Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0576

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/576 tal-15 ta' Diċembru 2017 dwar l-istandards tekniċi għall-karatteristiċi tas-sigurtà li jiġu applikati fuq il-prodotti tat-tabakk (notifikata bid-dokument C(2017) 8435) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/8435

    ĠU L 96, 16.4.2018, p. 57–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/576/oj

    16.4.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 96/57


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/576

    tal-15 ta' Diċembru 2017

    dwar l-istandards tekniċi għall-karatteristiċi tas-sigurtà li jiġu applikati fuq il-prodotti tat-tabakk

    (notifikata bid-dokument C(2017) 8435)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 16(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2014/40/UE tipprevedi li l-pakketti individwali kollha tal-prodotti tat-tabakk li jitqiegħdu fis-suq għandu jkollhom karatteristika tas-sigurtà li ma tistax titbagħbas, magħmula minn elementi viżibbli u inviżibbli, sabiex ikun jista' jiġi vverifikat b'mod iktar faċli jekk il-prodotti tat-tabakk humiex awtentiċi jew le. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-istandards tekniċi għal sistema ta' karatteristiċi tas-sigurtà.

    (2)

    Jenħtieġ li l-karatteristiċi tas-sigurtà, flimkien mas-sistema li tiżgura t-traċċabbiltà tal-prodotti tat-tabakk, prevista fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/40/UE u stabbilita fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/574 (2), jippermettu l-monitoraġġ u infurzar iktar effettiv tal-konformità tal-prodotti tat-tabakk mad-Direttiva 2014/40/UE.

    (3)

    Huwa essenzjali li jkun hemm regoli komuni dwar l-istandards tal-karatteristiċi tas-sigurtà fl-Unjoni minħabba li rekwiżiti nazzjonali differenti u li ma jkunux preċiżi biżżejjed x'aktarx li jimminaw l-isforzi biex titjieb il-konformità tal-prodotti tat-tabakk mar-Regolament tal-Unjoni dwar il-prodotti tat-tabakk. Jenħtieġ li qafas iktar armonizzat għall-karatteristiċi tas-sigurtà fl-Istati Membri kollha jiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern tal-prodotti legali tat-tabakk.

    (4)

    Jenħtieġ li l-istandards tekniċi għall-karatteristiċi tas-sigurtà jqisu kif xieraq il-grad għoli ta' innovazzjoni f'dan il-qasam, filwaqt li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jivverifikaw b'mod effettiv li l-prodotti tat-tabakk ikunu awtentiċi. Jenħtieġ li kull Stat Membru jkun jista' jispeċifika l-kombinazzjoni jew il-kombinazzjonijiet tal-elementi ta' awtentikazzjoni li jridu jintużaw biex jiġu żviluppati l-karatteristiċi tas-sigurtà li jiġu applikati fuq il-prodotti tat-tabakk immanifatturati fit-territorju tagħhom jew importati fih. Jenħtieġ li l-kombinazzjoni jew il-kombinazzjonijiet li jintużaw ikunu jinkludu elementi viżibbli u inviżibbli. Skont l-istandards internazzjonali, l-elementi inviżibbli li ma jkunux jistgħu jiġu perċepiti direttament bis-sensi umani jistgħu jiġu speċifikati iktar billi ssir referenza għas-sofistikazzjoni tat-tagħmir meħtieġ biex jiġi vverifikat li dawn ikunu awtentiċi. Sabiex il-karatteristiċi jkunu kemm jista' jkun robusti, huwa xieraq li jintalab li jintuża tal-inqas element inviżibbli wieħed li jkun irid jiġi vverifikat bl-użu ta' għodod mibnija b'mod speċifiku għal dan il-għan jew bl-użu ta' tagħmir professjonali tal-laboratorju. Jenħtieġ li l-inklużjoni ta' diversi tipi ta' elementi ta' awtentikazzjoni differenti f'karatteristika tas-sigurtà tiżgura l-bilanċ li hemm bżonn bejn il-flessibbiltà u livell għoli ta' sigurtà. Jenħtieġ li din tippermetti lill-Istati Membri wkoll iqisu soluzzjonijiet ġodda u innovattivi li jkunu jistgħu jkomplu jżidu l-effettività tal-karatteristiċi tas-sigurtà.

