EUR-Lex Euroopan unionin oikeus ulottuvillasi

Takaisin EUR-Lexin etusivulle

Tämä asiakirja on ote EUR-Lex-verkkosivustolta

Asiakirja 32017H1803

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1803 tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar it-titjib tas-soluzzjonijiet legali għal persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali (notifikata bid-dokument C(2017) 6504)

C/2017/6504

ĠU L 259, 7.10.2017, s. 21—24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2017/1803/oj

7.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/21


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1803

tat-3 ta' Ottubru 2017

dwar it-titjib tas-soluzzjonijiet legali għal persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali

(notifikata bid-dokument C(2017) 6504)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-risistemazzjoni hija għodda importanti li toffri protezzjoni lil persuni spostati bil-forza kif ukoll turija ċara ta' solidarjetà globali ma' pajjiżi terzi sabiex jingħataw għajnuna biex ikunu jistgħu jlaħħqu ma' ammonti kbar ta' persuni li jkunu qegħdin jaħarbu mill-gwerer jew mill-persekuzzjoni. Bis-sostituzzjoni ta' flussi migratorji perikolużi u irregolari lejn l-Unjoni b'soluzzjonijiet sikuri u legali, ir-risistemazzjoni tgħin biex jiġu salvati l-ħajjiet, tikkontribwixxi fit-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u fil-ġestjoni tal-pressjoni migratorja, u tegħleb in-narrattiva tan-netwerks tal-faċilitaturi tal-immigrazzjoni illegali. Ir-risistemazzjoni għalhekk hija wkoll element importanti tal-politika komprensiva tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni.

(2)

F'Settembru 2015, il-kriżi fil-Mediterran xprunat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex immedjatament jirrikonoxxu s-sitwazzjoni ta' emerġenza minħabba l-flussi migratorji eċċezzjonali fir-reġjun u appellaw biex jiġu adottati miżuri fuq perjodu qasir kif ukoll għat-tul, mill-affaċċjar ta' flussi migratorji barra mill-UE sal-iżgurar ta' kontroll effetiv tal-fruntieri esterni tagħna, it-tisħiħ tal-politika ta' ritorn tal-UE filwaqt li fl-istess ħin tiġi riformata s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (Common European Asylum System — CEAS) u jiġu pprovduti perkorsi mtejba għal modi sikuri u legali kif wieħed jista' jasal fl-UE.

(3)

Bħala parti mill-miżuri immedjati u bil-ħsieb li tiġi indirizzata l-kriżi migratorja b'mod komprensiv u b'turija ta' solidarjetà ma' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin iġorru l-piż tal-kriżi globali tar-rifuġjati, fit-8 ta' Ġunju 2015 il-Kummissjoni rrakkomandat skema għal madwar l-UE kollha biex tirrisistema 20 000 persuna fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, fuq perjodu ta' sentejn (1). Fl-20 ta' Lulju 2015, l-Istati Membri, flimkien mal-Istati Assoċjati ta' Dublin, qablu li jirrisistemaw 22 504 persuna fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali mil-Lvant Nofsani, il-Qarn tal-Afrika u l-Afrika ta' Fuq (2).

(4)

Sabiex jitħarbtu n-netwerks tal-faċilitaturi tal-immigrazzjoni illegali u sabiex jiġu offruti alternattivi lill-migranti, minflok iqiegħdu ħajjithom f'riskju, l-UE u t-Turkija fit-18 ta' Marzu 2016 iddeċidew li jkissru ċ-ċiklu ta' flussi mhux ikkontrollati ta' migranti li kien qiegħed joħloq kriżi umanitarja, u qablu fuq għadd ta' azzjonijiet inkluż ir-risistemazzjoni ta' Sirjani fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri.

(5)

Wara d-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, il-Kunsill emenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 (3) sabiex jippermetti lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi ta' rilokazzjoni tagħhom f'rabta mal-54 000 applikant permezz tar-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja, jew forom oħra ta' ammissjoni legali ta' Sirjani fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali mit-Turkija taħt l-iskemi nazzjonali u multilaterali tagħhom.

(6)

Id-Dikjarazzjon ta' New York għar-Refuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016 adottata mill-193 Stat Membru kollha tan-Nazzjonijiet Uniti appellat għal tqassim aktar ekwu tal-piż u tar-responsabbiltà tal-akkoljenza u s-sostenn lir-refuġjati fid-dinja. L-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti esprimew l-intenzjoni tagħhom li jkabbru l-għadd u l-firxa ta' soluzzjonijiet legali disponibbli għar-refuġjati biex jiddaħħlu jew jiġu risistemati f'pajjiżi terzi (4).

