This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018D1493
Council Implementing Decision (EU) 2018/1493 of 2 October 2018 authorising Hungary to introduce a special measure derogating from point (a) of Article 26(1) and Articles 168 and 168a of Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 tat-2 ta' Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 tat-2 ta' Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
ST/11895/2018/INIT
ĠU L 252, 8.10.2018, p. 44–46
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/10/2021
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Derogation | 32006L0112 | artikolu 168 | 01/01/2019 | 31/12/2021 | |
Derogation | 32006L0112 | artikolu 168a | 01/01/2019 | 31/12/2021 | |
Derogation | 32006L0112 | artikolu 26 paragrafu 1 punt (a) | 01/01/2019 | 31/12/2021 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modified by | 32021D1774 | Sostituzzjoni | artikolu 5 | 07/10/2021 | |
Validity extended by | 32021D1774 | 07/10/2021 | 31/12/2024 |
8.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 252/44 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1493
tat-2 ta' Ottubru 2018
li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-6 ta' Frar 2018, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt ta' tnaqqis tat-taxxa fir-rigward tal-kiri ta' karozzi tal-passiġġieri (“miżura speċjali”). |
(2) |
Il-Kummissjoni għaddiet it-talba magħmula mill-Ungerija lill-Istati Membri l-oħra permezz ta' ittra datata t-8 ta' Ġunju 2018, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE. Permezz ta' ittra datata l-11 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba. |
(3) |
L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxu d-dritt ta' persuna taxxabbli li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) imposta fuq provvisti ta' merkanzija u ta' servizzi mogħtija lil persuna taxxabbli għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha. Il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2006/112/KE fih rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT meta xi assi ta' negozju jintuża għal skopijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b'mod iktar ġenerali, jintuża għal skopijiet mhux marbuta man-negozju tagħha. |
(4) |
Bħalissa, il-persuni taxxabbli fl-Ungerija jistgħu jnaqqsu l-VAT fuq il-kiri ta' karozzi tal-passiġġieri dment li karozza tal-passiġġieri tintuża għall-attività ekonomika taxxabbli tal-persuna taxxabbli. Sabiex jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis ta' VAT, il-persuni taxxabbli għandhom jagħtu prova ta' kemm jużaw il-karozzi tal-passiġġieri tagħhom għal skopijiet ta' negozju. |
(5) |
L-Ungerija ssostni li huwa diffiċli li din is-sistema tiġi applikata. Ħafna drabi jkun diffiċli ħafna li jiġi identifikat preċiżament l-użu mhux kummerċjali, u anke meta dan ikun possibbli, il-mekkaniżmu meħtieġ biex isir dan huwa wieħed kumplikat. |
(6) |
Għalhekk, l-Ungerija talbet miżura speċjali fejn l-ammont ta' VAT fuq in-nefqa eliġibbli għat-tnaqqis fir-rigward tal-kiri ta' karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali jiġi ffissat b'rata perċentwali fissa. Ibbażata fuq l-istimi tagħha, l-Ungerija tikkonkludi li huwa xieraq li jiġi applikat tnaqqis ta' 50 %. Fl-istess ħin, ir-rekwiżit ta' kontabbiltà tal-VAT fuq l-użu mhux kummerċjali ta' karozzi tal-passiġġieri jenħtieġ li jkun sospiż meta dawn ikunu ġew soġġetti għal-limitu ta' tnaqqis ta' 50 %. |
(7) |
Il-limitazzjoni tad-dritt ta' tnaqqis skont l-awtorizzazzjoni mitluba jenħtieġ li tapplika għall-VAT imħallsa fuq il-kiri ta' karozzi tal-passiġġieri maħsuba għat-trasport ta' massimu ta' disa' persuni b'piż gross tal-vettura li ma jaqbiżx il-ħames tunnellati. Il-vetturi maħsuba għat-trasport tal-merkanzija, il-vetturi li jservu għanijiet speċjali (jiġifieri trakk bil-krejn, magna tat-tifi tan-nar, truck-mixer), il-vetturi maħsuba għat-trasport ta' 10 persuni jew iktar, u t-tratturi u t-trejlers huma esklużi mir-restrizzjoni fuq id-dritt ta' tnaqqis tal-VAT. |
(8) |
Il-persuni taxxabbli li ma jixtiqux japplikaw limitu ta' tnaqqis ta' 50 % u li jixtiequ japplikaw it-tnaqqis tal-VAT sal-proporzjon tal-użu kummerċjali reali jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħmlu dan fuq il-bażi ta' evidenza dettaljata dwar l-użu kummerċjali. |
(9) |
Il-miżura li ntalbet tneħħi l-ħtieġa li jinżammu rekords dwar l-użu privat ta' karozzi tan-negozju mikrija u, fl-istess ħin, tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa permezz ta' żamma skorretta ta' rekords. Huwa għalhekk xieraq li l-Ungerija tingħata l-awtorizzazzjoni biex tapplika l-miżura mitluba. |
(10) |
L-awtorizzazzjoni jenħtieġ tkun limitata fiż-żmien biex tkun tista' ssir analiżi tan-neċessità u l-effikaċja tal-miżura speċjali u r-rata ta' tqassim użata bejn l-użu kummerċjali u mhux. |
(11) |
Fejn l-Ungerija tikkunsidra li estensjoni tal-awtorizzazzjoni lil hinn mill-2021 hija neċessarja, jenħtieġ li tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal applikat flimkien mat-talba għal estensjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2021. |
(12) |
Il-miżura speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effetti negattivi fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa tal-VAT, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B'deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija hija awtorizzata tillimita d-dritt ta' tnaqqis tal-VAT għal 50 % b'rabta man-nefqa fuq il-karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali.
Artikolu 2
B'deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija ma għandhiex tittratta bħala provvista ta' servizzi l-użu mhux kummerċjali ta' karozza tal-passiġġieri inkluża fl-assi ta' negozju ta' persuna taxxabbli, meta dik il-karozza kienet soġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
L-Artikoli 1 u 2 għandhom japplikaw biss għal karozzi tal-passiġġieri għat-trasport ta' massimu ta' disa' persuni b'piż gross tal-vettura li ma jaqbiżx il-ħames tunnellati.
Artikolu 4
L-Artikoli 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-kategoriji ta' karozzi tal-passiġġieri li ġejjin:
— |
vetturi maħsuba għat-trasport tal-merkanzija, |
— |
vetturi li jservu għanijiet speċjali (jiġifieri trakk bil-krejn, magna tat-tifi tan-nar, truck-mixer), |
— |
vetturi maħsuba għat-trasport ta' 10 persuni jew iktar minn 10, |
— |
tratturi, |
— |
trejlers. |
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019 u għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2021.
Kull talba għal estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f'din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2021 u għandha tiġi akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta' Ottubru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
H. LÖGER