16.4.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 96/57 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/576
tal-15 ta' Diċembru 2017
dwar l-istandards tekniċi għall-karatteristiċi tas-sigurtà li jiġu applikati fuq il-prodotti tat-tabakk
(notifikata bid-dokument C(2017) 8435)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 16(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2014/40/UE tipprevedi li l-pakketti individwali kollha tal-prodotti tat-tabakk li jitqiegħdu fis-suq għandu jkollhom karatteristika tas-sigurtà li ma tistax titbagħbas, magħmula minn elementi viżibbli u inviżibbli, sabiex ikun jista' jiġi vverifikat b'mod iktar faċli jekk il-prodotti tat-tabakk humiex awtentiċi jew le. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-istandards tekniċi għal sistema ta' karatteristiċi tas-sigurtà. |
(2) |
Jenħtieġ li l-karatteristiċi tas-sigurtà, flimkien mas-sistema li tiżgura t-traċċabbiltà tal-prodotti tat-tabakk, prevista fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/40/UE u stabbilita fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/574 (2), jippermettu l-monitoraġġ u infurzar iktar effettiv tal-konformità tal-prodotti tat-tabakk mad-Direttiva 2014/40/UE. |
(3) |
Huwa essenzjali li jkun hemm regoli komuni dwar l-istandards tal-karatteristiċi tas-sigurtà fl-Unjoni minħabba li rekwiżiti nazzjonali differenti u li ma jkunux preċiżi biżżejjed x'aktarx li jimminaw l-isforzi biex titjieb il-konformità tal-prodotti tat-tabakk mar-Regolament tal-Unjoni dwar il-prodotti tat-tabakk. Jenħtieġ li qafas iktar armonizzat għall-karatteristiċi tas-sigurtà fl-Istati Membri kollha jiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern tal-prodotti legali tat-tabakk. |
(4) |
Jenħtieġ li l-istandards tekniċi għall-karatteristiċi tas-sigurtà jqisu kif xieraq il-grad għoli ta' innovazzjoni f'dan il-qasam, filwaqt li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jivverifikaw b'mod effettiv li l-prodotti tat-tabakk ikunu awtentiċi. Jenħtieġ li kull Stat Membru jkun jista' jispeċifika l-kombinazzjoni jew il-kombinazzjonijiet tal-elementi ta' awtentikazzjoni li jridu jintużaw biex jiġu żviluppati l-karatteristiċi tas-sigurtà li jiġu applikati fuq il-prodotti tat-tabakk immanifatturati fit-territorju tagħhom jew importati fih. Jenħtieġ li l-kombinazzjoni jew il-kombinazzjonijiet li jintużaw ikunu jinkludu elementi viżibbli u inviżibbli. Skont l-istandards internazzjonali, l-elementi inviżibbli li ma jkunux jistgħu jiġu perċepiti direttament bis-sensi umani jistgħu jiġu speċifikati iktar billi ssir referenza għas-sofistikazzjoni tat-tagħmir meħtieġ biex jiġi vverifikat li dawn ikunu awtentiċi. Sabiex il-karatteristiċi jkunu kemm jista' jkun robusti, huwa xieraq li jintalab li jintuża tal-inqas element inviżibbli wieħed li jkun irid jiġi vverifikat bl-użu ta' għodod mibnija b'mod speċifiku għal dan il-għan jew bl-użu ta' tagħmir professjonali tal-laboratorju. Jenħtieġ li l-inklużjoni ta' diversi tipi ta' elementi ta' awtentikazzjoni differenti f'karatteristika tas-sigurtà tiżgura l-bilanċ li hemm bżonn bejn il-flessibbiltà u livell għoli ta' sigurtà. Jenħtieġ li din tippermetti lill-Istati Membri wkoll iqisu soluzzjonijiet ġodda u innovattivi li jkunu jistgħu jkomplu jżidu l-effettività tal-karatteristiċi tas-sigurtà. |
(5) |
Jenħtieġ li tintalab il-kombinazzjoni ta' elementi differenti ta' awtentikazzjoni, minħabba li dan huwa pass importanti li jiżgura li titħares sewwa l-integrità tal-karatteristika aħħarija tas-sigurtà li tiġi applikata fuq il-prodott tat-tabakk. |
(6) |