(7)

Sal-20 ta' Settembru 2017 aktar minn 23 000 persuna ġew risistemati taħt l-iskema maqbula fl-20 ta' Lulju 2015 u taħt id-Dikjarazzjoni UE-Turkija. L-Istati Membri rrisistemaw aktar persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali permezz tal-iskemi nazzjonali tagħhom stess.

(8)

Fl-2016 biss, l-Istat Membri rrisistemaw 14 205 refuġjat, żieda sinifikanti meta mqabbla mat-8 155 persuna risistemati fl-2015, 6 550 fl-2014 u bejn 4 000 u 5 000 kull sena fil-perjodu bejn l-2010 u l-2013. Din iż-żieda turi l-valur miżjud u l-potenzjal tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni msaħħa fil-livell tal-UE fil-qasam tar-risistemazzjoni. Hija turija wkoll tal-importanza li jkun hemm finanzjament adegwat għar-risistemazzjoni mill-baġit tal-UE peress li s-somma ta' EUR 293,3 miljun ġiet impenjata għall-perjodu 2014-2017.

(9)

Jenħtieġ li l-Istati Membri li għadhom ma implimentawx il-wegħdi li għamlu taħt l-iskemi preżenti jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli. Jenħtieġ li kull wegħda li tifdal wara li jiskadu ż-żewġ skemi tiġi ttrasferita lejn l-eżerċizzju ta' risistemazzjoni li jiġi wara u tkun b'żieda mal-wegħdi l-ġodda li l-Istati Membri se jagħmlu.

(10)

L-UE jinħtiġilha li timxi minn skemi ta' ammissjoni ta' risistemazzjoni u umanitarji ad hoc lejn qafas stabbli għar-risistemazzjoni lejn l-UE. Għal dan il-għan, tressqet mill-Kummissjoni l-proposta għal Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni (5) li jipprovdi soluzzjonijiet sikuri u legali għall-protezzjoni internazzjonali għal dawk fil-bżonn bħala parti minn reviżjoni mill-qiegħ tas-sistema tal-asil tal-UE. L-adozzjoni malajr tal-proposta hija element importanti ta' politika Ewropea dwar l-asil u l-migrazzjoni li tkun aktar effiċjenti, ġusta u stabbli.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li tibqa' sejra r-risistemazzjoni sakemm jiġi stabbilit Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni, fl-4 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni fit-Tmien (8) Forum dwar ir-Risistemazzjoni u r-Rilokazzjoni stiednet lill-Istati Membri biex jippreżentaw wegħdi ambizzjużi ta' risistemazzjoni, abbażi tal-prijorijiet maqbula għal dan il-perjodu u anki f'konformità mal-Ħtiġijiet Globali Ipproġettati għall-2018 tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR — United Nations High Commissioner for Refugees).

(12)

L-iskop ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa dak li jiġi żgurat li l-isforzi tar-risistemazzjoni jkunu jistgħu jitkomplew fil-perjodu bejn it-tmiem tal-iskemi preżenti ta' risistemazzjoni tal-UE u l-operazzjonalizzazzjoni tal-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni u jsegwu l-eżerċizzju ta' wegħdi li tnieda fl-4 ta' Lulju 2017 fid-dawl tal-ħtiġijiet addizzjonali emerġenti kif stabbilit fil-Ħtiġijiet Globali Ipproġettati ta' Risistemazzjoni tal-UNHCR għall-2018.

(13)

Ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tagħti sostenn lill-isforzi kontinwi tal-Istati Membri fil-provvediment u t-titjib ta' kanali legali u sikuri għal persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali. L-azzjonijiet tal-Istati Membri konformi ma' din ir-Rakkomandazzjoni se juru solidarjetà ma' pajjiżi terzi fejn għadd kbir ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali jiġu spostati, jikkontribwixxu għal inizjattivi ta' risistemazzjoni internazzjonali u jikkontribwixxu għal ġestjoni kumplessivament aħjar tas-sitwazzjoni migratorja. L-objettivi ta' din ir-Rakkomandazzjoni huma għalhekk konformi mal-proposta ta' Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni.