    (5)

    Jenħtieġ li tintalab il-kombinazzjoni ta' elementi differenti ta' awtentikazzjoni, minħabba li dan huwa pass importanti li jiżgura li titħares sewwa l-integrità tal-karatteristika aħħarija tas-sigurtà li tiġi applikata fuq il-prodott tat-tabakk.

    (6)

    L-istandards irrikonoxxuti b'mod internazzjonali jagħrfu l-importanza tal-fatt li tiġi żgurata r-robustezza ta' sistema ta' karatteristiċi tas-sigurtà (3). Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri addizzjonali ta' salvagwardja, li jipproteġu bl-aħjar mod possibbli lill-karatteristiċi tas-sigurtà u lill-elementi differenti ta' awtentikazzjoni tagħhom mit-theddid intern u estern. Għalhekk jenħtieġ li jintalab li tal-inqas element wieħed ta' awtentikazzjoni f'karatteristika tas-sigurtà jkun jipprovdih fornitur tas-soluzzjonijiet li jkun parti terza indipendenti, u b'hekk jitnaqqas il-potenzjal li jkun hemm attakki minn persuni jew entitajiet li jkollhom rabta, diretta jew indiretta, mal-manifattur jew mal-oriġinatur tal-elementi ta' awtentikazzjoni li jintużaw biex tiġi żviluppata l-karatteristika tas-sigurtà. Barra minn hekk, sabiex ikun żgurat li jibqa' jitħares b'mod kontinwu r-rekwiżit tal-indipendenza, li huwa importanti ħafna biex tkun żgurata u tinżamm l-integrità tal-karatteristiċi tas-sigurtà fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi b'mod perjodiku l-proċeduri għall-monitoraġġ tal-konformità mal-kriterji tal-indipendenza stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika l-konklużjonijiet ta' dik ir-reviżjoni u li dawn jiddaħħlu fir-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE previst fl-Artikolu 28 ta' dik id-Direttiva.

    (7)

    Diversi Stati Membri jeżiġu bolol tat-taxxa jew marki ta' identifikazzjoni nazzjonali għall-finijiet fiskali. Jenħtieġ li dawk l-Istati Membri jkollhom il-libertà jippermettu li l-bolol jew il-marki tagħhom jintużaw bħala l-karatteristika tas-sigurtà skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/40/UE u r-rekwiżiti ta' din id-Deċiżjoni. Sabiex jittaffa kull piż ekonomiku li ma jkunx meħtieġ, jenħtieġ li l-Istati Membri li l-bolol tat-taxxa jew il-marki ta' identifikazzjoni nazzjonali tagħhom ma jkunux jikkonformaw ma' rekwiżit wieħed jew iktar tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/40/UE u ta' din id-Deċiżjoni jitħallew jużaw il-bolol tat-taxxa jew il-marki ta' identifikazzjoni nazzjonali tagħhom bħala parti mill-karatteristika tas-sigurtà. Fit-tali każijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk ikunu infurmati bl-elementi addizzjonali ta' awtentikazzjoni meħtieġa biex jiżviluppaw karatteristika tas-sigurtà li tkun konformi mar-rekwiżiti leġiżlattivi kollha.

