Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0876

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/876 tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton (ICAC)

ĠU L 134, 23.5.2017, p. 23–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/876/oj

23.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/876

tat-18 ta' Mejju 2017

dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton (ICAC)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(3) u (4), flimkien mal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni hija membru f'numru ta' korpi internazzjonali dwar prodotti bażiċi, iżda mhijiex membru tal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton (“ICAC”).

(2)

Fis-27 ta' April 2004, is-27 ta' Mejju 2008 u l-10 ta' Mejju 2010, il-Kunsill, fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-ktajjen ta' prodotti bażiċi agrikoli, id-dipendenza u l-faqar, dwar is-Sħubija UE-Afrika favur l-iżvilupp tas-settur tal-qoton u dwar il-tisħiħ tal-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta' prodotti bażiċi, rispettivament, stieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra s-sħubija tal-Unjoni fl-ICAC.

(3)

Fis-16 ta' Settembru 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem l-Unjoni, l-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC skont it-Taqsimiet 1 u 2 tal-Artikolu II tar-Regoli u r-Regolamenti tal-ICAC, filwaqt li ddikjara li s-sħubija fl-ICAC tkun fl-interess tal-Unjoni, minħabba l-importanza tal-qoton għall-ekonomija agrikola u industrijali tal-Unjoni u għan-negozji ta' kummerċ tal-Unjoni. L-Unjoni hija produttur tal-qoton u żviluppat minn importatur nett tal-qoton għal, mill-2009 'l quddiem, esportatur nett tal-qoton. Barra minn hekk, l-industrija tat-tessuti u l-ħwejjeġ tal-Unjoni hija utent maġġur tad-drapp tal-qoton. Il-qoton huwa wkoll qasam importanti għall-kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp, bl-Unjoni li tibqa' wieħed mid-donaturi ewlenin għas-settur tal-qoton Afrikan.

(4)

L-Unjoni ser tħallas kontribuzzjoni skont it-Taqsima 2 a.(2) (c) tal-Artikolu II tar-Regoli u r-Regolamenti tal-ICAC. L-Unjoni ma tistax tinżamm responsabbli għall-arretrati kurrenti jew futuri ta' kwalunkwe membru tal-ICAC.

(5)

Jeħtieġ li l-Protokoll 4 dwar il-qoton (2), anness mal-Att tal-Adeżjoni tal-1979, jibqa' jiġi kkunsidrat wara l-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC.

(6)

L-Unjoni għandha għalhekk tissieħeb fl-ICAC,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni.

Ir-Regoli u r-Regolamenti tal-ICAC jinsabu mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jwasslu, f'isem l-Unjoni, il-komunikazzjoni msemmija fit-Taqsima 2 a. tal-Artikolu II tar-Regoli u r-Regolamenti tal-ICAC.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ABELA


(1)  Kunsens tas-16 ta' Mejju 2017 (għad mhuwiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 291, 19.11.1979, p. 174.


 

Werrej

ARTIKOLU I —

TERMINI TA' REFERENZA 26

ARTIKOLU II —

SĦUBIJA 26

ARTIKOLU III —

KUMITAT KONSULTATTIV 28

ARTIKOLU IV —

IL-KUMITAT PERMANENTI 28

ARTIKOLU V —

L-UFFIĊJALI TAL-KUMITAT PERMANENTI 30

ARTIKOLU VI —

SOTTOKUMITATI TAL-KUMITAT PERMANENTI 31

ARTIKOLU VII —

IS-SEGRETARJAT 32

ARTIKOLU VII —

PROĊEDURI FISKALI 33

ARTIKOLU IX —

L-GĦOTI TA' INFORMAZZJONI 34

ARTIKOLU X —

LINGWI 35

ARTIKOLU XI —

VOTAZZJONI 36

ARTIKOLU XII —

KOOPERAZZJONI MA' ORGANIZZAZZJONIJIET OĦRAJN 36

ARTIKOLU XIII —

EMENDI 36

ARTIKOLU XIV —

SUPERSESSJONI 36

L-Uffiċċju tas-Segretarjat

1629 K Street NW Suite 702

Washington DC 20006 USA

Telefon: (202) 463-6660

Faks: (202) 463-6950

Posta elettronika: secretariat@icac.org


REGOLI U REGOLAMENTI

tal-

KUMITAT KONSULTATTIV INTERNAZZJONALI DWAR IL-QOTON

Kif adottati fil-31 Laqgħa Plenarja — is-16 ta' Ġunju 1972

(B'emendi matul l-74 Laqgħa Plenarja, fil-11 ta' Diċembru 2015)

ARTIKOLU I — TERMINI TA' REFERENZA

Il-funzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton (minn hawn 'il quddiem l-ICAC) huma:

a.