L-istandards irrikonoxxuti b'mod internazzjonali jagħrfu l-importanza tal-fatt li tiġi żgurata r-robustezza ta' sistema ta' karatteristiċi tas-sigurtà (3). Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri addizzjonali ta' salvagwardja, li jipproteġu bl-aħjar mod possibbli lill-karatteristiċi tas-sigurtà u lill-elementi differenti ta' awtentikazzjoni tagħhom mit-theddid intern u estern. Għalhekk jenħtieġ li jintalab li tal-inqas element wieħed ta' awtentikazzjoni f'karatteristika tas-sigurtà jkun jipprovdih fornitur tas-soluzzjonijiet li jkun parti terza indipendenti, u b'hekk jitnaqqas il-potenzjal li jkun hemm attakki minn persuni jew entitajiet li jkollhom rabta, diretta jew indiretta, mal-manifattur jew mal-oriġinatur tal-elementi ta' awtentikazzjoni li jintużaw biex tiġi żviluppata l-karatteristika tas-sigurtà. Barra minn hekk, sabiex ikun żgurat li jibqa' jitħares b'mod kontinwu r-rekwiżit tal-indipendenza, li huwa importanti ħafna biex tkun żgurata u tinżamm l-integrità tal-karatteristiċi tas-sigurtà fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi b'mod perjodiku l-proċeduri għall-monitoraġġ tal-konformità mal-kriterji tal-indipendenza stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika l-konklużjonijiet ta' dik ir-reviżjoni u li dawn jiddaħħlu fir-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE previst fl-Artikolu 28 ta' dik id-Direttiva. |
(7) |
Diversi Stati Membri jeżiġu bolol tat-taxxa jew marki ta' identifikazzjoni nazzjonali għall-finijiet fiskali. Jenħtieġ li dawk l-Istati Membri jkollhom il-libertà jippermettu li l-bolol jew il-marki tagħhom jintużaw bħala l-karatteristika tas-sigurtà skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/40/UE u r-rekwiżiti ta' din id-Deċiżjoni. Sabiex jittaffa kull piż ekonomiku li ma jkunx meħtieġ, jenħtieġ li l-Istati Membri li l-bolol tat-taxxa jew il-marki ta' identifikazzjoni nazzjonali tagħhom ma jkunux jikkonformaw ma' rekwiżit wieħed jew iktar tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/40/UE u ta' din id-Deċiżjoni jitħallew jużaw il-bolol tat-taxxa jew il-marki ta' identifikazzjoni nazzjonali tagħhom bħala parti mill-karatteristika tas-sigurtà. Fit-tali każijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk ikunu infurmati bl-elementi addizzjonali ta' awtentikazzjoni meħtieġa biex jiżviluppaw karatteristika tas-sigurtà li tkun konformi mar-rekwiżiti leġiżlattivi kollha. |
(8) |
Sabiex tkun żgurata l-integrità tal-karatteristiċi tas-sigurtà u sabiex dawn jitħarsu mill-attakki esterni, jenħtieġ li dawn jiġu applikati fuq il-prodotti jew billi jitwaħħlu fuqhom jew billi jiġu stampati fuqhom, jew inkella billi jkun hemm taħlita ta' dawn iż-żewġ proċessi, b'mod li jħarishom milli jiġu sostitwiti, milli jerġgħu jintużaw jew milli jinbidlu bi kwalunkwe mod. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-karatteristiċi tas-sigurtà jippermettu li jiġi identifikat u vverifikat li pakkett individwali ta' prodott tat-tabakk ikun awtentiku fil-perjodu kollu li matulu dak il-prodott ikun imqiegħed fis-suq. |
(9) |
Sabiex ikun jista' jiġi vverifikat li prodott tat-tabakk ikun awtentiku u b'hekk ikun jista' jiġi miġġieled iktar il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jingħataw kampjun tal-prodotti, fuq talba, li jkun jista' jintuża bħala referenza għall-għanijiet tal-analiżi fil-laboratorju. Barra minn hekk, sabiex l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jkunu jistgħu jivverifikaw li prodott tat-tabakk li jkun maħsub għas-suq nazzjonali ta' Stat Membru ieħor ikun awtentiku, jenħtieġ li l-Istati Membri jgħinu lil xulxin billi jaqsmu bejniethom il-prodotti ta' referenza li jkunu kisbu, kif ukoll billi jiskambjaw l-għarfien u l-għarfien espert li jkolhom għad-dispożizzjoni tagħhom bejniethom, safejn dan ikun possibbli. |
