Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0685

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/685 tal-11 ta' April 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

    ĠU L 99, 12.4.2017, p. 10–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/685/oj

    12.4.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 99/10


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/685

    tal-11 ta' April 2017

    li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta' April 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011.

    (2)

    Abbażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK (2), il-Kunsill iddeċieda li jenħtieġ li l-miżuri restrittivi stabbiliti fiha gjiġġeddu sat-13 ta' April 2018.

    (3)

    Il-Kunsill ikkonkluda wkoll li jenħtieġ li l-entrati li jikkonċernaw ċerti persuni inklużi fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 jiġu aġġornati.

    (4)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' April 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. GRECH


    (1)  ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51).


    ANNESS

    L-entrati li ġejjin jissostitwixxu l-entrati li jikkonċernaw il-persuni elenkati hawn taħt, stabbiliti fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011.

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “20.

    MOGHISSEH Mohammad (psewdonimu NASSERIAN)

     

    Imħallef, Kap tal-Qorti Revoluzzjonarja ta' Tehran, fergħa 28. Meqjus ukoll responsabbli għall-kundanni ta' membri tal-komunità Bahai. Kien responsabbli għal każijiet ta' wara l-elezzjoni. Huwa ħareġ sentenzi ta' priġunierija fit-tul matul proċessi inġusti għal attivisti u ġurnalisti soċjali, politiċi, u diversi sentenzi kapitali għal persuni li pprotestaw u attivisti soċjali u politiċi.

    12.4.2011

    22.

    MORTAZAVI Said

    Post tat-twelid: Meybod, Yazd (Iran)

    Data tat-twelid: 1967

    Eks Prosekutur Ġenerali ta' Tehran sa Awwissu 2009. Bħala Prosekutur Ġenerali ta' Tehran, huwa kien ħareġ ordni ġenerali għad-detenzjoni ta' mijiet ta' attivisti, ġurnalisti u studenti. F'Jannar 2010 investigazzjoni parlamentari sabitu direttament responsabbli għad-detenzjoni ta' tliet ħabsin li sussegwentement mietu fil-ħabs. Huwa ġie sospiż mill-kariga f'Awwissu 2010 wara investigazzjoni mill-ġudikatura Iranjana dwar ir-rwol tiegħu fl-imwiet tat-tliet irġiel miżmuma fuq l-ordnijiet tiegħu wara l-elezzjoni. F'Novembru 2014, ir-rwol tiegħu fl-imwiet ta' detenuti ġiet rikonoxxuta uffiċjalment mill-awtoritajiet Iranjani. Ġie lliberat minn Qorti Iranjana fid-19 ta' Awwissu 2015, fuq akkużi marbuta mat-tortura u l-imwiet ta' tliet ġuvintur fiċ-ċentru ta' detenzjoni ta' Kahrizak fl-2009.

    12.4.2011

    23.

    PIR-ABASSI Abbas

     

    Maġistrat ta' Awla kriminali. Eks Imħallef, Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tehran, fergħa 26. Kien inkarigat minn każijiet ta' wara l-elezzjoni, ħareġ sentenzi ta' priġunerija fit-tul matul proċessi inġusti kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u diversi sentenzi kapitali lil dimostranti.

    12.4.2011

    25.

    SALAVATI Abdolghassem

     

    Imħallef, Kap tal-Qorti Revoluzzjonarja ta' Tehran, fergħa 15. Imħallef fit-Tribunal ta' Tehran. Inkarigat bil-każijiet ta' wara l-elezzjoni, huwa kien l-Imħallef li ppresieda l-“proċessi spettaklu” fis-sajf 2009, huwa kkundanna għall-mewt żewġ monarkisti li dehru fil-proċessi spettaklu. Huwa kkundanna aktar minn mitt priġunier politiku, attivisti għad-drittijiet tal-bniedem, u dimostranti għal sentenzi ta' priġunerija fit-tul.

    12.4.2011

    33.

    ABBASZADEH- MESHKINI, Mahmoud

     

    Segretarju tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem. Eks gvernatur tal-Provinċja ta' Ilam. Ex Direttur politiku tal-Ministeru għall-Intern. Bħala Kap tal-Kumitat tal-Artikolu 10 tal-Liġi dwar Attivitajiet ta' Partiti u Gruppi Politiċi huwa kien jieħu ħsieb l-awtorizzazzjoni ta' dimostrazzjonijiet u avvenimenti pubbliċi oħra u r-reġistrazzjoni ta' partiti politiċi.

