Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0581

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/581 tal-24 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-aċċess għall-ikklerjar fir-rigward ta' ċentri tan-negozjar u kontropartijiet ċentrali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2016/3807

    ĠU L 87, 31.3.2017, p. 212–223 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/581/oj

    31.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 87/212


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/581

    tal-24 ta' Ġunju 2016

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-aċċess għall-ikklerjar fir-rigward ta' ċentri tan-negozjar u kontropartijiet ċentrali

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 35(6) u l-Artikolu 36(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-kontropartijiet ċentrali (CCPs) u ċ-ċentri tan-negozjar għandhom ikunu jistgħu jirrifjutaw talba għal aċċess għal CCP jew ċentru tan-negozjar biss meta jkunu għamlu kull sforz raġonevoli biex jimmaniġġaw ir-riskju li jirriżulta mill-għoti ta' dak l-aċċess iżda jkun għad hemm riskju sinifikanti żejjed.

    (2)

    Skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, jekk CCP jew ċentru tan-negozjar jiċħad talba għal aċċess, dan irid jagħti r-raġunijiet sħaħ għal dik id-deċiżjoni u dan jinkludi l-identifikazzjoni ta' kif ir-riskji rilevanti li jirriżultaw mill-għoti ta' aċċess ikunu, fis-sitwazzjoni partikolari, mhux maniġġabbli u li jkun għad hemm riskju sinifikanti żejjed. Mod xieraq kif isir dan huwa billi l-parti li tiċħad l-aċċess tiddeskrivi b'mod ċar il-bidliet fl-immaniġġar tar-riskji li jirriżultaw mill-għoti ta' aċċess, tiddeskrivi wkoll kif ikollha timmaniġġa r-riskju assoċjat mal-bidliet b'konsegwenza tal-għoti ta' aċċess, u tispjega l-impatt fuq l-attivitajiet tagħha.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 ma jiddistingwix bejn ir-riskji sostnuti minn CCPs u dawk sostnuti minn ċentri tan-negozjar meta jagħtu aċċess u jinkludi l-istess kategoriji ġenerali ta' kundizzjonijiet li għandhom jitqiesu minn ċentri tan-negozjar u CCPs fil-valutazzjoni ta' talbiet għall-aċċess. Madankollu, minħabba n-natura differenti tal-attivitajiet tas-CCPs meta mqabbla maċ-ċentri tan-negozjar, ir-riskji li jirriżultaw mill-għoti ta' aċċess jistgħu fil-prattika jkollhom impatt differenti fuq is-CCPs u ċ-ċentri tan-negozjar, u għalhekk huwa meħtieġ approċċ li jiddifferenzja bejn is-CCPs u ċ-ċentri tan-negozjar.

    (4)

    Meta awtorità kompetenti tivvaluta jekk l-aċċess ikunx jhedded il-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq jew jaffettwa ħażin ir-riskju sistemiku, għandha tqis jekk is-CCP jew iċ-ċentru tan-negozjar ikkonċernat ikollhomx proċeduri ta' mmaniġġar tar-riskju adegwati, inkluż fir-rigward tar-riskji operazzjonali u ġuridiċi, sabiex jiġi evitat li l-ftehim ta' aċċess joħloq riskji sinifikanti żejda li ma jkunux jistgħu jiġu mitigati għal partijiet terzi.

    (5)

    Il-kundizzjonijiet li skonthom għandu jitħalla l-aċċess għandhom ikunu raġonevoli u mhux diskriminatorji sabiex ma jipperikolawx l-għan ta' aċċess mhux diskriminatorju. Li jintalbu tariffi b'mod diskriminatorju sabiex jiġi skoraġġit l-aċċess ma għandux ikun permess. Madankollu, it-tariffi jistgħu jkunu differenti għal raġunijiet oġġettivament ġustifikati, bħal meta l-ispejjeż biex jiġu implimentati l-arranġamenti ta' aċċess ikunu ogħla. Meta jagħtu aċċess, is-CCPs u ċ-ċentri tan-negozjar iġarrbu kemm spejjeż ta' darba, bħall-valutazzjoni tar-rekwiżiti ġuridiċi, kif ukoll spejjeż rikorrenti. Peress li l-ambitu tat-talba għall-aċċess u l-ispejjeż assoċjati biex jiġi implimentat il-ftehim ta' aċċess x'aktarx li jkunu differenti għal kull każ, mhuwiex xieraq li l-allokazzjoni speċifika tal-ispejjeż bejn is-CCP u ċ-ċentru tan-negozjar tiġi koperta f'dan ir-Regolament. Madankollu, l-allokazzjoni tal-ispejjeż hija element importanti ta' ftehim ta' aċċess, u għalhekk iż-żewġ partijiet għandhom jispeċifikaw il-kopertura tal-ispejjeż f'dak il-ftehim.

