Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R2115

    REGOLAMENT (UE) 2019/2115 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-27 ta’ Novembru 2019 li jemenda d-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 596/2014 u (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-promozzjoni tal-użu ta’ swieq tat-tkabbir tal-SMEs (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    PE/89/2019/REV/1

    ĠU L 320, 11.12.2019, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2115/oj

    11.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 320/1


    REGOLAMENT (UE) 2019/2115 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-27 ta’ Novembru 2019

    li jemenda d-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 596/2014 u (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-promozzjoni tal-użu ta’ swieq tat-tkabbir tal-SMEs

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    L-inizjattiva tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali tfittex li tnaqqas id-dipendenza fuq is-self mill-banek, li tiddiversifika sorsi ta’ finanzjament ibbażati fuq is-suq għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kollha (“SMEs”) u li tippromwovi l-ħruġ ta’ bonds u ishma minn SMEs fi swieq pubbliċi. Kumpaniji stabbiliti fl-Unjoni li jfittxu li jiġbru kapital f’ċentri ta’ negozjar qed jaffaċċjaw spejjeż ta’ żvelar u ta’ konformità ta’ darba u kontinwi għoljin li jistgħu jiskoraġġixxuhom milli qatt jfittxu ammissjoni għal negozjar f’ċentri ta’ negozjar tal-Unjoni. Barra minn hekk, ishma maħruġin minn SMEs f’ċentri ta’ negozjar tal-Unjoni għandhom it-tendenza li jbatu minn livelli aktar baxxi ta’ likwidità u minn volatilità ogħla, u b’hekk jżidu l-ispiża tal-kapital u jagħmlu dak is-sors ta’ finanzjament wisq oneruż. Politika orizzontali tal-Unjoni għall-SMEs f’dak ir-rigward hija b’hekk essenzjali. Tali politika jeħtieġ li tkun inklużiva, koerenti u effettiva u tikkunsidra l-varjetà ta’ SMEs u l-ħtiġijiet differenti tagħhom.

    (2)

    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ħolqot tip ġdid ta’ ċentru ta’ negozjar, is-suq tat-tkabbir tal-SMEs, subkategorija tal-faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (“MTFs”), sabiex tiffaċilita l-aċċess għal kapital għall-SMEs u tippermettilhom jikbru, u wkoll biex tiffaċilita aktar żvilupp ta’ swieq speċjalisti li jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet ta’ emittenti tal-SMEs li għandhom potenzjal ta’ tkabbir. Id-Direttiva 2014/65/UE antiċipat ukoll li “[g]ħandha tingħata attenzjoni partikolari għall-mod li bih regolamentazzjoni futura għandha tħeġġeġ u tippromwovi aktar l-użu ta’ dak is-suq sabiex tagħmlu aktar attraenti għall-investituri, u tipprovdi tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u aktar inċentivi għall-SMEs biex ikollhom aċċess għal swieq tal-kapital permezz ta’ swieq tal-SMEs li qed jespandu”. Fil-fehma tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal dan ir-Regolament emendatorju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali fakkar li l-livell baxx ta’ komunikazzjoni u approċċi burokratiċi huma ostakli sinifikanti u li jrid isir ħafna iktar sforz biex jingħelbu dawk l-ostakli. Barra minn hekk, stqarr li n-naħa t’isfel tal-katina, l-SMEs stess, jenħtieġ li jiġu mmirati, billi jiġu involuti, fost l-oħrajn, l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, l-imsieħba soċjali, u l-kmamar tal-kummerċ.

    (3)

    Madankollu, inġibdet l-attenzjoni li emittenti ta’ strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs jibbenefikaw minn relattivament ftit eżenzjonijiet regolatorji meta mqabblin ma’ emittenti ta’ strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ f’MTFs jew swieq regolati oħrajn. Ħafna mill-obbligi stipulati fir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) japplikaw bl-istess mod għall-emittenti kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom jew miċ-ċentru ta’ negozjar fejn l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għall-kummerċ. Dak il-livell baxx ta’ differenzjazzjoni bejn emittenti ta’ strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs u dawk f’MTFs oħrajn jaġixxi bħala diżinċentiv għall-MTFs milli jfittxu reġistrazzjoni bħala suq tat-tkabbir tal-SMEs, li tidher mill-adozzjoni baxxa li kien hemm sa issa ta’ statut bħala suq tat-tkabbir tal-SMEs. Huwa għalhekk meħtieġ li jiddaħħlu mitigazzjonijiet addizzjonali proporzjonati biex jitrawwem b’mod adegwat l-użu tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Jenħtieġ li l-użu tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs jiġi mħeġġeġ b’mod attiv. Ħafna SMEs għadhom mhumiex konxji mill-eżistenza tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs bħala kategorija ġdida ta’ ċentru ta’ negozjar.

