Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1428

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1428 tal-4 ta' Awwissu 2017 b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom

    ĠU L 204, 5.8.2017, p. 101–109 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2021: This act has been changed. Current consolidated version: 29/06/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1428/oj

    5.8.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 204/101


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1428

    tal-4 ta' Awwissu 2017

    b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28 u 31(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Jenħtieġ li l-Unjoni Ewropea taħdem lejn livell għoli ta' kooperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex, fost l-oħrajn, iżżomm il-paċi, tipprevjeni l-konflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, f'konformità mal-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (2)

    Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta Strateġija Ewropea ta' Sigurtà li tidentifika sfidi u theddid globali, u li tappella għal ordni internazzjonali bbażata fuq id-dritt u fuq multilateraliżmu effettiv u istituzzjonijiet internazzjonali li jiffunzjonaw tajjeb.

    (3)

    Il-Konvenzjoni fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni Tagħhom (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1999. Hija tikkostitwixxi l-uniku strument internazzjonali komprensiv li jittratta l-aspetti kollha ta' mini kontra l-persunal, inkluż l-użu, il-kumulazzjoni, il-produzzjoni, il-kummerċ, it-tneħħija u l-għajnuna għall-vittmi tagħhom. L-Istati Membri kollha ilhom mill-1 ta' Ġunju 2013 partijiet għall-Konvenzjoni u fl-1 ta' Settembru 2016, 162 stat esprimew il-kunsens tagħhom li jkunu marbuta biha.

    (4)

    Fit-23 ta' Ġunju 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/487/PESK (1) b'appoġġ għall-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

    (5)

    Fit-3 ta' Diċembru 2009, fit-tieni Konferenza ta' Reviżjoni għall-Konvenzjoni, l-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni adottaw il-Pjan ta' Azzjoni ta' Kartaġena 2010-2014 dwar l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-Konvenzjoni. Huma adottaw ukoll id-'Direttiva tal-Istati Partijiet għall-Unità ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni' li fiha l-Istati Partijiet qablu li l-Unità ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni għandha tipprovdi parir u appoġġ tekniku lill-Istati Partijiet għall-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni, tiffaċilita l-komunikazzjoni fost l-Istati Partijiet, u tippromwovi l-komunikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni rigward il-Konvenzjoni kemm għal Stati li mhumiex partijiet għall-Konvenzjoni kif ukoll għall-pubbliku. Fl-erbatax-il laqgħa tagħhom fl-2015, l-Istati Partijiet adottaw deċiżjoni dwar it-tisħiħ tal-governanza u t-trasparenza finanzjarja fi ħdan l-ISU, li stabbilixxiet il-kondizzjonijiet biex l-ISU twettaq attivitajiet jew proġetti li ma jidħlux fil-baġit annwali tagħha, inkluż fuq l-istedina ta' Stati Partijiet u stati mhux firmatarji.

    (6)

    Fit-13 ta' Novembru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/700/PESK (2) b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Kartaġena 2010-2014.

    (7)

    Fit-Tielet Konferenza ta' Reviżjoni għall-Konvenzjoni li saret f'Maputo, Mozambique, f'Ġunju 2014, l-Istati Partijiet adottaw il-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo bil-għan li jsir progress sinifikanti u sostenibbli fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fil-perijodu qabel il-Konferenza ta' Reviżjoni li jmiss (2014-2019) u għamlu dikjarazzjoni konġunta li xtaqu jilħqu l-għanijiet tal-Konvenzjoni “sa fejn l-aktar possibbli sal-2025”.

