Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex
Dokument 32019D1325
Commission Implementing Decision (EU) 2019/1325 of 27 May 2019 granting a derogation requested by the United Kingdom with regard to Northern Ireland pursuant to Council Directive 91/676/EEC concerning the protection of waters against pollution caused by nitrates from agricultural sources (notified under document C(2019) 3816)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1325 tas-27 ta' Mejju 2019 dwar l-għoti ta' deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2019) 3816)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1325 tas-27 ta' Mejju 2019 dwar l-għoti ta' deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2019) 3816)
C/2019/3816
ĠU L 206, 6.8.2019, s. 21–26
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Ikke længere i kraft, Gyldighedsperiodens slutdato: 31/12/2022
Relation | Retsakt | Kommentar | Berørt underafsnit | Fra | til |
---|---|---|---|---|---|
fravigelse | 31991L0676 | anness III paragrafu 2 paragrafu mhux numerat 2 FR 1 | 28/05/2019 |
6.8.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 206/21 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1325
tas-27 ta' Mejju 2019
dwar l-għoti ta' deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli
(notifikata bid-dokument C(2019) 3816)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/863/KE (2) tat deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq skont id-Direttiva 91/676/KEE, li tippermetti l-applikazzjoni tad-demel tal-bhejjem sa limitu ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, f'ċerti kundizzjonijiet, f'azjendi agrikoli fl-Irlanda ta' Fuq b'mill-inqas 80 % ta' bwar. |
(2) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/128/UE (3) estendiet dik id-deroga sal-31 ta' Diċembru 2014 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/346 (4) tat deroga simili sal-31 ta' Diċembru 2018. |
(3) |
Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/346 tikkonċerna 478 azjenda agrikola fl-2018, li jikkorrispondu għal madwar 1,9 % tal-azjendi kollha u 4 % tal-erja agrikola netta totali fl-Irlanda ta' Fuq. |
(4) |
Fl-20 ta' Frar 2019, ir-Renju Unit ressaq talba lill-Kummissjoni għal deroga skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE għar-reġjun tal-Irlanda ta' Fuq. |
(5) |
Ir-Renju Unit, b'konformità mal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 91/676/KEE, japplika programm ta' azzjoni fit-territorju kollu tar-reġjun tal-Irlanda ta' Fuq. |
(6) |
Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE għall-perjodu 2012–2015 (5) juri li 98,2 % tal-istazzjonijiet tal-monitoraġġ fir-reġjun tal-Irlanda ta' Fuq irrapurtaw konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati fl-ilma tal-pjan inqas minn 25 mg/l u 1,2 % tal-istazzjonijiet tal-monitoraġġ irrapurtaw konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati fl-ilma tal-pjan li jaqbżu l-50 mg/l. Għall-ilma tal-wiċċ, l-istazzjonijiet tal-monitoraġġ kollha rrapurtaw konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati inqas minn 25 mg/l. |
(7) |
L-għadd ta' azjendi agrikoli fl-Irlanda ta' Fuq żdied bi 2 % filwaqt li l-erja agrikola totali ma nbidlitx mill-perjodu 2008–2011 sal-perjodu 2012–2015. L-għadd ta' bhejjem tal-ifrat ma nbidilx, filwaqt li l-għadd ta' nagħaġ, ħnieżer u tjur żdied bi 2 %, bi 18 % u b'14 % rispettivament tul il-perjodu 2012–2015 meta mqabbel mal-perjodu 2008–2011. Il-piż medju tan-nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fil-perjodu 2012–2015 kien 98 kg/ha, jiġifieri żdied b'1,2 % meta mqabbel mal-perjodu 2008–2011. L-eċċess medju tal-fosforu tul il-perjodu 2012–2015 kien 11,4 kg/ha, jiġifieri naqas b'16 % meta mqabbel mal-perjodu 2008–2011. L-użu medju tal-fertilizzant kimiku N naqas b'4,1 % tul il-perjodu 2012–2015 meta mqabbel mal-perjodu 2008–2011. L-użu medju tal-fertilizzant kimiku P żdied b'26 % tul il-perjodu 2012–2015 meta mqabbel mal-perjodu 2008–2011. Iżda l-użu medju tal-fertilizzant kimiku P tul il-perjodu 2012–2015 kien għadu 40 % inqas meta mqabbel mal-użu medju tal-istess fertilizzant tul il-perjodu 2004–2007. |
(8) |
Fl-Irlanda ta' Fuq, 93 % tal-art agrikola hija ddedikata għall-bwar. B'mod ġenerali, fl-azjendi tal-bwar, 42 % tal-erja tal-art hi maħduma b'mod estensiv u għandha rata tal-irjus ta' inqas minn bhima waħda (1) għal kull ettaru u l-użu tal-fertilizzant hu baxx, 4 % tinħadem bħala parti minn programmi agroambjentali u 25 % biss tinħadem b'mod aktar intensiv, b'rata tal-irjus ta' żewġ (2) bhejjem għal kull ettaru jew aktar. 4 % tal-art agrikola tintuża għall-agrikoltura tal-ħrit. L-użu medju tal-fertilizzant kimiku fil-bwar hu 76 kg/ha ta' nitroġenu u 5 kg/ha ta' fosforu. |