    (4)

    Jenħtieġ li l-livell ta’ attrazzjoni tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs jiġi rinfurzat bit-tnaqqis tal-kosti ta’ konformità u tal-piżijiet amministrattivi li jkollhom l-emittenti ta’ strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Sabiex jinżammu l-ogħla standards ta’ konformità fejn jidħlu swieq regolati, il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu limitati għal kumpaniji elenkati fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs, irrispettivament mill-fatt li mhux l-SMEs kollha huma elenkati fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs u mhux il-kumpaniji kollha elenkati fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs huma SMEs. Skont id-Direttiva 2014/65/UE, sa 50 % ta’ emittenti ta’ strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs jistgħu jkunu kumpaniji mhux SMEs, sabiex tinżamm il-profittabbiltà tal-mudell tan-negozju tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, fost l-oħrajn, permezz ta’ likwidità f’titoli mhux tal-SMEs. Fid-dawl tar-riskji involuti fl-applikazzjoni ta’ ġabriet differenti ta’ regoli għal emittenti elenkati fl-istess kategorija ta’ ċentru ta’ negozjar, jiġifieri s-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, jenħtieġ li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ma jkunux limitati biss għal emittenti tal-SMEs. Għal raġunijiet ta’ konsistenza għall-emittenti u ċarezza għall-investituri, jenħtieġ li t-tnaqqis tal-ispejjeż għall-konformità u ta’ piżijiet amministrattivi japplika għall-emittenti kollha ta’ strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs, irrispettivament mill-kapitalizzazzjoni tas-suq tagħhom.

    (5)

    Is-suċċess ta’ suq tat-tkabbir tal-SMEs jenħtieġ li ma jitkejjilx sempliċiment bl-għadd ta’ kumpaniji elenkati fih, iżda pjuttost bir-rata tat-tkabbir miksuba minn dawk il-kumpaniji. Jeħtieġ li jkun hemm attenzjoni akbar fuq l-SMEs – fl-aħħar mill-aħħar il-benefiċjarji ta’ dan ir-Regolament – u l-ħtiġijiet tagħhom. Is-simplifikazzjoni burokratika hija parti vitali minn dak il-proċess, iżda jeħtieġ li jittieħdu passi oħra. Jeħtieġ li jsiru sforzi biex titjieb l-informazzjoni li hi disponibbli direttament mill-SMEs dwar il-possibbiltajiet ta’ finanzjament li jeżistu għalihom, sabiex jitrawwem l-iżvilupp tagħhom. Jenħtieġ li eżenzjoni regolatorja tkun għall-benefiċċju ta’ kumpaniji iżgħar li jkollhom potenzjal ta’ tkabbir.

    (6)

    Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata jirriżulta meta persuna tippossjedi informazzjoni privileġġata u tiżvela dik l-informazzjoni lil kwalunkwe persuna oħra, ħlief meta l-iżvelar isir waqt it-twettiq normali ta’ impjieg, professjoni jew dmirijiet. Skont l-Artikolu 11 (4) ta’ dak ir-Regolament, żvelar ta’ informazzjoni privileġġata matul sondaġġ tas-suq huwa meqjus li jkun sar waqt it-twettiq normali ta’ impjieg, professjoni jew dmirijiet ta’ persuna, sakemm ikun hemm konformità ma’ ċerti proċeduri stabbiliti mir-reġim ta’ sondaġġ tas-suq. Sondaġġ tas-suq jikkonsisti mill-komunikazzjoni ta’ informazzjoni, qabel titħabbar tranżazzjoni, sabiex jitkejjel l-interess ta’ investituri potenzjali fi tranżazzjoni possibbli u l-kundizzjonijiet marbuta magħha bħad-daqs jew il-prezz potenzjali tagħha, lil investitur potenzjali wieħed jew aktar. Matul il-fażi ta’ negozjar ta’ offerta ta’ titoli lil investituri kwalifikati (allokazzjoni privata), l-emittenti jidħlu f’diskussjonijiet ma’ numru limitat ta’ investituri kkwalifikati potenzjali, kif definit fir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u jinnegozjaw it-termini u l-kondizzjonijiet kuntrattwali kollha tat-tranżazzjoni ma’ dawk l-investituri kkwalifikati.

    L-għan tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni f’dik il-fażi ta’ negozjar huwa li tiġi strutturata u titlesta t-tranżazzjoni fl-intier tagħha, u mhux li jitkejjel l-interess ta’ investituri potenzjali fir-rigward ta’ tranżazzjoni predefinita. Ir-reġim ta’ sondaġġ tas-suq fir-rigward ta’ allokazzjonijiet privati ta’ bonds xi drabi jista’ jkun ta’ piż u jaġixxi bħala diżinċentiv biex jinbdew diskussjonijiet għal tali tranżazzjonijiet kemm għall-emittenti kif ukoll għall-investituri. Sabiex tiżdied l-attrazzjoni tal-allokazzjonijiet privati ta’ bonds, l-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġjata lil investituri kwalifikati għall-fini ta’ tali tranżazzjonijiet jenħtieġ li jitqies li jkun sar fit-twettiq normali ta’ impjieg, professjoni jew dmirijiet ta’ persuna u jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim tas-sondaġġ tas-suq, sakemm ma jkunx hemm stabbilit ftehim adegwat ta’ nuqqas ta’ żvelar.

