Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R2176

Regolament (UE) 2019/2176 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/77/2019/REV/1

ĠU L 334, 27.12.2019, pp. 146–154 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2176/oj

27.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 334/146


REGOLAMENT (UE) 2019/2176 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Diċembru 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fuq il-bażi tar-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-8 ta’ Awwissu 2014 dwar il-missjoni u l-organizzazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, eżaminaw ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 biex jiddeterminaw jekk hemmx bżonn li l-missjoni u l-organizzazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) jiġu riveduti. Il-modalitajiet għall-ħatra tal-President tal-BERS ġew ukoll rieżaminati.

(2)

L-analiżi tal-effett tal-Kummissjoni li takkumpanja l-proposta tagħha għal dan ir-Regolament tikkonkludi li, filwaqt li l-BERS ġeneralment jiffunzjona tajjeb, huwa meħtieġ titjib f’ċerti punti speċifiċi.

(3)

Il-bidliet istituzzjonali reċenti relatati mal-unjoni bankarja, flimkien ma’ sforzi biex tinkiseb unjoni tas-swieq kapitali, kif ukoll bidla teknoloġika, fil-fatt biddlu l-ambjent operattiv tal-BERS. Jenħtieġ li l-BERS jikkontribwixxi għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni u b’hekk għall-kisba tal-objettivi tas-suq intern. Is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja hija parti integrali mis-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja. L-arranġamenti istituzzjonali li jidentifikaw u jindirizzaw effettivament ir-riskji mikro u makroprudenzjali jistgħu jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati kollha jkollhom biżżejjed fiduċja biex jieħdu sehem f’attivitajiet finanzjarji, partikolarment attivitajiet transkonfinali. Bil-promozzjoni ta’ tweġibiet ta’ politika fil-ħin u konsistenti fl-Istati Membri għar-riskji sistemiċi identifikati, il-BERS jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ approċċi diverġenti u għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern.

(4)

Il-kompożizzjoni wiesgħa tal-membri tal-Bord Ġenerali tal-BERS (il-“Bord Ġenerali”) hija assi maġġuri. Żviluppi reċenti fl-arkitettura superviżorja finanzjarja tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-ħolqien ta’ unjoni bankarja, madankollu mhumiex riflessi fil-kompożizzjoni ta’ dak il-Bord Ġenerali. Għal dik ir-raġuni, il-President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jenħtieġ li jsiru membri mingħajr id-dritt tal-vot tal-Bord Ġenerali. Jenħtieġ li jsiru wkoll aġġustamenti korrispondenti għall-Kumitat Tekniku Konsultattiv tal-BERS (il-“Kumitat Tekniku Konsultattiv”).

(5)

Il-President tal-BĊE ppresjeda l-BERS mill-istabbiliment tiegħu skont ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 sal-15 ta’ Diċembru 2015 u wara dan fuq bażi interim. Matul dak il-perijodu, il-President tal-BĊE kkonferixxa awtorità u kredibbiltà lill-BERS u żgura li jkun jista’ b’mod effettiv jsawwar u joqgħod fuq l-għarfien espert tal-BĊE fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja. Għaldaqstant huwa adatt li l-President tal-BĊE jippresiedi l-BERS fuq bażi permanenti.

(6)

Il-BERS huwa responsabbli mis-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u jikkontribwixxi għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni ta’ riskji sistemiċi fl-Unjoni sħiħa jew f’partijiet minnha, inkluż li jidentifika u jiddiskuti riskji għall-istabbiltà finanzjarja irrispettivament mill-oriġini tagħhom. Il-kondizzjonijiet monetarji jistgħu jkollhom implikazzjonijiet għall-istabbiltà finanzjarja u huwa fil-mandat tas-sorveljanza makroprudenzjali tal-BERS li jiddiskuti dawn l-implikazzjonijiet filwaqt li l-indipendenza tal-banek ċentrali tkun rispettata b’mod sħiħ. Il-BERS huwa wkoll responsabbli li jissorvelja u jivvaluta r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja li jirriżultaw minn żviluppi li jista’ jkollhom impatt fil-livell settorjali jew fil-livell tas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali, inkluż riskji u vulnerabbiltajiet li jirriżultaw minn bidla teknoloġika jew minn fatturi ambjentali jew soċjali. Il-BERS jenħtieġ ukoll li janalizza l-iżviluppi barra mis-settur bankarju, inkluż dawk li jwasslu għat-tlestija tal-unjoni tas-swieq kapitali.