    (8)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-16 u s-17 ta' Ġunju 2014 fit-Tielet Konferenza ta' Reviżjoni tal-Konvenzjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fakkar fl-unità tal-Unjoni biex twettaq l-objettivi tal-Konvenzjoni, bit-28 Stat Membru li issa huma Stati Partijiet, u li l- Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom storja twila ta' appoġġ għat-tneħħija tal-mini u d-distruzzjoni ta' mini akkumulati kontra l-persunal, kif ukoll għall-assistenza lill-vittmi tal-mini kontra l-persunal. Il-konklużjonijiet tennew l-appoġġ sod tal-Unjoni lill-Istati Partijiet fl-implimentazzjoni totali u effettiva tagħhom tal-Konvenzjoni, u l-impenn tagħha fil-promozzjoni tal-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni, fil-provediment tar-riżorsi għall-finanzjament tal-azzjoni kontra l-mini u l-assistenza konkreta u sostenibbli lill-vittmi ta' mini kontra l-persunal, lill-familji tagħhom u lill-komunitajiet.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Biex tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-bniedem billi tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo 2014-2019 adottat mill-Istati Partijiet fit-Tielet Konferenza ta' Reviżjoni għall-Konvenzjoni tal-1997 fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni Tagħhom (il-“Konvenzjoni”), fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà u f'konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-komunità internazzjonali, l-Unjoni Ewropea qed taħdem biex tilħaq l-objettivi li ġejjin:

    (a)

    appoġġ għall-isforzi tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni biex jimplimentaw l-aspetti tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo li jirrigwardaw it-tneħħija ta' mini;

    (b)

    appoġġ għall-isforzi tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni biex jimplimentaw l-aspetti tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo li jirrigwardaw assistenza lill-vittmi;

    (c)

    promozzjoni tal-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni;

    (d)

    appoġġ għall-isforzi tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni biex jimplimentaw l-aspetti tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo li jirrigwardaw id-distruzzjoni tal-kumulazzjoni;

    (e)

    turija tal-impenn kontinwu tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għall-Konvenzjoni u d-determinazzjoni tagħhom li jikkooperaw ma', u jestendu l-assistenza tagħhom għal dawk l-Istati li jeħtieġu appoġġ biex jissodisfaw l-impenji tagħhom taħt il-Konvenzjoni, u jsaħħu r-rwol ewlieni tal-Unjoni biex tintlaħaq il-viżjoni tal-Konvenzjoni li jintemmu definittivament is-sofferenza u l-korrimenti kkawżati minn mini kontra l-persunal.

    2.   L-objettivi kollha msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jippruvaw jintlaħqu b'tali mod li jirrinfurzaw it-tradizzjoni tal-Konvenzjoni ta' sħubija u kollaborazzjoni bejn l-Istati, organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet oħrajn, inkluż ir-rappreżentanti minn komunitajiet affettwati mill-mini. L-azzjonijiet kollha ser jinkorporaw aspetti ta' ġeneru u diversità fil-livelli ta' tfassil, ġestjoni u implimentazzjoni.

    3.   Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmijin fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tappoġġa l-proġetti li ġejjin:

    (a)

    tneħħija tal-mini: tagħti appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni III tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo, inkluż permezz tal-faċilitazzjoni u t-tisħiħ tal-ippjanar u r-rappurtar nazzjonali f'sa ħames Stati Partijiet affettwati li għandhom skadenzi futuri għat-tneħħija tal-mini fl-2018, l-2019, l-2020 u lil hinn;

    (b)

    assistenza lill-vittmi: tagħti appoġġ għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet għall-Assistenza lill-Vittmi tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo f'sa ħames Stati Partijiet affettwati. Il-proġett ser jappoġġa lill-Istati Partijiet biex idaħħlu l-aspetti tal-assistenza lill-vittmi tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo f'politika integrata marbuta mal-politiki nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà. Il-proġett għandu l-għan li jagħti s-setgħa lill-vittmi tal-mini biex isiru aġenti attivi fl-iżvilupp tagħhom stess;

    (c)

    sabiex tiġi promossa l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni, il-proġett ser jappoġġa lill-Presidenza tal-Konvenzjoni u lil task force ta' livell għoli biex jinvolvu f'livell għoli lil stati li mhumiex partijiet għall-Konvenzjoni. L-istudju dwar is-sigurtà tal-fruntieri mibdi taħt id-Deċiżjoni 2012/700/PESK ser ikompli jiġi żviluppat;