    (7)

    Ftit likwidità f’ishma ta’ emittent tista’ tinkiseb permezz ta’ mekkaniżmi ta’ likwidità bħal arranġamenti ta’ ħolqien tas-suq jew kuntratti ta’ likwidità. Arranġament ta’ ħolqien tas-suq jinkludi kuntratt bejn l-operatur tas-suq u parti terza li timpenja ruħha li żżomm il-likwidità f’ċerti ishma, u bħala ħlas, tibbenifika minn tnaqqis fuq tariffi ta’ negozjar. Kuntratt ta’ likwidità jinkludi kuntratt bejn emittent u parti terza li tikkommetti li tipprovdi likwidità fl-ishma tal-emittent, u f’ismu. Biex jiġi żgurat li tiġi ppreservata għal kollox l-integrità tas-suq, jenħtieġ li l-kuntratti ta’ likwidità jkunu disponibbli għall-emittenti kollha ta’ strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs madwar l-Unjoni, soġġett għal għadd ta’ kundizzjonijiet.

    Mhux l-awtoritajiet kompetenti kollha stabbilixxew prattiki tas-suq aċċettati f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 b’rabta ma’ kuntratti ta’ likwidità, li tfisser li mhux l-emittenti kollha ta’ strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs attwalment għandhom aċċess għal skemi ta’ likwidità madwar l-Unjoni. Dik l-assenza ta’ skemi ta’ likwidità tista’ tkun xkiel għall-iżvilupp effettiv ta’ swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Huwa għalhekk meħtieġ li jinħoloq qafas tal-Unjoni li ser jippermetti lil emittenti ta’ strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs jidħlu f’kuntratt ta’ likwidità ma’ fornitur tal-likwidità fin-nuqqas ta’ prattika tas-suq aċċettata stabbilita fil-livell nazzjonali. F’dan il-qafas tal-Unjoni, persuna li tidħol f’kuntratt ta’ likwidità ma’ fornitur tal-likwidità b’hekk ma titqiesx li hi involuta f’manipulazzjoni tas-suq. Madankollu, hu essenzjali li l-qafas propost tal-Unjoni dwar kuntratti ta’ likwidità għal swieq tat-tkabbir tal-SMEs ma jissostitwixxix, iżda pjuttost jikkumplementa, prattiki tas-suq aċċettati nazzjonali eżistenti jew futuri. Huwa wkoll essenzjali li l-awtoritajiet kompetenti jżommu l-possibbiltà li jistabbilixxu prattiki tas-suq aċċettati fir-rigward ta’ kuntratti ta’ likwidità biex ifasslu l-kondizzjonijiet tagħhom apposta għal speċifiċitajiet lokali jew biex jestendu tali ftehimiet għal titoli illikwidi apparti ishma ammessi għall-kummerċ f’ċentri ta’ negozjar.

    (8)

    Sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni konsistenti tal-qafas propost tal-Unjoni għal kuntratti ta’ likwidità, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta standards regolatorji tekniċi, li jistabbilixxu mudell li għandu jintuża għall-finijiet ta’ tali kuntratti, żviluppat mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA), stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

    (9)

    Skont l-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-emittenti jistgħu jiddeċiedu li jdewmu l-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġata lill-pubbliku jekk l-interessi leġittimi tal-emittenti x’aktarx li jiġu preġudikati, jekk id-dewmien x’aktarx mhux ser iqarraq lill-pubbliku, u jekk l-emittenti huma kapaċi jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni. Madankollu l-emittenti huma obbligati li jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti bihom u li jipprovdu spjegazzjoni bil-miktub tar-raġunament għad-deċiżjoni. Dak l-obbligu ta’ notifika, meta impost fuq emittenti, li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għall-kummerċ biss f’suq tat-tkabbir tal-SMEs, jista’ jkun ta’ piż. Rekwiżit eħfef għal tali emittenti, biex b’hekk ikunu jistgħu jipprovdu spjegazzjoni għad-dewmien biss fuq talba mill-awtorità kompetenti, inaqqas mill-piż amministrattiv għall-emittenti mingħajr ma jkollu ebda impatt sinifikanti fuq l-abbiltà tal-awtorità kompetenti li tissorvelja l-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġata, sakemm l-awtorità kompetenti xorta tiġi notifikata bid-deċiżjoni li jkun hemm dewmien u tkun kapaċi tiftaħ investigazzjoni jekk ikollha dubju rigward dik id-deċiżjoni.

    (10)

    Ir-rekwiżit anqas strett attwali għal emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs li jippreżentaw, f’konformità mal-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata biss fuq talba tal-awtorità kompetenti, hu ta’ effett prattiku limitat, għaliex dawk l-emittenti jibqgħu soġġetti għal rekwiżiti dwar sorveljanza kontinwa tal-persuni li jikkwalifikaw bħala persuni b’informazzjoni privileġġata fil-kuntest ta’ proġetti li għaddejjin. Jenħtieġ li r-rekwiżit eżistenti għalhekk jkun sostitwit bil-possibbiltà għal emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs li jżommu biss lista ta’ persuni li, fil-qadi normali ta’ dmirijiethom, ikollhom aċċess regolari għal informazzjoni privileġġata, bħal diretturi, membri ta’ korpi amministrattivi jew konsulenti interni. Ikun ukoll ta’ piż għall-emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs li jaġġornaw minnufih il-listi sħaħ ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata bil-mod previst fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/347 (7). Madankollu, peress li xi Stati Membri jqisu li l-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata bħala importanti biex jiġi żgurat livell ogħla ta’ integrità tas-suq, jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw l-għażla li jintroduċu rekwiżit għall-emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs li jipprovdu listi aktar estensivi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata li jinkludu l-persuni kollha li għandhom aċċess għal informazzjoni privileġġata. B’kont meħud tal-ħtieġa li jiġi żgurat piż amministrattiv proporzjonat għall-SMEs, jenħtieġ li dawk il-listi iktar estensivi minkejja dan jirrappreżentaw piż amministrattiv eħfef meta mqabbla ma’ listi sħaħ ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata.