(7)

Il-membri tal-Bord Ġenerali huma kollettivament responsabbli għall-kisba tal-missjoni, l-objettivi u l-kompiti tal-BERS.. Il-membri kollha huma responsabbli biex jsawru l-aġenda u l-programm ta’ ħidma tal-BERS u jikkontribwixxu b’mod attiv għall-ħidma regolari tiegħu. inkluż billi jiġbdu l-attenzjoni tal-membri l-oħra tal-Bord Ġenerali għal suġġetti rilevanti.

(8)

Sabiex tissaħħaħ il-viżibbiltà tal-BERS, il-President tal-BERS jenħtieġ li jkun jista’ jiddelega kompiti, bħal kompiti relatati mar-rappreżentanza esterna tal-BERS lill-ewwel Viċi President jew, jekk l-ewwel Viċi President ma jkunx disponibbli u fejn ikun adatt, lit-tieni Viċi President jew lill-kap tas-Segretarjat tal-BERS. Jenħtieġ li tali delegazzjoni ma testendix sal-parteċipazzjoni fi smigħ pubbliku u f’diskussjonijiet mhux pubbliċi fil-Parlament Ewropew.

(9)

Sabiex tkun prevista flessibbiltà fir-rigward tal-għażla tal-membru tal-Bord Ġenerali bi drittijiet tal-vot, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu r-rappreżentant tal-vot tagħhom bejn il-Gvernatur tal-bank ċentrali nazzjonali u rappreżentant ta’ livell għoli ta’ awtorità maħtura skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), fejn dik l-awtorità maħtura jkollha r-rwol ewlieni fl-istabbiltà finanzjarja fil-qasam ta’ kompetenza tagħha. Dik il-flessibbiltà rigward l-għażla tal-membru tal-Bord Ġenerali bi drittijiet tal-vot ma taffettwax l-Istati Membri fejn il-bank ċentrali nazzjonali jkun awtorità maħtura skont id-Direttiva 2013/36/UE jew ir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Biex tiġi evitata l-influwenza politika, l-ebda membru tal-Bord Ġenerali ma għandu jkollu kariga fil-gvern ċentrali ta’ Stat Membru.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, l-ewwel Viċi President tal-BERS sa issa kien elett mill-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE u minn fosthom, rigward il-ħtieġa li jkun hemm rappreżentanza bbilanċjata tal-Istati Membri b’mod ġenerali u bejn dawk li l-munita tagħhom hija l-euro u dawk li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. Wara l-ħolqien tal-unjoni bankarja, huwa adatt li r-referenza għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u dawk li l-munita tagħhom mhijiex l-euro tiġi sostitwita b’referenza għall-Istati Membri li huma Stati Membri parteċipanti kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (8) u dawk li mhumiex. L-ewwel Viċi President jenħtieġ li jiġi elett mill-membri nazzjonali tal-Bord Ġenerali bi drittijiet tal-vot u minn fosthom, b’riflessjoni tal-flessibbiltà akbar fir-rigward tas-sħubija tal-Bord Ġenerali.

(11)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 (9) jistipula li l-kap tas-Segretarjat tal-BERS għandu jinħatar mill-BĊE, f’konsultazzjoni mal-Bord Ġenerali. Sabiex il-kap tas-Segretarjat tal-BERS jingħata iżjed viżibbiltà, jenħtieġ li l-Bord Ġenerali jivvaluta, fi proċedura miftuħa u trasparenti, jekk il-kandidati fil-lista finali għall-kariga ta’ Kap tas-Segretarjat tal-BERS għandhomx il-kwalitajiet u l-esperjenza meħtieġa biex jimmaniġġaw is-Segretarjat tal-BERS. Jenħtieġ li l-BĊE jikkunsidra li jiftaħ sistematikament il-proċedura tal-għażla għal kandidati esterni. Il-Bord Ġenerali jenħtieġ li jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-proċedura ta’ valutazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu ċċarati l-kompiti tal-kap tas-Segretarjat tal-BERS.

(12)

Minħabba li r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jenħtieġ li l-Artikolu 9(5) ta’ dak ir-Regolament jiġi emendat.