    (d)

    distruzzjoni tal-kumulazzjoni: appoġġ għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet għad-distruzzjoni tal-kumulazzjoni Azzjoni II tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo;

    (e)

    sabiex jintwera l-impenn tal-Unjoni u tiġi żgurata l-viżibbiltà tiegħu, ser jitħejja avveniment ta' tnedija għall-promozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-appoġġ tal-Unjoni għall-azzjoni kontra l-mini inġenerali, u ser jiġi organizzat avveniment ta' konklużjoni biex tingħata pubbliċità lill-attivitajiet previsti f'din id-Deċiżjoni u l-eżiti tagħhom, u b'hekk jiġi ssottolinjat il-kontribut tal-Unjoni.

    4.   Deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li għandhom jittieħdu biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1 tinsab fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill-ISU, irrappreżentata miċ-Ċentru Internazzjonali ta' Ġinevra għat-Tneħħija ta' Mini għal skopijiet Umanitarji (“GICHD”).

    3.   L-ISU għandha twettaq dawn il-kompiti taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-GICHD.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(3) għandu jkun ta' EUR 2 303 274,47.

    2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq msemmi fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-GICHD, li jistipula li l-ISU għandha tiżgura viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

    5.   L-ISU għandha twettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 2 f'konformità mad-deċiżjoni dwar it-tisħiħ tal-governanza u t-trasparenza finanzjarja fi ħdan l-ISU, meħuda fl-Erbatax-il Laqgħa tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni fl-2015 (3).

    Artikolu 4

    Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari li għandhom jitħejjew mill-ISU. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk l-ebda ftehim ta' finanzjament ma jkun ġie konkluż f'dak il-perijodu.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MAASIKAS


    (1)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/487/PESK tat-23 ta' Ġunju 2008 b'appoġġ għall-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulu ta' Ħażna, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini tal-Art Kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni tagħhom, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà (ĠU L 165, 26.6.2008, p. 41).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/700/PESK tat- 13 ta' Novembru 2012 fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Kartaġena 2010-2014, adottat mill-Istati Parti għall-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni Tagħhom (ĠU L 314, 14.11.2012, p. 40).

    (3)  APLC/MSP.14/2015/L.1 — http://www.apminebanconvention.org/fileadmin/APMBC/MSP/14MSP/ISU_Financing_Decision_Draft_30Nov2015.pdf


    ANNESS

    1.   Objettiv

    Li jingħata kontribut għas-sigurtà tal-bniedem permezz tal-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo 2014-2019 adottat mill-Istati Partijiet fit-Tielet Konferenza ta' Reviżjoni għall-Konvenzjoni tal-1997 fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni Tagħhom (“il-Konvenzjoni”), fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà u f'konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-komunità internazzjonali.

    2.   Deskrizzjoni tal-Proġetti

    2.1.   It-Tneħħija tal-Mini: appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni III tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo inkluż l-ippjanar u r-rappurtar f'sa ħames Stati Partijiet affettwati

    2.1.1.   Objettiv tal-Proġett

    Sa ħames Stati Partijiet għall-Konvenzjoni jiġu appoġġati fl-implimentazzjoni tal-aspetti ta' tneħħija tal-mini tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo.