    (6)

    Skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), CCP li tixtieq testendi n-negozju tagħha għal servizzi jew attivitajiet addizzjonali li mhumiex koperti mill-awtorizzazzjoni inizjali għandha tippreżenta talba għal estensjoni tal-awtorizzazzjoni. Estensjoni tal-awtorizzazzjoni hija meħtieġa meta CCP jkollha l-intenzjoni li toffri servizzi tal-ikklerjar għal strumenti finanzjarji bi profil tar-riskju differenti jew li jkollhom differenzi materjali mis-sett ta' prodotti eżistenti tas-CCP. Meta kuntratt innegozjat f'ċentru tan-negozjar li CCP tkun tat aċċess għalih ikun fi klassi ta' strumenti finanzjarji koperti mill-awtorizzazzjoni eżistenti tas-CCP u għalhekk ikollu karatteristiċi tar-riskju simili għall-kuntratti diġà kklerjati mis-CCP, dan il-kuntratt għandu jitqies bħala ekonomikament ekwivalenti.

    (7)

    Sabiex jiġi żgurat li CCP ma tapplikax rekwiżiti diskriminatorji ta' kollateral u ta' proviżjonament ta' marġni għal kuntratti ekonomikament ekwivalenti nnegozjati f'ċentru tan-negozjar li jkun ingħata l-aċċess għas-CCP, kull bidla fil-metodoloġija tal-proviżjonament ta' marġini u fir-rekwiżiti operazzjonali fir-rigward tal-proviżjonament ta' marġni u l-innettjar applikata għal kuntratti ekonomikament ekwivalenti li jkunu diġà kklerjati mis-CCP, għandhom ikunu suġġetti għal rieżami mill-kumitat tar-riskju tas-CCP u jitqiesu bħala bidla sinifikanti għall-mudelli u l-parametri għall-fini tal-proċedura ta' rieżami stipulata fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Tali rieżami għandu jivvalida li l-mudelli u l-parametri l-ġodda ma jkunux diskriminatorji u jkunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet tar-riskju rilevanti.

    (8)

    Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jimpedixxi d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni billi jirrikjedi aċċess nondiskriminatorju għas-CCPs li joffru kklerjar ta' derivattivi barra l-borża (OTC) lil ċentri tan-negozjar. Min-naħa tiegħu, ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jagħraf il-ħtieġa li jiġu introdotti rekwiżiti simili għas-swieq regolati. Minħabba li CCP tista' tikklerja kemm derivattivi nnegozjati barra l-borża kif ukoll derivattivi nnegozjati fuq borża, trattament nondiskriminatorju ta' kuntratti ekonomikament ekwivalenti nnegozjati f'ċentru tan-negozjar li jitlob aċċess għal CCP għandu jieħu kont tal-kuntratti rilevanti kollha kklerjati minn dik is-CCP, irrispettivament minn fejn ikunu negozjati l-kuntratti.

    (9)

    Notifika minn awtorità kompetenti rilevanti lill-kulleġġ tas-CCPs u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar l-approvazzjoni ta' arranġamenti tranżizzjonali għas-CCPs skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għandhom isiru mingħajr dewmien żejjed sabiex awtoritajiet kompetenti rievanti oħra jkunu megħjuna jifhmu l-impatt li dan ser ikollu fuq is-CCP u kull ċentru tan-negozjar li jkun konness b'rabtiet sodi ma' dik is-CCP. In-notifika għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa biex ikun possibbli għall-kulleġġ tas-CCPs u għall-ESMA jifhmu d-deċiżjoni u biex tiżdied it-trasparenza.

    (10)

    Rekwiżiti ċari dwar it-tagħrif li għandu jingħata minn CCPs u ċentri tan-negozjar meta jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ESMA li jixtiequ jibbenefikaw minn arranġamenti tranżizzjonali skont l-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għandhom jikkontribwixxu għal applikazzjoni trasparenti u armonizzata tal-proċedura ta' notifika. Huwa għalhekk neċessarju li l-proċedura ta' notifika tinkludi formoli uniformi għan-notifiki sabiex ikunu possibbli prattiki superviżorji konsistenti u uniformi.

    (11)

    Huwa importanti li jiġi evitat ir-riskju li ċentri tan-negozjar akbar jużaw metodi ta' kalkolu li jimminimizzaw l-ammont nozzjonali annwali tagħhom bl-għan li jibbenefikaw mill-mekkaniżmu ta' esklużjoni fakultattiva għad-dispożizzjonijiet tal-aċċess. Fejn hemm approċċi alternattivi ugwalment aċċettati biex jiġi kkalkulat l-ammont nozzjonali, l-użu tal-kalkolu li jagħti l-ogħla valur jgħin biex jiġi evitat dak ir-riskju. Il-metodi użati biex jiġi kkalkulat l-ammont nozzjonali għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għandhom jippermettu lil ċentri tan-negozjar ġenwinament iżgħar, u li għadhom ma kisbux il-kapaċità teknoloġika li joperaw f'kundizzjonijiet ugwali mal-maġġoranza tas-suq tal-infrastruttura ta' wara n-negozjar, biex jagħmlu użu mill-mekkaniżmu ta' esklużjoni fakultattiva. Huwa importanti wkoll li l-metodi preskritti jkunu sempliċi u ċari sabiex jikkontribwixxu għal prattiki superviżorji konsistenti u uniformi.