Li josserva u jżomm kuntatt mill-qrib ma' żviluppi li jaffettwaw is-sitwazzjoni dinjija tal-qoton.

b.

Li jiġbor, ixerred, u jżomm statistika kompluta, awtentika u aġġornata u tagħrif ieħor relatat mal-produzzjoni dinjija, il-kummerċ, il-konsum, il-ħażniet u l-prezzijiet tal-qoton; u fibri tessili oħrajn, jew tessuti, safejn dawn jaffettwaw l-ekonomija tal-qoton u safejn ma jiġux iddupplikati l-inkarigi li l-Membri jkunu assenjaw lil korpi internazzjonali oħrajn.

c.

Li jissuġġerixxi lill-Membri tal-ICAC, kif u meta jkun xieraq, kull miżura li l-ICAC iqis bħala adegwata u prattika sabiex titjieb il-kollaborazzjoni internazzjonali maħsuba sabiex tiżviluppa u tmantni ekonomija dinjija tal-qoton b'saħħitha.

d.

Li jservi bħala forum ta' diskussjonijiet internazzjonali dwar kwistjonijiet relatati mal-prezzijiet tal-qoton, iżda mingħajr preġudizzju għal diskussjonijiet li jkunu qed iseħħu xi mkien ieħor, pereżempju fl-UNCTAD. Diskussjonijiet bħal dawn għandhom isiru regolarment kemm fil-Kumitat Permanenti kif ukoll waqt Laqgħat Plenarji annwali.

ARTIKOLU II — SĦUBIJA

Taqsima 1 — Eliġibbiltà għas-Sħubija

a.

Is-sħubija fl-ICAC hija miftuħa għall-membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti jew tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, li jesprimu interess fil-qoton.

b.

Kull gvern ieħor li jesprimi interess fil-qoton għandu jkun eliġibbli biex japplika għas-sħubija.

Taqsima 2 — Adeżjoni għal Sħubija: L-impenji ta' Membri Aderenti

Adeżjoni mal-ICAC għandhom ikunu regolati permezz tal-proċeduri li ġejjin:

a.

Applikant għandu jindirizza komunikazzjoni lid-Direttur Eżekuttiv u jiddikjara li:

(1)

Għandu interess fil-qoton;

(2)

Din titħejja biex tissodisfa l-obbligi tas-sħubija fir-rigward ta':

(a)

L-aċċettazzjoni tar-Regoli u r-Regolamenti tal-ICAC fis-seħħ f'dak iż-żmien,

(b)

Is-sottomissjoni tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-qoton u kwistjonijiet relatati skont ir-rekwiżiti preskritti tal-ICAC u kull programm ta' ħidma li jista' jkun approvat minn żmien għall-ieħor, u

(c)

Il-ħlas tal-valutazzjonijiet tiegħu.

b.

Il-Kumitat Permanenti jew il-Kumitat Konsultattiv, kif applikabbli, għandu mbagħad jikkunsidra l-komunikazzjoni tal-applikant.

c.

Normalment l-adeżjoni tal-applikant li jikkwalifika għas-sħubija taħt id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 a. ta' dan l-artikolu għandha tiġi kkonfermata fil-laqgħa li jkun imiss tal-Kumitat Permanenti. Madankollu, jekk il-kwistjoni tal-adeżjoni titqajjem fil-Laqgħa Plenarja l-Kumitat Konsultattiv għandu jikkonferma l-adeżjoni.

d.

Applikazzjoni għas-sħubija taħt id-dispożizzjonijiet ta' Taqsima 1 b ta' dan l-Artikolu għandha tiġi kkunsidrata mill-Kumitat Konsultattiv.

e.

Kull meta jikkonferma jew japprova l-ammissjoni ta' applikant għas-sħubija fl-ICAC, il-Kumitat Permanenti jew il-Kumitat Konsultattiv għandu, fl-isess ħin, jikkonferma l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja stabbilita għal dan il-Membru fis-sena tal-adeżjoni tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 c. ta' dan l-Artikolu.

f.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika lill-applikant ikkonċernat bil-miktub dwar l-azzjoni li tkun ittieħdet.

Taqsima 3 — Irtirar mis-Sħubija

L-irtirar ta' xi Membru mis-sħubija fl-ICAC għandu jitmexxa permezz tal-proċedura li ġejja:

a.

