Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1912

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1912 tad-9 ta' Ottubru 2017 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU L 274, 24.10.2017, pp. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1912/oj

Related international agreement

24.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1912

tad-9 ta' Ottubru 2017

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2136 (1) il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (“il-Ftehim”) ġie ffirmat mill-Kummissjoni fit-23 ta' Marzu 2017, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(2)

Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu bejniethom l-iżvilupp armonjuż tal-indikazzjonijiet ġeografiċi kif iddefiniti fl-Artikolu 22(1) tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) (2) u li jrawmu l-kummerċ fil-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mit-territorji tal-Partijiet.

(3)

Skont il-Ftehim, għalkemm l-Iżlanda għadha ma rreġistrat l-ebda indikazzjoni ġeografika protetta, l-indikazzjonijiet ġeografiċi ta' prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel tal-Unjoni ser jiġu protetti fl-Iżlanda. Il-Ftehim jipprevedi mekkaniżmu għall-aġġornament tal-lista tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-inklużjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda fi stadju aktar tard permezz ta' proċess tal-Kumitat Konġunt.

(4)

Ċerti kompiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ġew assenjati lill-Kumitat Konġunt stabbilit bis-saħħa tal-Artikolu 10 tal-Ftehim, inkluża s-setgħa li jemenda ċerti aspetti tekniċi tal-Ftehim u ċerti Annessi għalih. Għandha tiġi ddefinita l-proċedura sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni f'dak il-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet relatati mal-Ftehim.

(5)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim jinsab hu ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 11 tal-Ftehim. (3)

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bis-saħħa tal-Artikolu 10 tal-Ftehim (il-“Kumitat Konġunt”).

L-emendi għall-Ftehim permezz ta' deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni. Jekk il-partijiet interessati ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim wara oġġezzjonijiet għal xi indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

S. KIISLER


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2136 tal-21 ta' Novembru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 332, 7.12.2016, p. 1).

(2)  L-Anness 1C tal-Ftehim ta' Marrakesh li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, iffirmat f'Marrakesh, il-Marokk fil-15 ta' April 1994.

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).


Top