(10) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/40/UE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-istandards tekniċi għall-karatteristiċi tas-sigurtà li jiġu applikati fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, flimkien mad-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40/UE, għandhom japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet:
(a) |
“element ta' awtentikazzjoni” tfisser element ta' karatteristika tas-sigurtà; |
(b) |
“mhux moħbi” tfisser li jkun jista' jiġi perċepit direttament b'xi wieħed mis-sensi umani jew iktar mingħajr ma jintuża apparat estern. Il-kategorija tas-soluzzjonijiet tal-awtentikazzjoni “mhux moħbija” li tissemma fl-istandard tal-ISO 12931:2012 għandha titqies li tissodisfa din id-definizzjoni; |
(c) |
“nofsu moħbi” tfisser li ma jkunx jista' jiġi perċepit direttament bis-sensi umani, iżda li jkun jista' jiġi nnutat minnhom billi jintuża apparat estern, bħal lampa ultravjola jew pinna jew markatur speċjali, li ma jkun jeħtieġ l-ebda għarfien espert jew taħriġ speċjalizzat biex jintuża. Il-kategorija tas-soluzzjonijiet tal-awtentikazzjoni “moħbija” awtentikati billi jintużaw għodod kummerċjalment disponibbli li tissemma fl-istandard tal-ISO 12931:2012 għandha titqies li tissodisfa din id-definizzjoni; |
(d) |
“moħbi” tfisser li ma jkunx jista' jiġi perċepit direttament bis-sensi umani u li jkun jista' jiġi nnutat minnhom biss billi jintużaw għodod mibnija b'mod speċifiku għal dan il-għan jew billi jintuża tagħmir professjonali tal-laboratorju. Il-kategoriji tas-soluzzjonijiet tal-awtentikazzjoni “moħbija” li jeħtieġu għodod mibnija b'mod speċifiku għal dan il-għan u analiżi forensika li jissemmew fl-istandard tal-ISO 12931:2012 għandhom jitqiesu li jissodisfaw din id-definizzjoni. |
Artikolu 3
Karatteristika tas-sigurtà
1. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-karatteristiċi tas-sigurà jkunu magħmulin tal-inqas minn ħames tipi ta' elementi ta' awtentikazzjoni, li minnhom tal-inqas:
(a) |
waħda trid tkun mhux moħbija; |
(b) |
waħda trid tkun nofsha moħbija; u |
(c) |
waħda trid tkun moħbija. |
2. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li tal-inqas wieħed mill-elementi ta' awtentikazzjoni li jissemmew fil-paragrafu 1 ikun jipprovdih fornitur li jkun parti terza indipendenti li jkun jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8.
3. Kull Stat Membru għandu javża lill-manifatturi u lill-importaturi tal-prodotti tat-tabakk bil-kombinazzjoni jew bil-kombinazzjonijiet tal-elementi ta' awtentikazzjoni li jridu jintużaw fil-karatteristiċi tas-sigurtà li jiġu applikati fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk li jitqiegħdu fis-suq tiegħu.
L-elementi ta' awtentikazzjoni li jissemmew fl-ewwel sottoparagrafu jistgħu jinkludu kull tip ta' element ta' awtentikazzjoni mhux moħbi, nofsu moħbi jew moħbi stabbilit fl-Anness.
4. L-avviż imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jintbagħat sa mhux aktar tard mill-20 ta' Settembru 2018. L-Istati Membri għandhom javżaw lill-manifatturi u lill-importaturi tal-prodotti tat-tabakk b'kull bidla sussegwenti fil-kombinazzjoni jew fil-kombinazzjonijiet tal-elementi ta' awtentikazzjoni tal-inqas sitt xhur qabel id-data meta jkun hemm il-ħsieb li jidħlu fis-seħħ dawk il-bidliet.
Artikolu 4
Użu tal-bolol tat-taxxa bħala l-karatteristika tas-sigurtà
1. L-Istati Membri li jippermettu li l-bolol tat-taxxa jew il-marki ta' identifikazzjoni nazzjonali għall-finijiet fiskali jintużaw biex jiġu żviluppati l-karatteristiċi tas-sigurtà għandhom jiżguraw li l-karatteristiċi aħħarin tas-sigurtà jkunu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni u mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/40/UE.
