Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0190

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/190 tal-24 ta' Novembru 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 1393/2014 li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd pelaġiku fl-ilmijiet tal-Majjistral

C/2017/7678

ĠU L 36, 9.2.2018, p. 8–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/190/oj

9.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/8


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/190

tal-24 ta' Novembru 2017

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 1393/2014 li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd pelaġiku fl-ilmijiet tal-Majjistral

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina b'mod progressiv il-qbid skartat fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma suġġetti għal-limiti ta' qbid.

(2)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet għall-iskartar tal-ħut permezz ta' atti delegati għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet snin u li jista' jiġġedded darba abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1393/2014 (2) stabbilixxa pjan għall-iskartar tal-ħut għal ċertu sajd pelaġiku fl-ilmijiet tal-Majjistral sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art permezz ta' ċerti mekkaniżmi ta' flessibbiltà.

(4)

Il-Belġju, Franza, l-Irlanda, in-Netherlands, Spanja u r-Renju Unit għandhom interess ta' ġestjoni tas-sajd dirett fil-Baħar tat-Tramuntana. Wara li kkonsultaw mal-Kunsill Konsultattiv għall-Ilmijiet tal-Majjistral u mal-Kunsill Konsultattiv għas-Sajd Pelaġiku, fil-31 ta' Mejju 2017, dawk l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni.

(5)

L-eżenzjonijiet mill-obbligu ta' ħatt l-art tal-qabdiet kollha jistgħu jiġu speċifikati b'konformità mal-Artikolu 15(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 fir-rigward ta' speċijiet li għalhom l-evidenza xjentifika turi rati għolja ta' sopravvivenza (“eżenzjonijiet għas-sopravvivenza”).

(6)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tissuġġerixxi li tiġi applikata, taħt ċerti kundizzjonijiet, eżenzjoni għas-sopravvivenza fl-2019 u fl-2020 għall-kavalli u għall-aringi maqbuda fis-sajd bit-tarturun tal-lampara, immirata għal speċijiet bla kwota fid-diviżjonijiet VIIe u VIIf tal-ICES. L-evidenza pprovduta mill-Istati Membri sabiex jiġġustifikaw l-eżenzjoni ġiet analizzata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) L-STECF ikkonkluda li l-evidenza li tappoġġa l-eżenzjoni ssuġġerita kienet simili għal dik li tiġġustifika eżenzjonijiet oħra inklużi fi pjan preċedenti għall-iskartar tal-ħut u din kienet diġà ġiet ivvalutata qabel mill-STECF. L-eżenzjonijiet mill-obbligu ta' ħatt l-art tal-qabdiet kollha jistgħu jiġu speċifikati wkoll b'konformità mal-Artikolu 15(5)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 meta l-evidenza xjentifika tindika li ż-żieda tas-selettività tkun diffiċli ħafna jew li l-ġestjoni tal-qabdiet mhux mixtieqa ġġib magħha spejjeż sproporzjonati (“eżenzjonijiet de minimis”).

(7)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tissuġġerixxi eżenzjoni de minimis sa massimu ta' 6 % fl-2018, u ta' 5 % fl-2019 u fl-2020, tat-total tal-qabdiet annwali ta' stokkafixx (Micromesistius poutassou) fis-sajd industrijali bit-tkarkir għal ħut pelaġiku, immirat għal dik l-ispeċi fid-diviżjonijiet Vb, VI u VII tal-ICES u l-ipproċessar ta' dik l-ispeċi abbord sabiex tinkiseb bażi tas-surimi. L-Istati Membri kkonċernati pprovdew evidenza sabiex juru li ż-żieda tas-selettività ma tistax tinkiseb u li l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-qabdiet mhux mixtieqa huma sproporzjonati. L-STECF analizza l-eżenzjoni ssuġġerita u kkonkluda li l-argumenti tagħha huma raġunati biżżejjed. Għalhekk, l-eżenzjoni li qed tiġi ssuġġerita tista' tiġi inkluża fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1393/2014.

