Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0748

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/748 tal-14 ta' Mejju 2018 li tissottoponi s-sustanza psikoattiva ġdida 1-(4-cyanobutyl)-N-(2-fenilpropan-2-yl)-1H-indazol-3-karbossammid (CUMYL-4CN-BINACA) għal miżuri ta' kontroll

    ĠU L 125, 22.5.2018, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/748/oj

    22.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 125/10


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/748

    tal-14 ta' Mejju 2018

    li tissottoponi s-sustanza psikoattiva ġdida 1-(4-cyanobutyl)-N-(2-fenilpropan-2-yl)-1H-indazol-3-karbossammid (CUMYL-4CN-BINACA) għal miżuri ta' kontroll

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    F'konformità mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI, tfassal rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji għas-sustanza psikoattiva ġdida 1-(4-cyanobutyl)-N-(2-fenilpropan-2-yl)-1H-indazol-3-karbossammid (“CUMYL-4CN-BINACA”) minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u r-rapport ġie ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fl-14 ta' Novembru 2017.

    (2)

    Il-CUMYL-4CN-BINACA hija kannabinojdi sintetika. Din għandha effetti simili għal dawk tat-THC, li huwa responsabbli għall-effetti psikoattivi ewlenin tal-kannabis, iżda CUMYL-4CN-BINACA tossiċità addizzjonali ta' theddida għall-ħajja. Il-potenza għolja tal-CUMYL-4CN-BINACA minn naħa waħda, u l-fatt li tista' tirrapreżenta proporzjon varjabbli kbir jew mhux magħruf f'taħlitiet tat-tipjip min-naħa l-oħra, ifisser li din tikkostitwixxi riskju sinifikanti ta' avvelenament.

    (3)

    Il-CUMYL-4CN-BINACA ilha disponibbli fl-Unjoni mill-inqas minn Ottubru 2015 u ġiet individwata fi 11-il Stat Membru. Minħabba n-natura tal-CUMYL-4CN-BINACA, huwa probabbli li każijiet ta' individwazzjoni ma jiġux rappurtati kollha peress li l-CUMYL-4CN-BINACA mhijiex soġġetta għal kontrolli sistematiċi. F'ħafna każijiet, l-CUMYL-4CN-BINACA ġiet issekwestrata bħala trab jew materjal veġetali, imma kienet issekwestrata wkoll, għalkemm fuq livell aktar limitat, f'forom fiżiċi oħrajn, pereżempju fil-forma ta' assorbent. Saru aktar minn 270 sekwestru fl-Unjoni.

    (4)

    Zewġ Stati Membri rrapportati 11-il każ ta' mewt assoċjati mal-CUMYL-4CN-BINACA. F'mill-inqas ħames minn dawk il-każijiet ta' mewt il-CUMYL-4CN-BINACA jew kienet il-kawża tal-mewt jew inkella x'aktarx li kkontribwixxiet għall-mewt. Barra minn hekk, żewġ Stati Membri rrapportaw ħames każijiet mhux fatali ta' intossikazzjoni akuta assoċjati mal-CUMYL-4CN-BINACA. Minħabba n-natura tal-CUMYL-4CN-BINACA, kemm l-intossikazzjonijiet mhux fatali u kif ukoll l-imwiet ikkawżati mill-CUMYL-4CN-BINACA x'aktarx ma ġewx individwati kollha u ma ġewx irrapportati kollha.

    (5)

    Ma hemm ebda informazzjoni dwar l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, id-distribuzzjoni, it-traffikar u l-forniment tal-CUMYL-4CN-BINACA fl-Unjoni. Id-data disponibbli tissuġġerixxi li l-CUMYL-4CN-BINACA hija prodotta minn kumpaniji kimiċi fiċ-Ċina.

    (6)

    Il-CUMYL-4CN-BINACA tipikament tinbiegħ f'ammonti żgħar u bl-ingrossa fi ħwienet speċjalizzati (headshops), indikata bħala l-hekk imsejħa droga legali (legal high), bħala taħlitiet tat-tipjip jew bħala trab, kif ukoll fuq l-Internet, indikata bħala l-hekk imsejħa sostituzzjoni legali għall-kannabis. Huwa probabbli wkoll li tinbiegħ direttament fuq is-suq tad-drogi illeċiti. Billi l-imballaġġ ta' tali prodotti rarament jindikaw l-ingredjenti, ħafna mill-utenti mhumiex konxji li qegħdin jużaw il-CUMYL-4CN-BINACA, jew anke kannabinojdi sintetiċi inġenerali.

    (7)

    Il-CUMYL-4CN-BINACA ma għandha ebda użu mediku għall-bniedem jew użu mediku veterinarju rikonoxxut la fl-Unjoni u lanqas apparentament f'xi imkien ieħor. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-CUMYL-4CN-BINACA tista' tintuża għal xi skop ieħor minbarra bħala standard analitiku ta' referenza u fir-riċerka xjentifika.

    (8)

    Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju juri li ħafna mil-mistoqsijiet relatati mal-CUMYL-4CN-BINACA li jqumu minħabba n-nuqqas ta' data dwar ir-riskji għas-saħħa individwali, ir-riskji għas-saħħa pubblika, u r-riskji soċjali, jista' jkollhom risposta permezz ta' iktar riċerka. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa u soċjali li toħloq is-sustanza jipprovdu raġunijiet suffiċjenti biex il-CUMYL-4CN-BINACA tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

    (9)

    Il-CUMYL-4CN-BINACA mhijiex elenkata għall-kontroll taħt il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi jew skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi. Il-CUMYL-4CN-BINACA bħalissa mhijiex qed tiġi vvalutata mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (10)

    Billi disa' Stati Membri jikkontrollaw il-CUMYL-4CN-BINACA fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kontroll tad-drogi u ħames Stati Membri jikkontrollaw il-CUMYL-4CN-BINACA taħt leġiżlazzjoni oħra, il-fatt li CUMYL-4CN-BINACA tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jgħin biex jiġi evitat li jfeġġu ostakli fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntieri, u jgħin fil-protezzjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha joħolqu.

    (11)

    Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tikkonferixxi setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni fil-każ li jfiġġu sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrappurtati mill-Istati Membri, billi tissottoponi dawk is-sustanzi għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Billi l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew issodisfati, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex il-CUMYL-4CN-BINACA tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

    (12)

    Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

    (13)

    L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

    (14)

    Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Is-sustanza psikoattiva ġdida 1-(4-cyanobutyl)-N-(2-fenilpropan-2-yl)-1H-indazol-3-karbossammid (“-4CN-BINACA”) għandha tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

    Artikolu 2

    Sat-23 ta' Mejju 2019, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, biex jissottoponu l-CUMYL-4CN-BINACA għal miżuri ta' kontroll u għal pieni kriminali, kif previst fil-leġiżlazzjoni tagħhom, b'mod konformi mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika b'konformità mat-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. ZAHARIEVA


    (1)  ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.

    (2)  Opinjoni tat-3 ta' Mejju 2018 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


    Top