(13)

Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u sabiex tittejjeb l-effiċjenza proċedurali, jenħtieġ li l-għadd ta’ rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Kumitat Tekniku Konsultattiv jitnaqqas miż-żewġ rappreżentanti li hemm bħalissa għal rappreżentant wieħed.

(14)

Jenħtieġ li l-BĊE jiżdied bħala destinatarju possibbli tat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-BERS fir-rigward tal-kompiti mogħtija lilu skont l-Artikoli 4(1), 4(2) u 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ Riżoluzzjoni maħtura mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jiżdiedu wkoll bħala destinatarji possibbli.

Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 jirrikjedi li dawk it-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet jiġu trażmessi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u li, meta jkunu indirizzati lil awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali waħda jew aktar, lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) (minn hawn ’il quddiem kollettivament imsejħa l-“ESAs”). Sabiex jissaħħu l-kontroll demokratiku u t-trasparenza, jenħtieġ ukoll li t-twissijiet u rakkomandazzjonijiet tal-BERS jiġu trażmessi lill-Parlament Ewropew u lill-ESAs. Fejn adatt, il-Bord Ġenerali jenħtieġ li jirrikjedi li jiġi konkluż ftehim biex tkun żgurata l-kunfidenzjalità meta jkunu qed jintbagħtu twissijiet jew rakkomandazzjonijiet kunfidenzjali jew mhux pubbliċi.

(15)

Membri tal-BERS mill-banek ċentrali nazzjonali, mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u mill-awtoritajiet nazzjonali fdati bit-twettiq tal-politika makroprudenzjali jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw l-informazzjoni li jirċievu mill-BERS waqt il-kompiti tagħhom u b’rabta mal-kompiti tal-BERS, inkluż għall-eżerċizzju tal-kompiti statutorji tagħhom.

(16)

Jenħtieġ li l-BERS jiffaċilita l-kondiviżjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali jew il-korpi responsabbli mill-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u l-korpi tal-Unjoni ta’ informazzjoni relatata mal-miżuri mfassla biex jindirizzaw ir-riskju sistemiku fis-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni.

(17)

Biex jiġu żgurati l-kwalità u r-rilevanza tal-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, it-twissijiet u d-deċiżjonijiet tal-BERS, il-Kumitat Tekniku Konsultattiv u l-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv mistennija jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati, fejn adatt, fi stadju bikri u b’mod miftuħ u trasparenti, u biex dan isir bl-aktar mod wiesa’ possibbli biex ikun żgurat approċċ inklużiv lejn il-partijiet interessati kollha.

(18)

Waqt ir-rieżami tal-missjoni u l-organizzazzjoni tal-BERS, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra b’mod partikolari mudelli istituzzjonali possibbli oħra. Jenħtieġ li tikkunsidra wkoll jekk fl-organizzazzjoni tal-BERS għadux xieraq il-bilanċ bejn l-Istati Membri li huma Stati Membri parteċipanti kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u dawk li mhumiex.

(19)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

”riskju sistemiku“ tfisser riskju ta’ tfixkil fis-sistema finanzjarja bil-potenzjal li jkun hemm konsegwenzi negattivi serji għall-ekonomija reali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru tagħha wieħed jew aktar u għall-funzjonament tas-suq intern. It-tipi kollha ta’ intermedjarji, swieq u infrastrutturi finanzjarji jistgħu jkunu potenzjalment xi ftit jew wisq sistemikament importanti.”;

(2)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Meta jiġi kkonsultat dwar il-ħatra tal-kap tas-Segretarjat f’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 (*1), il-Bord Ġenerali, wara proċedura miftuħa u trasparenti, għandu jivvaluta jekk il-kandidati fil-lista finali għall-kariga ta’ kap tas-Segretarjat għandhomx il-kwalitajiet, l-imparzjalità u l-esperjenza meħtieġa biex jimmaniġġaw is-Segretarjat. Il-Bord Ġenerali għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fid-dettall biżżejjed dwar il-proċedura ta’ valutazzjoni u ta’ konsultazzjoni.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 162).”;"

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Meta jagħtu struzzjonijiet lill-kap tas-Segretarjat f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010, il-President u l-Kumitat tat-Tmexxija jistgħu jindirizzaw dan li ġej:

(a)

il-ġestjoni ta’ kuljum tas-Segretarjat;

(b)

kull kwistjoni amministrattiva u baġitarja relatata mas-Segretarjat;

(c)

il-koordinament u t-tħejjija tal-ħidma u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord Ġenerali;

(d)

it-tħejjija tal-proposta għall-programm annwali tal-BERS u l-implimentazzjoni tiegħu;

(e)

it-tħejjija tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-BERS u r-rappurtar lill-Bord Ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-programm annwali.”;

(3)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Il-BERS għandu jkun ippresedut mill-President tal-BĊE.