(8)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tissuġġerixxi eżenzjoni de minimis sa massimu ta' 6 % fl-2018, u ta' 5 % fl-2019 u fl-2020, tat-total tal-qabdiet annwali ta' alonga (Thunnus alalunga) fis-sajd immirat għall-alonga bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir bil-paranza tal-fond nofsani (PTM) fid-diviżjoni VII tal-ICES. L-Istati Membri pprovdew evidenza sabiex juru li l-ispejjeż tal-ħżin u tal-ġestjoni, fil-baħar u fuq l-art, tal-qabdiet mhux mixtieqa huma sproporzjonati. L-evidenza pprovduta mill-Istati Membri ġiet analizzata mill-STECF. Fl-evalwazzjoni tiegħu, l-STECF esprima r-riskju tas-selezzjoni kwalitattiva. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi nnotat li skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 19a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/1998 (3), il-projbizzjoni tal-iskartar tal-ħut mhix applikabbli għal qabdiet ta' speċijiet li huma eżentati mill-obligu ta' ħatt fl-art b'konformità mal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għalhekk, l-eżenzjoni li qed tiġi ssuġġerita tista' tiġi inkluża fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1393/2014.

(9)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tissuġġerixxi li fis-snin 2018, 2019 u 2020 tiġi applikata eżenzjoni de minimis sa massimu ta' 1 % tat-total tal-qabdiet annwali għall-kavalli (Scomber scombrus), għas-sawrell (Trachurus ssp.), għall-aringi (Clupea harengus) u għall-istokkafixx (Merlangius Merlangus) fis-sajd ta' ħut pelaġiku żgħir li jsir b'bastimenti tat-tkarkir b'irkaptu tan-nofs fond (OTM u PTM) b'tul globali ta' sa 25 m u mmirat għall-kavalli, għas-sawrell u għall-aringi fid-diviżjoni VIId tal-ICES. L-evidenza pprovduta mill-Istati Membri sabiex jappoġġaw l-eżenzjoni ssuġġerita ġiet analizzata mill-STECF. L-STECF innota li l-eżenzjoni de minimis tista' tipprovdi inċentiv lill-flotot involuti biex jadattaw l-imġiba tagħhom u jkomplu jirriċerkaw dwar modi ta' kif tista' tittejjeb is-selettività. Għalhekk, l-eżenzjoni kkonċernata tista' tiġi inkluża fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1393/2014.

(10)

Konsegwentement, jenħtieġ li d-durata tal-pjan għall-iskartar tal-ħut tiġi estiża sal-31 ta' Diċembru 2020.

(11)

L-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1393/2014 jipprevedi rispettivament eżenzjoni tas-sopravvivenza għall-kavalli u għall-aringi maqbuda f'sajd bil-purse seine. Din il-miżura ġiet evalwata b'mod pożittiv mill-STECF fl-2014. Il-Kummissjoni tqis li l-evidenza li fuqha kienet ibbażata dik l-evalwazzjoni tibqa' valida għat-tliet snin li ġejjin. Għalhekk huwa xieraq li l-applikazzjoni ta' din il-miżura tiġi estiża sal-2020.

(12)

Ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1393/2014 u l-Anness tiegħu jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(13)

Billi l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-istaġun tas-sajd u mal-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Billi l-pjan għall-iskartar tal-ħut stabbilit mir-Regolament Delegat (UE) Nru 1393/2014 se jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Jannar 2018,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1393/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

“6.   B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta' ħatt l-art ma għandux ikun applikabbli fl-2019 u fl-2020 għal qabdiet tal-kavalli u tal-aringi fis-sajd bit-tarturun tal-lampara immirat għal speċijiet pelaġiċi li mhumiex suġġetti għal kwoti fid-diviżjonijiet VIIe u VIIf tal-ICES, jekk ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1 sa 5 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament ikunu ssodisfati mutatis mutandis.”

(2)

Fl-Artikolu 3, l-intestatura tinbidel b'dan li ġej: Eżenzjonijiet “de minimis fis-snin 2015, 2016 u 2017”.

(3)

Jiddaħħal l-Artikolu 3a li ġej:

“Artikolu 3a

Eżenzjonijiet de minimis fis-snin 2018, 2019 u 2020

‘B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwanitatijiet li ġejjin:

(a)

sa massimu ta' 6 % fl-2018, u ta' 5 % fl-2019 u fl-2020, tat-total tal-qabdiet annwali ta' stokkafixx (Micromesistius poutassou) fis-sajd industrijali bit-tkarkir għal ħut pelaġiku, immirat għal dik l-ispeċi fid-diviżjonijiet Vb, VI u VII tal-ICES u l-ipproċessar ta' dik l-ispeċi abbord sabiex tinkiseb bażi tas-surimi.