(14)

L-għażla ta' reġjuni ta' prijorità hija bbażata fuq il-ħtieġa li tibqa' tiġi implimentata d-Dikjarazzjoni tat-18 ta' Marzu 2016 bejn l-UE u t-Turkija, inkluż permezz tal-Iskema Volontarja ta' Ammissjoni Umanitarja (Voluntary Humanitarian Admission Scheme — VHAS) li se tiġi stabbilita, li titkompla r-risistemazzjoni mill-Ġordan u mil-Libanu u biex isir segwitu wara t-tħabbira fil-“Pjan ta' azzjoni dwar miżuri ta' sostenn lill-Italja, titnaqqas il-pressjoni matul ir-rotta til-Mediterran Ċentrali u żżid is-solidarjetà” (6) li ssir risistemazzjoni mill-pajjiżi Afrikani kruċjali matul ir-rotta migratorja li twassal għall-Mediterran Ċentrali, li tinkludi l-Libja, in-Niġer, iċ-Ċad, l-Etjopja u s-Sudan.

(15)

L-eżerċizzju ta' wegħdi mniedi fl-4 ta' Lulju 2017 wassal biex, sal-20 ta' Settembru, l-Istati Membri ppreżentaw wegħdi għal madwar 14 000 persuna. Hemm bżonn ta' impenn aktar qawwi mill-Istati Membri sabiex jingħata kontribut lejn sforz komuni biex jiġu salvati l-ħajjiet u jiġu offruti alternattivi kredibbli għall-movimenti irregolari.

(16)

Il-ħtiġijiet ta' risistemazzjoni globali huma fil-livell ta' 1,2 miljun persuna u l-UNHCR ripetutament appellat lill-pajjiżi kollha biex b'mod progressiv iżżid id-daqs tal-programmi ta' risistemazzjoni rispettivi tagħhom f'konformità mal-intenzjonijiet espressi fid-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Refuġjati. Quddiem dan l-isfond u abbażi tal-progress miksub sa mill-2015, jenħtieġ li l-Unjoni toffri tal-anqas 50 000 post ta' risistemazzjoni biex idaħħal minn pajjiżi terzi, sal-31 ta' Ottubru 2019, persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali.

(17)

Sabiex l-Istati Membri jingħataw sostenn fl-implimentazzjoni ta' din il-mira, jenħtieġ li jkun hemm EUR 500 miljun disponibbli mill-baġit tal-Unjoni. Suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (Asylum Migration and Integration Fund — AMIF) l-Istati Membri jistgħu jirċievu somma f'daqqa ta' EUR 10 000 għal kull persuna risistemata minn reġjuni ta' prijorità.

(18)

L-UNHCR qiegħda tippjana li tistabbilixxi mekkaniżmu tempranju għall-evakwazzjoni ta' emerġenza tal-aktar gruppi vulnerabbli ta' migranti mil-Libja. Jenħtieġ li l-UE, flimkien ma' atturi globali oħra, tikkontribwixxi għal dan il-mekkaniżmu sabiex ikollu impatt reali billi jippermetti lill-persuni l-aktar vulnerabbli fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali u li bħalissa jinsabu fil-Libja biex ikollhom aċċess għal opportunitajiet ta' risistemazzjoni. Il-migrazzjoni irregolari tintemm biss jekk ikun hemm alternattiva vera u proprja għall-vjaġġi riskjużi. Meta jikkunsidraw il-wegħdi tagħhom ta' risistemazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li għalhekk jieħdu f'kunsiderazzjoni u jappoġġjaw din l-inizjattiva tal-UNHCR.

(19)

F'Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Indirizzar tal-Isfida tal-Migrazzjoni u l-Asil tat-28 ta' Awwissu 2017, ir-rappreżentanti minn Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Rappreżentant Għoli / il-Viċi President tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, flimkien mar-rappreżentanti tan-Niġer u taċ-Ċad, kif ukoll il-President tal-Kunsill Presidenzjali tal-Libja, għarfu l-ħtieġa, hekk kif tibda titnaqqas il-migrazzjoni mbuttata mill-faċilitaturi tal-immigrazzjoni illegali, li tiġi organizzata r-risistemazzjoni ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali li jkunu partikolarment vulnerabbli.

(20)

Mill-anqas 50 000 post ta' risistemazzjoni li għandhom jiġu offruti mill-Unjoni mir-reġjuni ta' prijorità se jkunu ta' kontribut f'inizjattivi ta' solidarjetà globali biex jiżdiedu s-soluzzjonijiet legali, inkluż l-appell globali reċenti tal-UNHCR għal 40 000 post ta' risistemazzjoni mill-pajjiżi matul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali fl-2018.

(21)

Sabiex jiżguraw il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw kull xahar lill-Kummissjoni dwar il-persuni risistemati fit-territorju tagħhom, skont l-impenji tagħhom, u jispeċifikaw il-pajjiż minn fejn il-persuna tkun ġiet risistemata.

