Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1091

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1091 tas-26 ta' Ġunju 2019 li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għall-esportazzjoni ta' prodotti li fihom il-proteina pproċessata tal-annimali derivata minn annimali ruminanti u minn annimali mhux ruminanti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2019/4552

    ĠU L 173, 27.6.2019, p. 42–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1091/oj

    27.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 173/42


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1091

    tas-26 ta' Ġunju 2019

    li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għall-esportazzjoni ta' prodotti li fihom il-proteina pproċessata tal-annimali derivata minn annimali ruminanti u minn annimali mhux ruminanti

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 u l-Artikolu 23a(m) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (“TSEs”) fl-annimali. Dan japplika għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-annimali ħajjin u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali u, f'ċerti każijiet speċifiċi, għall-esportazzjonijiet tagħhom.

    (2)

    Il-projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi ta' proteina pproċessata tal-annimali derivata mir-ruminanti u ta' prodotti li fihom din il-proteina pproċessata tal-annimali, u b'hekk ġew inklużi fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija, inizjalment ġiet introdotta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1234/2003 (2) biex tiġi evitata t-trażmissjoni ta' enċefalopatiji sponġiformi tal-bovini (BSE) lil pajjiżi terzi permezz ta' proteina pproċessata tal-annimali potenzjalment ikkontaminata u biex jiġi evitat ir-riskju li terġa' tidħol fl-Unjoni.

    (3)

    F'Ġunju 2018, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) aġġornat il-valutazzjoni kwantitattiva tar-riskju tal-BSE li ġej minn proteini pproċessati tal-annimali (3). L-EFSA kkonkludiet li l-infettività totali tal-BSE imposta mill-proteina pproċessata tal-annimali fl-2018 kienet erba' darbiet inqas minn dik stmata fl-2011.

    (4)

    Wara l-opinjoni mogħtija mill-EFSA relatata mal-proteina pproċessata tal-annimali, huwa xieraq li jiġu inklużi fertilizzanti organiċi jew prodotti li jtejbu l-ħamrija li fihom il-proteini tal-annimali pproċessati derivati minn ruminanti fid-deroga stabbilita fil-punt 2 tat-Taqsima E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, fil-każ li ma jkunx fihom materjal tal-Kategorija 1 u prodotti dderivati minnhom jew materjal tal-Kategorija 2 u prodotti derivati minnhom li mhumiex demel ipproċessat.

    (5)

    Il-punt 2 tat-Taqsima E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta' prodotti li fihom il-proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-annimali ruminanti għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Il-punt 3 tat-Taqsima E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet applikabbli għall-esportazzjonijiet ta' proteini pproċessati tal-annimali derivati biss minn annimali mhux ruminanti jew minn għalf kompost li fih din il-proteina. Madankollu, il-kundizzjonijiet biex jiġu esportati fertilizzanti organiċi jew prodotti li jtejbu l-ħamrija li fihom il-proteini pproċessati tal-annimali derivati minn annimali mhux ruminanti ma ġewx stabbiliti. Għalhekk jenħtieġ li jiżdied Punt 5 ġdid mat-Taqsima E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jistabbilixxi kondizzjonijiet bħal dawn.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ġunju 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1234/2003 tal-10 ta' Lulju 2003 li jemenda l-Annessi I, IV u XI tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 u r-Regolament (KE) Nru 1326/2001 dwar it-trasmissjoni tal-enċifalopatija sponġiformi u l-għalf tal-annimali (ĠU L 173, 11.7.2003, p. 6).

    (3)  EFSA Journal 2018;16(7):5314


    ANNESS

    L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fit-Taqsima E tal-Kapitolu V, il-punt 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.

    Mingħajr preġudizzju għall-punt 1, l-esportazzjoni ta' prodotti li fihom il-proteina pproċessata tal-annimali derivata mir-ruminanti għandha tiġi pprojbita.

    B'deroga din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għal:

    (a)

    ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi li fih il-proteina pproċessata tal-annimali derivata mir-ruminanti li:

    (i)

    ġie pproċessat fi stabbilimenti jew pjanti approvati skont l-Artikolu 24(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009; kif ukoll

    (ii)

    jiġi ppakkjat u ttikkettat skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    (b)

    fertilizzanti organiċi jew tejjieba tal-ħamrija, kif definiti fil-punt 22 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, li fil-kompożizzjoni tagħhom hemm proteini tal-annimali pproċessati derivati minn ruminanti jew taħlita ta' proteini tal-annimali pproċessati minn ruminanti u annimali mhux ruminanti diment li:

    (i)

    ma fihomx materjal u prodotti tal-Kategorija 1 derivati minnhom jew materjal u prodotti tal-Kategorija 2 derivati minnhom, għajr demel, kif definit fil-punt 20 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, ipproċessati skont ir-regoli għat-tqegħid fis-suq ta' demel ipproċessat, stabbiliti fit-Taqsima 2 (a), (b), (d) u (e) tal-Kapitolu I tal-Anness XI tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011;

    (ii)

    il-proteini tal-annimali pproċessati li jinsabu fil-fertilizzanti organiċi jew fit-tejjieba tal-ħamrija huma konformi mar-rekwiżiti speċifiċi deskritti fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tal-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

    (iii)

    il-fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija jista' jkun fihom materjali oħra tal-kategorija 3, li jkunu ġew ipproċessati skont:

    xi wieħed mill-metodi ta' proċessar mill-1 sas-7 stabbiliti fil-Kapitolu III tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, jew

    ir-rekwiżiti stipulati fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 fil-każ ta' kompost jew residwi tad-diġestjoni mit-trasformazzjoni ta' prodotti sekondarji tal-annimali f'bijogass, jew;

    ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-Anness XIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, fejn materjali bħal dawn jistgħu jintużaw għal fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija skont dan ir-Regolament.

    (iv)

    ġew prodotti fi stabbilimenti jew f'impjanti approvati skont l-Artikolu 24(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

    (v)

    jitħallat ma' proporzjon suffiċjenti ta' komponent, awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija jiġu prodotti, li jagħmel il-prodott mhux tajjeb għall-annimali jew inkella jkun effettiv biex jipprevjeni l-użu ħażin tat-taħlita għal finijiet ta' tagħlif. Dan il-komponent għandu jitħallat mal-fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija fl-impjant li jiffabbrikahom jew f'impjant irreġistrat għal dan il-għan skont il-punt 2 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tal-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 142/2011.

    Jekk ikun meħtieġ mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ta' destinazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija jiġu prodotti tista' taċċetta l-użu ta' komponenti oħra jew metodi oħra għall-prevenzjoni tal-użu ta' fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija bħala għalf, differenti minn dawk awtorizzati f'dan l-Istat Membru, sakemm dawn ma jkunux f'kontradizzjoni mar-regoli stabbiliti fil-punt 3 tal-Artikolu 22 u l-punt 3 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tal-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

    (vi)

    ġew ipproċessati biex tiġi żgurata d-dekontaminazzjoni ta' patoġeni skont il-punt 5 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tal-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

    (vii)

    ikollhom tikketta mwaħħla mal-imballaġġ jew mal-kontenitur bil-kliem “fertilizzanti organiċi jew tejjieba tal-ħamrija/l-ebda mergħa ta' annimali mrobbija jew l-użu ta' għelejjel bħala ħxejjex matul tal-inqas 21 jum wara l-applikazzjoni”;

    (viii)

    huma esportati f'konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

    għandhom jiġu ttrasportati f'kontenituri ssiġillati, direttament mill-impjant li jimmanifattura il-fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija jew l-impjant reġistrat fejn jiżdied il-komponent li jagħmel il-prodott mhux tajjeb għall-annimali, sal-punt ta' ħruġ mit-territorju tal-Unjoni, li għandu jkun post ta' kontroll fuq il-fruntiera elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE. Qabel iħalli t-territorju tal-Unjoni, l-operatur responsabbli għall-arranġament tat-trasport tal-fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija għandu jinforma lill-awtorità kompetenti fil-post ta' kontroll fuq il-fruntiera dwar il-wasla tal-konsenja fil-punt ta' ħruġ.

    Il-konsenja għandha tiġi akkumpanjata minn dokument kummerċjali komplut kif xieraq ippreżentat skont il-mudell stipulat fil-punt 6 tal-Kapitolu III tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 u maħruġ mis-sistema kompjuterizzata veterinarja integrata (TRACES) introdotta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE. Fuq dak id-dokument kummerċjali, il-post ta' kontroll fuq il-fruntiera jrid ikun indikat fil-kaxxa I.28;

    meta l-konsenja tasal fil-punt ta' ħruġ, l-awtorità kompetenti fil-post ta' kontroll fuq il-fruntiera għandha, abbażi tar-riskju, tivverifika s-siġill ta' kull kontejner ippreżentat fil-post ta' kontroll fuq il-fruntiera. Jekk is-siġill huwa verifikat u l-verifika mhix sodisfaċenti, il-konsenja trid jew tinqered jew tintbagħat lura lejn l-istabbiliment tal-oriġini, indikat fil-kaxxa I.12 tad-dokument kummerċjali;

    l-awtorità kompetenti fil-post ta' kontroll fuq il-fruntiera għandha tinforma, permezz ta' TRACES, lill-awtorità kompetenti indikata fil-kaxxa I.4 responsabbli għall-istabbiliment tal-oriġini dwar il-wasla tal-konsenja fil-punt ta' ħruġ u, fejn japplika, dwar l-eżitu tal-verifika tas-siġill u dwar kwalunkwe azzjoni korrettiva li tkun ittieħdet.