2.   L-ewwel Viċi President għandu jkun elett mill-membri nazzjonali tal-Bord Ġenerali bid-drittijiet tal-vot u minn fosthom għal terminu ta’ ħames snin, b’kunsiderazzjoni għall-ħtieġa ta’ rappreżentanza bilanċjata tal-Istati Membri bejn dawk li huma Stati Membri parteċipanti kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (*2), u dawk li mhumiex. L-ewwel Viċi-President jista’ jiġi rielett darba biss.

(*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).”;"

(b)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-President għandu jirrappreżenta lill-BERS esternament. Il-President jista’ jiddelega kompiti, bħal kompiti relatati mar-rappreżentanza esterna tal-BERS, inkluż il-preżentazzjoni tal-programm ta’ ħidma, lill-ewwel Viċi President jew, jekk l-ewwel Viċi President ma jkunx disponibbli u fejn ikun adatt, lit-tieni Viċi President jew lill-kap tas-Segretarjat. Kompiti relatati mal-obbligi ta’ responsabbiltà u ta’ rappurtar tal-BERS stipulati fl-Artikolu 19(1), (4) u (5) ma jistgħux jiġu delegati.”;

(4)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

il-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali. L-Istati Membri fejn il-bank ċentrali nazzjonali ma jkunx l-awtorità maħtura skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) jew ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) u fejn dik l-awtorità maħtura jkollha r-rwol ewlieni fl-istabbiltà finanzjarja fil-qasam ta’ kompetenza tagħha jistgħu inkella jinnominaw rappreżentant ta’ livell għoli ta’ awtorità maħtura skont id-Direttiva 2013/36/UE jew ir-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(*3)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338)."

(*4)  Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).”;"

(ii)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

rappreżentant tal-Kummissjoni;”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

soġġett għad-deċiżjoni ta’ kull Stat Membru f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 1 u f’konformità mal-paragrafu 3, rappreżentant ta’ livell għoli għal kull Stat Membru tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali, ta’ awtorità nazzjonali fdata bit-twettiq ta’ politika makroprudenzjali, jew tal-bank ċentrali nazzjonali sakemm il-Gvernatur tal-bank ċentrali nazzjonali ma jkunx il-membru tal-Bord Ġenerali bi drittijiet tal-vot imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1, f’liema każ rappreżentant ta’ livell għoli tal-bank ċentrali nazzjonali għandu jkun il-membru tal-Bord Ġenerali mingħajr drittijiet tal-vot;”;

(ii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(c)

il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE;

(d)

il-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

(*5)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).”;"

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Ir-rappreżentanti ta’ livell għoli rispettivi msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 għandhom jalternaw b’rotazzjoni skont is-suġġett diskuss, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolari ma jkunux qablu fuq rappreżentant komuni.”;

(5)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Meta jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat tat-Tmexxija jew meta jkunu qegħdin iwettqu kwalunkwe attività oħra relatata mal-BERS, il-membri tal-BERS għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b’imparzjalità u biss fl-interess tal-Unjoni inġenerali. La għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn kwalunkwe gvern, istituzzjoni tal-Unjoni jew kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   L-ebda membru tal-Bord Ġenerali (kemm jekk votanti jew mhux votanti) ma għandu jkollu kariga fil-gvern ċentrali ta’ Stat Membru.”;

(6)

L–Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-diskussjonijiet bil-fomm kunfidenzjali li jsiru skont l-Artikolu 19(5).”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“2a.   Il-membri tal-BERS mill-banek ċentrali nazzjonali, mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u mill-awtoritajiet nazzjonali fdati bit-twettiq tal-politika makroprudenzjali jistgħu, fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-BERS jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali jew lill-korpi responsabbli mill-istabbiltà tas-sistema finanzjarja f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew mal-arranġamenti nazzjonali informazzjoni relatata mat-twettiq tal-kompiti fdati lill-BERS li hija meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompiti statutorji ta’ dawk l-awtoritajiet jew korpi, dment li jiġu stabbiliti salvagwardji suffiċjenti biex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tal-liġi tal-Unjoni u l-arranġamenti nazzjonali rilevanti.