(b)

sa massimu ta' 6 % fl-2018, u ta' 5 % fl-2019 u fl-2020, tat-total tal-qabdiet annwali għall-alonga (Thunnus alalunga) fis-sajd immirat għall-alonga bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir bil-paranzi tal-fond nofsani (PTM) fis-subżona VII tal-ICES;

(c)

sa massimu ta' 1 % fl-2018, fl-2019 u fl-2020, tat-total tal-qabdiet annwali għall-kavalli, (Scomber scombrus), għas-sawrell (Trachurus spp.), għall-aringi (Clupea harengus) u għall-istokkafixx (Merlangius merlangus) fis-sajd li jsir b'bastimenti tat-tkarkir pelaġiċi b'tul globali ta' sa 25 m, bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir bil-paranza tal-fond nofsani (OTM u PTM) u mmirat għall-kavalli, għas-sawrell u għall-aringi fid-diviżjoni VIId tal-ICES.”.

(4)

Fl-Artikolu 5, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2020.”

(5)

L-Anness jinbidel bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1393/2014 tal-20 ta' Ottubru 2014 li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd għal ħut pelaġiku fl-ilmijiet tal-Majjistral (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 25).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).


ANNESS

1.

Sajd fiż-żoni Vb, VIa, VIb tal-ICES

Il-kodiċi

Irkaptu tas-sajd pelaġiku

Speċijiet tal-kwota fil-mira

OTB

Xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti – tal-qiegħ

Kavalli, aringi, sawrell, stokkafixx, minfaħ, arġentina

OTM

Xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti tan-nofs fond, oħrajn

Kavalli, aringi, sawrell, stokkafixx, minfaħ, arġentina

PTB

Xbieki tat-tkarkir bil-paranzi – tal-qiegħ (oħrajn)

Kavalli

PTM

Xbieki tat-tkarkir bil-paranzi – tan-nofs fond

Aringi, kavalli u sawrell

PS

Purse seines

Kavalli, stokkafixx

LHM

Xlief tal-idejn

Kavalli

LTL

Xlief tas-sajd bir-rixa

Kavalli

2.

Sajd fiż-żoni VII tal-ICES (esklużi ż-żoni VIIa, VIId u VIIe tal-ICES)

Il-kodiċi

Irkaptu tas-sajd pelaġiku

Speċijiet tal-kwota fil-mira

LHM

Xlief tal-idejn

Kavalli

LTL

Xlief tas-sajd bir-rixa u xlief u bastun

Alongi

PTM

Xbieki tat-tkarkir bil-paranzi – tan-nofs fond

Stokkafixx, kavalli, sawrell, alongi, minfaħ, aringi

OTM

Xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti – tan-nofs fond

Stokkafixx, kavalli, sawrell, alongi, minfaħ, aringi

OTB

Xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti – tal-qiegħ

Aringi

PS

Purse seines

Kavalli, sawrell

3.

Sajd fiż-żoni VIId u VIIe tal-ICES:

Il-kodiċi

Irkaptu tas-sajd pelaġiku

Speċijiet tal-kwota fil-mira

OTB

Xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (mhux speċifikat)

Laċċa kaħla

GND

Għeżula tat-tisqif

Kavalli, aringi

LHM

Xlief tal-idejn u bastun

Kavalli

OTM

Xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti – tan-nofs fond (oħrajn)

Laċċ ikħal, sawrell, kavalli, aringi, minfaħ

PTM

Xbieki tat-tkarkir bil-paranzi — tan-nofs fond (oħrajn)

Sawrell

PS

Purse seines

Kavalli, sawrell

4.

Sajd fiż-żona VIIa tal-ICES:

Il-kodiċi

Irkaptu tas-sajd pelaġiku

Speċijiet tal-kwota fil-mira

OTM

Xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti – tan-nofs fond

Aringi

PTM

Xbieki tat-tkarkir bil-paranzi – tan-nofs fond

Aringi

LHM

Xlief tal-idejn

Kavalli

GNS

Għeżula

Aringi


Top