    L-awtorità kompetenti responsabbli mill-impjant ta' manifattura tal-oriġini jew mill-impjant reġistrat fejn jiżdied il-komponent li jagħmel il-prodott mhux tajjeb għall-palat tal-annimali għandha twettaq kontrolli uffiċjali bbażati fuq ir-riskju biex tivverifika l-konformità mal-ewwel u t-tieni inċiż u biex tivverifika li, għal kull konsenja ta' fertilizzanti organiċi u tejjieba tal-ħamrija li fil-kompożizzjoni tagħhom hemm proteini tal-annimali pproċessati derivati minn ruminanti jew taħlita ta' proteini tal-annimali pproċessati minn ruminanti u mhux ruminanti esportati, il-konferma tal-kontroll imwettaq fil-punt ta' ħruġ kienet riċevuta mill-awtorità kompetenti tal-post ta' kontroll fuq il-fruntiera, permezz ta' TRACES.

    Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (v), (vii) u (viii) tal-punt 2(b) m'għandhomx japplikaw għall-fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija li jkunu f'pakketti lesti għall-bejgħ li ma jkunux jiżnu aktar minn 50 kg għall-użu mill-konsumatur finali.”

    (2)

    Fit-Taqsima E tal-Kapitolu V, jiddaħħal il-punt 5 li ġej:

    “5.

    L-esportazzjoni tal-fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija li fil-kompożizzjoni tagħhom hemm proteini tal-annimali pproċessati derivati biss minn annimali mhux ruminanti u ma jkun fihom l-ebda materjal li joriġina minn ruminanti, għandhom ikunu soġġetti għall-konformità ma' dawn il-kondizzjonijiet:

    (a)

    ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 2(b)(i), (ii), (iii), (iv), (v), (vi) u (vii) ta' din it-taqsima. Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 2(b)(v) u (vii) ma għandhomx japplikaw għall-fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija li jkunu f'pakketti lesti għall-bejgħ li ma jkunux jiżnu aktar minn 50 kg għall-użu mill-konsumatur finali.

    (b)

    il-proteina tal-annimali pproċessata derivata minn annimali mhux ruminanti li hemm fihom għandha tiġi prodotta f'impjanti tal-ipproċessar li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt (c) tat-Taqsima D tal-Kapitolu IV, u li huma elenkati skont il-punt 1(d) tat-Taqsima A tal-Kapitolu V.

    (c)

    ikunu ġew prodotti fi stabbilimenti jew f'impjanti li huma ddedikati esklużivament għall-ipproċessar tal-fertilizzanti organiċi ta' annimali mhux ruminanti jew tat-tejjieba tal-ħamrija.

    B'deroga minn din il-kondizzjoni speċifika, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-esportazzjoni tal-fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija msemmija f'dan il-punt prodotti fi stabbilimenti jew impjanti li jipproċessaw il-fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija li jkun fihom materjal ta' annimali ruminanti, jekk jiġu implimentati miżuri effettivi għall-prevenzjoni ta' kontaminazzjoni kroċjata bejn il-fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija li jkun fihom biss materjal ta' annimali mhux ruminanti u l-fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija li fihom materjal ta' annimali ruminanti;

    (d)

    jiġu ttrasportati sal-punt ta' ħruġ mit-territorju tal-Unjoni f'materjal tal-imballaġġ ġdid, jew f'kontejners għal kwantitajiet kbar li ma jintużawx għat-trasport ta' materjali li joriġnaw minn annimali ruminanti jew li jkunu tnaddfu qabel l-użu sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni kroċjata skont proċedura dokumentata li tkun ingħatat qabel l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti.

    Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (c) u (d) tal-punt 5 ma għandhomx japplikaw għall-fertilizzanti organiċi jew it-tejjieba tal-ħamrija li jkunu f'pakketti lesti għall-bejgħ li ma jkunux jiżnu aktar minn 50 kg għall-użu mill-konsumatur finali.”


    Top