    2.1.2.   Deskrizzjoni tal-Proġett

    Ser jingħata appoġġ mill-ISU għal sa ħames Stati Partijiet għall-faċilitazzjoni tad-djalogi nazzjonali tal-partijiet ikkonċernati. L-Istati Partijiet eliġibbli għandhom skadenzi futuri għat-tneħħija tal-mini fl-2018, l-2019, l-2020 u lil hinn. Il-Kumitat dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ser ikun involut fl-għażla tal-Istati Partijiet benefiċjarji;

    Id-djalogi nazzjonali tal-partijiet ikkonċernati ser ikunu faċilitati mill-ISU, f'kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, bħal uffiċjali rilevanti tal-gvern, rappreżentanti mill-popolazzjonijiet affettwati mill-mini, donaturi għall-azzjoni kontra l-mini, inkluż entitajiet rilevanti tal-Unjoni, organizzazzjonijiet għat-tneħħija tal-mini, il-Kampanja Internazzjonali għall-Projbizzjoni tal-Mini tal-Art (“ICBL”), l-aġenziji tan-NU u l-GICHD. Kif adatt, dawk l-atturi ewlenin ser ikunu direttament involuti fl-implimentazzjoni tal-proġett soġġetti għall-kondizzjonijiet li għandhom jiġu żviluppati fid-dikjarazzjoni tal-impatt baġitarju. Id-djalogi ser jipproduċu dokument ta' eżitu ddettaljat li jenfasizza informazzjoni ġeografikament speċifika dwar il-bqija taż-żoni li jeħtieġu monitoraġġ u tneħħija, metodoloġiji li jindirizzaw il-bqija taż-żoni u l-isfidi ffaċċjati fit-twettiq tal-obbligi tat-tneħħija tal-mini u rakkomandazzjonijiet dwar kif jingħelbu dawk l-isfidi kif ukoll perkorsi li jindirizzaw l-isfidi identifikati. Id-djalogi nazzjonali tal-partijiet ikkonċernati ser jinkorporaw aspetti ta' ġeneru u diversità tat-tneħħija tal-mini fil-livelli ta' tfassil, ġestjoni u implimentazzjoni;

    Azzjonijiet ta' segwitu, f'mhux aktar minn ħames każijiet, ser jitwettqu b'rispons għar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fid-dokumenti ta' eżitu. Dawn l-azzjonijiet ta' segwitu ser jipprovdu appoġġ tekniku addizzjonali mill-ISU (eż. għall-abbozzar/l-aġġornament ta' pjani ta' azzjoni nazzjonali għat-tneħħija tal-mini, l-iżvilupp ta' proposta jew proposti ta' proġett, eċċ.).

    2.1.3.   Riżultati tal-Proġett

    Id-djalogi tal-partijiet ikkonċernati ser jipprovdu dokument ta' eżitu ddettaljat li jiddeskrivi l-bqija tal-isfidi, b'objettivi, skedi ta' żmien u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ulterjuri;

    L-Istati Partijiet magħżulin għad-djalogi nazzjonali tal-partijiet ikkonċernati ser ikunu jistgħu jesprimu l-istatus tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo kif ukoll itejbu r-rappurtar annwali tagħhom lill-Istati Parti dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom sal-iskadenza tagħhom;

    L-Istati magħżulin serjiżviluppaw prattiki tajba għall-bini u t-trawwim ta' sħubiji, inkluż mad-donaturi u l-organizzazzjonijiet għat-tneħħija tal-mini, biex ikun żgurat li jappoġġaw l-isforzi għat-twettiq tal-obbligi tagħhom fl-iqsar żmien possibbli;

    L-Istati magħżulin ser ikunu jistgħu jesprimu aħjar l-intenzjonijiet tagħhom li jwettqu l-impenji tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo u l-ħtieġa tagħhom għall-appoġġ, pereżempju għall-abbozzar u l-aġġornament ta' pjani ta' azzjoni nazzjonali għat-tneħħija tal-mini, l-iżvilupp ta' proposta jew proposti ta' proġett.

    2.1.4.   Benefiċjarji

    L-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni li jinsabu fil-proċess li jimplimentaw l-obbligi tagħhom għat-tneħħija tal-mini skont il-Konvenzjoni;

    Nisa, bniet, subien u rġiel li ħajjithom hija affettwata mill-preżenza jew il-preżenza ssuspettata ta' mini kontra l-persunal kif ukoll il-familji u l-komunitajiet tagħhom;

    Esperti nazzjonali li jaħdmu fuq kwistjonijiet rilevanti għat-tneħħija tal-mini;

    Stati u organizzazzjonijiet li jappoġġaw l-isforzi għat-tneħħija tal-mini.