2. Meta bolla tat-taxxa jew marka ta' identifikazzjoni nazzjonali għall-finijiet fiskali li jkun hemm il-ħsieb li tintuża bħala karatteristika tas-sigurtà ma tkunx tikkonforma ma' rekwiżit wieħed jew iktar minn dawk li jissemmew fil-paragrafu 1, din għandha tintuża biss bħala parti mill-karatteristika tas-sigurtà. Fit-tali każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk ikunu infurmati bit-tipi ta' elementi addizzjonali ta' awtentikazzjoni meħtieġa biex jiżviluppaw karatteristika tas-sigurtà li tkun konformi.
3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-manifatturi u tal-importaturi tal-prodotti tat-tabakk sa mhux aktar tard mill-20 ta' Settembru 2018. Il-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk għandhom jiġu avżati b'kull informazzjoni sussegwenti marbuta ma' xi bidliet fil-bolla tat-taxxa jew fil-marka ta' identifikazzjoni nazzjonali għall-finijiet fiskali li jkun hemm il-ħsieb li tintuża bħala karatteristika tas-sigurtà tal-inqas sitt xhur qabel id-data meta jkun hemm il-ħsieb li jidħlu fis-seħħ dawk il-bidliet, dejjem jekk huma jkollhom bżonn din l-informazzjoni biex jiżviluppaw karatteristika tas-sigurtà li tkun konformi.
Artikolu 5
Applikar tal-karatteristiċi tas-sigurtà fuq il-pakketti individwali
1. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-karatteristiċi tas-sigurtà jiġu applikati fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk billi jintuża xi wieħed mill-metodi li ġejjin:
(a) |
it-twaħħil; |
(b) |
l-istampar; |
(c) |
taħlita ta' stampar u twaħħil. |
2. Il-karatteristiċi tas-sigurtà għandhom jiġu applikati fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk b'mod:
(a) |
li jippermetti li jiġi identifikat u vverifikat li pakkett individwali ta' prodott tat-tabakk ikun awtentiku fil-perjodu kollu li matulu dak il-prodott ikun imqiegħed fis-suq; u |
(b) |
li jħarishom milli jiġu sostitwiti, milli jerġgħu jintużaw jew milli jinbidlu bi kwalunkwe mod. |
Artikolu 6
Integrità tal-karatteristiċi tas-sigurtà
1. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimplimentaw jew li jirtiraw skemi għar-rotazzjoni tal-karatteristiċi tas-sigurtà fi kwalunkwe mument.
2. Jekk Stat Membru jkollu raġuni jaħseb li l-integrità ta' xi element ta' awtentikazzjoni ta' karatteristika tas-sigurtà li tkun qed tintuża dak iż-żmien fis-suq tiegħu tkun mhedda, dak l-Istat Membru għandu jeżiġi li l-karatteristika tas-sigurtà kkonċernata tiġi sostitwita jew tinbidel. Jekk Stat Membru jinnota karatteristika tas-sigurtà li tkun ġiet mhedda, huwa għandu javża lill-manifatturi u lill-importaturi u lill-fornituri tal-karatteristiċi tas-sigurtà kkonċernati b'dan fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol.
3. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu linji gwida jew rekwiżiti formali dwar is-sigurtà tal-proċeduri tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni, bħal dawk marbutin mal-użu ta' tagħmir u ta' komponenti oħrajn siguri, mal-awditi, mal-għodod tal-monitoraġġ għall-kwantitajiet tal-produzzjoni u mat-trasport sigur sabiex jevitaw, jiskoraġġixxu, jidentifikaw u jnaqqsu kemm jista' jkun il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u s-serq illegali tal-karatteristiċi tas-sigurtà u tal-elementi ta' awtentikazzjoni li huma magħmulin minnhom.