    (12)

    Huwa importanti li ċ-ċentri tan-negozjar ikunu konsistenti meta jikkalkulaw l-ammont nozzjonali tagħhom għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 sabiex id-dispożizzjonijiet tal-aċċess ikunu jistgħu jiġu applikati b'mod ġust miċ-ċentri tan-negozjar. Dan huwa rilevanti b'mod partikolari għal ċerti tipi ta' derivattivi nnegozjati fil-borża, innegozjati f'unitajiet, bħal btieti jew tunnellati.

    (13)

    Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 japplikaw mill-istess data. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li s-CCPs u ċ-ċentri tan-negozjar ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-arranġamenti tranżizzjonali stipulati fl-Artikolu 35(5) u fl-Artikolu 36(5) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, uħud mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    (14)

    Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib, billi jittrattaw ir-rifjut u l-għoti ta' aċċess għas-CCPs u ċ-ċentri tan-negozjar, inkluża l-proċedura għas-CCPs u ċ-ċentri tan-negozjar biex jagħżlu li ma jkunux marbuta bir-rekwiżiti tal-aċċess stabbiliti f'dan ir-Regolament. Biex tiġi żgurata l-koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li l-biċċa l-kbira minnhom għandhom japplikaw fl-istess ħin, u biex tiġi ffaċilitata perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għalihom minn persuni suġġetti għal dawk l-obbligi, ikun tajjeb li l-istandards tekniċi regolatorji meħtieġa mill-Artikolu 35(6) u l-Artikolu 36(6) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jiġu inklużi f'Regolament wieħed.

    (15)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-ESMA lill-Kummissjoni.

    (16)

    L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    AĊĊESS MHUX DISKRIMINATORJU GĦAS-CCPS U Ċ-ĊENTRI TAN-NEGOZJAR

    TAQSIMA 1

    Aċċess mhux diskriminatorju għas-CCPS

    Artikolu 1

    Kundizzjonijiet dwar iċ-ċaħda tal-aċċess minn CCP

    1.   CCP għandha tivvaluta jekk l-għoti ta' aċċess joħloqx xi wieħed mir-riskji speċifikati fl-Artikoli 2, 3 u 4 u tista' tiċħad l-aċċess biss jekk, wara li tkun għamlet kull sforz raġonevoli biex timmaniġġa r-riskji tagħha, is-CCP tikkonkludi li jkun hemm riskji sinifikanti żejda li ma jistgħux jiġu mmaniġġati.

    2.   Jekk CCP tiċħad l-aċċess, għandha tidentifika liema riskji speċifikati fl-Artikoli 2, 3 u 4 jirriżultaw mill-għoti tal-aċċess u tispjega għalfejn dawn ir-riskji ma jistgħux jiġu mmaniġġati.

    Artikolu 2

    Ċaħda ta' aċċess minn CCP abbażi tal-volum antiċipat ta' tranżazzjonijiet

    CCP tista' tiċħad talba għal aċċess abbażi tal-volum antiċipat ta' tranżazzjonijiet li jirriżultaw minn tali aċċess biss fejn dan jirriżulta f'waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    id-disinn skalabbli tas-CCP jinqabeż sal-punt li s-CCP ma tkunx tista' tadatta s-sistemi tagħha sabiex jittrattaw il-volum antiċipat ta' tranżazzjonijiet;

    (b)

    il-kapaċità ppjanata tas-CCP tinqabeż b'tali mod li s-CCP ma tkunx tista' tikseb il-kapaċità ulterjuri meħtieġa biex tikklerja l-volum antiċipat ta' tranżazzjonijiet.

    Artikolu 3

    Ċaħda tal-aċċess minn CCP abbażi tar-riskju u l-kumplessità operazzjonali

    CCP tista' tiċħad talba għal aċċess abbażi tar-riskju u l-kumplessità operazzjonali.

    Ir-riskji u l-kumplessità operazzjonali jinkludu xi waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    l-inkompatibbiltà tas-sistemi tal-IT tas-CCP u taċ-ċentru tan-negozjar timpedixxi lis-CCP milli tipprovdi konnettività bejn is-sistemi;

    (b)

    nuqqas ta' riżorsi umani bl-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa sabiex iwettqu l-funzjonijiet tas-CCP dwar ir-riskju li jirriżulta minn strumenti finanzjarji addizzjonali fejn dawn ikunu differenti minn strumenti finanzjarji li diġà huma kklerjati mis-CCP jew l-inabbiltà li jintużaw dawn ir-riżorsi umani.

    Artikolu 4

    Ċaħda tal-aċċess minn CCP abbażi ta' fatturi oħra li joħolqu riskji sinifikanti żejda

    1.   CCP tista' tiċħad talba għal aċċess fuq bażi ta' riskji sinifikanti żejda meta tkun issodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    is-CCP ma tkunx toffri servizzi ta' kklerjar fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji li għalihom qed jintalab aċċess u ma tkunx tista' bi sforzi raġonevoli tniedi servizz ta' kklerjar konsistenti mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titoli II, III u IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

    (b)

    l-għoti ta' aċċess ikun jhedded il-vijabbiltà ekonomika tas-CCP jew il-kapaċità tagħha li tissodisfa r-rekwiżiti kapitali minimi skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

    (c)

    ikun hemm riskji ġuridiċi;

    (d)

    ikun hemm inkompatibilità bejn ir-regoli tas-CCP u r-regoli taċ-ċentru tan-negozjar li s-CCP ma tkunx tista' tirrimedja b'kooperazzjoni maċ-ċentru tan-negozjar.