    2.2.   Assistenza lill-vittmi: appoġġ għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet għall-Assistenza lill-Vittmi tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo f'sa ħames Stati Partijiet affettwati

    2.2.1.   Objettiv tal-Proġett

    Il-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo jiddikjara li l-assistenza lill-vittmi għandha tkun integrata f'politiki nazzjonali, pjani u oqfsa legali usa' relatati mad-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg, l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar. Il-proġett ser jappoġġa sa ħames Stati Partijiet biex idaħħlu l-aspetti tal-assistenza lill-vittmi tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo f'kuntest usa' tal-politiki nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà. Il-proġett għandu l-għan li jagħti s-setgħa lil dawk midruba minn mini jew fdalijiet splussivi oħra tal-gwerra, superstiti kemm b'impedimenti jew b'diżabbiltà kif ukoll dawk mingħajrhom, vittmi indiretti bħal membri tal-familja ta' persuni maqtula minn mini kontra l-persunal, u persuni li jgħixu f'żoni affettwati mill-mini, biex isiru aġenti attivi fl-iżvilupp tagħhom stess. Id-djalogi nazzjonali tal-partijiet ikkonċernati ser jinkorporaw aspetti ta' ġeneru u diversità tal-assistenza lill-vittmi fil-livelli ta' tfassil, ġestjoni u implimentazzjoni.

    2.2.2.   Deskrizzjoni tal-Proġett

    Ser jingħata appoġġ mill-ISU f'sa ħames Stati Partijiet affettwati biex jorganizzaw djalogi nazzjonali tal-partijiet ikkonċernati fi Stati Partijiet li jew:

    (a)

    ma tantx ipparteċipaw fl-assistenza lill-vittmi u għalhekk jibbenifikaw minn stimulu biex jibdew jagħmlu dan; jew

    (b)

    ipparteċipaw fl-isforz għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet għall-assistenza lill-vittmi tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo u jibbenefikaw minn djalogu nazzjonali tal-partijiet ikkonċernati għall-promozzjoni ta' dawk l-isforzi tal-implimentazzjoni

    Il-Kumitat tal-Konvenzjoni għall-Assistenza lill-Vittmi ser ikun involut fl-għażla tal-Istati Partijiet benefiċjarji;

    Id-djalogi nazzjonali tal-partijiet ikkonċernati ser ikunu faċilitati mill-ISU, f'kollaborazzjoni mal-atturi ewlenin, bħal uffiċjali rilevanti tal-gvern, donaturi, inkluż l-entitajiet rilevanti tal-Unjoni, l-aġenziji tan-NU, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ('UNOHCHR'), il-Kampanja Internazzjonali għall-Projbizzjoni ta' Mini tal-Art u Koalizzjoni kontra l-Munizzjonijiet ta' Tferrix ('ICBL-CMC') u organizzazzjonijiet ta' persuni b'diżabbiltà. Id-djalogi nazzjonali tal-partijiet ikkonċernati ser jirriżultaw ukoll fl-abbozzar ta' dokument ta' eżitu ddettaljat, żviluppat f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, fejn ser jiġu identifikati sfidi u lakuni fl-implimentazzjoni tal-impenji għall-assistenza lill-vittmi tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo, ir-rakkomandazzjonijiet li saru biex dawn jingħelbu u l-objettivi stabbiliti;

    Azzjonijiet ta' segwitu ser jitwettqu f'sa ħames każijiet b'rispons għar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fid-dokumenti ta' eżitu. Dawk l-azzjonijiet ta' segwitu jistgħu jinvolvu l-għoti ta' appoġġ tekniku addizzjonali mill-ISUpereżempju għar-reviżjoni ta' pjani nazzjonali, l-iżvilupp ta' proposta jew proposti ta' proġett, eċċ.;