Artikolu 7
Verifika tal-awtentiċità tal-prodotti tat-tabakk
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma jkollhom il-mezzi meħtieġa biex janalizzaw il-kombinazzjonijiet kollha tal-elementi ta' awtentikazzjoni li huma jippermettu li jintużaw biex jiġu żviluppati l-karatteristiċi tas-sigurtà, skont l-Artikoli 3 u 4 ta' din id-Direttiva, sabiex jistabbilixxu jekk pakkett individwali ta' prodott tat-tabakk ikunx awtentiku jew le. L-analiżi għandha ssir skont kriterji tal-prestazzjoni u metodoloġiji tal-evalwazzjoni rrikonoxxuti b'mod internazzjonali, bħal dawk stabbiliti fl-istandard tal-ISO 12931:2012.
2. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk li jkunu jinsabu fit-territorju tagħhom jipprovdulhom, fuq talba, kampjuni tal-prodotti tat-tabakk li jkunu mqiegħda fis-suq dak iż-żmien. Il-kampjuni għandhom jingħataw bħala pakketti individwali li fuqhom tkun ġiet applikata l-karatteristika tas-sigurtà. L-Istati Membri għandhom iqiegħdu l-kampjuni tal-prodotti tat-tabakk li jkunu rċevew għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, jekk din titlobhom jagħmlu dan.
3. Meta jintalbu jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin jivverifikaw li prodott tat-tabakk li jkun maħsub għas-suq nazzjonali ta' Stat Membru ieħor ikun awtentiku, fosthom billi jaqsmu bejniethom il-kampjuni li jkunu kisbu skont il-paragrafu 2.
Artikolu 8
Indipendenza tal-fornituri tal-elementi ta' awtentikazzjoni
1. Għall-għanijiet tal-Artikolu 3(2), fornitur tal-elementi ta' awtentikazzjoni, kif ukoll is-sottokuntratturi tiegħu, skont il-każ, għandhom jitqiesu li huma indipendenti jekk jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:
(a) |
l-indipendenza mill-industrija tat-tabakk f'termini tal-forma ġuridika, tal-organizzazzjoni u tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Għandu jiġi vvalutat b'mod partikulari jekk l-industrija tat-tabakk għandhiex kontroll, dirett jew indirett, fuq l-impriża jew il-grupp ta' impriżi, fosthom permezz ta' parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja; |
(b) |
l-indipendenza mill-industrija tat-tabakk f'termini finanzjarji, li se tkun preżunta jekk, qabel ma jidħlu għall-funzjonijiet tagħhom, l-impriża jew il-grupp ta' impriżi jkunu ġġeneraw inqas minn 10 % mill-fatturat dinji annwali tagħhom, minbarra l-VAT u kull taxxa indiretta oħra, mill-forniment ta' prodotti u ta' servizzi lis-settur tat-tabakk fl-aħħar sentejn kalendarji, kif jista' jiġi stabbilit abbażi tal-aktar kontijiet riċenti approvati. Għal kull sena kalendarja sussegwenti, il-fatturat dinji annwali, minbarra l-VAT u kull taxxa indiretta oħra, mill-forniment ta' prodotti u ta' servizzi lis-settur tat-tabakk ma għandux jaqbeż l-20 %; |
(c) |
in-nuqqas ta' kunflitt ta' interess mal-industrija tat-tabakk min-naħa tal-persuni li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-impriża jew tal-grupp ta' impriżi, fosthom tal-membri tal-bord tad-diretturi jew ta' kull tip ta' korp ta' tmexxija ieħor. B'mod partikulari, huma:
|
2. F'każ li fornitur tal-elementi ta' awtentikazzjoni jqabbad sottokuntratturi, huwa għandu jibqa' jkollu r-responsabbiltà jiżgura li dawk is-sottokuntratturi jikkonformaw mal-kriterji tal-indipendenza stabbiliti fil-paragrafu 1.
3. L-Istati Membri, kif ukoll il-Kummissjoni, jistgħu jitolbu lill-fornituri tal-elementi ta' awtentikazzjoni, inkluż is-sottokuntratturi tagħhom, skont il-każ, jipprovdulhom id-dokumenti li għandhom bżonn biex jivvalutaw il-konformità tagħhom mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1. It-tali dokumenti jistgħu jinkludu dikjarazzjonijiet annwali tal-konformità mal-kriterji tal-indipendenza stabbiliti fil-paragrafu 1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jitolbu li d-dikjarazzjonijiet annwali jkunu jinkludu lista sħiħa tas-servizzi pprovduti lill-industrija tat-tabakk matul l-aħħar sena kalendarja, kif ukoll dikjarazzjonijiet individwali tal-indipendenza finanzjarja mill-industrija tat-tabakk ipprovduti mill-membri kollha involuti fil-ġestjoni tal-fornitur indipendenti.