Kull Membru li jkun jixtieq jirtira għandu jindirizza komunikazzjoni lid-Direttur Eżekuttiv għal dan l-għan, u jiddikjara d-data li fiha jkun jixtieq li l-irtirar isir effettiv, li għandha tkun mill-inqas 30 jum wara l-wasla tan-notifika għand id-Direttur Eżekuttiv.

b.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinforma lill-Kumitat Konsultattiv jew lill-Kumitat Permanenti, kif applikabbli, dwar kull irtirar u, meta jirrikonoxxi l-irtirar, għandu jinnotifika lill-Membru kkonċernat dwar l-istatus finanzjarju tiegħu mal-ICAC.

Taqsima 4 — L-Obbligi Finanzjarji tal-Membri

a.

Il-valutazzjoni ta' kull Membru għandha tkun is-somma aġġustata għall-eqreb $100 ta':

(1)

Kontribuzzjoni bażika: 40 fil-mija tal-valutazzjonijiet totali għandhom jinqasmu b'mod ugwali bejn il-Membri u

(2)

Kontribuzzjoni pro rata: it-total tal-kontribuzzjonijiet pro rata għandu jkunu ugwali għat-talbiet baġitarji bit-tnaqqis tas-somma tal-kontribuzzjonijiet ugwali. Il-kontribuzzjoni pro rata għandha tiġi vvalutata abbażi tal-kummerċ medju tal-qoton mhux maħdum (esportazzjonijiet flimkien ma' importazzjonijiet) fl-aktar erba' snin riċenti tal-qoton (Awwissu sa Lulju) li jkunu ntemmu qabel is-sena finanzjarja tal-ICAC li jkunu applikabbli għaliha l-kontribuzzjonijiet.

b.

Il-valutazzjonijiet għandhom ikunu dovuti fl-1 ta' Lulju ta' kull sena u pagabbli matul it-tliet xhur ta' wara s-sena finanzjarja tal-ICAC. Kull ħlas irċevut minn Membru għandu jiġi applikat kontra l-iktar dejn li jkun ilu dovut lill-ICAC minn dak il-Membru.

c.

Il-valutazzjoni inizjali ta' Membru fl-ICAC għandha tiġi kkalkolata skont it-Taqsima 4 a. ta' dan l-Artikolu. Din il-valutazzjoni inizjali għandha tkun pro rata skont in-numru ta' perjodi ta' tliet xhur li jkun fadal fis-sena finanzjarja tal-ICAC. Il-kontribuzzjoni pro rata għandha tiġi stabbilita permezz tar-relazzjoni tal-kummerċ medju li tkun intużat biex jiġu stabbiliti l-aħħar kontribuzzjonijiet pro rata vvalutati għall-membri eżistenti.

d.

Il-valutazzjoni inizjali ta' Membru li għandha tkun dovuta fid-data meta l-adeżjoni tiegħu issir effettiva, u pagabbli matul it-tliet xhur ta' wara.

e.

Mal-irtirar jew sospensjoni ta' Membru, ma jingħata l-ebda ħelsien minn jew rifużjoni ta' kwalunkwe parti mill-valutazzjoni tiegħu għas-sena finanzjarja tal-ICAC li matulha jseħħ l-irtirar. Kull valutazzjoni mhux imħallsa għal dik is-sena għandha ssir pagabbli fid-data meta d-Direttur Eżekuttiv jirċievi l-komunikazzjoni msemmija fit-Taqsima 3 a. ta' dan l-Artikolu.

f.

Jekk il-valutazzjoni ta' Membru tkun qiegħda b'lura bi tnax-il xahar, ħlief għal ammont minimu, li ma għandux jaqbeż il-15 fil-mija tal-valutazzjoni annwali kurrenti tiegħu, id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika lill-Membru kkonċernat li, sakemm ma jsirx il-ħlas fis-sitt xhur ta' wara d-data tan-Notifikazzjoni, l-għoti ta' dokumenti u servizzi oħrajn ma jitkompliex minn dakinhar 'il quddiem. Jekk il-pagament ma jasalx wara sitt xhur oħra, is-sħubija ta' dak il-Membru għandha tiġi sospiża.

g.