    Id-Deċiżjoni 2012/700/PESK appoġġat il-konferenza globali li saret f'Medellin, il-Kolombja, f'April 2014, intitolata 'Bridges between Worlds' u li kellha l-għan li tavvanza l-fehim tal-komunità internazzjonali rigward post l-assistenza lill-vittmi f'kuntesti usa'. Bħala segwitu, din id-Deċiżjoni ser tkun tista' tiġi organizzata konferenza internazzjonali għall-esperti nazzjonali mill-ISU, f'kollaborazzjoni mal-atturi ewlenin bħall-UNOHCHR, l-entitajiet rilevanti tal-Unjoni, u l-ICBL-CMC u organizzazzjonijiet ta' persuni b'diżabbiltà, biex jiġu esplorati l-sfidi u l-prattiki tajba għall-integrazzjoni tal-assistenza lill-vittmi fil-kuntesti usa' tad-diżabbiltà u l-iżvilupp fil-livell nazzjonali. B'mod partikolari, il-konferenza internazzjonali ser ikollha l-għan li ssaħħaħ il-konnessjonijiet bi sforzi għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà ('CRPD') u proċessi tal-ippjanar għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Il-konferenza internazzjonali ser tibni fuq il-ħidma tal-Kumitat tal-Assistenza lill-Vittmi tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Mini Kontra l-Persunal u ta' rappreżentanti ta' korpi rilevanti oħra bħall-Koordinaturi tal-Assistenza lill-Vittmi tal-Koalizzjoni kontra l-Munizzjonijiet ta' Tferrix (“CCM”) u l-Protokoll V dwar il-Fdalijiet Esplożivi tal-Gwerra għall-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjonijiet u r-Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta' Ċerti Armi Konvenzjonali li jistgħu Jitqiesu li huma ta' Ħsara Eċċessiva jew li għandhom Effetti Indiskriminati (“CCW”).

    2.2.3.   Riżultati tal-Proġett

    Id-djalogi nazzjonali tal-partijiet ikkonċernati ser jirriżultaw f'dokument ta' eżitu ddettaljat li jidentifika sfidi u lakuni li ser jipprovdi lill-Istati magħżulin b'rakkomandazzjonijiet u passi konkreti li jkunu jistgħu jittieħdu biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fl-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom għall-assistenza lill-vittmi tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo;

    Id-dokument ta' eżitu ser jappoġġa l-iżvilupp tal-politika nazzjonali u jiffaċilita d-djalogu u l-kooperazzjoni mad-donaturi u l-aġenziji ta' implimentazzjoni;

    L-azzjonijiet ta' segwitu, f'sa ħames Stati Partijiet, li jappoġġaw l-isforzi biex jingħelbu l-isfidi u l-lakuni identifikati matul id-djalogi nazzjonali tal-partijiet ikkonċernati ser jirriżultaw f'aktar kapaċità tal-Istati Partijiet li jilħqu l-impenji tagħhom tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputopereżempju r-reviżjoni tal-pjani nazzjonali, l-iżvilupp ta' proposta jew proposti ta' proġett;

    Id-djalogi nazzjonali tal-partijiet ikkonċernati ser joħolqu sensibilizzazzjoni tal-isforz globali u l-aħjar prattiki għall-indirizzar tal-ħtiġijiet tas-superstiti u jiggarantixxu d-drittijiet tagħhom permezz ta' oqfsa usa';

    L-Istati magħżulin ser ikunu jistgħu jesprimu aħjar l-istatus ta' implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo kif ukoll jirrappurtaw dwar pjani għall-implimentazzjoni tiegħu;

    L-esperti nazzjonali li jipparteċipaw fil-konferenza internazzjonali ser ikollhom fehim aħjar dwar post l-assistenza lill-vittmi fl-isforzi għall-implimentazzjoni tas-CRPD u proċessi tal-ippjanar għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

    2.2.4.   Benefiċjarji

    L-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni li rrappurtaw ir-responsabbiltà għal numru sinifikanti ta' superstiti tal-mini tal-art;

    Nisa, irġiel, subien u bniet li sfaw vittmi ta' mini tal-art u fdalijiet splussivi oħra tal-gwerra, kif ukoll il-familji u l-komunitajiet tagħhom;

    Esperti nazzjonali li jaħdmu fuq kwistjonijiet rilevanti għat-tneħħija tal-mini.