(9) |
Fl-Irlanda ta' Fuq tagħmel ħafna xita u hi prevalenti l-ħamrija li żżomm l-ilma. It-tnixxija tal-ilma hi mxekkla u għalhekk il-potenzjal tad-denitrifikazzjoni tal-parti l-kbira tal-ħamriji fl-Irlanda ta' Fuq hu relattivament qawwi, u dan inaqqas il-konċentrazzjoni tan-nitrati fil-ħamrija, jiġifieri l-ammont ta' nitrat li hu suxxettibbli għat-tlissija. |
(10) |
Il-klima tal-Irlanda ta' Fuq hi kkaratterizzata minn kwantità annwali ta' xita mqassma b'mod indaqs tul is-sena u varjazzjoni relattivament żgħira fit-temperaturi annwali, u tiffavorixxi staġun twil ta' tkabbir tal-bwar li jvarja minn 270 jum fis-sena fuq in-naħa tax-xatt lejn il-Lvant għal madwar 260 jum fis-sena fuq il-pjanuri ċentrali. |
(11) |
Wara li ġiet eżaminata t-talba tar-Renju Unit għar-reġjun tal-Irlanda ta' Fuq skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fid-dawl tar-Regolamenti dwar il-Programm ta' Azzjoni tan-Nutrijenti (l-Irlanda ta' Fuq) tal-2019 (6) u l-esperjenza miksuba mid-derogi previsti fid-Deċiżjoni 2007/863/KE u fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/346, il-Kummissjoni jidhrilha li l-applikazzjoni ta' ammont ta' demel tal-bhejjem li jirgħu propost mir-Renju Unit għar-reġjun tal-Irlanda ta' Fuq, li jikkorrispondi għal 250 kg ta' nitroġenu, ma jippreġudikax l-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva 91/676/KEE jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. |
(12) |
L-informazzjoni ġustifikattiva li ppreżentat l-Irlanda ta' Fuq tindika li l-ammont propost ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena mid-demel tal-bhejjem fl-azjendi agrikoli b'mill-inqas 80 % ta' bwar hu ġustifikat abbażi ta' kriterji oġġettivi fosthom l-istaġuni twal tat-tkabbir u l-għelejjel b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu. |
(13) |
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/346 skadiet fil-31 ta' Diċembru 2018. Għaldaqstant hu meħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi adottata biex ikun żgurat li l-bdiewa kkonċernati jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-deroga mitluba. |
(14) |
Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tistabbilixxi r-regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Unjoni għall-finijiet tal-politiki ambjentali tal-Unjoni u tal-politiki jew l-attivitajiet li jaf iħallu impatt fuq l-ambjent. Meta applikabbli, jenħtieġ li l-informazzjoni spazjali miġbura fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni tkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dik id-Direttiva. Biex jonqos il-piż amministrattiv u tiżdied il-koerenza tad-data, jenħtieġ li r-Renju Unit, hu u jiġbor id-data meħtieġa skont din id-Deċiżjoni, fejn xieraq, juża l-informazzjoni ġġenerata bis-Sistema Integrata tal-Amministrazzjoni u l-Kontroll stabbilita skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
(15) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati mwaqqaf skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Deroga
Id-deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq permezz tal-ittra tad-19 ta' Frar 2019, biex ikun jista' jkun awtorizzat l-użu fuq l-art ta' ammont ta' nitroġenu mid-demel tal-bhejjem li jkun ogħla minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE, qed tingħata soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 10.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
Din id-deroga mogħtija skont l-Artikolu 1 għandha tapplika għall-azjendi tal-bwar li għalihom ingħatat awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“ħaxix” tfisser bur permanenti jew temporanju; |
(b) |
“azjendi tal-bwar” tfisser azjendi fejn 80 % jew aktar taż-żoni agrikoli disponibbli għall-applikazzjoni tad-demel ikunu ħaxix; |
(c) |
“bhejjem li jirgħu” tfisser bhejjem tal-ifrat (għajr l-għoġġiela tal-vitella), nagħaġ, ċriev, mogħoż u żwiemel; |
(d) |
“roqgħa ta' art” tfisser għalqa individwali jew grupp ta' għelieqi, li jkunu omoġenji fir-rigward tal-għelejjel, it-tip ta' ħamrija u l-prattiki tal-fertilizzazzjoni; |
(e) |
“pjan tal-fertilizzazzjoni” tfisser kalkolu minn qabel dwar l-użu ppjanat u d-disponibbiltà tan-nutrijenti; |
(f) |
“kont tal-fertilizzazzjoni” tfisser il-bilanċ tan-nutrijenti abbażi tal-użu reali u l-assorbiment tan-nutrijenti. |
Artikolu 4
Applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni
1. Il-bdiewa tal-azjendi tal-bwar jistgħu jressqu applikazzjoni għal awtorizzazzjoni annwali lill-awtoritajiet kompetenti biex japplikaw demel tal-bhejjem li fih sa 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena. L-applikazzjoni għandha tinkludi dikjarazzjoni li l-bidwi tal-azjenda tal-bwar jissottometti ruħu għall-kontrolli kollha previsti fl-Artikolu 9.