    (11)

    Huwa essenzjali li jiġi ċċarat li l-obbligu li jiġu mfassla listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata jaqa’ kemm fuq l-emittenti kif ukoll fuq kwalunkwe persuna li taġixxi f’isimhom jew akkont tagħhom. Ir-responsabbiltajiet ta’ kwalunkwe persuna li taġixxi f’isem l-emittent jew akkont tiegħu f’dak li jirrigwarda it-tfassil tal-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata jenħtieġ li jiġu ċċarati biex jiġu evitati interpretazzjonijiet u prattiki diverġenti madwar l-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jenħtieġ li jiġu emendati kif meħtieġ.

    (12)

    F’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-emittenti u l-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet huma meħtieġa jippubblikaw informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa minn persuni li jeżerċitaw responsabbiltajiet maniġerjali (“PDMRs”) u persuni assoċjati mill-qrib magħhom (“PCAs”) fi żmien tlett ijiem tan-negozju wara t-tranżazzjoni. L-istess data ta’ skadenza tapplika għal PDMRs u PCAs fir-rigward tad-dmir tagħhom li jirrappurtaw it-tranżazzjonijiet tagħhom lill-emittent jew lill-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet. Fejn emittenti jew parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet jiġu nnotifikati tard minn PDMRs u PCAs bit-tranżazzjonijiet tagħhom, tkun ta’ sfida teknika għal dawk l-emittenti jew parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet li jikkonformaw mad-data ta’ skadenza ta’ tlett ijiem, li tista’ toħloq kwistjonijiet ta’ responsabbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li l-emittenti u parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet jitħallew jiżvelaw tranżazzjonijiet fi żmien jumejn ta’ xogħol minn meta jirċievu n-notifika dwar dawk it-tranżazzjonijiet mill-PDMRs jew il-PCAs.

    (13)

    Skont ir-Regolament (UE) 2017/1129, emittent huwa, taħt ċerti kondizzjonijiet, mhux meħtieġ jippubblika prospett, fil-każ ta’ titoli offerti f’konnessjoni ma’ xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju, u fil-każ ta’ titoli offerti, assenjati jew li ser jiġu assenjati f’konnessjoni ma’ fużjoni jew diviżjoni. Minflok, dokument li jkun fih informazzjoni minima li tiddeskrivi t-tranżazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-emittent isir disponibbli lill-pubbliku. Ma hemm ebda rekwiżit taħt il-liġi tal-Unjoni li awtorità kompetenti nazzjonali għandha tirrevedi jew tapprova tali dokument qabel il-pubblikazzjoni tiegħu, u l-kontenut tiegħu jkun eħfef meta mqabbel ma’ prospett. Konsegwenza mhux intenzjonata ta’ tali eżenzjoni hi li, f’xi ċirkustanzi, kumpanija mhux elenkata jista’ jagħmel ammissjoni inizjali tal-ishma tagħha għall-kummerċ f’suq regolat mingħajr ma tipproduċi prospett. Dan iċaħħad lill-investituri mill-informazzjoni utli li tinsab fi prospett filwaqt li jevita kull rieżami minn awtorità kompetenti nazzjonali tal-informazzjoni mogħtija lis-suq. Hu b’hekk xieraq li jiġi introdott rekwiżit biex jiġi ppubblikat prospett għal kumpannija mhux elenkata li trid ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat wara offerta ta’ skambju, fużjoni jew diviżjoni.

    (14)

    L-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2017/1129 bħalissa ma jippermettix l-użu ta’ prospett simplifikat għal emittenti li t-titoli ta’ ekwità tagħhom ikunu ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat jew suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal mill-inqas 18-il xahar u li jfittxu li joħorġu titoli li jagħtu aċċess għal titoli ta’ ekwità funġibbli ma’ titoli ta’ ekwità li jkunu nħarġu qabel. Għaldaqstant, l-Artikolu 14 ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġi emendat biex tali emittenti jkunu jistgħu jużaw il-prospett simplifikat.

