EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0492

Regolament (UE) 2019/492 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 391/2009 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

PE/13/2019/REV/1

ĠU L 85I, 27.3.2019, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/492/oj

27.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 85/5


REGOLAMENT (UE) 2019/492 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 391/2009 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) flimkien jikkostitwixxu l-qafas regolatorju għall-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għall-ispezzjoni, il-perizji u ċ-ċertifikazzjoni tal-vapuri.

(3)

Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, l-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni, il-perizji u ċ-ċertifikazzjoni tal-vapuri rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni mill-Kummissjoni (“organizzazzjonijiet rikonoxxuti”) għandhom jiġu vvalutati fuq bażi regolari u tal-anqas kull sentejn mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istat Membru li jkun ressaq it-talba rilevanti għar-rikonoxximent tal-organizzazzjoni.

(4)

Għal raġunijiet ta' trattament ugwali, organizzazzjonijiet li inizjalment kienu rikonoxxuti mill-Istat Membru rilevanti skont id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE (5) u li bħalissa jgawdu r-rikonoxximent tal-Unjoni skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni flimkien mal-Istat Membru li inizjalment irrikonoxxa dawk l-organizzazzjonijiet.

(5)

F'konformità mal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, sabiex ikomplu jibbenefikaw mir-rikonoxximent tal-Unjoni, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti jridu jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti u l-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I għal dak ir-Regolament. Dan huwa vverifikat permezz ta' valutazzjoni kontinwa mwettqa mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istat Membru rilevanti, skont l-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament. Għalhekk, il-valutazzjonijiet regolari għandhom rwol importanti għar-rikonoxximent kontinwat tal-organizzazzjonijiet.

(6)

Wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni, ir-Renju Unit mhux se jibqa' jkun jista' jipparteċipa fil-valutazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

(7)

L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li inizjalment kienu rikonoxxuti mir-Renju Unit bħalissa jgawdu mir-rikonoxximent tal-Unjoni u ġew fdati minn Stati Membri oħrajn bi dmirijiet fir-rigward tal-ispezzjoni, il-perizja u ċ-ċertifikazzjoni tal-vapuri, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/15/KE. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat sabiex jiġi żgurat li dawk l-organizzazzjonijiet jibqgħu jkunu soġġetti għall-valutazzjoni skont ir-rekwiżiti ta' din id-dispożizzjoni.

(8)

L-obbligi ta' monitoraġġ u sorveljanza li l-Istati Membri bħalissa jridu jissodisfaw skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/15/KE jenħtieġ li jitqiesu wkoll. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 titwettaq mill-Kummissjoni flimkien mal-Istat Membru jew l-Istati Membri li awtorizzaw l-organizzazzjoni rikonoxxuta rilevanti skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/15/KE.

(9)

Sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-attivitajiet nazzjonali u tal-Unjoni fir-rigward tal-monitoraġġ ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta ma' esperti u li tidentifika u tiskambja prattiki tajbin biex jiġi evitat xogħol doppju u biex isir l-aħjar użu mill-kapaċitajiet u riżorsi eżistenti.

(10)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b'urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li japplika mill-jum wara dak li fih ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 ma jibqax japplika għar-Renju Unit,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, il-paragrafu 1 huwa ssotitwit b'dan li ġej:

“1.   L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti kollha għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri jew Stati Membri li jkunu awtorizzawhom skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/15/KE, fuq bażi regolari u tal-anqas kull sentejn, biex jiġi vverifikat li dawn jissodisfaw l-obbligi taħt dan ir-Regolament u li jissodisfaw il-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I għal dan ir-Regolament. Il-valutazzjoni għandha tkun limitata għal dawk l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.”.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effetti ta' dan ir-Regolament sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-jum wara dak li fih ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 ma jibqax japplika għar-Renju Unit.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 298.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11).

(4)  Id-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 47).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE tat-22 ta' Novembru 1994 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-perizji u għall-attivitajiet relevanti tal-amministrazzjoniet marittimi (ĠU L 319, 12.12.1994, p. 20).


Top