2. Fl-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1, l-applikant għandu jimpenja ruħu bil-miktub li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7.
Artikolu 5
L-għoti tal-awtorizzazzjonijiet
L-awtorizzazzjonijiet li japplikaw għal ammont ta' demel tal-bhejjem li fih sa 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għandhom jingħataw soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7.
Artikolu 6
Kundizzjonijiet rigward l-użu tad-demel u fertilizzanti oħra
1. L-ammont ta' demel tal-bhejjem li jirgħu li jiġi applikat fuq l-art kull sena fl-azjendi tal-bwar, inkluż dak mill-bhejjem stess, ma għandux jaqbeż l-ammont ta' demel li jkun fih 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 8.
2. Il-kontributi totali tan-nitroġenu la għandhom jaqbżu d-domanda prevedibbli tan-nutrijenti tal-għalla u lanqas ma għandhom jaqbżu r-rata massima tal-fertilizzazzjoni applikabbli għall-azjenda tal-bwar, kif stabbilit fir-Regolamenti dwar il-Programm ta' Azzjoni tan-Nutrijenti (l-Irlanda ta' Fuq) tal-2019 u għandhom iqisu l-provvista mill-ħamrija.
3. Għal kull azjenda tal-bwar għandu jitħejja u jinżamm pjan tal-fertilizzazzjoni. Dan il-pjan tal-fertilizzazzjoni għandu jiddeskrivi n-newba tal-għelejjel tal-art agrikola, u l-applikazzjoni ppjanata tad-demel u ta' fertilizzanti oħra. Il-pjan tal-fertilizzazzjoni għandu jinkludi tal-anqas dan li ġej:
(a) |
pjan tan-newba tal-għelejjel li jispeċifika dan li ġej:
|
(b) |
l-għadd ta' bhejjem fl-azjenda tal-bwar; |
(c) |
deskrizzjoni tal-post fejn jinżammu u tas-sistema tal-ħżin tad-demel, inkluż il-volum tal-ħżin tad-demel disponibbli; |
(d) |
kalkolu tan-nitroġenu u tal-fosforu fid-demel li jiġu prodotti fl-azjenda tal-bwar; |
(e) |
l-ammont, it-tip u l-karatteristiki tad-demel imwassal fuq barra tal-azjenda tal-bwar jew lejn l-azjenda tal-bwar; |
(f) |
ir-rekwiżiti prevedibbli għall-għelejjel tan-nitroġenu u tal-fosforu għal kull roqgħa ta' art; |
(g) |
ir-riżultati tal-analiżi tal-ħamrija b'rabta mal-istatus tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija, jekk ikunu disponibbli; |
(h) |
in-natura tal-fertilizzant li jkun se jintuża; |
(i) |
kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu mid-demel għal kull roqgħa ta' art; |
(j) |
kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu minn fertilizzanti kimiċi u fertilizzanti oħra għal kull roqgħa ta' art. |
Il-pjan tal-fertilizzazzjoni għandu jkun disponibbli fl-azjenda tal-bwar għal kull sena kalendarja qabel l-1 ta' Marzu tas-sena li tkun. Dan għandu jiġi rivedut sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara xi bidla fil-prattiki agrikoli tal-azjenda tal-bwar.
4. Għal kull azjenda tal-bwar, għandhom jitħejjew u jinżammu kontijiet tal-fertilizzazzjoni, li jkunu jinkludu informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-kontributi tan-nitroġenu u tal-fosforu u dwar il-ġestjoni tal-ilma maħmuġ. Dawn għandhom jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja sal-31 ta' Marzu tas-sena kalendarja sussegwenti.