    (15)

    Jenħtieġ li s-swieq tat-tkabbir tal-SMEs ma jiġux ipperċepiti bħala l-aħħar pass fl-espansjoni ta’ emittenti u jenħtieġ li jippermettu lil kumpaniji ta’ suċċess jikbru u xi darba jimxu għal swieq regolati, sabiex jibbenefikaw minn likwidità akbar u ġabra ta’ investituri akbar. Sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni minn suq tat-tkabbir tal-SMEs għal suq regolat, jenħtieġ li kumpaniji li qed jikbru jkunu kapaċi jużaw ir-reġim ta’ żvelar simplifikat stipulat fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2017/1129, għall-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat ta’ titoli funġibbli ma’ titoli li jkunu nħarġu qabel, dejjem sakemm dawk il-kumpaniji jkunu offrew titoli lill-pubbliku li jkunu ġew ammessi kontinwament għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs għal mill-anqas sentejn u jkunu kkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi ta’ rappurtar u żvelar tul dak il-perijodu. Jenħtieġ li perijodu ta’ sentejn jippermetti lill-emittenti jkollhom rekord suffiċjenti u jipprovdu lis-suq b’informazzjoni dwar il-prestazzjoni finanzjarja tagħhom u rekwiżiti ta’ rappurtar skont id-Direttiva 2014/65/UE.

    (16)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) ma jirrikjedix lill-emittenti ta’ strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs jippubblikaw id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom f’konformità mal-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju. Madankollu, sabiex tiġi evitata d-diverġenza minn standards tas-suq regolat, l-emittenti ta’ strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs li jixtiequ jużaw ir-reġim ta’ żvelar simplifikat stipulat fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2017/1129 għall-ammissjoni tat-titoli tagħhom għal kummerċ f’suq regolat jenħtieġ li minkejja kollox jħejju d-dikjarazzjonijiet finanzjarji l-aktar reċenti tagħhom f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002, inkluż informazzjoni komparattiva għas-sena preċedenti, sakemm ikunu meħtieġa jħejju kontijiet ikkonsolidati bħala riżultat tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), wara l-ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji tagħhom għall-kummerċ f’suq regolat. Fejn l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva ma tirrikjedix lill-emittenti jħejju tali kontijiet, jenħtieġ li jikkonformaw mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih il-kumpanija tkun inkorporata.

    (17)

    L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa konsistenti mal-għanijiet tal-prospett tal-UE għat-Tkabbir, kif stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2017/1129. Il-prospett tal-UE għat-Tkabbir huwa qasir u għalhekk ekonomiku biex jiġi prodott, u dan inaqqas l-ispejjeż għall-SMEs. L-SMEs jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu li jużaw il-prospett tal-UE għat-Tkabbir. Id-definizzjoni attwali tal-SMEs fir-Regolament (UE) 2017/1129 jistgħu jkunu restrittivi wisq, b’mod partikolari għal dawk l-emittenti li jfittxu ammissjoni għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs li għandhom tendenza jkunu ikbar minn SMEs tradizzjonali. Bħala riżultat, fir-rigward tal-offerti pubbliċi, immedjatament segwiti minn ammissjoni inizjali għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs, emittenti iżgħar ma jkunux jistgħu jużaw il-prospett tal-UE għat-Tkabbir, anki jekk il-kapitalizzazzjoni tas-suq tagħhom wara l-ammissjoni inizjali tagħhom għall-kummerċ tkun inqas minn EUR 200 000 000. Bħala konsegwenza, ir-Regolament (UE) 2017/1129 jenħtieġ li jiġi emendat biex l-emittenti li jfittxu offerta pubblika b’kapitalizzazzjoni tentattiva tas-suq ta’ taħt EUR 200 000 000 jkunu jistgħu jfasslu prospett għat-Tkabbir tal-UE.

    (18)

    Meta titqies l-importanza tal-SMEs għall-funzjonament tal-ekonomija tal-Unjoni, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali għall-impatt tal-liġi tal-Unjoni tas-servizzi finanzjarji tal-Unjoni fuq il-finanzjament tal-SMEs. Għal dak il-għan, meta tagħmel ir-rieżami tal-atti legali li jaffettwaw il-finanzjament tal-SMEs elenkati u dawk mhux elenkati, il-Kummissjoni jenħtieġ li tanalizza ostakli regolatorji u amministrattivi, inkluż fir-rigward tar-riċerka, li jillimitaw jew jipprevjenu l-investiment fl-SMEs. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-evoluzzjoni tal-flussi ta’ kapital fl-SMEs u tagħmel ħilitha biex toħloq ambjent regolatorju favorevoli biex irawwem il-finanzjament tal-SMEs.

    (19)

    Għalhekk jenħtieġ li D-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 596/2014 u (UE) 2017/1129 jiġu emendati kif xieraq.

    (20)

    Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-31 ta’ Diċembru 2019. Madankollu, jenħtieġ li l-Artikolu 1 japplika mill-1 ta’ Jannar 2021,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 596/2014

    Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 11, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Fejn offerta għal titoli tiġi indirizzata biss lil investituri kwalifikati kif iddefinit fil-punt (e) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lil dawk l-investituri kwalifikati għall-għanijiet ta’ negozjar tat-termini u kundizzjonijiet kuntrattwali tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ħruġ ta’ bonds minn emittent li jkollu strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ f’ċentru ta’ negozjar, jew minn kwalunkwe persuna li taġixxi f’ismu jew akkont tiegħu, ma għandhiex tikkostitwixxi sondaġġ tas-suq. Tali komunikazzjoni għandha titqies li ssir fit-twettiq normali ta’ impjieg, professjoni jew dmirijiet ta’ persuna kif previst fl-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-Regolament, u b’hekk ma għandhiex tikkostitwixxi żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata. Dak l-emittent jew kwalunkwe persuna li taġixxi f’ismu jew akkont tiegħu għandu jiżgura li l-investituri li jkunu qed jirċievu l-informazzjoni jkunu konxji ta’, u jirrikonoxxu bil-miktub, id-dmirijiet legali u regolatorji involuti u jkunu konxji mis-sanzjonijiet applikabbli għall-abbuż ta’ informazzjoni privileġġata u żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata.