    (8)

    Sabiex tkun żgurata l-integrità tal-karatteristiċi tas-sigurtà u sabiex dawn jitħarsu mill-attakki esterni, jenħtieġ li dawn jiġu applikati fuq il-prodotti jew billi jitwaħħlu fuqhom jew billi jiġu stampati fuqhom, jew inkella billi jkun hemm taħlita ta' dawn iż-żewġ proċessi, b'mod li jħarishom milli jiġu sostitwiti, milli jerġgħu jintużaw jew milli jinbidlu bi kwalunkwe mod. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-karatteristiċi tas-sigurtà jippermettu li jiġi identifikat u vverifikat li pakkett individwali ta' prodott tat-tabakk ikun awtentiku fil-perjodu kollu li matulu dak il-prodott ikun imqiegħed fis-suq.

    (9)

    Sabiex ikun jista' jiġi vverifikat li prodott tat-tabakk ikun awtentiku u b'hekk ikun jista' jiġi miġġieled iktar il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jingħataw kampjun tal-prodotti, fuq talba, li jkun jista' jintuża bħala referenza għall-għanijiet tal-analiżi fil-laboratorju. Barra minn hekk, sabiex l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jkunu jistgħu jivverifikaw li prodott tat-tabakk li jkun maħsub għas-suq nazzjonali ta' Stat Membru ieħor ikun awtentiku, jenħtieġ li l-Istati Membri jgħinu lil xulxin billi jaqsmu bejniethom il-prodotti ta' referenza li jkunu kisbu, kif ukoll billi jiskambjaw l-għarfien u l-għarfien espert li jkolhom għad-dispożizzjoni tagħhom bejniethom, safejn dan ikun possibbli.

    (10)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/40/UE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-istandards tekniċi għall-karatteristiċi tas-sigurtà li jiġu applikati fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, flimkien mad-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40/UE, għandhom japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet:

    (a)

    “element ta' awtentikazzjoni” tfisser element ta' karatteristika tas-sigurtà;

    (b)

    “mhux moħbi” tfisser li jkun jista' jiġi perċepit direttament b'xi wieħed mis-sensi umani jew iktar mingħajr ma jintuża apparat estern. Il-kategorija tas-soluzzjonijiet tal-awtentikazzjoni “mhux moħbija” li tissemma fl-istandard tal-ISO 12931:2012 għandha titqies li tissodisfa din id-definizzjoni;

    (c)

    “nofsu moħbi” tfisser li ma jkunx jista' jiġi perċepit direttament bis-sensi umani, iżda li jkun jista' jiġi nnutat minnhom billi jintuża apparat estern, bħal lampa ultravjola jew pinna jew markatur speċjali, li ma jkun jeħtieġ l-ebda għarfien espert jew taħriġ speċjalizzat biex jintuża. Il-kategorija tas-soluzzjonijiet tal-awtentikazzjoni “moħbija” awtentikati billi jintużaw għodod kummerċjalment disponibbli li tissemma fl-istandard tal-ISO 12931:2012 għandha titqies li tissodisfa din id-definizzjoni;

    (d)

    “moħbi” tfisser li ma jkunx jista' jiġi perċepit direttament bis-sensi umani u li jkun jista' jiġi nnutat minnhom biss billi jintużaw għodod mibnija b'mod speċifiku għal dan il-għan jew billi jintuża tagħmir professjonali tal-laboratorju. Il-kategoriji tas-soluzzjonijiet tal-awtentikazzjoni “moħbija” li jeħtieġu għodod mibnija b'mod speċifiku għal dan il-għan u analiżi forensika li jissemmew fl-istandard tal-ISO 12931:2012 għandhom jitqiesu li jissodisfaw din id-definizzjoni.

    Artikolu 3

    Karatteristika tas-sigurtà

    1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-karatteristiċi tas-sigurà jkunu magħmulin tal-inqas minn ħames tipi ta' elementi ta' awtentikazzjoni, li minnhom tal-inqas:

    (a)

    waħda trid tkun mhux moħbija;

    (b)

    waħda trid tkun nofsha moħbija; u

    (c)

    waħda trid tkun moħbija.

