Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0212

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/212 tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward taż-żieda tas-Sri Lanka, Trinidad u Tobago u t-Tuneżija fit-tabella fil-punt I tal-Anness (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/8320

    ĠU L 41, 14.2.2018, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/212/oj

    14.2.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 41/4


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/212

    tat-13 ta' Diċembru 2017

    li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward taż-żieda tas-Sri Lanka, Trinidad u Tobago u t-Tuneżija fit-tabella fil-punt I tal-Anness

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-preklużjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni trid tiżgura protezzjoni effettiva tal-integrità u l-funzjonament xieraq tas-sistema finanzjarja tagħha u tas-suq intern mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, id-Direttiva (UE) 2015/849 tipprevedi li l-Kummissjoni jenħtieġ li tidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir li jippreżentaw nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li huma ta' theddid serju għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

    (2)

    Jenħtieġ li f'mumenti xierqa l-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-lista ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir elenkati fir-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 (2) fid-dawl tal-progress li jkun sar minn dawk il-pajjiżi terzi b'riskju kbir biex ineħħu n-nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“AML/CFT”). Jenħtieġ li fil-valutazzjonijiet tagħha l-Kummissjoni tqis l-informazzjoni ġdida li tasal mingħand organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi li jfasslu standards, bħal dawk maħruġa mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF). Fid-dawl ta' din l-informazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika wkoll aktar pajjiżi terzi b'riskju kbir li jippreżentaw nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tagħhom AML/CFT.

    (3)

    B'konformità mal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni qieset l-iktar informazzjoni reċenti disponibbli b'mod partikolari l-Istqarriji Pubbliċi reċenti tal-FATF u d-dokument tal-FATF “Improving Global AML/CFT Compliance: ongoing process”, u r-rapporti tal-FATF tal-Grupp ta' Reviżjoni tal-Kooperazzjoni Internazzjonali fir-rigward tar-riskji maħluqa minn pajjiżi terzi individwali b'konformità mal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

    (4)

    L-FATF identifikat lis-Sri Lanka, Trinidad u Tobago u t-Tuneżija bħala pajjiżi li għandhom defiċjenzi strateġiċi fl-AML/CFT li jippreżentaw riskju lis-sistema finanzjarja internazzjonali, u li għalihom żviluppaw pjan ta' azzjoni mal-FATF.

    (5)

    Meta jitqies il-livell għoli ta' integrazzjoni tas-sistema finanzjarja internazzjonali, ir-rabta stretta tal-operaturi tas-suq, il-volum għoli ta' tranżazzjonijiet transfruntiera lejn jew mill-Unjoni, kif ukoll il-grad ta' ftuħ tas-suq, il-Kummissjoni b'hekk tqis li kull theddida AML/CFT ippreżentata għas-sistema finanzjarja internazzjonali tirrappreżenta wkoll theddida għas-sistema finanzjarja tal-UE.

    (6)

    Skont l-informazzjoni rilevanti l-aktar reċenti, l-analiżi tal-Kummissjoni kkonkludiet li s-Sri Lanka, Trinidad u Tobago u t-Tuneżija jenħtieġ li jitqiesu bħala ġuriżdizzjonijiet ta' pajjiż terz li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim AML/CFT tagħhom li jippreżentaw theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni b'konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849. Madankollu, dawn il-pajjiżi pprovdew impenn politiku ta' livell għoli bil-miktub sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u żviluppaw pjan ta' azzjoni mal-FATF, li se jippermettilhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva (UE) 2015/849. Il-Kummissjoni se terġa tivvaluta l-istatus ta' dawn il-pajjiżi fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-impenn ta' hawn fuq.

    (7)

    Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, fit-tabella fil-punt I jiddaħħlu l-linji li ġejjin:

    “11

    Is-Sri Lanka

    12

    Trinidad u Tobago

    13

    It-Tuneżija”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1).


    Top