2b.   Fejn l-informazzjoni toriġina minn awtoritajiet oħra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 2a, il-membri tal-BERS mill-banek ċentrali nazzjonali, mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u mill-awtoritajiet nazzjonali fdati bit-twettiq tal-politika makroprudenzjali għandhom jużaw dik l-informazzjoni għall-eżerċizzju tal-kompiti statutorji tagħhom bil-qbil espliċitu ta’ dawk l-awtoritajiet biss.”;

(7)

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fejn adatt, rappreżentanti ta’ livell għoli minn organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali li jwettqu attivitajiet relatati direttament mal-kompiti tal-BERS stipulati fl-Artikolu 3(2) jew il-President tal-Parlament Ewropew jew rappreżentant tal-Parlament Ewropew dwar suġġetti relatati mal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-politika makroprudenzjali jistgħu jiġu mistiedna jattendu laqgħat tal-Bord Ġenerali.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-BERS tista’ tkun miftuħa għar-rappreżentanti ta’ livell għoli tal-awtoritajiet rilevanti minn pajjiżi terzi meta rilevanti għall-Unjoni. Jistgħu jsiru arranġamenti mill-BERS li jispeċifikaw, b’mod partikolari, in-natura, l-ambitu u l-aspetti proċedurali tal-involviment ta’ dawk il-pajjiżi terzi fil-ħidma tal-BERS. Tali arranġamenti jistgħu jipprevedu rappreżentanza, fuq bażi ad hoc, bħala osservatur, fuq il-Bord Ġenerali u għandhom jikkonċernaw biss punti ta’ rilevanza għall-Unjoni, filwaqt li jeskludu kwalunkwe każ fejn tista’ tiġi diskussa s-sitwazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali jew ta’ Stati Membri.”;

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Il-proċedimenti tal-laqgħat għandhom ikunu kunfidenzjali. Il-Bord Ġenerali jista’ jiddeċiedi li jagħmel pubbliku rendikont tad-deliberazzjonijiet tiegħu, soġġett għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità applikabbli u b’tali mod li ma jippermettix l-identifikazzjoni tal-membri individwali tal-Bord Ġenerali jew ta’ istituzzjonijiet individwali. Il-Bord Ġenerali jista’ jiddeċiedi wkoll li jagħmel konferenzi stampa wara l-laqgħat tiegħu.”;

(8)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

il-Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE responsabbli mill-istabbiltà finanzjarja u l-politika makroprudenzjali;”;

(ii)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

erba’ membri nazzjonali tal-Bord Ġenerali bi drittijiet ta’ vot b’kunsiderazzjoni tal-ħtieġa ta’ rappreżentanza bilanċjata tal-Istati Membri bejn dawk li huma Stati Membri li qed jipparteċipaw kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u dawk li mhumiex. Huma għandhom jiġu eletti mill-membri nazzjonali tal-Bord Ġenerali bi drittijiet tal-vot u minn fosthom għal perijodu ta’ tliet snin;”;

(iii)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

rappreżentant tal-Kummissjoni;”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-President u l-ewwel Viċi President tal-BERS għandhom jorganizzaw flimkien il-laqgħat tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-inqas darba kull tliet xhur, qabel kull laqgħa tal-Bord Ġenerali. Il-President u l-ewwel Viċi President jistgħu wkoll jorganizzaw flimkien laqgħat ad hoc.”;

(9)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jkun magħmul mill-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv u 15-il espert li jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ ħiliet, esperjenza u għarfien li jirrigwardaw is-setturi rilevanti kollha tas-swieq finanzjarji, proposti mill-Kumitat tat-Tmexxija u approvati mill-Bord Ġenerali għal mandat rinnovabbli ta’ erba’ snin. Il-persuni nominati ma għandhomx ikunu membri tal-ESAs u għandhom jintgħażlu abbażi tal-kompetenza ġenerali tagħhom kif ukoll tal-esperjenza varjata tagħhom f’oqsma akkademiċi jew setturi oħra, partikolarment fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jew għaqdiet tal-ħaddiema, jew bħala fornituri jew konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-President u ż-żewġ Viċi Presidenti tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandhom jinħatru mill-Bord Ġenerali wara proposta mill-President tal-BERS u għandu jkollhom kull wieħed livell għoli ta’ kompetenza esperta u għarfien rilevanti, pereżempju bis-saħħa tal-isfond akkademiku u professjonali rilevanti tagħhom fis-settur bankarju, is-settur tas-swieq tat-titoli jew is-settur tal-assigurazzjoni u l-pensjonijiet tax-xogħol. Ir-rwol tal-President tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jalterna b’rotazzjoni bejn dawk it-tliet persuni.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jipprovdi parir u assistenza lill-BERS skont l-Artikolu 4(5), fuq it-talba tal-President tal-BERS jew tal-Bord Ġenerali.”;

