Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0496

    Regolament (UE) 2019/496 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 billi tingħata awtorizzazzjoni ġenerali tal-Unjoni ta' esportazzjoni fir-rigward ta' ċerti oġġetti b'użu doppju mill-Unjoni lejn ir-Renju Unit

    PE/23/2019/REV/1

    ĠU L 85I, 27.3.2019, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/09/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R0821

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/496/oj

    27.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 85/20


    REGOLAMENT (UE) 2019/496 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-25 ta' Marzu 2019

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 billi tingħata awtorizzazzjoni ġenerali tal-Unjoni ta' esportazzjoni fir-rigward ta' ċerti oġġetti b'użu doppju mill-Unjoni lejn ir-Renju Unit

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Fid-29 ta' Marzu 2017 ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati mhumiex ser jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara n-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perijodu.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (2) jistabbilixxi reġim komuni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' oġġetti b'użu doppju li huwa meħtieġ għall-promozzjoni tas-sigurtà tal-Unjoni u s-sigurtà internazzjonali u biex ikun hemm fis-seħħ kundizzjonijiet ekwi għall-esportaturi tal-Unjoni.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 jipprevedi “awtorizzazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni ta' esportazzjoni” li jiffaċilitaw il-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet b'riskju baxx ta' oġġetti b'użu doppju lejn ċerti pajjiżi terzi. Bħalissa l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, New Zealand, in-Norveġja, l-Iżvizzera, inkluż il-Liechtenstein, u l-Istati Uniti tal-Amerka huma koperti mill-awtorizzazzjoni ġenerali tal-Unjoni ta' esportazzjoni Nru UE001 stabbilita fl-Anness IIa għar-Regolament (KE) Nru 428/2009.

    (4)

    Ir-Renju Unit huwa parti fit-trattati internazzjonali rilevanti u membru tar-reġimi internazzjonali dwar in-nonproliferazzjoni, huwa konformi bis-sħiħ mal-obbligi u l-impenji relatati. Ir-Renju Unit japplika kontrolli proporzjonali u xierqa sabiex jindirizza l-kunsiderazzjonijiet dwar l-użu finali intenzjonat u r-riskju ta' devjazzjoni b'mod effettiv, konsistentement mad-dispożizzjonijiet u l-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 428/2009.

    (5)

    Meta jitqies li r-Renju Unit huwa destinazzjoni importanti għal oġġetti b'użu doppju prodotti fl-Unjoni, huwa xieraq li r-Renju Unit jinżdied mal-lista ta' destinazzjonijiet koperti mill-awtorizzazzjoni ġenerali tal-Unjoni ta' esportazzjoni Nru UE001 sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi u konsistenti tal-kontrolli madwar l-Unjoni kollha kemm hi, għall-promozzjoni ta' kundizzjonijiet ekwi għall-esportaturi tal-Unjoni u biex jiġi evitat piż amministrattiv żejjed, filwaqt li jiġu protetti s-sigurtà tal-Unjoni u dik internazzjonali.

    (6)

    Minħabba l-urġenza taċ-ċirkustanzi li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, huwa meħtieġ li tiġi permessa l-applikazzjoni immedjata ta' dan ir-Regolament li jikkonċernaw l-inklużjoni tar-Renju Unit fl-awtorizzazzjoni ġenerali tal-Unjoni ta' esportazzjoni Nru EU001. Għaldaqstant dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (7)

    Ir-Renju Unit jenħtieġ li jinżdied mal-lista tad-destinazzjonijiet koperti mill-awtorizzazzjoni ġenerali tal-Unjoni ta' esportazzjoni Nru UE001 biss jekk l-ebda ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit f'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-TUE ma jkun daħal fis-seħħ sad-data meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness IIa għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-titolu “Esportazzjonijiet lejn l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, New Zealand, in-Norveġja, l-Iżvizzera, inkluż il-Liechtenstein, u l-Istati Uniti tal-Amerka” jinbidel b'dan li ġej:

    “Esportazzjonijiet lejn l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, New Zealand, in-Norveġja, l-Iżvizzera, inkluż il-Liechtenstein, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, u l-Istati Uniti tal-Amerka”;

    (b)

    fil-Parti 2 jiddaħħal l-inċiż li ġej wara l-inċiż “— l-Iżvizzera, inkluż il-Liechtenstein”:

    “—

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-jum wara dak meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit f'konformità mal-Artikolu 50(3) tat-TUE.

    Dan ir-Regolament ma għandux japplika fil-każ li, sad-data msemmija fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu, ikun daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit f'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-TUE.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Marzu 2019.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. CIAMBA


    (1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).


    Top