    2.   CCP tista' tiċħad talba għal aċċess abbażi ta' riskju ġuridiku kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1, fejn bħala riżultat tal-għoti ta' aċċess, is-CCP ma tkunx tista' tinforza r-regoli tagħha rigward l-għeluq tal-proċeduri tal-innettjar u tal-inadempjenza jew ma tkunx tista' timmaniġġa r-riskji li jirriżultaw mill-użu simultanju ta' mudelli differenti ta' aċċettazzjoni tan-negozju.

    TAQSIMA 2

    Aċċess mhux diskriminatorju għaċ-ċentri tan-negozjar

    Artikolu 5

    Kundizzjonijiet dwar iċ-ċaħda tal-aċċess minn ċentru tan-negozjar

    1.   Ċentru tan-negozjar għandu jivvaluta jekk l-għoti ta' aċċess joħloqx xi wieħed mir-riskji speċifikati fl-Artikoli 6 u 7 u jista' jiċħad l-aċċess biss jekk, wara li jkun għamel kull sforz raġonevoli biex jimmaniġġa r-riskji tiegħu, iċ-ċentru tan-negozjar jikkonkludi li jkun hemm riskji sinifikanti żejda li ma jistgħux jiġu mmaniġġati.

    2.   Jekk ċentru tan-negozjar jiċħad l-aċċess, għandu jidentifika liema riskji speċifikati fl-Artikoli 6 u 7 jirriżultaw mill-għoti tal-aċċess u għalfejn dawn ir-riskji ma jistgħux jiġu mmaniġġati.

    Artikolu 6

    Ċaħda tal-aċċess minn ċentru tan-negozjar abbażi tar-riskju u l-kumplessità operazzjonali

    Ċentru tan-negozjar jista' jiċħad talba għal aċċess abbażi tar-riskju u l-kumplessità operazzjonali li jirriżultaw minn dan l-aċċess biss jekk ikun hemm riskju ta' inkompatibbiltà bejn is-sistema tal-IT tas-CCP u dik taċ-ċentru tan-negozjar, li jimpedixxi liċ-ċentru tan-negozjar milli jipprovdi għall-konnettività bejn dawk is-sistemi.

    Artikolu 7

    Ċaħda tal-aċċess minn ċentru tan-negozjar abbażi ta' fatturi oħra li joħolqu riskji sinifikanti żejda

    Ċentru tan-negozjar jista' jiċħad talba għal aċċess abbażi ta' riskji sinifikanti żejda f'kull wieħed mill-każijiet li ġejjin:

    (a)

    theddida għall-vijabbiltà ekonomika taċ-ċentru tan-negozjar jew għall-abbiltà tiegħu li jissodisfa r-rekwiżiti kapitali minimi skont l-Artikolu 47(1)(f) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

    (b)

    inkompatibbiltà bejn ir-regoli taċ-ċentru tan-negozjar u dawk tas-CCP li ċ-ċentru tan-negozjar ma jkunx jista' jirrimedja b'kooperazzjoni mas-CCP.

    Artikolu 8

    Kundizzjonijiet skont liema l-aċċess jitqies li jhedded il-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq jew jaffettwa negattivament ir-riskju sistemiku

    Minbarra l-frammentazzjoni tal-likwidità, kif definita fl-Artikolu 2(1)(45) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, għall-għanijiet tal-Artikoli 35(4)(b) u 36(4)(b) ta' dak ir-Regolament, l-għoti ta' aċċess għandu jitqies li jhedded il-funzjonament bla xkiel u ordinat tas-swieq, jew jaffettwa ħażin ir-riskju sistemiku, fejn l-awtorità kompetenti tkun tista' tipprovdi r-raġunijiet għaċ-ċaħda, inkluża evidenza li l-proċeduri tal-immaniġġar tar-riskju ta' waħda mill-partijiet għat-talba għall-aċċess jew tat-tnejn li huma ma jkunux suffiċjenti biex jimpedixxu li l-għoti ta' aċċess joħloq riskji sinifikanti żejda lil partijiet terzi, u ma jkun hemm l-ebda azzjoni ta' rimedju li ttaffi biżżejjed dawk ir-riskji.

    KAPITOLU II

    KUNDIZZJONIJIET SKONT LIEMA L-AĊĊESS IRID IKUN PERMESS

    Artikolu 9

    Kundizzjonijiet skont liema l-aċċess irid ikun permess

    1.   Il-Partijiet għandhom jaqblu fuq id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom li jirriżultaw mill-aċċess mogħti, inkluża l-liġi applikabbli li tirregola r-relazzjonijiet tagħhom. It-termini tal-ftehim tal-aċċess għandhom:

    (a)

    ikunu definiti b'mod ċar, trasparenti, validi u infurzabbli;

    (b)

    meta żewġ CCPs jew aktar li jkollhom aċċess għaċ-ċentru tan-negozjar jispeċifikaw il-mod li bih it-tranżazzjonijiet f'dak iċ-ċentru tan-negozjar ikunu se jiġu allokati lis-CCP li tkun parti għall-ftehim;