(d)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Fejn adatt, il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jorganizza konsultazzjonijiet fi stadju bikri flimkien mal-partijiet ikkonċernati, bħall-parteċipanti fis-swieq, korpi tal-konsumaturi u esperti akkademiċi, b’mod miftuħ u trasparenti, filwaqt li jqis ir-rekwiżit tal-kunfidenzjalità. Tali konsultazzjonijiet għandhom jitwettqu bl-aktar mod wiesa’ possibbli sabiex jiggarantixxu approċċ inklużiv fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati kollha u tas-setturi finanzjarji rilevanti u għandhom jippermettu li l-partijiet ikkonċernati jkollhom żmien raġonevoli biex iwieġbu.”;

(10)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

rappreżentant tal-Kummissjoni;”;

(ii)

jiddaħħlu dawn il-punti li ġejjin:

“(fa)

rappreżentant tal-Bord Superviżorju tal-BĊE;

(fb)

rappreżentant tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni;”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jagħti parir u assistenza lill-BERS skont l-Artikolu 4(5) fuq talba tal-President tal-BERS jew tal-Bord Ġenerali”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   Fejn adatt, il-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jorganizza konsultazzjonijiet fi stadju bikri flimkien mal-partijiet ikkonċernati bħall-parteċipanti fis-swieq, korpi tal-konsumaturi u esperti akkademiċi, b’mod miftuħ u trasparenti, filwaqt li jqis ir-rekwiżit tal-kunfidenzjalità. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jitwettqu bl-aktar mod wiesa’ possibbli sabiex jiggarantixxu approċċ inklużiv fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati kollha u tas-setturi finanzjarji rilevanti u għandhom jippermettu li l-partijiet ikkonċernati jkollhom żmien raġonevoli biex iwieġbu.”;

(11)

L-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Sorsi oħra ta’ pariri

Fit-twettiq tal-kompiti stipulati fl-Artikolu 3(2), il-BERS għandu, fejn ikun adatt, jikkonsulta l-partijiet ikkonċernati rilevanti mis-settur privat. Tali l-konsultazzjonijiet għandhom jitwettqu bl-aktar mod wiesa’ possibbli sabiex jiggarantixxu approċċ inklużiv fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati kollha u tas-setturi finanzjarji rilevanti u għandhom jippermettu li l-partijiet ikkonċernati jkollhom żmien raġonevoli biex iwieġbu.”;

(12)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Qabel kull talba għal informazzjoni ta’ natura superviżorja li ma tkunx fil-qosor jew f’għamla aggregata, il-BERS għandu jikkonsulta debitament mal-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti sabiex jiżgura li t-talba tkun ġustifikata u proporzjonata. Jekk l-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti ma tikkunsidrax it-talba bħala ġustifikata u proporzjonata, hija għandha, mingħajr dewmien, tibgħat it-talba lura għand il-BERS u titlob għal ġustifikazzjoni addizzjonali. Wara li l-BERS ikun ta lill-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti tali ġustifikazzjoni addizzjonali, l-informazzjoni mitluba għandha tiġi trażmessa lill-BERS mid-destinatarji tat-talba, dment li dawn ikollhom aċċess legali għall-informazzjoni rilevanti.”;

(13)