    2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li tal-inqas wieħed mill-elementi ta' awtentikazzjoni li jissemmew fil-paragrafu 1 ikun jipprovdih fornitur li jkun parti terza indipendenti li jkun jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8.

    3.   Kull Stat Membru għandu javża lill-manifatturi u lill-importaturi tal-prodotti tat-tabakk bil-kombinazzjoni jew bil-kombinazzjonijiet tal-elementi ta' awtentikazzjoni li jridu jintużaw fil-karatteristiċi tas-sigurtà li jiġu applikati fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk li jitqiegħdu fis-suq tiegħu.

    L-elementi ta' awtentikazzjoni li jissemmew fl-ewwel sottoparagrafu jistgħu jinkludu kull tip ta' element ta' awtentikazzjoni mhux moħbi, nofsu moħbi jew moħbi stabbilit fl-Anness.

    4.   L-avviż imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jintbagħat sa mhux aktar tard mill-20 ta' Settembru 2018. L-Istati Membri għandhom javżaw lill-manifatturi u lill-importaturi tal-prodotti tat-tabakk b'kull bidla sussegwenti fil-kombinazzjoni jew fil-kombinazzjonijiet tal-elementi ta' awtentikazzjoni tal-inqas sitt xhur qabel id-data meta jkun hemm il-ħsieb li jidħlu fis-seħħ dawk il-bidliet.

    Artikolu 4

    Użu tal-bolol tat-taxxa bħala l-karatteristika tas-sigurtà

    1.   L-Istati Membri li jippermettu li l-bolol tat-taxxa jew il-marki ta' identifikazzjoni nazzjonali għall-finijiet fiskali jintużaw biex jiġu żviluppati l-karatteristiċi tas-sigurtà għandhom jiżguraw li l-karatteristiċi aħħarin tas-sigurtà jkunu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni u mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/40/UE.

    2.   Meta bolla tat-taxxa jew marka ta' identifikazzjoni nazzjonali għall-finijiet fiskali li jkun hemm il-ħsieb li tintuża bħala karatteristika tas-sigurtà ma tkunx tikkonforma ma' rekwiżit wieħed jew iktar minn dawk li jissemmew fil-paragrafu 1, din għandha tintuża biss bħala parti mill-karatteristika tas-sigurtà. Fit-tali każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk ikunu infurmati bit-tipi ta' elementi addizzjonali ta' awtentikazzjoni meħtieġa biex jiżviluppaw karatteristika tas-sigurtà li tkun konformi.

    3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-manifatturi u tal-importaturi tal-prodotti tat-tabakk sa mhux aktar tard mill-20 ta' Settembru 2018. Il-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk għandhom jiġu avżati b'kull informazzjoni sussegwenti marbuta ma' xi bidliet fil-bolla tat-taxxa jew fil-marka ta' identifikazzjoni nazzjonali għall-finijiet fiskali li jkun hemm il-ħsieb li tintuża bħala karatteristika tas-sigurtà tal-inqas sitt xhur qabel id-data meta jkun hemm il-ħsieb li jidħlu fis-seħħ dawk il-bidliet, dejjem jekk huma jkollhom bżonn din l-informazzjoni biex jiżviluppaw karatteristika tas-sigurtà li tkun konformi.

    Artikolu 5

    Applikar tal-karatteristiċi tas-sigurtà fuq il-pakketti individwali

    1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-karatteristiċi tas-sigurtà jiġu applikati fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk billi jintuża xi wieħed mill-metodi li ġejjin:

    (a)

    it-twaħħil;

    (b)

    l-istampar;

    (c)

    taħlita ta' stampar u twaħħil.

    2.   Il-karatteristiċi tas-sigurtà għandhom jiġu applikati fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk b'mod:

    (a)

    li jippermetti li jiġi identifikat u vverifikat li pakkett individwali ta' prodott tat-tabakk ikun awtentiku fil-perjodu kollu li matulu dak il-prodott ikun imqiegħed fis-suq; u

    (b)

    li jħarishom milli jiġu sostitwiti, milli jerġgħu jintużaw jew milli jinbidlu bi kwalunkwe mod.