    (*1)  Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).”;"

    2.

    fl-Artikolu 13, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “12.   Mingħajr preġudizzju għal prattiki tas-suq aċċettati kif stabbilit skont il-paragrafi 1 sa 11 ta’ dan l-Artikolu, emittent ta’ strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs jista’ jidħol f’kuntratt ta’ likwidità għall-ishma tiegħu, fejn huma sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    it-termini u kondizzjonijiet tal-kuntratt ta’ likwidità huma konformi mal-kriterji stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/908 (*2);

    (b)

    il-kuntratt ta’ likwidità huwa mfassal skont il-mudell tal-Unjoni msemmi fil-paragrafu 13 ta’ dan l-Artikolu;

    (c)

    il-fornitur tal-likwidità huwa awtorizzat kif meħtieġ mill-awtorità kompetenti skont id-Direttiva 2014/65/UE u hu rreġistrat bħala membru tas-suq mal-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment li topera s-suq tat-tkabbir tal-SMEs;

    (d)

    l-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment li joperaw is-suq tat-tkabbir tal-SMEs jirrikonoxxu bil-kitba lill-emittent li rċevew kopja tal-kuntratt ta’ likwidità u jaqblu mat-termini u kundizzjonijiet tal-kuntratt.

    L-emittent imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jkun kapaċi juri fi kwalunkwe ħin li l-kundizzjonijiet li taħthom ġie konkluż il-kuntratt huma ssodisfati fuq bażi kontinwa. Dak l-emittent u l-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment li joperaw is-suq tat-tkabbir tal-SMEs għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti b’kopja tal-kuntratt tal-likwidità fuq talba tagħhom.

    13.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tfassal mudell kuntrattwali li għandu jintuża għall-għanijiet ta’ dħul f’kuntratt ta’ likwidità f’konformità mal-paragrafu 12, sabiex tkun żgurata konformità mal-kriterji stipulati fil-paragrafu 2, inkluż fir-rigward tat-trasparenza għas-suq u l-prestazzjoni tal-provvediment tal-likwidità.

    L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Settembru 2020.

    Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

    (*2)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/908 tas-26 ta’ Frar 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji, il-proċedura u r-rekwiżiti biex tiġi stabbilita prattika tas-suq aċċettata u r-rekwiżiti biex tinżamm, tiġi terminata jew jiġu modifikati l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tagħha (ĠU L 153, 10.6.2016, p. 3).” ;"

    (3)

    fl-Artikolu 17(4), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “B’deroga mit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, emittent li l-istrumenti finanzjarji tiegħu jkunu ammessi għall-kummerċ biss f’suq tat-tkabbir tal-SMEs, għandu jipprovdi spjegazzjoni bil-miktub lill-awtorità kompetenti speċifikata skont il-paragrafu 3 biss fuq talba. Sakemm l-emittent ikun jista’ jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu għal dewmien, l-emittent m’għandux jkun mitlub iżomm rekord ta’ dik l-ispjegazzjoni.”;

    (4)

    l-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   L-emittenti u kwalunkwe persuna li taġixxi f’isimhom jew akkont tagħhom għandhom, kull wieħed minnhom:

    (a)

    ifasslu lista tal-persuni kollha li għandhom aċċess għal informazzjoni privileġġata u li qed jaħdmu għalihom taħt kuntratt ta’ impjieg, jew inkella jwettqu kompiti li permezz tagħhom għandhom aċċess għal informazzjoni privileġġata, bħal konsulenti, kontabilisti jew aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu (lista’ ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata);

    (b)

    jaġġornaw il-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata fil-pront skont il-paragrafu 4; u

    (c)

    jipprovdu l-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata lill-awtorità kompetenti malajr kemm jista’ jkun fuq talba tagħha.

    2.   L-emittenti u kwalunkwe persuna li taġixxi f’isimhom jew akkont tagħhom, għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiżguraw li kwalunkwe persuna fuq il-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata tagħraf bil-miktub id-dmirijiet legali u regolatorji involuti u tkun konxja mis-sanzjonijiet applikabbli għal abbuż ta’ informazzjoni privileġġata u żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata.