    (c)

    ikun fihom regoli ċari dwar il-mument tad-dħul tal-ordnijiet tat-trasferiment, kif deskritt skont id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), f'sistemi rilevanti u l-mument tal-irrevokabilità;

    (d)

    ikun fihom regoli dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt ta' aċċess minn kull waħda mill-partijiet, li għandhom:

    (i)

    jipprovdu għal terminazzjoni b'mod ordnat li ma tesponix bla bżonn lil entitajiet oħra għal riskji addizzjonali, inklużi arranġamenti ċari u trasparenti għall-immaniġġar u l-likwidazzjoni ordnata ta' kuntratti u pożizzjonijiet li kienu saru skont il-ftehim ta' aċċess li kienu miftuħa fil-punt tat-terminazzjoni;

    (ii)

    jiżguraw li l-parti rilevanti tingħata żmien raġonevoli biex tirrimedja kull ksur li ma jwassalx għal terminazzjoni immedjata;

    (iii)

    jippermettu t-terminazzjoni, jekk ir-riskji jiżdiedu b'mod li kien jiġġustifika ċ-ċaħda tal-aċċess fl-ewwel istanza;

    (e)

    jispeċifikaw l-istrumenti finanzjarji li jkunu soġġetti għall-ftehim ta' aċċess;

    (f)

    jispeċifikaw il-kopertura tal-ispejjeż ta' darba u dawk rikorrenti kkawżati mit-talba għall-aċċess;

    (g)

    jinkludu dispożizzjonijiet għal pretensjonijiet u obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-ftehim ta' aċċess.

    2.   It-termini tal-ftehim ta' aċċess għandhom jirrikjedu li l-partijiet għall-ftehim jistabbilixxu politiki, proċeduri u sistemi xierqa sabiex jiżguraw dan li ġej:

    (a)

    komunikazzjoni f'waqtha, affidabbli u sikura bejn il-partijiet;

    (b)

    konsultazzjoni minn qabel tal-parti l-oħra fejn bidliet għall-operazzjonijiet ta' parti jew oħra x'aktarx ikun se jkollhom impatt materjali fuq il-ftehim ta' aċċess jew fuq ir-riskji li l-parti l-oħra tkun esposta għalihom;

    (c)

    in-notifika f'waqtha lill-parti l-oħra qabel ma tiġi implimentata xi bidla, fil-każijiet mhux koperti mill-punt (b);

    (d)

    riżoluzzjoni tat-tilwim;

    (e)

    l-identifikazzjoni, il-monitoraġġ u l-immaniġġar tar-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-ftehim ta' aċċess;

    (f)

    il-wasla għand iċ-ċentru tan-negozjar tal-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettaq l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-monitoraġġ ta' interessi miftuħa;

    (g)

    aċċettazzjoni mis-CCP tal-kunsinna ta' komoditajiet saldati fiżikament.

    3.   Il-partijiet rilevanti tal-ftehim ta' aċċess għandhom jiżguraw dan li ġej:

    (a)

    li jinżammu standards xierqa ta' mmaniġġar tar-riskju meta jingħata aċċess;

    (b)

    li l-informazzjoni pprovduta fit-talba għal aċċess tinżamm aġġornata matul iż-żmien kollu tal-ftehim ta' aċċess, inkluż informazzjoni dwar bidliet materjali;

    (c)

    li l-informazzjoni mhux pubblika u dik kummerċjalment sensittiva inkluża l-informazzjoni pprovduta waqt il-fażi ta' żvilupp ta' strument finanzjarju tkun tista' tintuża biss għall-għan speċifiku li għalih tkun ingħatat u li tkun tista' tittieħed azzjoni dwarha biss għall-iskop speċifiku li jkun hemm qbil dwaru mill-Partijiet.

    Artikolu 10

    Tariffi ta' kklerjar trasparenti u mhux diskriminatorji miżmuma mis-CCPs

    1.   CCP għandha żżomm tariffi biss għall-ikklerjar ta' tranżazzjonijiet imwettqa f'ċentru tan-negozjar li lilu tkun tat aċċess fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi, applikabbli għall-membri tal-ikklerjar kollha u, fejn ikun rilevanti, għall-klijenti. Għal dan l-għan, CCP għandha tagħmel lill-membri kollha tal-ikklerjar u, fejn ikun rilevanti, lill-klijenti suġġetti għall-istess skeda ta' tariffi u rifużjonijiet u t-tariffi tagħha ma għandhomx jiddependu fuq iċ-ċentru ta' negozjar fejn isseħħ it-tranżazzjoni.

    2.   CCP għandha żżomm tariffi lil ċentru tan-negozjar fir-rigward ta' aċċess biss fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi. Għal dan l-għan, l-istess tariffi u rifużjonijiet għandhom japplikaw għaċ-ċentri kollha ta' negozjar li jaċċessaw is-CCP fir-rigward tal-istess strumenti finanzjarji jew strumenti finanzjarji simili, sakemm ma jkunx hemm skeda tariffarja differenti li tkun tista' tiġi ġġustifikata oġġettivament.