4. L-Istati Membri rilevanti u l-Kummissjoni għandhom jiġu avżati minnufih b'kull bidla fiċ-ċirkustanzi marbuta mal-kriterji li jissemmew fil-paragrafu 1 li tista' taffettwa l-indipendenza ta' fornitur tal-elementi ta' awtentikazzjoni (inkluż tas-sottokuntratturi tiegħu, skont il-każ), u li tibqa' għaddejja għal sentejn kalendarji konsekuttivi.
5. Meta l-informazzjoni li tinkiseb skont il-paragrafu 3 jew l-avviż imsemmi fil-paragrafu 4 jiżvelaw li fornitur tal-elementi ta' awtentikazzjoni (inkluż is-sottokuntratturi tiegħu, skont il-każ) ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, f'perjodu raġonevoli taż-żmien u sa mhux aktar tard minn tmiem is-sena kalendarja ta' wara dik li matulha jkunu waslu l-informazzjoni jew l-avviż, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm konformità mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1.
6. Il-fornituri tal-elementi ta' awtentikazzjoni għandhom javżaw lill-Istati Membri rilevanti u lill-Kummissjoni minnufih b'kull theddida jew tentattiv li jiġu influwenzati b'mod mhux xieraq li jistgħu jimminaw, potenzjalment jew fir-realtà, l-indipendenza tagħhom.
7. L-awtoritajiet pubbliċi jew l-impriżi rregolati mil-liġi pubblika, kif ukoll is-sottokuntratturi tagħhom, għandhom jitqiesu li huma indipendenti mill-industrija tat-tabakk.
8. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi b'mod perjodiku l-proċeduri li jirregolaw il-monitoraġġ tal-konformità mal-kriterji tal-indipendenza stabbiliti fil-paragrafu 1, sabiex tivvaluta l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta' din id-Deċiżjoni. Il-konklużjonijiet ta' dik ir-reviżjoni għandhom jiġu ppubblikati u għandhom jiddaħħlu fir-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE previst fl-Artikolu 28 ta' dik id-Direttiva.
Artikolu 9
Dispożizzjoni tranżitorja
1. Is-sigaretti u t-tabakk tal-brim li jkunu ġew immanifatturati fl-Unjoni jew importati fiha qabel l-20 ta' Mejju 2019 u li ma jkollhomx karatteristika tas-sigurtà skont din id-Deċiżjoni jistgħu jibqgħu fiċ-ċirkolazzjoni libera sal-20 ta' Mejju 2020.
2. Il-prodotti tat-tabakk minbarra s-sigaretti u t-tabakk tal-brim li jkunu ġew immanifatturati fl-Unjoni jew importati fiha qabel l-20 ta' Mejju 2024 u li ma jkollhomx karatteristika tas-sigurtà skont din id-Deċiżjoni jistgħu jibqgħu fiċ-ċirkolazzjoni libera sal-20 ta' Mejju 2026.
Artikolu 10
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2017.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/574 tal-15 ta' Diċembru 2017 dwar l-istandards tekniċi għat-twaqqif u għat-tħaddim ta' sistema ta' traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk (ara l-paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Ara l-istandard tal-ISO 12931:2012 (Il-kriterji tal-prestazzjoni għas-soluzzjonijiet tal-awtentikazzjoni li jintużaw biex tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni tal-oġġetti materjali).
