EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0264

Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/264 tad-19 ta' Frar 2018 li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2000/2001

ĠU L 51, 23.2.2018, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/264/oj

23.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/264

tad-19 ta' Frar 2018

li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2000/2001

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 33(8) u l-Artikolu 34(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999 (1) ta s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta regoli dettaljati dwar l-imposti ta' produzzjoni bażiċi u dwar il-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali, li jridu jinġabru minn detenturi tal-kwota li joperaw fil-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2267/2000 (2) u (KE) Nru 1993/2001 (3) stabbilew l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor.

(3)

Fil-qafas tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq għas-settur taz-zokkor, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 (4) ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 2038/1999. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 (5) ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 1260/2001. Ir-Regolament (KE) Nru 318/2006, li sussegwentement tħassar u ġie inkorporat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (6), issostitwixxa s-sistema tal-awtofinanzjament tar-reġim tal-kwota tal-produzzjoni permezz ta' imposta varjabbli fuq il-produzzjoni taz-zokkor b'tariffa ġdida fuq il-produzzjoni bil-għan li tikkontribwixxi għall-finanzjament tan-nefqa li sseħħ fis-settur taz-zokkor skont l-organizzazzjoni komuni tas-suq għaz-zokkor.. Skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 1234/2007, din it-tariffa temporanja fuq il-produzzjoni baqgħet applikabbli sat-30 ta' Settembru 2017.

(4)

Bis-Sentenza tagħha tad-9 ta' Frar 2017 fil-Kawża C-585/15, Raffinerie Tirlemontoise  (8), ir-Regolamenti (KE) Nru 2267/2000 u (KE) Nru 1993/2001 kienu ddikjarati bħala invalidi mill-Qorti tal-Ġustizzja. F'dik is-sentenza, il-Qorti ddeċidiet li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 irid jiġi interpretat b'mod li jinftiehem li, għall-fini tal-kalkolu tat-telf medju, jeħtieġ li l-ammont totali tan-nefqa effettiva għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għal prodotti li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-dispożizzjoni jiġi diviż bl-ammont totali tal-kwantitajiet ta' dawk il-prodotti li ġew esportati, irrispettivament minn jekk ir-rifużjonijiet fil-fatt tħallsux jew le fir-rigward ta' dan tal-aħħar.

(5)

Barra minn hekk, il-Qorti ddikjarat ukoll li l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 irid jiġi interpretat b'mod li jinftiehem li, għall-fini tal-kalkolu globali tal-imposti fuq il-produzzjoni, jeħtieġ li jittieħed kont tat-telf medju kkalkulat billi l-ammont totali tan-nefqa effettiva għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għal prodotti li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-dispożizzjoni jiġi diviż bl-ammont totali tal-kwantitajiet esportati, irrispettivament minn jekk ir-rifużjonijiet fil-fatt tħallsux jew le fir-rigward ta' dan tal-aħħar.

(6)

Sabiex ikun hemm konformità mas-sentenza tal-qorti, l-imposti fuq il-produzzjoni u l-imposti addizzjonali għalhekk, jenħtieġ li jiġu ffissati fil-livell adattat.

(7)

B'mod partikolari, it-“telf medju” jeħtieġ jiġi kkalkulat billi r-rifużjonijiet totali effettivi mħallsin jiġu diviżi bit-total tal-kwantitajiet esportati għall-prodotti li kienu eliġibbli għal rifużjonijiet, irrispettivament minn jekk kinux esportati b'rifużjoni jew mingħajrha. L-applikazzjoni tal-metodu indikat mill-Qorti twassal għal tnaqqis sostanzjali tat-“telf medju” u tat-“telf ġenerali”, li għandhom jiġu koperti bl-imposti għas-snin ta' kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001.

(8)

Ir-reviżjoni tal-imposti tal-produzzjoni għas-snin ta' kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001 ser taffettwa l-ammont pagabbli mill-produtturi taz-zokkor lil dawk li jkabbru l-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-ammont massimu tal-imposta A jew B u l-ammont ta' dawn l-imposti ddebitati għas-snin ta' kummerċjalizzazzjoni konċernati.

(9)

Skont ir-regoli li jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor fis-seħħ sal-2006, l-imposti kienu jitħallsu mill-manifatturi taz-zokkor, iżda dawn tal-aħħar rkupraw 60 % ta' dawn l-ispejjeż mill-produtturi tal-pitravi, billi ħallsu prezz aktar baxx għall-pitravi. L-Artikolu 36(2) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 ippreveda li meta l-ammonti tal-imposti kienu stabbiliti taħt il-livell massimu tal-imposti A jew B (jiġifieri 2 % u 37,5 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad rispettivament), il-manifatturi taz-zokkor kellhom iħallsu l-bejjiegħa tal-pitravi 60 % tad-differenza bejn l-ammont massimu tal-imposta inkwistjoni u l-ammont tal-imposta ta' bażi jew l-imposta B effettivament iddebitata.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-ammonti riveduti li l-produtturi taz-zokkor għandhom iħallsu lura lill-bejjiegħa tal-pitravi. Jenħtieġ li l-bejjiegħa tal-pitravi jiġu rimborżati biss id-differenza bejn l-ammonti antiki u dawk ġodda.