    Fejn persuna oħra tintalab mill-emittent tfassal u taġġorna l-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata, l-emittent għandu jibqa’ kompletament responsabbli għall-konformità ma’ dan l-Artikolu. L-emittent għandu dejjem iżomm dritt ta’ aċċess għal-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata li l-persuna l-oħra tkun qed tfassal.”;

    (b)

    il-paragrafi 4, 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “4.   L-emittenti u kwalunkwe persuna li taġixxi f’isimhom jew akkont tagħhom għandhom, kull wieħed minnhom, jaġġornaw il-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata tagħhom fil-pront, inkluż id-data tal-aġġornament, fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

    (a)

    meta jkun hemm bidla fir-raġuni għaliex tiddaħħal persuna li tkun diġà fil-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata;

    (b)

    meta jkun hemm persuna ġdida li jkollha aċċess għal informazzjoni privileġġata u teħtieġ, għalhekk, tiżdied mal-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata; u

    (c)

    meta persuna ma jibqax ikollha aċċess għal informazzjoni privileġġata.

    Kull aġġornament għandu jispeċifika d-data u l-ħin meta tkun seħħet il-bidla li wasslet għall-aġġornament.

    5.   L-emittenti u kwalunkwe persuna li taġixxi f’isimhom jew akkont tagħhom għandhom iżommu l-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata tagħhom għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin wara li tkun tfasslet jew ġiet aġġornata.

    6.   L-emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs għandhom ikunu intitolati li jinkludu fil-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata tagħhom biss lil dawk il-persuni li, minħabba n-natura tal-funzjoni jew pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-emittent, għandhom aċċess regolari għal informazzjoni privileġġata.

    B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u fejn ġustifikat minn tħassib speċifiku dwar l-integrità tas-suq nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu lill-emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs biex jinkludu fil-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata tagħhom il-persuni kollha msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1. Dawk il-listi għandhom jinkludu informazzjoni speċifikata fil-format determinat mill-EMSA skont ir-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    Il-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu għandha tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti mill-aktar fis possibbli fuq talba tagħha.

    L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina l-format preċiż tal-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Il-format tal-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata għandu jkun proporzjonat u jirrappreżenta piż amministrattiv eħfef meta mqabbel mal-format tal-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata msemmija fil-paragrafu 9.

    L-ESMA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Settembru 2020.

    Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fir-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

    (5)

    fl-Artikolu 19(3), l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

    “3.   L-emittent jew il-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet għandu jagħmel pubblika l-informazzjoni li tinsab f’notifika msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien jumejn ta’ xogħol wara li jirċievi tali notifika.”;

    (6)

    l-Artikolu 35(2) jinbidel b’dan li ġej:

    “2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(5) u (6), l-Artikolu 12(5), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(2), l-Artikolu 17(3), l-Artikolu 19(13) u (14), u l-Artikolu 38 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-31 ta’ Diċembru 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ tul identiku ta’ żmien, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.”.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament (UE) 2017/1129

    Ir-Regolament (UE) 2017/1129 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    “6a.   L-eżenzjonijiet stipulati fil-punt (f) tal-paragrafu 4 u fil-punt (e) tal-paragrafu 5 għandhom japplikaw biss fir-rigward tat-titoli ta’ ekwità, u biss fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    it-titoli ta’ ekwità offerti huma funġibbli ma’ titoli eżistenti li diġà ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat qabel ix-xiri u t-tranżazzjoni relatata miegħu, u x-xiri ma jitqiesx bħala tranżazzjoni ta’ akkwist invers fis-sens tal-paragrafu B19 tal-istandards internazzjonali ta’ rappurtaġġ finanzjarju (IFRS) 3, Kombinamenti ta’ Negozji, adottati mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (*3); jew

    (b)

    l-awtorità superviżorja li għandha l-kompetenza, fejn applikabbli, li teżamina d-dokument tal-offerta skont id-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) tkun ħarġet approvazzjoni minn qabel tad-dokument imsemmi fil-punt (f) tal-paragrafu 4 jew il-punt (e) tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

    6b.   L-eżenzjonijiet stipulati fil-punt (g) tal-paragrafu 4 u fil-punt (f) tal-paragrafu 5 għandhom japplikaw biss għal titoli ta’ ekwità li fir-rigward tagħhom it-tranżazzjoni mhijiex ikkunsidrata bħala tranżazzjoni ta’ akkwist invers fis-sens tal-paragrafu B19 tal-IFRS 3, Kombinamenti ta’ Negozji, u biss fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    it-titoli ta’ ekwità tal-entità li tkun għamlet l-akkwist ikunu diġà ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat qabel it-tranżazzjoni; jew

    (b)

    it-titoli ta’ ekwità tal-entitajiet soġġetti għad-diviżjoni jkunu diġà ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat qabel it-tranżazzjoni.

    (*3)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1)."

    (*4)  Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12).”;"

    (2)

    l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

    “(b)

    mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(5), emittenti li t-titoli ta’ ekwità tagħhom ikunu ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat jew suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal mill-inqas 18-il xahar u li joħorġu titoli mingħajr ekwità jew titoli li jagħtu aċċess għal titoli ta’ ekwità funġibbli mat-titoli ta’ ekwità eżistenti tal-emittent diġà ammess għall-kummerċ; ”;

    (ii)

    jiżdied il-punt li ġej:

    “(d)

    emittenti li t-titoli tagħhom ikunu ġew offruti lill-pubbliku u ammessi għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal mill-inqas sentejn, u li jkunu kkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi ta’ rappurtar u żvelar tul il-perijodu tal-ammissjoni għall-kummerċ u li jfittxu ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat ta’ titoli funġibbli ma’ titoli eżistenti li jkunu nħarġu qabel.”;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    fit-tieni subparagrafu, tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “Dawk l-emittenti msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li huma meħtieġa jħejju kontijiet ikkonsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) wara l-ammissjoni tat-titoli tagħhom għall-kummerċ f’suq regolat għandhom jikkompilaw l-informazzjoni finanzjarja l-aktar reċenti skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 14, li jkun fiha informazzjoni komparattiva għas-sena preċedenti inkluża fil-prospett simplifikat skont l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6).