    3.   Skont l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, CCP għandha tiżgura li l-iskedi tariffarji msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu jkunu faċilment aċċessibbli, identifikati b'mod adegwat skont kull servizz ipprovdut u granulari biżżejjed biex jiġi żgurat li t-tariffi imposti jkunu prevedibbli.

    4.   Il-paragrafi 1 sa 3 għandhom japplikaw għal tariffi imposti biex ikopru l-ispejjeż ta' darba u rikorrenti.

    Artikolu 11

    Tariffi trasparenti u mhux diskriminatorji imposti minn ċentri tan-negozjar

    1.   Ċentru tan-negozjar għandu jimponi tariffi fir-rigward ta' aċċess biss fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi. Għal dan l-għan, l-istess skeda ta' tariffi u rifużjonijiet għandha tapplika għas-CCPs kollha li jaċċessaw iċ-ċentru tan-negozjar fir-rigward tal-istess strumenti finanzjarji jew strumenti finanzjarji simili, sakemm ma jkunx hemm skeda tariffarja differenti li tkun tista' tiġi ġġustifikata oġġettivament.

    2.   Ċentru tan-negozjar għandu jiżgura li l-iskedi tariffarji msemmija fil-paragrafu 1 ikunu faċilment aċċessibbli, u li t-tariffi jkunu identifikati b'mod adegwat għal kull servizz ipprovdut filwaqt li jkunu granulari biżżejjed biex jiġi żgurat li t-tariffi li jirriżultaw ikunu prevedibbli.

    3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw għat-tariffi kollha relatati mal-aċċess, inklużi dawk li jitħallsu biex ikopru spejjeż ta' darba u rikorrenti.

    KAPITOLU III

    KUNDIZZJONIJIET GĦAT-TRATTAMENT MHUX DISKRIMINATORJU TAL-KUNTRATTI

    Artikolu 12

    Rekwiżiti ta' kollateral u marġinali tal-kuntratti ekonomikament ekwivalenti

    1.   Is-CCP għandha tiddetermina jekk kuntratti nnegozjati f'ċentru tan-negozjar li tkun ingħatat aċċess għalih ikunux ekonomikament ekwivalenti għal kuntratti b'karatteristiċi tar-riskju simili li diġà jkunu kklerjati mis-CCP.

    2.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, CCP għandha tqis kull kuntratt innegozjat fiċ-ċentru tan-negozjar li lilu tkun tat aċċess, li jkun fil-klassi tal-istrumenti finanzjarji koperti mill-awtorizzazzjoni tas-CCP msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jew minn kull estensjoni sussegwenti ta' awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 ta' dak ir-Regolament, bħala ekonomikament ekwivalenti għall-kuntratti fil-klassi rispettiva tal-istrumenti finanzjarji li diġà huma kklerjati mis-CCP.

    3.   CCP tista' tikkunsidra kuntratt innegozjat fiċ-ċentru tan-negozjar li lilu tkun tat l-aċċess, li jippreżenta profil ta' riskju ferm differenti jew differenzi materjali mill-kuntratti li diġà huma kklerjati mis-CCP fil-klassi rispettiva ta' strumenti finanzjarji, bħala mhux ekonomikament ekwivalenti meta s-CCP kienet kisbet estensjoni tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward ta' dak il-kuntratt u f'konnessjoni mat-talba għall-aċċess ta' dak iċ-ċentru tan-negozjar.

    4.   CCP għandha tapplika għall-kuntratti ekonomikament ekwivalenti msemmija fil-paragrafu 1, l-istess metodoloġiji tal-marġini u l-kollateral, irrispettivament minn fejn il-kuntratti jkunu negozjati. CCP għandha tissuġġetta l-ikklerjar ta' kuntratti ekonomikament ekwivalenti msemmija fil-paragrafu 1 għall-adozzjoni ta' bidliet fil-mudelli u l-parametri tar-riskju tas-CCP, biss jekk dan ikun meħtieġ sabiex jiġu mitigati l-fatturi ta' riskju fir-rigward ta' dak iċ-ċentru tan-negozjar jew il-kuntratti nnegozjati fih. Dawn il-bidliet għandhom jitqiesu bħala bidliet sinifikanti għall-mudelli u l-parametri tas-CCP msemmija fl-Artikoli 28 u 49 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

    Artikolu 13

    Innettjar ta' kuntratti ekonomikament ekwivalenti

    1.   CCP għandha tapplika għall-kuntratti ekonomikament ekwivalenti msemmija fl-Artikolu 12(1) ta' dan ir-Regolament l-istess proċeduri ta' nnettjar irrispettivament minn fejn il-kuntratti jkunu ġew innegozjati, sakemm kull proċedura ta' nnettjar li tapplika tkun valida u eżegwibbli skont id-Direttiva 98/26/KE u l-liġi tal-insolvenza applikabbli.