    Artikolu 6

    Integrità tal-karatteristiċi tas-sigurtà

    1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimplimentaw jew li jirtiraw skemi għar-rotazzjoni tal-karatteristiċi tas-sigurtà fi kwalunkwe mument.

    2.   Jekk Stat Membru jkollu raġuni jaħseb li l-integrità ta' xi element ta' awtentikazzjoni ta' karatteristika tas-sigurtà li tkun qed tintuża dak iż-żmien fis-suq tiegħu tkun mhedda, dak l-Istat Membru għandu jeżiġi li l-karatteristika tas-sigurtà kkonċernata tiġi sostitwita jew tinbidel. Jekk Stat Membru jinnota karatteristika tas-sigurtà li tkun ġiet mhedda, huwa għandu javża lill-manifatturi u lill-importaturi u lill-fornituri tal-karatteristiċi tas-sigurtà kkonċernati b'dan fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu linji gwida jew rekwiżiti formali dwar is-sigurtà tal-proċeduri tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni, bħal dawk marbutin mal-użu ta' tagħmir u ta' komponenti oħrajn siguri, mal-awditi, mal-għodod tal-monitoraġġ għall-kwantitajiet tal-produzzjoni u mat-trasport sigur sabiex jevitaw, jiskoraġġixxu, jidentifikaw u jnaqqsu kemm jista' jkun il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u s-serq illegali tal-karatteristiċi tas-sigurtà u tal-elementi ta' awtentikazzjoni li huma magħmulin minnhom.

    Artikolu 7

    Verifika tal-awtentiċità tal-prodotti tat-tabakk

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma jkollhom il-mezzi meħtieġa biex janalizzaw il-kombinazzjonijiet kollha tal-elementi ta' awtentikazzjoni li huma jippermettu li jintużaw biex jiġu żviluppati l-karatteristiċi tas-sigurtà, skont l-Artikoli 3 u 4 ta' din id-Direttiva, sabiex jistabbilixxu jekk pakkett individwali ta' prodott tat-tabakk ikunx awtentiku jew le. L-analiżi għandha ssir skont kriterji tal-prestazzjoni u metodoloġiji tal-evalwazzjoni rrikonoxxuti b'mod internazzjonali, bħal dawk stabbiliti fl-istandard tal-ISO 12931:2012.

    2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk li jkunu jinsabu fit-territorju tagħhom jipprovdulhom, fuq talba, kampjuni tal-prodotti tat-tabakk li jkunu mqiegħda fis-suq dak iż-żmien. Il-kampjuni għandhom jingħataw bħala pakketti individwali li fuqhom tkun ġiet applikata l-karatteristika tas-sigurtà. L-Istati Membri għandhom iqiegħdu l-kampjuni tal-prodotti tat-tabakk li jkunu rċevew għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, jekk din titlobhom jagħmlu dan.

    3.   Meta jintalbu jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin jivverifikaw li prodott tat-tabakk li jkun maħsub għas-suq nazzjonali ta' Stat Membru ieħor ikun awtentiku, fosthom billi jaqsmu bejniethom il-kampjuni li jkunu kisbu skont il-paragrafu 2.