ANNESS
TIPI TA' ELEMENTI TA' AWTENTIKAZZJONI
Mhux moħbija |
Nofshom moħbija |
Moħbija |
Guilloche Motif ornamentali ta' żewġ faxex jew iktar minsuġin ma' xulxin li jkunu stampati b'diversi kuluri mhux standard. |
Immaġnijiet bil-laser In-nies ikunu jistgħu jaraw din l-immaġni b'għajnejhom biss meta fuqha jinxteħet dawl b'tul ta' mewġa partikulari, pereżempju permezz ta' apparat li jixħet raġġ laser (“laser pointer”). |
Markaturi tad-DNA Markatur forensiku li juża prinċipji matematiċi ta' tagħqid flimkien biex jiddefinixxi s-sekwenzi ta' nukleotidi. |
Kolorazzjoni qawsalla Il-kombinazzjoni ta' żewġ kuluri jew iktar ma' xulxin u l-integrazzjoni b'mod sottili tal-kuluri f'xulxin, li jwassal biex jiġu ffurmati kuluri intermedji (li jiġu qishom il-kuluri tal-qawsalla). |
Immaġni polarizzata In-nies ikunu jistgħu jaraw din l-immaġni b'għajnejhom biss meta fuqha jitpoġġa filtru ta' polarizzazzjoni speċifiku. |
Markaturi molekulari Markatur kimiku li ta' spiss ikun inkluż fil-materjal bażiku tal-oġġett li miegħu jkun imwaħħal u li jippermetti li jiġu nnutati l-proporzjonijiet ta' dilwizzjoni u ta' taħlit fil-materjali. Dan ikun ikkodifikat b'mod uniku u jkun inkorporat fil-livell tat-traċċi. |
Immaġni latenti Motif b'linji stampat bl-intall li juri immaġni differenti meta l-oġġett li fuqu jkun stampat jitmejjel. Dan jista' jiġi kkombinat mal-linka ottikament varjabbli. |
Karta li mhix affettwata mir-raġġi ultravjola Karta speċjali li ma tirriflettix id-dawl ultravjola. Din hija adattata għall-istampar bil-linka ultravjola li se jidher meta l-karta titqiegħed taħt id-dawl ta' lampa ultravjola speċjali. |
Fibri tas-sigurtà (moħbija) Fibri fluworexxenti inviżibbli li jitqiegħdu f'postijiet differenti b'mod aleatorju fuq karta li tkun adattata. Dawn la jistgħu jiġu skennjati u lanqas iffotokopjati u se jkunu jidhru biss meta l-karta titqiegħed taħt id-dawl ta' lampa ultravjola speċjali. |
Linka ottikament varjabbli Din il-linka tibdel il-kulur skont minn liema angolu wieħed iħares lejha. |
Fibri tas-sigurtà (nofshom moħbija) Fibri fluworexxenti viżibbli li jkunu inkorporati, parjzlament jew għalkollox, f'motif aleatorju li ma jistax jiġi riprodott. Dawn jistgħu jkunu f'diversi forom u f'diversi kuluri. Huma jibdlu l-kulur meta l-karta titqiegħed taħt id-dawl ultravjola. |
Elementi manjetiċi Motif ta' elementi manjetiċi li jiġġeneraw sinjal jew sensiela ta' sinjali li jistgħu jiġu nnutati mill-bogħod minn apparat ta' identifikazzjoni speċjali. |
Motifi li jinħassu Stampar bl-intall li joħloq riljiev imqabbeż li jinħass, li jista' jiġi awtentikat taħt dawl oblikwu. Dan jista' jiġi kkombinat ma' immaġni latenti. |
Mikrostampar Stampar bl-użu ta' test żgħir ħafna li jrid jitkabbar biex in-nies ikunu jistgħu jaqrawh b'għajnejhom stess. |
Linek anti-stokes Linek b'karatteristiċi anti-stokes li jistgħu jiġu eżaminati billi jintuża komparatur tal-vidjows spettrali (strumenti tal-VSC). |
Ologramma Il-wiri ta' reġistru fotografiku tridimensjonali għalkollox ta' kamp tad-dawl li jinbidel skont minn liema angolu wieħed iħares lejh. |
Linka termokromika Linka reattiva għas-sħana li tiġi affettwata mit-tibdil fit-temperatura. Il-linka tibdel il-kulur jew tisparixxi meta tinbidel it-temperatura. |
Linek reattivi (moħbija) Linek bla kulur jew trasparenti li jibdew jidhru meta jiġi applikat solvent partikulari fuqhom f'kundizzjonijiet tal-laboratorju permezz ta' għodod mibnija b'mod speċifiku għal dan il-għan. |
|
Linek reattivi (nofshom moħbija) Linek bla kulur jew trasparenti li jibdew jidhru meta jiġi applikat solvent partikulari fuqhom permezz ta' pinna jew markatur speċjali. |
|