    2.   CCP li tqis li r-riskju ġuridiku jew ir-riskju ta' bażi relatati ma' proċedura ta' nnettjar li tapplika għal kuntratt ekonomikament ekwivalenti ma jkunux mitigati biżżejjed, għandha tissuġġetta l-ikklerjar ta' tali kuntratt għall-adozzjoni ta' bidliet għal dik il-proċedura ta' nnettjar li jeskludu l-innettjar ta' tali kuntratt. Dawn il-bidliet għandhom jitqiesu bħala bidliet sinifikanti għall-mudelli u l-parametri tar-riskju tas-CCP msemmija fl-Artikoli 28 u 49 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

    3.   Għall-fini tal-paragrafu 2, “riskju ta' bażi” tfisser ir-riskju li jirriżulta minn movimenti mhux perfettament korrelatati bejn żewġ assi jew kuntratti jew aktar ikklerjati mis-CCP.

    Artikolu 14

    Proviżjonament ta' marġni trażversali ta' kuntratti korrelatati kklerjati mill-istess CCP

    Meta CCP tikkalkula marġini fir-rigward ta' proviżjonament ta' marġni trażversali ta' kuntratti korrelatati kklerjati mill-istess CCP (proviżjonament ta' marġni ta' portafoll) skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-Artikolu 27 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2013 (6), is-CCP għandha tapplika l-approċċ tal-proviżjonament ta' marġni ta' portafoll tagħha għall-kuntratti korrelatati rilevanti kollha irrispettivament minn fejn il-kuntratti huma nnegozjati. Kuntratti b'korrelazzjoni sinifikanti u affidabbli, jew parametru statistiku ekwivalenti ta' dipendenza, għandhom jibbenefikaw mill-istess kumpens jew tnaqqis.

    KAPITOLU IV

    ARRANĠAMENTI TRANŻIZZJONALI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 15

    Proċedura ta' notifika mis-CCP lill-awtorità kompetenti tagħha

    Meta CCP tapplika għal permess biex tuża l-arranġamenti tranżizzjonali msemmija fl-Artikolu 35(5) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, hija għandha tissottometti notifika lill-awtorità kompetenti tagħha bil-miktub, permezz tal-Formola 1 kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 16

    Proċedura ta' notifika mill-awtorità kompetenti lill-ESMA u lill-kulleġġ tas-CCP

    L-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA u lill-kulleġġ tas-CCP b'kull deċiżjoni li tapprova ftehim tranżizzjonali skont l-Artikolu 35(5) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 bil-miktub mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar wara d-deċiżjoni, bl-użu tal-Formola 2 kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 17

    Proċedura ta' notifika miċ-ċentru tan-negozjar lill-awtorità kompetenti tagħha fir-rigward tal-perjodu tranżizzjonali inizjali

    Meta ċentru tan-negozjar ma jkunx jixtieq ikun marbut mill-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, huwa għandu jissottometti notifika lill-awtorità kompetenti tiegħu u lill-ESMA bil-miktub, bl-użu tal-Formoli 3.1 u 3.2 stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 18

    Proċedura ta' notifika miċ-ċentru tan-negozjar lill-awtorità kompetenti tiegħu fir-rigward ta' estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali inizjali

    Meta ċentru tan-negozjar ikun jixtieq ikompli ma jkunx marbut mill-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, għal tletin xahar ulterjuri huwa għandu jissottometti notifika lill-awtorità kompetenti tiegħu u lill-ESMA bil-miktub, bl-użu tal-Formoli 4.1 u 4.2 stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 19

    Aktar speċifikazzjonijiet għall-kalkolu tal-ammont nozzjonali

    1.   Skont l-Artikolu 36(5) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, ċentru tan-negozjar li ma jixtieqx ikun marbut mill-Artikolu 36 ta' dak ir-Regolament għal perjodu ta' tletin xahar mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għandu jinkludi fil-kalkolu tiegħu tal-ammont nozzjonali annwali tiegħu t-tranżazzjonijiet kollha f'derivattivi nnegozjati fil-borża konklużi fis-sena kalendarja ta' qabel l-applikazzjoni skont ir-regoli tagħha.

    2.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont nozzjonali annwali tiegħu skont l-Artikolu 36(5) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għas-sena ta' qabel is-sena tal-bidu tal-applikazzjoni, ċentru tan-negozjar għandu juża ċifri attwali għall-perjodu li għalih ikunu disponibbli.

    Fejn, fir-rigward tas-sena li tiġi qabel is-sena tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, ċentru tan-negozjar ikollu dejta disponibbli għal inqas minn 12-il xahar, huwa għandu jipproduċi ċifra stmata għal dik is-sena bl-użu ta' dawn it-tliet inputs:

    (a)

    id-dejta attwali għall-itwal perjodu possibbli li jibda fil-bidu tas-sena li tiġi qabel is-sena tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, inklużi mill-inqas l-ewwel tmien xhur;

    (b)

    id-dejta attwali għall-perjodu ekwivalenti matul is-sena qabel is-sena msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu;

    (c)

    id-dejta attwali għas-sena kollha ta' qabel is-sena msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu;

    L-istima tal-ammont nozzjonali annwali għandha tiġi kkalkulata permezz tal-multiplikazzjoni tal-inputs imsemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu bl-inputs imsemmija fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu u permezz tad-diviżjoni tagħhom bl-inputs imsemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu.

