiet rilevanti, huwa possibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 40, 47 u 56 tad-Direttiva 2013/36/UE, kif ukoll l-Artikolu 84 tad-Direttiva 2014/59/UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċerti elementi tal-pjanijiet ta’ rkupru (1);

4.

id-definizzjoni ta’ fergħa sinifikanti għall-finijiet tal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2013/36/UE tqis b’mod xieraq il-kunsiderazzjonijiet tal-istabbiltà finanzjarja fl-Istat Membru ospitanti;

5.

huwa ċar li awtoritajiet fdati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew ta’ kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja jistgħu jipparteċipaw f’kulleġġi ta’ superviżuri bħala osservaturi fir-rigward tal-Artikoli 51 u 116 tad-Direttiva 2013/36/UE.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra wkoll li tinkorpora informazzjoni stabbilita fil-lista li għandha tiġi żviluppata mill-ABE skont is-subrakkomandazzjoni C(1) fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/98, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/99 (2) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (3) sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess għall-istess sett ta’ informazzjoni bħall-awtoritajiet inkarigati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali jew b’kompiti oħra tal-istabbiltà finanzjarja.

Rakkomandazzjoni C — Linji gwida għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-monitoraġġ tiegħu

Għar-Rakkomandazzjoni C, qegħdin jiġu ddefiniti l-kriterji ta’ konformità li ġejjin.

Subrakkomandazzjoni C(1) — Linji gwida dwar l-iskambju ta’ informazzjoni

Il-linji gwida għall-iskambju ta’ informazzjoni li għandhom jinħarġu mill-ABE għandhom jinkludu, iżda ma jkunux limitati għal:

(a)

mudell ta’ memorandum ta’ qbil li jista’ jintuża mill-partijiet involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni u li jista’ jakkomoda aktar aġġustamenti kif meqjus neċessarju minn dawk il-partijiet;

(b)

prinċipji addizzjonali għal skambju effettiv u effiċjenti ta’ informazzjoni;

(c)

formati ta’ rappurtar u mudelli għall-iskambju ta’ informazzjoni;

(d)

l-ispeċifikazzjoni tas-sett minimu ta’ informazzjoni kif stabbilit fis-subrakkomandazzjoni C(1), inkluż lista ta’ oġġetti li għandhom jiġu skambjati wara talba mmotivata għall-friegħi kollha, u lista ta’ oġġetti li għandhom jiġu skambjati wara talba mmotivata għal friegħi rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja.

Subrakkomandazzjoni C(2) — Monitoraġġ tal-effettività u l-effiċjenza tal-iskambju ta’ informazzjoni

1.

L-ABE għandha, f’kooperazzjoni mal-BERS, tissorvelja l-effiċjenza u l-effettività tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet rilevanti abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn dawk l-awtoritajiet.

2.

Abbażi tal-informazzjoni li tirċievi mingħand l-awtoritajiet rilevanti skont il-kriterji ta’ konformità 2 rilevanti għas-subrakkomandazzjoni A(2) u l-informazzjoni li tirċievi mingħand il-BERS, l-ABE għandha tirrapporta perjodikament, mill-inqas kull sena, lill-BERS dwar l-effettività u l-effiċjenza tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet rilevanti, inkluż l-għadd ta’ talbiet għal informazzjoni u l-ħin ta’ rispons, u dwar memoranda ta’ qbil li ġew konklużi.

(1)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/99 tas-16 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-funzjonament operattiv tal-kulleġġi ta’ superviżuri skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 21, 28.1.2016, p. 21).

(3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta’ istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1.).


Top