(22)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza l-progress fl-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni sal-31 ta' Ottubru 2018. Abbażi ta' din l-analiżi, u wara li tieħu kont tas-sitwazzjoni migratorja kumplessiva fl-UE u globalment, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna li jkomplu jirrevedu l-wegħdu tagħhom.

(23)

Jenħtieġ li din ir-rakkomandazzjoni tiġi indirizzata lill-Istati Membri. L-Istati Assoċjati huma mistiedna li jikkontribwixxu għall-isforzi komuni Ewropej ta' risistemazzjoni,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

ŻIEDA FIL-WEGĦDI TA' RISISTEMAZZJONI

(1)

Abbażi tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-iskemi preżenti tal-UE ta' risistemazzjoni, u sabiex ma jkunx hemm interruzzjonijiet matul it-tranżizzjoni bejn dawn l-iskemi u l-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri joffru mill-anqas 50 000 post ta' risistemazzjoni biex sal-31 ta' Ottubru 2019 idaħħlu persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali minn pajjiżi terzi.

(2)

L-Istati Membri li għadhom ma ppreżentawx il-wegħdi tagħhom taħt l-eżerċizzju ta' għoti ta' impenji ta' risistemazzjoni mniedi mill-Kummissjoni fl-4 ta' Lulju 2017 għandhom jagħmlu dan mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2017, u jenħtieġ li dawk li diġà għamlu dan jikkunsidraw li jżidu l-wegħdi tagħhom sabiex tinkiseb il-mira.

(3)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiffukaw l-impenji tagħhom:

(a)

sabiex jiġi żgurat li tkompli r-risistemazzjoni mit-Turkija ta' Sirjani u ta' ċittadini ta' pajjizi terzi u ta' persuni apolidi spostati minħabb l-kunfllitt fis-Sirja sabiex jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016, inkluż permezz tal-Iskema Volontarja ta' Ammissjoni Umanitarja li se tiġi stabbilita.

(b)

sabiex jiġi żgurat li tkompli r-risistemazzjoni mil-Libanu u mill-Ġordan;

(c)

sabiex jingħata kontribut lill-istabilizzazjoni tas-sitwazzjoni fil-Mediterran Ċentrali billi jiġu risistemati persuni fil-bżonn ta' protezzjoni mil-Libja, in-Niġer, iċ-Ċad, l-Eġittu, l-Etjopja u s-Sudan, inkluż billi jingħata appoġġ lill-mekkaniżmu temporanju tal-UNHCR għall-evakwazzjoni ta' emerġenza tal-aktar gruppi vulnerabbli ta' migranti mil-Libja.

(4)

L-Istati Membri huma mistiedna li jirrisistemaw, fit-twettiq tal-wegħdi tagħhom, kemm jista' jkun malajr, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNHCR u bis-sostenn mill-EASO, kif ikun xieraq.

MONITORAĠĠ

(5)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw kull xahar lill-Kummissjoni l-għadd ta' persuni risistemati fit-territorju tagħhom, fit-twettiq mal-wegħdi tagħhom, u jispeċifikaw il-pajjiż minn fejn il-persuna tkun ġiet risistemata.

APPOĠĠ FINANZJARJU

(6)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mis-sostenn finanzjarju ta' EUR 500 miljun li qiegħed isir disponibbli permezz tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għat-twettiq tal-wegħdi ta' risistemazzjoni li ssir referenza għalihom f'din ir-Rakkomandazzjoni.

ANALIŻI

(7)

Il-Kummissjoni tagħmel analiżi ta' din ir-Rakkomandazzjoni mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2018. Wara l-analiżi mill-Kummissjoni tal-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, u wara li tkun ħadet kont tas-sitwazzjoni migratorja kumplessiva fl-UE u globalment, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna li jkomplu jirrevedu l-wegħdi tagħhom kif ikun xieraq.

DESTINATARJI

(8)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Dimitris AVRAMOPOULOS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ġunju 2015 dwar l-iskema ta' risistemazzjoni Ewropea, C(2015) 3560 finali.

(2)  Il-konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 tad-29 ta' Settembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU L 268, 1.10.2016, p. 82).

(4)  Id-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Refuġjati u l-Migranti; disponibbli fuq: http://www.unhcr.org/new-york-declaration-for-refugees-and-migrants.html.

(5)  COM(2016) 468 finali.

(6)  SEC(2017) 339.


Alkuun