EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1422

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1422 tal-4 ta' Awwissu 2017 li jaħtar iċ-ċentru ta' referenza tal-Unjoni Ewropea responsabbli għall-kontribut xjentifiku u tekniku għall-armonizzazzjoni u għat-titjib tal-metodi ta' kontroll tal-prestazzjoni u tal-evalwazzjoni ġenetika tal-ispeċijiet ta' annimali bovini ta' razza pura għat-tnissil (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/5412

ĠU L 204, 5.8.2017, p. 78–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1422/oj

5.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/78


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1422

tal-4 ta' Awwissu 2017

li jaħtar iċ-ċentru ta' referenza tal-Unjoni Ewropea responsabbli għall-kontribut xjentifiku u tekniku għall-armonizzazzjoni u għat-titjib tal-metodi ta' kontroll tal-prestazzjoni u tal-evalwazzjoni ġenetika tal-ispeċijiet ta' annimali bovini ta' razza pura għat-tnissil

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta' annimali ta' razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 29(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Waqt il-laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kummissjoni dwar iż-Żooteknika tal-15 ta' Novembru 2016, l-esperti tal-Istati Membri stqarrew li hemm ħtieġa kontinwa għall-promozzjoni tal-armonizzazzjoni u tat-titjib tal-metodi ta' kontroll tal-prestazzjoni u tal-evalwazzjoni ġenetika tal-ispeċijiet ta' annimali bovini ta' razza pura għat-tnissil li jintużaw minn soċjetajiet tat-tnissil jew minn partijiet terzi maħtura minn dawk is-soċjetajiet tat-tnissil.

(2)

B'konformità mal-Artikolu 29(3) tar-Regolament (UE) 2016/1012, il-Kummissjoni għamlet sejħa pubblika għall-għażla u għall-ħatra taċ-ċentru ta' referenza tal-Unjoni Ewropea responsabbli għall-kontribut xjentifiku u tekniku għall-armonizzazzjoni u għat-titjib tal-metodi marbuta mal-ispeċijiet ta' annimali bovini ta' razza pura għat-tnissil.

(3)

Il-bord tal-evalwazzjoni u tal-għażla maħtur għal dik is-sejħa kkonkluda li l-“Interbull Centre” jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2016/1012 u jista' jkun responsabbli għall-kompiti stabbiliti fil-punt 2 ta' dak l-Anness.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-“Interbull Centre” jinħatar bħala ċ-ċentru ta' referenza tal-Unjoni Ewropea responsabbli għall-kontribut xjentifiku u tekniku għall-armonizzazzjoni u għat-titjib tal-metodi ta' kontroll tal-prestazzjoni u tal-evalwazzjoni ġenetika tal-ispeċijiet ta' annimali bovini ta' razza pura għat-tnissil. Il-ħatra trid tiġi rieżaminata b'mod regolari skont l-Artikolu 29(3) tar-Regolament (UE) 2016/1012.

(5)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun applikabbli mill-1 ta' Novembru 2018 b'konformità mad-data tal-applikazzjoni prevista fl-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2016/1012.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Żootekniku Permanenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Iċ-ċentru li ġej għandu jinħatar bħala ċ-ċentru ta' referenza tal-Unjoni Ewropea responsabbli għall-kontribut xjentifiku u tekniku għall-armonizzazzjoni u għat-titjib tal-metodi ta' kontroll tal-prestazzjoni u tal-evalwazzjoni ġenetika tal-ispeċijiet ta' annimali bovini ta' razza pura għat-tnissil:

Interbull Centre

Department of Animal Breeding and Genetics

Swedish University of Agricultural Science — SLU

Ulls väg 26

Box 7023

SE-750 07 Uppsala

Sweden.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Novembru 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 66.


Top