    Fl-2010, huwa ssospenda l-attivitajiet ta' żewġ partiti politiċi riformisti marbuta ma' Mousavi — il-Front Iżlamiku għall-Parteċipazzjoni tal-Iran u l-Organizzazzjoni ta' Mujahedeen għar-Rivoluzzjoni Iżlamika.

    Mill-2009 'l quddiem huwa rrifjuta b'mod konsistenti u kontinwu l-laqgħat kollha mhux governattivi, u b'hekk ċaħħad dritt kostituzzjonali għall-protesta u wassal għal ħafna arresti ta' dimostraturi paċifiċi bi ksur tad-dritt għal-libertà ta' assemblea.

    Fl-2009 huwa ċaħħad ukoll l-oppożizzjoni minn permess għal ċerimonja biex tibki t-telfa tan-nies maqtula fi protesti matul l-elezzjonijiet Presidenzjali.

    10.10.2011

    35.

    AKHARIAN Hassan

     

    Eks gwardjan tas-Sala 1 tal-ħabs ta' Radjaishahr, Karadj. Diversi eks-detenuti ddenunzjaw l-użu ta' tortura minnu, kif ukoll ordnijiet li ta biex il-priġunieri ma jirċevux għajnuna medika. Skont traskrizzjoni ta' detenut irrappurtat fil-ħabs ta' Radjaishahr, il-gwardjani sawtuh bil-qawwa, u Akharian kien jaf b'dak kollu li kien qed jiġri. Hemm ukoll mill-inqas każ wieħed irrappurtat tal-mewt ta' detenut, Mohsen Beikvand, taħt il-gwardja ta' Akharian.

    10.10.2011

    36.

    AVAEE Seyyed Ali-Reza (psewdonimu: AVAEE Seyyed Alireza)

     

    Direttur tal-uffiċċju ta' investigazzjonijiet speċjali. Sa Lulju 2016 il-viċi Ministru għall-Intern u l-kap tar-Reġistru pubbliku. Konsulent għall-Qorti Dixxiplinari għall-Imħallfin sa minn April 2014. Eks President tal-Ġudikatura ta' Tehran. Bħala President tal-Ġudikatura ta' Tehran huwa kien responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, arresti arbitrarji, ċaħdiet tad-drittijiet tal-priġunieri u żieda fl-eżekuzzjonijiet.

    10.10.2011

    38.

    FIRUZABADI Maj-Gen Dr Seyyed Hasan (psewdonimu: FIRUZABADI Maj-Gen Dr Seyed Hassan; FIROUZABADI Maj-Gen Dr Seyyed Hasan; FIROUZABADI Maj-Gen Dr Seyed Hassan)

    Post tat-twelid: Mashad.

    Data tat-twelid: 3.2.1951

    Bħala eks Kap tal-Persunal tal-Forzi Armati tal-Iran, huwa kien l-ogħla kmand militari responsabbli mit-tmexxija tad-diviżjonijiet u l-politiki militari kollha, fosthom il-Korpi tal-Gwardji tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) u l-pulizija. Il-forzi taħt il-katina ta' kmand formali tiegħu wettqu repressjoni brutali tad-dimostraturi paċifiċi kif ukoll detenzjonijiet tal-massa.

    Membru wkoll tal-Kunsill Suprem tas-Sigurtà Nazzjonali (SNSC) u l-Kunsill ta' Espedjenza.

    10.10.2011

    39.

    GANJI Mostafa Barzegar

     

    Eks Prosekutur Ġenerali ta' Qom. X'aktarx li bħalissa jinsab fi proċess ta' riassenjazzjoni għal funzjoni oħra. Huwa responsabbli għad-detenzjoni u l-maltrattament arbitrarji ta' bosta offensuri f'Qom. Huwa kompliċi fi ksur serju tad-dritt għal proċess dovut li jikkontribwixxi għall-użu eċċessiv u dejjem jiżdied tal-piena tal-mewt u li wassal għal żieda qawwija fl-eżekuzzjonijiet mill-bidu tas-sena 'l hawn.

    10.10.2011

    40.