    (*5)  Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19)."

    (*6)  Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).”;"

    (ii)

    jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

    “Dawk l-emittenti msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li mhumiex meħtieġa jħejju kontijiet ikkonsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE wara l-ammissjoni tat-titoli tagħhom għall-kummerċ f’suq regolat għandhom jikkompilaw l-informazzjoni finanzjarja l-aktar reċenti skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, li jkun fiha informazzjoni komparattiva għas-sena preċedenti inkluża fil-prospett simplifikat, skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih jkun inkorporat l-emittent.

    Emittenti ta’ pajjiż terz li t-titoli tagħhom ikunu ġew ammessi għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs għandhom jikkompilaw l-informazzjoni finanzjarja l-aktar reċenti skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, li jkun fiha informazzjoni komparattiva għas-sena preċedenti inkluża fil-prospett simplifikat, skont l-istandards nazzjonali tal-kontabilità tagħhom, sakemm dawk l-istandards jkunu ekwivalenti għar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. Jekk dawk l-istandards nazzjonali tal-kontabilità ma jkunux ekwivalenti għall-Istandards Internazzjonali ta’ Rappurtaġġ Finanzjarju, l-informazzjoni finanzjarja għandha terġa tiġi fformulata skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002.”;

    (c)

    il-punt (e) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    għal titoli ta’ ekwità, inkluż titoli li jagħtu aċċess għal titoli ta’ ekwità, id-dikjarazzjoni tal-kapital operatorju, id-dikjarazzjoni tal-kapitalizzazzjoni u l-pożizzjoni ta’ dejn, żvelar ta’ kunflitti ta’ interess rilevanti u tranżazzjonijiet ma’ parti relatata, azzjonisti maġġuri u, fejn applikabbli, informazzjoni finanzjarja pro forma.”;

    (3)

    fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

    “(ca)

    emittenti, minbarra SMEs, li joffru ishma lill-pubbliku fl-istess waqt li jfittxu ammissjoni ta’ dawk l-ishma għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs, sakemm tali emittenti ma jkollhomx ishma diġà ammessi għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs u l-valur kombinat taż-żewġ komponenti li ġejjin ikun inqas minn EUR 200 000 000:

    (i)

    il-prezz tal-offerta finali, jew il-prezz massimu fil-każ imsemmi fil-punt (b)(i) tal-Artikolu 17(1);

    (ii)

    l-għadd totali ta’ ishma pendenti immedjatament wara l-offerta ta’ ishma lill-pubbliku, ikkalkulat jew abbażi tal-ammont ta’ ishma offruti lill-pubbliku jew, fil-każ imsemmi fil-punt (b)(i) tal-Artikolu 17(1), abbażi tal-ammont massimu ta’ ishma offruti lill-pubbliku.”;

    (4)

    fl-Anness V, il-punt II jinbidel b’dan li ġej:

    “II.

    Dikjarazzjoni tal-kapitalizzazzjoni u l-pożizzjoni ta’ dejn (biss għal titoli ta’ ekwità maħruġa minn kumpanniji b’kapitalizzazzjoni tas-suq ’il fuq minn EUR 200 000 000) u dikjarazzjoni tal-kapital operatorju (għal titoli ta’ ekwità biss).

    L-għan huwa li tingħata informazzjoni dwar il-kapitalizzazzjoni u l-pożizzjoni ta’ dejn tal-emittent u informazzjoni dwar jekk il-kapital operatorju huwiex biżżejjed biex jaqdi l-ħtiġijiet preżenti tal-emittent jew, jekk le, kif l-emittent jipproponi li jipprovdi l-kapital operatorju addizzjonali meħtieġ.”.

    Artikolu 3

    Emenda għad-Direttiva 2014/65/UE

    Fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2014/65/UE, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “9.   Il-Kummissjoni għandu tistabbilixxi grupp ta’ esperti magħmul minn partijiet ikkonċernati sal-1 ta’ Lulju 2020 biex jissorvelja l-funzjonament u s-suċċess tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Sal-1 ta’ Lulju 2021, il-grupp ta’ partijiet ikkonċernati esperti għandu jippublika rapport dwar il-konklużjonijiet tieħu.”.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-31 ta’ Diċembru 2019. Madankollu, l-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, is-27 ta’ Novembru 2019.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. TUPPURAINEN


    (1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 79.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019.

    (3)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

    (4)  Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

    (5)  Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).

    (6)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

    (7)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/347 tal-10 ta’ Marzu 2016 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-format preċiż tal-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata, kif ukoll il-format għall-aġġornament tal-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 49).

    (8)  Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

    (9)  Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).


    Top