    Artikolu 8

    Indipendenza tal-fornituri tal-elementi ta' awtentikazzjoni

    1.   Għall-għanijiet tal-Artikolu 3(2), fornitur tal-elementi ta' awtentikazzjoni, kif ukoll is-sottokuntratturi tiegħu, skont il-każ, għandhom jitqiesu li huma indipendenti jekk jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:

    (a)

    l-indipendenza mill-industrija tat-tabakk f'termini tal-forma ġuridika, tal-organizzazzjoni u tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Għandu jiġi vvalutat b'mod partikulari jekk l-industrija tat-tabakk għandhiex kontroll, dirett jew indirett, fuq l-impriża jew il-grupp ta' impriżi, fosthom permezz ta' parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja;

    (b)

    l-indipendenza mill-industrija tat-tabakk f'termini finanzjarji, li se tkun preżunta jekk, qabel ma jidħlu għall-funzjonijiet tagħhom, l-impriża jew il-grupp ta' impriżi jkunu ġġeneraw inqas minn 10 % mill-fatturat dinji annwali tagħhom, minbarra l-VAT u kull taxxa indiretta oħra, mill-forniment ta' prodotti u ta' servizzi lis-settur tat-tabakk fl-aħħar sentejn kalendarji, kif jista' jiġi stabbilit abbażi tal-aktar kontijiet riċenti approvati. Għal kull sena kalendarja sussegwenti, il-fatturat dinji annwali, minbarra l-VAT u kull taxxa indiretta oħra, mill-forniment ta' prodotti u ta' servizzi lis-settur tat-tabakk ma għandux jaqbeż l-20 %;

    (c)

    in-nuqqas ta' kunflitt ta' interess mal-industrija tat-tabakk min-naħa tal-persuni li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-impriża jew tal-grupp ta' impriżi, fosthom tal-membri tal-bord tad-diretturi jew ta' kull tip ta' korp ta' tmexxija ieħor. B'mod partikulari, huma:

    (i)

    ma għandhomx ikunu ħadu sehem fl-istrutturi tal-kumpaniji tal-industrija tat-tabakk fl-aħħar ħames snin;

    (ii)

    għandhom jaġixxu b'mod indipendenti minn kull interess monetarju jew le marbut mal-industrija tat-tabakk, fosthom il-pussess tal-ħażniet, mill-parteċipazzjoni fi skemi tal-pensjonijiet privati jew mill-interessi li jkollhom sħabhom, l-irġiel jew in-nisa tagħhom jew qrabathom fil-linja axxendenti jew dixxendenti.

    2.   F'każ li fornitur tal-elementi ta' awtentikazzjoni jqabbad sottokuntratturi, huwa għandu jibqa' jkollu r-responsabbiltà jiżgura li dawk is-sottokuntratturi jikkonformaw mal-kriterji tal-indipendenza stabbiliti fil-paragrafu 1.

    3.   L-Istati Membri, kif ukoll il-Kummissjoni, jistgħu jitolbu lill-fornituri tal-elementi ta' awtentikazzjoni, inkluż is-sottokuntratturi tagħhom, skont il-każ, jipprovdulhom id-dokumenti li għandhom bżonn biex jivvalutaw il-konformità tagħhom mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1. It-tali dokumenti jistgħu jinkludu dikjarazzjonijiet annwali tal-konformità mal-kriterji tal-indipendenza stabbiliti fil-paragrafu 1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jitolbu li d-dikjarazzjonijiet annwali jkunu jinkludu lista sħiħa tas-servizzi pprovduti lill-industrija tat-tabakk matul l-aħħar sena kalendarja, kif ukoll dikjarazzjonijiet individwali tal-indipendenza finanzjarja mill-industrija tat-tabakk ipprovduti mill-membri kollha involuti fil-ġestjoni tal-fornitur indipendenti.

    4.   L-Istati Membri rilevanti u l-Kummissjoni għandhom jiġu avżati minnufih b'kull bidla fiċ-ċirkustanzi marbuta mal-kriterji li jissemmew fil-paragrafu 1 li tista' taffettwa l-indipendenza ta' fornitur tal-elementi ta' awtentikazzjoni (inkluż tas-sottokuntratturi tiegħu, skont il-każ), u li tibqa' għaddejja għal sentejn kalendarji konsekuttivi.