    HABIBI Mohammad Reza

     

    Kap tal-uffiċċju tal-Ministeru għall-Ġustizzja f'Yazd. Eks Viċi Prosekutur ta' Isfahan. X'aktarx li bħalissa jinsab fi proċess ta' riassenjazzjoni għal funzjoni oħra. Kompliċi fi proċedimenti li jċaħħdu l-imputati minn proċess ġust — bħal Abdollah Fathi li ngħata l-mewt f'Mejju 2011 wara li d-dritt li jinstema' u kwistjonijiet ta' saħħa mentali tiegħu ġew injorati minn Habibi matul il-proċess tiegħu f'Marzu 2010. Huwa għalhekk kompliċi fi ksur serju tad-dritt għal proċess dovut, u kkontribwixxa għal użu eċċessiv u dejjem jiżdied tal-piena tal-mewt u għal żieda qawwija fl-eżekuzzjonijiet sa mill-bidu tal-2011.

    10.10.2011

    41.

    HEJAZI Mohammad

    Post tat-twelid: Ispahan

    Data tat-twelid: 1956

    Ġeneral f'Pasdaran, kellu rwol ċentrali fl-intimidazzjoni u t-theddid tal-“għedewwa” tal-Iran, u l-ibbumbardjar ta' villaġġi Kurdi Iraqini. Eks Kap tal-Korpi ta' Sarollah tal-IRGC f'Tehran, u dak li qabel kien il-Kap tal-Forzi ta' Basij, kellu rwol ċentrali fir-repressjoni ta' wara l-elezzjoni fuq persuni li pprotestaw.

    10.10.2011

    46.

    KAMALIAN Behrouz

    (psewdonimu: Hackers Brain)

    Post tat-twelid: Teheran

    Data tat-twelid: 1983

    Kap tal-grupp ċibernetiku “Ashiyaneh” marbut mal-IRGC. Is-Sigurtà Diġitali “Ashiyaneh”, imwaqqfa minn Behrouz Kamalian hija responsabbli għal ripressjoni ċibernetika intensiva kemm fuq opponenti u riformisti domestiċi kif ukoll istituzzjonijiet barranin. Fil-21 ta' Ġunju 2009, is-sit elettroniku tal-Kmand tad-Difiża Ċibernetika 32 tal-Gwardjan Rivoluzzjonarju ppubblika ritratti tal-uċuh ta' 26 persuna, li allegatament ittieħdu matul id-dimostrazzjonijiet ta' wara l-elezzjoni. Mehmuż kien hemm appell lill-Iranjani biex “jidentifikaw lil dawk li ħadu sehem fl-irvellijiet”.

    10.10.2011

    49.

    MALEKI Mojtaba

     

    Viċi kap tal-Ministeru għall-Ġustizzja fil-provinċja ta' Razavi Khorasan. Eks prosekutur ta' Kermanshah. Kellu rwol fiż-żieda drammatika tas-sentenzi tal-mewt li qed jingħataw fl-Iran, inkluż il-prosekuzzjoni tal-każijiet ta' seba' priġunieri misjuba ħatja ta' traffikar ta' drogi li kienu mgħallqa fl-istess ġurnata fit-3 ta' Jannar 2010 fil-ħabs ċentrali ta' Kermanshah.

    10.10.2011

    51.

    SALARKIA Mahmoud

    Eks direttur tal-Klabb tal-Futbol ta' Tehran “Persepolis”

    Kap tal-Kummissjoni tal-Petrol u tat-Trasport tal-Belt ta' Tehran. Viċi Prosekutur Ġenerali ta' Tehran għall-Affarijiet tal-Ħabs matul ir-repressjoni tal-2009.

    Bħala Viċi Prosekutur Ġenerali ta' Tehran għall-Affarijiet tal-Ħabs huwa kien direttament responsabbli għal ħafna mill-mandati għall-arrest kontra dimostranti u attivisti innoċenti u paċifiċi. Ħafna rapporti minn difensuri tad-drittijiet tal-bniedem juru li kważi dawk kollha arrestati huma, fuq struzzjonijiet tiegħu, miżmuma f'iżolament mingħajr aċċess għall-avukat jew il-familji tagħhom, u mingħajr akkuża, għal tul ta' żmien li jvarja, spiss f'kondizzjonijiet li jammontaw għal għajbien sfurzat. Il-familji tagħhom ħafna drabi ma jiġux notifikati bl-arrest.

    10.10.2011

    53.

    TALA Hossein (psewdonimu: TALA Hosseyn)

     

    Eks MP Iranjan. Eks Gvernatur Ġenerali (“Farmandar”) tal-Provinċja ta' Tehran sa Settembru 2010, kien responsabbli għall-intervent tal-forzi tal-pulizija u għalhekk għar-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet. F'Diċembru 2010 huwa rċieva premju għar-rwol tiegħu fir-repressjoni ta' wara l-elezzjoni.