    2.3.   Universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni

    2.3.1.   Objettiv tal-Proġett

    Sabiex noqorbu lejn l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni, id-Deċiżjoni ser tappoġġa lill-Presidenza tal-Konvenzjoni u lil Task Force ta' Livell Għoli biex jinvolvu f'livell għoli Stati mhux partijiet. F'dan l-isforz, ostakli għall-aderenza għall-Konvenzjoni jiġu definiti u indirizzati u tinkiseb informazzjoni aġġornata dwar l-istatus ta' ratifika u adeżjoni.

    2.3.2.   Deskrizzjoni tal-Proġett

    Task Force ta' Livell Għoli dwar l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni ser tkun appoġġata mill-ISU, inkluż l-appoġġ minn personalitajiet ta' livell għoli li ser jinvolvu ruħhom mal-mexxejja ta' sa ħames Stati mhux partijiet fil-livell ministerjali jew ogħla rigward l-adeżjoni għall-Konvenzjoni u/jew aderenza għall-Konvenzjoni u n-normi tagħha;

    Għarfien aġġornat dirett dwar ostakoli għall-adeżjoni mill-Istati mhux partijiet għall-Konvenzjoni ser jiġi mfittex bil-ħsieb li dik l-informazzjoni tikkontribwixxi għal dokumenti sostantivi mħejjija għar-Raba' Konferenza ta' Reviżjoni fl-2019, inkluż permezz ta' rapport komprensiv rigward xi progress ikun sar fl-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni u n-normi tagħha kif ukoll l-ambitu għal aktar progress;

    L-istudju dwar is-sigurtà tal-fruntieri mibdi skont id-Deċiżjoni 2012/700/PESK preċedenti tal-Kunsill ser ikompli jiġi żviluppat, f'kollaborazzjoni mas-sħab bħaċ-Ċentru ta' Ġinevra tal-Politika tas-Sigurtà (GCSP) jew iċ-Ċentru ta' Ġinevra għall-Kontroll Demokratiku tal-Forzi Armati (DCAF), f'għodda ta' universalizzazzjoni immirata lejn Stati li għadhom jikkunsidraw il-mini kontra l-persunal bħala għodda indispensabbli għas-sigurtà tal-fruntieri.

    2.3.3.   Riżultati tal-Proġett

    Sa ħames Stati mhux partijiet ser ikunu involuti fil-livell ministerjali jew ogħla rigward l-aderenza għall-Konvenzjoni;

    Ser jinkiseb għarfien aġġornat dwar il-politiki tal-Istati mhux partijiet rigward il-mini kontra l-persunal. Dik l-informazzjoni ser tintuża għat-tħejjija ta' dokument sostantiv għar-Raba' Konferenza ta' Reviżjoni, inkluż permezz ta' rapport komprensiv dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-għanijiet tal-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni, kif ukoll l-ambitu għal aktar progress;

    Ser tieħu ħajja ġdida l-promozzjoni min-naħa tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi abbażi ta' azzjonijiet ta' segwitu li jirriżultaw miż-żjarat tat-Task Force ta' Livell Għoli;

    Ser jiġi akkumulat u miġbur aktar għarfien f'pubblikazzjoni li ser tindirizza l-ostakli ipperċepiti b'mod l-aktar frekwenti għall-adeżjoni għall-Konvenzjoni u li tista' tintuża għall-appoġġ tal-isforzi għall-universalizzazzjoni;

    Ser isir progress fl-adeżjoni għall-Konvenzjoni u/jew it-tħaddin tan-normi tagħha mill-Istati mhux partijiet li kienu involuti f'dan il-proġett.