    5.   Meta l-informazzjoni li tinkiseb skont il-paragrafu 3 jew l-avviż imsemmi fil-paragrafu 4 jiżvelaw li fornitur tal-elementi ta' awtentikazzjoni (inkluż is-sottokuntratturi tiegħu, skont il-każ) ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, f'perjodu raġonevoli taż-żmien u sa mhux aktar tard minn tmiem is-sena kalendarja ta' wara dik li matulha jkunu waslu l-informazzjoni jew l-avviż, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm konformità mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1.

    6.   Il-fornituri tal-elementi ta' awtentikazzjoni għandhom javżaw lill-Istati Membri rilevanti u lill-Kummissjoni minnufih b'kull theddida jew tentattiv li jiġu influwenzati b'mod mhux xieraq li jistgħu jimminaw, potenzjalment jew fir-realtà, l-indipendenza tagħhom.

    7.   L-awtoritajiet pubbliċi jew l-impriżi rregolati mil-liġi pubblika, kif ukoll is-sottokuntratturi tagħhom, għandhom jitqiesu li huma indipendenti mill-industrija tat-tabakk.

    8.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi b'mod perjodiku l-proċeduri li jirregolaw il-monitoraġġ tal-konformità mal-kriterji tal-indipendenza stabbiliti fil-paragrafu 1, sabiex tivvaluta l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta' din id-Deċiżjoni. Il-konklużjonijiet ta' dik ir-reviżjoni għandhom jiġu ppubblikati u għandhom jiddaħħlu fir-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE previst fl-Artikolu 28 ta' dik id-Direttiva.

    Artikolu 9

    Dispożizzjoni tranżitorja

    1.   Is-sigaretti u t-tabakk tal-brim li jkunu ġew immanifatturati fl-Unjoni jew importati fiha qabel l-20 ta' Mejju 2019 u li ma jkollhomx karatteristika tas-sigurtà skont din id-Deċiżjoni jistgħu jibqgħu fiċ-ċirkolazzjoni libera sal-20 ta' Mejju 2020.

    2.   Il-prodotti tat-tabakk minbarra s-sigaretti u t-tabakk tal-brim li jkunu ġew immanifatturati fl-Unjoni jew importati fiha qabel l-20 ta' Mejju 2024 u li ma jkollhomx karatteristika tas-sigurtà skont din id-Deċiżjoni jistgħu jibqgħu fiċ-ċirkolazzjoni libera sal-20 ta' Mejju 2026.

    Artikolu 10

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/574 tal-15 ta' Diċembru 2017 dwar l-istandards tekniċi għat-twaqqif u għat-tħaddim ta' sistema ta' traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk (ara l-paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Ara l-istandard tal-ISO 12931:2012 (Il-kriterji tal-prestazzjoni għas-soluzzjonijiet tal-awtentikazzjoni li jintużaw biex tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni tal-oġġetti materjali).


    ANNESS

    TIPI TA' ELEMENTI TA' AWTENTIKAZZJONI

    Mhux moħbija

    Nofshom moħbija

    Moħbija

    Guilloche

    Motif ornamentali ta' żewġ faxex jew iktar minsuġin ma' xulxin li jkunu stampati b'diversi kuluri mhux standard.

    Immaġnijiet bil-laser

    In-nies ikunu jistgħu jaraw din l-immaġni b'għajnejhom biss meta fuqha jinxteħet dawl b'tul ta' mewġa partikulari, pereżempju permezz ta' apparat li jixħet raġġ laser (“laser pointer”).

    Markaturi tad-DNA

    Markatur forensiku li juża prinċipji matematiċi ta' tagħqid flimkien biex jiddefinixxi s-sekwenzi ta' nukleotidi.

    Kolorazzjoni qawsalla

    Il-kombinazzjoni ta' żewġ kuluri jew iktar ma' xulxin u l-integrazzjoni b'mod sottili tal-kuluri f'xulxin, li jwassal biex jiġu ffurmati kuluri intermedji (li jiġu qishom il-kuluri tal-qawsalla).

