EUR-Lex Rochtain ar dhlí an Aontais Eorpaigh

Fill ar leathanach baile EUR-Lex

Is sliocht ón suíomh gréasáin EUR-Lex atá sa doiciméad seo

Doiciméad 32017D1385

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1385 tal-25 ta' Lulju 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA)

ĠU L 194, 26.7.2017, lgh. 61-62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Stádas dlíthiúil an doiciméid Gan a bheith i bhfeidhm a thuilleadh, Deireadh bailíochta: 30/03/2020; Impliċitament imħassar minn 32020D0471

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1385/oj

26.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/61


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1385

tal-25 ta' Lulju 2017

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Mejju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 (1).

(2)

Fl-20 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/993 (2), li emendat id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 billi estendiet il-mandat tal-operazzjoni sas-27 ta' Lulju 2017 u billi żiedet żewġ kompiti ta' sostenn għall-mandat ta' EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA, jiġifieri t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u t-taħriġ tal-Flotta Navali u l-Gwardja Kostali Libjana, u l-kontribut għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-embargo tan-NU fuq l-armi fl-ibħra internazzjonali 'l barra mill-kosta tal-Libja.

(3)

Fid-19 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2314 (3), li saħħet l-awtorizzazzjonijiet mogħtija lil EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA biex isir skambju ta' informazzjoni ma' atturi rilevanti.

(4)

Fit-3 ta' Frar 2017, id-Dikjarazzjoni ta' Malta mill-membri tal-Kunsill Ewropew dwar l-aspetti esterni tal-migrazzjoni: nindirizzaw ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali affermat li ser tingħata prijorità b'mod partikolari lit-taħriġ, it-tagħmir u s-sostenn lill-Gwardja Kostali nazzjonali Libjana u aġenziji rilevanti oħra u biex jiżdiedu l-isforzi biex jixxekkel il-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin permezz ta' azzjoni operazzjonali msaħħa, fi ħdan approċċ integrat li jinvolvi l-Libja u pajjiżi oħra fuq ir-rotta kif ukoll sħab internazzjonali rilevanti, Stati Membri impenjati, missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK, l-Europol u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex).

(5)

Fis-6 ta' Frar 2017, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Libja, il-Kunsill iddikjara li EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA ser tkompli tiffoka fuq it-tfixkil tal-mudell kummerċjali tan-netwerks ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u traffikar ta' bnedmin; minbarra dan, ser tkompli timplimenta ż-żewġ kompiti ta' sostenn tagħha.

(6)

Il-kontribut minn EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni tista' wkoll tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ('UNSCR') 2146 (2014) u UNSCR 2362 (2017).

(7)

Fit-12 ta' Ġunju 2017, permezz tal-UNSCR 2357 (2017), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ġedded l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-UNSCR 2292 (2016), fir-rigward tal-implimentazzjoni stretta tal-embargo fuq l-armi fl-ibħra internazzjonali 'l barra mill-kosta tal-Libja.

(8)

Fit-23 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu, enfasizza b'mod partikolari li t-tfixkil tal-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin u t-traffikanti ta' bnedmin jibqa' objettiv ewlieni u li t-taħriġ u t-tagħmir tal-Gwardja Kostali Libjana hija komponent ewlieni tal-approċċ tal-UE f'dan ir-rigward.

(9)

Fl-4 ta' Lulju 2017, abbażi tar-reviżjoni strateġika tal-operazzjoni, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà qabel li jestendi l-mandat ta' EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA sal-31 ta' Diċembru 2018.

(10)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 għandha tiġi emendata skont dan.

(11)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Konsegwentement, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, la hi marbuta biha u lanqas hija soġġetta għall-applikazzjoni tagħha u ma tiħux sehem fil-finanzjament ta' din l-operazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2(4), l-aħħar sentenza tinbidel b'dan li ġej:

“Hija tista' tibgħat dik id-data kif ukoll data dwar il-bastimenti u t-tagħmir użati minn dawk il-persuni, u l-informazzjoni rilevanti miksuba waqt it-twettiq ta' dan il-kompitu ewlieni, lill-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u lill-korpi kompetenti tal-Unjoni.”.

(2)

Fl-Artikolu 2a, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4a.   Għall-fini tal-kompitu ta' sostenn imsemmi fil-paragrafu 1, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ f'koordinazzjoni mill-qrib ma' partijiet interessati oħra rilevanti.”.

(3)

Fl-Artikolu 2b, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Barra minn hekk, fiż-Żona ta' Operazzjoni, u fil-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandha twettaq attivitajiet ta' sorveljanza u tiġbor informazzjoni dwar it-traffikar illegali, inkluż informazzjoni dwar iż-żejt mhux maħdum u esportazzjonijiet oħra illegali li jiksru l-UNSCR 2146 (2014) u l-UNSCR 2362 (2017), u b'hekk tikkontribwixxi għal għarfien tas-sitwazzjoni u sigurtà marittima fil-Mediterran Ċentrali. L-informazzjoni miġbura f'dan il-kuntest tista' tiġi rilaxxata lill-awtoritajiet leġittimi Libjani u lill-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi rilevanti tal-Istati Membri u lil korpi kompetenti tal-Unjoni.”.

(4)

Fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Għall-perijodu mit-28 ta' Lulju 2017 sal-31 ta' Diċembru 2018, l-ammont ta' referenza għall-ispejjeż komuni ta' EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandu jkun ta' EUR 6 000 000. Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta' 0 % kemm f'impenji kif ukoll f'pagamenti.”.

(5)

Fl-Artikolu 13, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandha tintemm fil-31 ta' Diċembru 2018.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 tat-18 ta' Mejju 2015 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 122, 19.5.2015, p. 31).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/993 tal-20 ta' Ġunju 2016 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 162, 21.6.2016, p. 18).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2314 tad-19 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 345, 20.12.2016, p. 62).


Barr