5. Għandhom jittieħdu kampjuni u jsiru analiżijiet perjodiċi tal-ħamrija fir-rigward tan-nitroġenu u tal-fosforu minn kull azjenda tal-bwar.
Il-kampjunar u l-analiżijiet għandhom isiru tal-inqas darba kull erba' snin għal kull żona omoġenja tal-azjenda tal-bwar, fir-rigward tan-newba tal-għelejjel u tal-karatteristiċi tal-ħamrija.
Tal-inqas għandha ssir analiżi waħda għal kull ħames ettari ta' art agrikola.
Ir-riżultati tal-analiżi tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija għandhom ikunu disponibbli fl-azjenda tal-bwar.
6. Id-demel tal-bhejjem ma għandux jitferrex fil-ħarifa, qabel il-kultivazzjoni tal-ħaxix.
7. Għal kull azjenda tal-bwar, il-bidwi għandu jiżgura li l-bilanċ tal-fosforu, ikkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita mir-Regolamenti dwar il-Programm ta' Azzjoni tan-Nutrijenti (l-Irlanda ta' Fuq) tal-2019, ma jkunx jaqbeż eċċess ta' 10 kg ta' fosforu għal kull ettaru fis-sena.
8. Tal-inqas 50 % tad-demel likwidu li jiġi prodott fl-azjenda għandu jiġi applikat sal-15 ta' Ġunju ta' kull sena. Wara l-15 ta' Ġunju ta' kull sena, għal l-applikazzjonijiet tad-demel likwidu għandu jintuża tagħmir tat-tifrix tad-demel likwidu b'emissjonijiet baxxi.
Artikolu 7
Kundizzjonijiet rigward il-ġestjoni tal-art
1. Il-bwar temporanji għandhom jinħartu fir-rebbiegħa.
2. Il-ħaxix maħrut fuq it-tipi kollha ta' ħamrija għandu jiġi segwit minnufih b'għelejjel li għandhom domanda qawwija ta' nitroġenu.
3. In-newba tal-għelejjel ma għandhiex tinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jiffissaw in-nitroġenu atmosferiku. Iżda n-newba tal-għelejjel tista' tinkludi s-silla fi bwar b'anqas minn 50 % ta' silla, jew pjanti leguminużi oħra li jinżergħu flimkien mal-ħaxix.
Artikolu 8
Monitoraġġ
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jitfasslu l-mapep biex juru dan li ġej:
(a) |
il-persentaġġ ta' azjendi tal-bwar f'kull Distrett kopert mill-awtorizzazzjonijiet; |
(b) |
il-persentaġġ ta' bhejjem f'kull Distrett kopert mill-awtorizzazzjonijiet; |
(c) |
il-persentaġġ ta' art agrikola f'kull Distrett kopert mill-awtorizzazzjonijiet; |
(d) |
l-użu tal-art lokali. |
Dawk il-mapep għandhom jiġu aġġornati kull sena.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw il-ħamrija, l-ilma tal-wiċċ u l-ilma tal-pjan, u għandhom jibagħtu data lill-Kummissjoni dwar il-konċentrazzjonijiet tan-nitroġenu u tal-fosforu fl-ilma tal-ħamrija, dwar in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija u dwar il-konċentrazzjonijiet tan-nitrati fl-ilma tal-pjan u fl-ilma tal-wiċċ, kemm bil-kundizzjoni ta' deroga u mingħajrha. Il-monitoraġġ għandu jsir fuq l-iskala tal-għalqa tal-azjenda, u fiż-żoni agrikoli tal-qbid għall-monitoraġġ. Is-siti tal-monitoraġġ għandhom ikunu rappreżentattivi tat-tipi ewlenin ta' ħamrija u tal-livelli ta' intensità, tal-prattiki prevalenti tal-fertilizzazzjoni, u tal-għelejjel ewlenin.
3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu monitoraġġ aktar b'saħħtu tal-ilma fiż-żoni agrikoli tal-qbid li jinsabu qrib l-aktar korpi tal-ilma vulnerabbli.
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu stħarriġ tal-użu tal-art lokali, tan-newba tal-għelejjel u tal-prattiki agrikoli għall-azjendi tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet.
5. L-informazzjoni u d-data miġbura mill-analiżi tan-nutrijenti msemmija fl-Artikolu 6(5) u mill-monitoraġġ kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jintużaw għal kalkoli ibbażati fuq mudelli ta' kemm hu kbir it-telf tan-nitrati u tal-fosforu minn azjendi tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet.