L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   ”Twissijiet jew rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-BERS f’konformità mal-punti (c) u (d) tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament jistgħu jkunu jew ta’ natura ġenerali jew speċifika u għandhom ikunu indirizzati b’mod partikolari lill-Unjoni, lil Stat Membru wieħed jew aktar, lil waħda jew aktar mill-ESAs, lil waħda jew aktar mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali, lil awtorità nazzjonali waħda jew aktar maħtura għall-applikazzjoni ta’ miżuri mmirati lejn l-indirizzar ta’ riskju sistemiku jew makroprudenzjali, lill-BĊE għall-kompiti mogħtija lill-BĊE f’konformità mal-Artikoli 4(1), 4(2) u 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni maħtura mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6) jew lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni. F’każ li twissija jew rakkomandazzjoni tkun indirizzata lil waħda jew aktar mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiġu infurmati wkoll b’dan. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jinkludu skeda ta’ żmien speċifikata għat-tweġiba ta’ politika. Ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jkunu indirizzati wkoll lill-Kummissjoni fir-rigward tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni.“;

(*6)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).”;"

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fl-istess ħin li jiġu trażmessi lid-destinatarji f’konformità mal-paragrafu 2, it-twissijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu trażmessi, f’konformità ma’ regoli stretti ta’ kunfidenzjalità, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-ESAs. Meta jkunu qed jintbagħtu twissijiet jew rakkomandazzjonijiet kunfidenzjali jew mhux pubbliċi, il-Bord Ġenerali għandu, fejn adatt, jirrikjedi li jiġi konkluż ftehim biex tkun żgurata l-kunfidenzjalità.”;

(14)

fl-Artikolu 17, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Jekk rakkomandazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 3(2) tkun indirizzata lil wieħed mid-destinatarji elenkati fl-Artikolu 16(2), id-destinatarju għandu jikkomunika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS l-azzjonijiet li jkun ħa b’rispons għar-rakkomandazzjoni u għandu jissostanzja kull nuqqas ta’ azzjoni. Fejn ikun rilevanti, il-BERS għandu, soġġett għal regoli stretti ta’ kunfidenzjalità, jinforma lill-ESAs bit-tweġibiet riċevuti mingħajr dewmien.

2.   Jekk il-BERS jiddeċiedi li r-rakkomandazzjoni tiegħu ma tkunx ġiet segwita jew li d-destinatarji ma jkunux taw ġustifikazzjoni adatta għan-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom, il-BERS għandu, soġġett għal regoli stretti ta’ kunfidenzjalità, jinforma lid-destinatarji, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-ESAs rilevanti b’dan.”;

(15)

fl-Artikolu 18, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Meta l-Bord Ġenerali jiddeċiedi li ma jagħmilx pubblika twissija jew rakkomandazzjoni, id-destinatarji, u fejn ikun adatt, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-ESAs għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ dik it-twissija jew rakkomandazzjoni.”;

(16)

L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Mill-anqas darba fis-sena u aktar spiss f’każ ta’ inkwiet finanzjarju mifrux, il-President tal-BERS għandu jiġi mistieden għal smigħ fil-Parlament Ewropew mill-kumitat kompetenti, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-BERS lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak is-smigħ għandu jitmexxa b’mod separat mid-djalogu monetarju bejn il-Parlament Ewropew u l-President tal-BĊE.

2.   Ir-rapport annwali msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fih l-informazzjoni li l-Bord Ġenerali jiddeċiedi li jagħmel pubblika skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport annwali għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għandu jinkludi l-għoti ta’ rendikont tar-riżorsi li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-BERS skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1096/2010.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Il-BERS għandu jwieġeb bil-fomm jew bil-miktub għall-mistoqsijiet li jsirulu mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Huwa għandu jwieġeb dawk il-mistoqsijiet mingħajr dewmien bla bżonn. Meta tkun trażmessa informazzjoni kunfidenzjali, il-Parlament Ewropew għandu jiżgura l-kunfidenzjalità sħiħa ta’ dik l-informazzjoni skont l-Artikolu 8 u l-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.”;

(17)

L-Artikolu 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 20

Rieżami

Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha, wara li tkun ikkonsultat lill-membri tal-BERS, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar jekk il-missjoni jew l-organizzazzjoni tal-BERS jeħtieġx tiġi rieżaminata, filwaqt li tikkunsidra mudelli alternattivi possibbli għal dak attwali.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

T. TUPPURAINEN


(1)   ĠU C 120, 6.4.2018, p. 2.

(2)   ĠU C 227, 28.6.2018, p. 63.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali)] u deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2019.

(4)  Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(6)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(7)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(8)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(9)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 162).

(10)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(11)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(12)  Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(13)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


Top