    3.   Meta ċentru tan-negozjar ikun jixtieq ikompli ma jkunx marbut bl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għal perjodu ieħor ta' tletin xahar fi tmiem l-ewwel perjodu ta' tletin xahar, jew xi perjodu sussegwenti ta' 30 xahar, huwa għandu jinkludi fil-kalkolu tiegħu tal-ammont nozzjonali annwali tiegħu skont l-Artikolu 36(5) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 it-tranżazzjonijiet kollha f'derivattivi nnegozjati fil-borża konklużi skont ir-regoli tiegħu f'kull waħda mill-ewwel perjodi ta' 24 xahar tal-perjodu preċedenti ta' tletin xahar.

    4.   Fejn jeżistu alternattivi aċċettabbli għall-kalkolu tal-ammont nozzjonali annwali għal ċerti tipi ta' strumenti, iżda hemm differenzi notevoli fil-valuri li għalihom iwasslu dawn il-metodi ta' kalkolu, għandu jintuża l-kalkolu li jagħti l-ogħla valur. B'mod partikolari għad-derivattivi, bħall-futures jew l-opzjonijiet, inklużi t-tipi kollha ta' derivattivi tal-komoditajiet li huma indikati f'unitajiet, l-ammont nozzjonali annwali jkun il-valur sħiħ tal-assi sottostanti tad-derivattiv bil-prezz rilevanti fil-ħin li fih tiġi konkluża t-tranżazzjoni.

    Artikolu 20

    Metodu tal-approvazzjoni u l-verifika mill-ESMA

    1.   Għall-finijiet ta' verifika skont l-Artikolu 36(6)(d) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, iċ-ċentru tan-negozjar għandu jissottometti lill-ESMA fuq talba l-fatti u ċ-ċifri kollha li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu.

    2.   Meta tkun qed tivverifika ċ-ċifri ppreżentati tal-ammont nozzjonali annwali, l-ESMA għandha tikkunsidra wkoll id-dejta ta' wara n-negozjar u l-istatistika annwali rilevanti.

    3.   L-ESMA għandha tapprova jew tirrifjuta d-deroga fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni kollha rilevanti għan-notifika skont l-Artikolu 16 jew skont l-Artikolu 17, inkluża l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 19.

    Artikolu 21

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

    Madankollu, l-Artikoli 15, 16, 17, 19 u 20 japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmula fi Brussell, l-24 ta' Ġunju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

    (4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

    (5)  Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

    (6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 41).


    ANNESS

    Formola 1

    Notifika msemmija fl-Artikolu 15

    Isem is-CCP

    Dettalji ta' kuntatt rilevanti

    Isem (ismijiet) taċ-ċentru/i tan-negozjar konnessi b'rabtiet mill-qrib

    Ġuriżdizzjoni(jiet) taċ-ċentru/i tan-negozjar konnessi b'rabtiet mill-qrib

     

     

    1.

    2.

    3.

    1.

    2.

    3.


    Formola 2

    Notifika msemmija fl-Artikolu 16

    Isem is-CCP

    Dettalji ta' kuntatt rilevanti

    Data tad-deċiżjoni tal-approvazzjoni

    Dati tal-bidu u t-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni

    Isem (ismijiet) taċ-ċentru/i tan-negozjar konnessi b'rabtiet mill-qrib

    Ġuriżdizzjoni(jiet) taċ-ċentru/i tan-negozjar konnessi b'rabtiet mill-qrib

     

     

     

    Bidu:

    Tmiem:

    1.

    2.

    3.

    1.

    2.

    3.


    Formola 3.1

    Notifika ġenerali msemmija fl-Artikolu 17

    Isem iċ-ċentru tan-negozjar

    Dettalji ta' kuntatt rilevanti

    Isem (ismijiet) u ġuriżdizzjoni(jiet) taċ-ċentri tan-negozjar fl-istess grupp ibbażati fl-Unjoni

    Isem (ismijiet) u ġuriżdizzjoni(jiet) tas-CCP(s) konness(i) b'rabtiet mill-qrib

     

     

    1.

    2.

    3.

    1.

    2.

    3


    Formola 3.2

    Notifika tal-ammont nozzjonali msemmi fl-Artikolu 17

    Ċentru tan-Negozjar:

    Ammont nozzjonali nnegozjat fl-2016

    Klassi tal-assi X:

     

    Klassi tal-assi Y:

     

    Klassi tal-assi Z:

     


    Formola 4.1

    Notifika ġenerali msemmija fl-Artikolu 18

    Isem iċ-ċentru tan-negozjar

    Dettalji ta' kuntatt rilevanti

    Isem (ismijiet) u ġuriżdizzjoni(jiet) taċ-ċentri tan-negozjar fl-istess grupp ibbażati fl-Unjoni

    Isem (ismijiet) u ġuriżdizzjoni(jiet) tas-CCP(s) konness(i) b'rabtiet mill-qrib

     

     

    1.

    2.

    3.

    1.

    2.

    3.


    Formola 4.2

    Notifika tal-ammont nozzjonali msemmi fl-Artikolu 18

    Isem iċ-ċentru tan-negozjar:

    Ammont nozzjonali għas-sena kurrenti

    ...

    Ammont nozzjonali għas-sena kurrenti

    ...

    Klassi tal-assi X:

     

     

    Klassi tal-assi Y:

     

     

    Klassi tal-assi Z:

     

     


    Top