    10.10.2011

    56.

    BAHRAMI Mohammad- Kazem

     

    Kap tal-qorti tal-ġustizzja amministrattiva. Huwa kien kompliċi fir-ripressjoni ta' dimostranti paċifiċi bħal kap tal-fergħa ġudizzjarja tal-forzi armati.

    10.10.2011

    73.

    FAHRADI Ali

     

    Viċi kap tal-Ispettorat tal-Affarijiet Legali u l-Ispezzjoni Pubblika tal-Ministeru għall-Ġustizzja ta' Tehran. Prosekutur ta' Karaj. Responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż prosekuzzjonijiet fejn tingħata l-piena tal-mewt. Kien hemm għadd kbir ta' eżekuzzjonijiet fir-reġjun ta' Karaj matul il-mandat tiegħu bħala prosekutur.

    23.3.2012

    74.

    REZVANMA-NESH Ali

     

    Viċi prosekutur fil-provinċja ta' Karaj, reġjun ta' Alborz. Responsabbli mill-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-involviment fl-eżekuzzjoni ta' persuna minorenni.

    23.3.2012

    76.

    SADEGHI Mohamed

     

    Kurunell u Deputat tal-intelligence teknika u ċibernetika tal-IRGC u responsabbli għaċ-ċentru ta' analiżi u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fi ħdan il-Pasdaran. Responsabbli għall-arresti u t-tortura ta' bloggers/ġurnalisti.

    23.3.2012

    79.

    RASHIDI AGHDAM, Ali Ashraf

     

    Eks kap tal-Ħabs ta' Evin, maħtur f'nofs l-2012. Sa mill-ħatra tiegħu, il-kundizzjonijiet fil-ħabs iddeterjoraw u r-rapporti għamlu referenza għal trattament ħażin intensifikat tal-priġunieri. F'Ottubru 2012, disa' priġunieri nisa għamlu strajk tal-ġuħ bi protesta kontra l-ksur tad-drittijiet tagħhom u t-trattament vjolenti mill-gwardjani tal-ħabs.

    12.3.2013

    82.

    SARAFRAZ, Mohammad (Dr.) (psewdonimu: Haj-agha Sarafraz)

    Post tat-twelid: Teheran

    Data tat-twelid: bejn wieħed u ieħor 1963

    Post ta' Residenza: Tehran

    Membru tal-Kunsill Suprem għaċ-Ċiberspazju. Eks President tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB). Eks Kap ta' IRIB World Service u Press TV, responsabbli mid-deċiżjonijiet kollha ta' programmazzjoni. Assoċjat mill-qrib mal-amministrazzjoni tas-sigurtà tal-istat. Taħt it-tmexxija tiegħu Press TV, flimkien ma' IRIB, ħadem mas-servizzi tas-sigurtà u l-prosekuturi Iranjani biex ixandar konfessjonijiet furzati mid-detenuti, inklużi dawk tal-ġurnalist u l-produttur tal-films Iranjan-Kanadiż Maziar Bahari, fil-programm ta' kull ġimgħa “Iran Today”. Ir-regolatur indipendenti tax-xandir OFCOM ta multa lil Press TV fir-Renju Unit ta' GBP 100 000 talli xandar il-konfessjoni ta' Bahari fl-2011, li ġiet iffilmjata fil-ħabs waqt li Bahari kien mhedded. Sarafraz għalhekk huwa assoċjat mal-ksur tad-dritt ta' proċess korrett u smigħ ġust.

    12.3.2013

    86.

    MUSAVI- TABAR, Seyyed Reza

     

    Eks kap tal-Prosekuzzjoni Rivoluzzjonarja ta' Shiraz. Responsabbli mill-arresti illegali u t-trattament ħażin ta' attivisti politiċi, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, persuni Baha'i u priġunieri tat-twemmin, li ġew molestati, ittorturati, interrogati u rrifjutati aċċess għal avukati u proċess korrett. Musavi-Tabar iffirma ordnijiet ġudizzjarji fil-famuż Ċentru ta' Detenzjoni Nru 100 (ħabs għall-irġiel), inkluża ordni biex tinżamm priġuniera mara Baha'i Raha Sabet għal tliet snin f'iżolament.

    12.3.2013”


    Top