(11)

Għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1999/2000, it-telf ġenerali mhux kopert mill-imposti, ikkalkulat mill-ġdid skont il-metodu indikat mill-Qorti, jammonta għal EUR 66 941 664. Jenħtieġ li l-koeffiċjent imsemmi fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 jiġi stabbilit skont dan u li japplika retroattivament għal dik is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni.

(12)

Għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2000/2001, it-telf ġenerali mhux kopert mill-imposti, ikkalkulat skont il-metodu indikat mill-Qorti, jammonta għal EUR 49 376 802.

(13)

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, u sabiex ikun żgurat trattament uniformi tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati fi Stati Membri differenti, jeħtieġ li tiġi stabbilita data li fiha l-imposti ffissati b'dan ir-Regolament ikunu stabbiliti, kif imsemmi fit-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 (9). Madankollu, din l-iskadenza ma għandhiex tapplika fejn l-Istati Membri huma meħtieġa mil-liġi nazzjonali li jirrimborżaw lill-operaturi kkonċernati wara dik id-data.

(14)

Id-differenza bejn l-ammonti mħallsa żejda fir-rigward tal-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor iddeterminati bir-Regolamenti (KE) Nru 2267/2000 u (KE) Nru 1993/2001 u l-imposti stabbiliti b'dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu rimborżati.

(15)

Mis-sentenza tal-Qorti jirriżulta li l-imposti kkoreġuti jenħtieġ li japplikaw mill-istess dati tal-imposti li ġew iddikjarati invalidi. Għalhekk, jenħtieġ li l-kalkolu tal-imposti tal-produzzjoni u l-imposti addizzjonali stabbiliti b'dan ir-Regolament japplika mid-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti (KE) Nru 2267/2000 u (KE) Nru 1993/2001,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin ta' kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001 għandhom ikunu dawk stabbiliti fil-punt (1) tal-Anness.

2.   Il-koeffiċjent meħtieġ għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali għall-imposta tal-produzzjoni għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 għandu jkun dak stabbiliti fil-punt (2) tal-Anness.

3.   L-ammont li għandu jitħallas mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi, fir-rigward tal-imposti A u B għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2000/2001 għandu jkun dak stabbilit fil-punt (3) tal-Anness.

Artikolu 2

1.   Id-data tal-istabbiliment, kif imsemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014, tal-imposti ffissati b'dan ir-Regolament, għandha tkun mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2018, ħlief meta l-Istati Membri jiġu impediti milli jirrispettaw dik l-iskadenza minħabba l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali dwar l-irkupru minn operaturi ekonomiċi tas-somom imħallsin iżda mhux dovuti.

2.   Id-differenza bejn l-imposti ffissati bir-Regolamenti (KE) Nru 2267/2000 u (KE) Nru 1993/2001 u l-imposti previsti fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament għandha tiġi rrimborżata lil dawk l-operaturi ekonomiċi li ħallsu imposti fir-rigward tas-snin ta' kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001, bl-applikazzjoni debitament iġġustifikata ta' dawn tal-aħħar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 għandu japplika:

mit-13 ta' Ottubru 2000, fir-rigward tas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1999/2000;

mit-12 ta' Ottubru 2001, fir-rigward tas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2000/2001.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Frar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

R. PORODZANOV


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999 tat-13 ta' Settembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 252, 25.9.1999, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2267/2000 tat-12 ta' Ottubru 2000 li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 (ĠU L 259, 13.10.2000, p. 29).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1993/2001 tal-11 ta' Ottubru 2001 li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2000/2001 (ĠU L 271, 12.10.2001, p. 15).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta' Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 178, 30.6.2001, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 tal-20 ta' Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(7)  Ir-REGOLAMENT (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(8)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Frar 2017, Raffinerie Tirlemontoise, C-585/15, ECLI:EU:C:2017:105.

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39).


ANNESS

(1)

L-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor imsemmija fl-Artikolu 1(1)

 

Sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1999/2000

(EUR għal kull tunnellata)

Sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2000/2001

(EUR għal kull tunnellata)

(a)

Zokkor abjad bħala l-imposta tal-produzzjoni bażika għaz-zokkor A u għaz-zokkor B

12,638

12,638

(b)

Zokkor abjad bħala imposta B fuq iz-zokkor B

236,963

111,114

(c)

Sustanza niexfa bħala imposta tal-produzzjoni bażika tal-isoglukożju A u tal-isoglukożju B

5,330

5,330

(d)

Sustanza niexfa bħall-imposta B fuq l-isoglukożju B

99,425

46,636

(e)

Sustanza niexfa ekwivalenti għal zokkor/isoglukożju, bħala imposta tal-produzzjoni bażika għall-ġulepp tal-inulina A u għall-ġulepp tal-inulina B

12,638

12,638

(f)

Sustanza niexfa ekwivalenti għal zokkor/isoglukożju bħall-imposta B fuq il-ġulepp tal-inulina B

236,963

111,114

(2)

Il-koeffiċjenti neċessarji għall- kalkolu tal-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2) għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1999/2000: 0,10034

(3)

L-ammont li l-produtturi taz-zokkor iridu jħallsu lil dawk li jkabbru l-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-ammont massimu tal-imposta B u l-ammont tal-imposta effettivament imħallsa, imsemmija fl-Artikolu 1(3)

 

Sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2000/2001

(EUR għal kull tunnellata)

Pitravi B tal-kwalità standard

9,816


Top