Artikolu 9
Kontrolli u spezzjonijiet
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi tal-applikazzjonijiet kollha għal awtorizzazzjoni li jivvalutaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7. Jekk jintwera li dawk il-kundizzjonijiet mhumiex issodisfati, l-applikazzjoni għandha tiġi rifjutata u l-applikant għandu jiġi informat bir-raġunijiet għar-rifjut.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu programm ta' spezzjonijiet tal-azjendi tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet abbażi tar-riskju u bi frekwenza xierqa, li jkun jikkunsidra r-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta' qabel u r-riżultati tal-kontrolli aleatorji ġenerali tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE u kull informazzjoni li tista' tindika nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7.
3. Biex tiġi vvalutata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7, l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom isiru f'mill-anqas 5 % tal-azjendi tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet.
4. Meta f'xi sena jiġi stabbilit li azjenda tal-bwar koperta minn awtorizzazzjoni ma tkunx issodisfat il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7, id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiġi sanzjonat skont ir-regoli nazzjonali, u s-sena ta' wara ma għandux ikun eliġibbli għal awtorizzazzjoni.
5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni mogħtija skont din id-Deċiżjoni.
Artikolu 10
Rappurtar
Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iressqu rapport lill-Kummissjoni li jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
mapep li għall kull Distrett juru l-persentaġġ ta' azjendi tal-bwar, il-persentaġġ ta' bhejjem u l-persentaġġ ta' art agrikola koperta b'awtorizzazzjoni, kif ukoll mapep dwar l-użu tal-art lokali, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1); |
(b) |
ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma tal-pjan u tal-ilma tal-wiċċ, fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati, inkluż l-informazzjoni dwar ix-xejriet tal-kwalità tal-ilma, kemm bil-kundizzjoni ta' deroga kif ukoll mingħajrha, flimkien mal-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma, kif imsemmi fl-Artikolu 8(2); |
(c) |
ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ħamrija fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitroġenu u tal-fosforu fl-ilma tal-ħamrija u dwar in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija, kemm bil-kundizzjoni ta' deroga kif ukoll mingħajrha, kif imsemmi fl-Artikolu 8(2); |
(d) |
sommarju u evalwazzjoni tad-data miksuba mill-monitoraġġ tal-ilma intensifikat, kif imsemmi fl-Artikolu 8(3); |
(e) |
ir-riżultati tal-istħarriġiet dwar l-użu tal-art lokali, in-newba tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli, kif imsemmi fl-Artikolu 8(4); |
(f) |
ir-riżultati tal-kalkoli abbażi fuq il-mudelli ta' kemm hu kbir it-telf tan-nitroġenu u tal-fosforu minn azjendi agrikoli li għandhom awtorizzazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 8(4); |
(g) |
evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet abbażi tar-riżultati tal-kontrolli amministrattivi u tal-ispezzjonijiet fuq il-post, kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) u (2); |
(h) |
ix-xejriet fl-għadd ta' bhejjem u fil-produzzjoni tad-demel għal kull kategorija ta' bhejjem fl-Irlanda ta' Fuq u fl-azjendi tal-bwar li għandhom awtorizzazzjoni; |
(i) |
analiżi komparattiva tal-kontrolli tal-azjendi tal-bwar fl-Irlanda ta' Fuq koperti mill-awtorizzazzjonijiet, u tal-azjendi tal-bwar fl-Irlanda ta' Fuq li mhumiex koperti mill-awtorizzazzjonijiet. |
Id-data spazjali li hemm fir-rapport għandha, fejn japplika, tikkonforma mad-Direttiva 2007/2/KE. Huma u jiġbru d-data meħtieġa, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw, meta xieraq, l-informazzjoni ġġenerata bis-Sistema Integrata tal-Amministrazzjoni u l-Kontroll stabbilita skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
Artikolu 11
Perjodu tal-applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2022.
Artikolu 12
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Mejju 2019.
Għall-Kummissjoni
Karmenu VELLA
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/863/KE tal-14 ta' Diċembru 2007 li tagħti deroga mitluba mir-Renju Unit rigward l-Irlanda ta' Fuq skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 337, 21.12.2007, p. 122).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/128/UE tal-24 ta' Frar 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2007/863/KE li tagħti deroga mitluba mir-Renju Unit rigward l-Irlanda ta' Fuq skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 51, 25.2.2011, p. 21).
(4) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/346 tad-9 ta' Frar 2015 dwar l-għoti ta' deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 60, 4.3.2015, p. 42).
(5) Rapport tal-4 ta' Mejju 2018 tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu 2012-2015 (COM(2018) 257 final).
(6) SR 2019 Nru 81.
(7) Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).