    Immaġni polarizzata

    In-nies ikunu jistgħu jaraw din l-immaġni b'għajnejhom biss meta fuqha jitpoġġa filtru ta' polarizzazzjoni speċifiku.

    Markaturi molekulari

    Markatur kimiku li ta' spiss ikun inkluż fil-materjal bażiku tal-oġġett li miegħu jkun imwaħħal u li jippermetti li jiġu nnutati l-proporzjonijiet ta' dilwizzjoni u ta' taħlit fil-materjali. Dan ikun ikkodifikat b'mod uniku u jkun inkorporat fil-livell tat-traċċi.

    Immaġni latenti

    Motif b'linji stampat bl-intall li juri immaġni differenti meta l-oġġett li fuqu jkun stampat jitmejjel. Dan jista' jiġi kkombinat mal-linka ottikament varjabbli.

    Karta li mhix affettwata mir-raġġi ultravjola

    Karta speċjali li ma tirriflettix id-dawl ultravjola. Din hija adattata għall-istampar bil-linka ultravjola li se jidher meta l-karta titqiegħed taħt id-dawl ta' lampa ultravjola speċjali.

    Fibri tas-sigurtà (moħbija)

    Fibri fluworexxenti inviżibbli li jitqiegħdu f'postijiet differenti b'mod aleatorju fuq karta li tkun adattata. Dawn la jistgħu jiġu skennjati u lanqas iffotokopjati u se jkunu jidhru biss meta l-karta titqiegħed taħt id-dawl ta' lampa ultravjola speċjali.

    Linka ottikament varjabbli

    Din il-linka tibdel il-kulur skont minn liema angolu wieħed iħares lejha.

    Fibri tas-sigurtà (nofshom moħbija)

    Fibri fluworexxenti viżibbli li jkunu inkorporati, parjzlament jew għalkollox, f'motif aleatorju li ma jistax jiġi riprodott. Dawn jistgħu jkunu f'diversi forom u f'diversi kuluri. Huma jibdlu l-kulur meta l-karta titqiegħed taħt id-dawl ultravjola.

    Elementi manjetiċi

    Motif ta' elementi manjetiċi li jiġġeneraw sinjal jew sensiela ta' sinjali li jistgħu jiġu nnutati mill-bogħod minn apparat ta' identifikazzjoni speċjali.

    Motifi li jinħassu

    Stampar bl-intall li joħloq riljiev imqabbeż li jinħass, li jista' jiġi awtentikat taħt dawl oblikwu. Dan jista' jiġi kkombinat ma' immaġni latenti.

    Mikrostampar

    Stampar bl-użu ta' test żgħir ħafna li jrid jitkabbar biex in-nies ikunu jistgħu jaqrawh b'għajnejhom stess.

    Linek anti-stokes

    Linek b'karatteristiċi anti-stokes li jistgħu jiġu eżaminati billi jintuża komparatur tal-vidjows spettrali (strumenti tal-VSC).

    Ologramma

    Il-wiri ta' reġistru fotografiku tridimensjonali għalkollox ta' kamp tad-dawl li jinbidel skont minn liema angolu wieħed iħares lejh.

    Linka termokromika

    Linka reattiva għas-sħana li tiġi affettwata mit-tibdil fit-temperatura. Il-linka tibdel il-kulur jew tisparixxi meta tinbidel it-temperatura.

    Linek reattivi (moħbija)

    Linek bla kulur jew trasparenti li jibdew jidhru meta jiġi applikat solvent partikulari fuqhom f'kundizzjonijiet tal-laboratorju permezz ta' għodod mibnija b'mod speċifiku għal dan il-għan.

     

    Linek reattivi (nofshom moħbija)

    Linek bla kulur jew trasparenti li jibdew jidhru meta jiġi applikat solvent partikulari fuqhom permezz ta' pinna jew markatur speċjali.

     


    Top