    2.3.4.   Benefiċjarji

    L-Istati, minbarra l-Istati Partijiet, li għadhom ma rratifikawx, ma approvawx, ma aċċettawx jew ma aderixxewx għall-Konvenzjoni;

    Stati Partijiet għall-Konvenzjoni u organizzazzjonijiet mhux governattivi u dawk internazzjonali involuti fi sforzi li jippromwovu l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni.

    2.4.   Distruzzjoni tal-Kumulazzjoni: appoġġ għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet għad-distruzzjoni tal-kumulazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo

    2.4.1.   Objettiv tal-Proġett

    Jingħata appoġġ lill-Istati Partijiet li urew diffikultajiet li jilħqu l-obbligi tal-Konvenzjoni dwar id-distruzzjoni tal-kumulazzjoni sabiex jegħlubhom.

    2.4.2.   Deskrizzjoni tal-Proġett

    L-ISU ser tkun involuta bil-għan li jiġu identifikati l-isfidi ewlenin u jiġu identifikati soluzzjonijiet possibbli biex jitlestew l-isforzi għad-distruzzjoni tal-kumulazzjoni fi Stati li għandhom skadenzi futuri jew li ma laħqux l-iskadenzi tagħhom għad-distruzzjoni tal-kumulazzjoni.

    2.4.3.   Riżultati tal-Proġett

    Il-kisba ta' aktar għarfien dwar l-istatus u l-isfidi għat-tlestija tal-isforzi għad-distruzzjoni tal-kumulazzjoni.

    2.4.4.   Benefiċjarji

    L-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni, li jinsabu fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom għad-distruzzjoni tal-kumulazzjoni skont il-Konvenzjoni.

    2.5.   Turija tal-impenn tal-Unjoni Ewropea

    2.5.1.   Objettiv tal-Proġett

    L-impenn kontinwu tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha għall-Konvenzjoni u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo jintwerew, kif ukoll l-appoġġ tagħhom għall-Istati Partijiet fil-proċess tal-implimentazzjoni ta' obbligi ewlenin skont il-Konvenzjoni.

    2.5.2.   Deskrizzjoni tal-Proġett

    Avveniment ta' tnedija ser jiġi mħejji għall-promozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-appoġġ tal-Unjoni għall-Azzjoni kontra l-Mini inġenerali, u ser jiġi organizzat avveniment ta' konklużjoni biex tingħata pubbliċità lill-attivitajiet previsti f'din id-Deċiżjoni u l-eżiti tagħhom, u b'hekk jiġi ssottolinjat il-kontribut tal-Unjoni;

    Il-komunikazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet tad-Deċiżjoni u tal-impenn tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ser tiġi enfasizzata matul l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fuq is-sit web tal-Konvenzjoni, permezz ta' pjattaformi tal-media soċjali kif ukoll permezz tal-istampa nazzjonali u dik internazzjonali;

    Materjal ta' komunikazzjoni pereżempju kartelluni, reklamar, videos, materjal ta' pubbliċità ser jinkiseb u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet ikkonċernati u s-sħab involuti.

    2.5.3.   Riżultati tal-Proġett

    Uffiċjali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser ikunu konxji minn din id-Deċiżjoni u kif tista' tirrelata ma' ħidmithom;

    L-impenn tal-Unjoni għall-Konvenzjoni u l-Azzjoni Kontra l-Mini inġenerali ser jitqiegħed fiċ-ċentru tal-attenzjoni għall-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni u tal-udjenza globali interessata fis-sigurtà tal-bniedem inġenerali;

    Ser tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni għall-objettivi tal-Konvenzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo.


    Top