Membru li jkun irtira skont id-dispożizzjonijiet taħt it-Taqsima 3 ta' dan l-Artikolu jew li s-sħubija tiegħu tkun ġiet sospiża skont it-Taqsima 4 f. ma għandux jerġa' jiġi aċċettat biex jissieħeb sakemm ikun tħallas mill-inqas wieħed minn kull ħamsa tad-djun kollha dovuti lill-ICAC minn dak il-Membru. Is-sħubija għandha titkompla biss jekk ma jakkumulawx arretrati addizzjonali filwaqt li d-dejn lill-Kumitat ikun qed jerġa' jitħallas kollu, u biss jekk il-Membru ikompli jħallas id-dejn tiegħu lill-Kumitat permezz ta' ħlas bin-nifs ta' mhux inqas minn kwart tal-bqija kull sena.

ARTIKOLU III — KUMITAT KONSULTATTIV

Taqsima 1 — Definizzjoni

F'dawn ir-Regoli u r-Regolamenti il-kliem “Kumitat Konsultattiv” ifisser laqgħa tal-ICAC f'sessjoni plenarja.

Taqsima 2 — Il-Frekwenza u l-Post tal-Laqgħat

Il-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv għandhom isiru fuq l-istedina tal-Membri. Normalment, għandhom isiru laqgħat regolari mill-inqas darba kull sena kalendarja. Laqgħat addizzjonali jistgħu jissejħu mill-Kumitat Permanenti. L-istediniet biex jiġu ospitati laqgħat plenari ma jistgħux jiġu aċċettati mingħand Membri li jkollhom arretrati għal aktar minn sena fil-pagament ta' valutazzjonijiet lill-ICAC.

Il-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv għandhom jalternaw kemm jista' jkun bejn il-pajjiżi li jesportaw u dawk li jimportaw il-qoton. Minħabba li s-sede tal-organizzazzjoni qiegħda fl-Istati Uniti tal-Amerika, il-laqgħat għandhom isiru aktar ta' spiss hemmhekk milli għand Membri oħrajn u ġeneralment f'intervalli ta' mhux aktar minn ħames snin.

Taqsima 3 — Attendenza fil-Laqgħat

Stedina mingħand Membru lill-ICAC bl-offerta li jospita laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv għandha tkun estiża bil-ftehim li d-delegazzjonijiet mill-Membri kollha huma intitolati li jattendu u jipparteċipaw fil-laqgħa, jekk ikunu jixtiequ. Il-Kumitat stess jista' joħroġ l-istediniet lill-Membri.

Taqsima 4 — Il-Proċedura waqt il-Laqgħat

a.

F'kull laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv, il-President tal-Konferenza għandu jiġi nnominat mill-Membru ospitanti. Il-President tal-Kumitat Permanenti jservi bħala l-Ewwel Viċi President. Il-Membru ospitanti jista' jaħtar viċi president wieħed jew aktar. Il-President tal-Konferenza normalment jippresjedi f'laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija u s-Sessjonijiet Plenari. Kumitati oħra għandhom jinnominaw il-President u l-Viċi Presidenti tagħhom stess.

b.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-ICAC għandu jservi bħala s-Segretarju Ġenerali u jista' jinnomina Segretarju Ġenerali Assoċjat wieħed jew aktar. Jekk id-Direttur Eżekuttiv ma jkunx disponibbli, il-Membru ospitanti għandu jinnomina s-Segretarju Ġenerali.

c.

Kull Membru għandu jinnotifika lid-Direttur Eżekuttiv malajr kemm jista' jkun l-ismijiet tar-rappreżentanti, supplenti u konsulenti u tagħrif ieħor ta' dan it-tip, inkluża n-nomina tal-kap tad-delega, kif ikun meħtieġ għar-reġistrazzjoni.

d.

Matul id-diskussjonijiet fuq kull kwistjoni, kull Membru jista' jressaq punt ta' ordni u jista' jmexxi l-għeluq jew l-aġġornament tad-dibattitu. F'kull każ, l-uffiċjal li jippresjedi għandu jiddikjara d-deċiżjoni tiegħu jew tagħha immedjatament, li għandha tibqa' sakemm ma tiġix annullata mil-laqgħa.

Taqsima 5 — Termini ta' Referenza

a.

Għandu jinħatar Direttur Eżekuttiv u jiġi stabbilit il-kuntratt bażiku u l-emolumenti tiegħu jew tagħha.

b.

Għandhom jiġu kkunsidrati u jittieħdu passi fuq kull kwistjoni oħra skont it-termini ta' referenza tal-ICAC.

ARTIKOLU IV — IL-KUMITAT PERMANENTI

Taqsima 1 — Ir-Relazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv

a.

Bejn il-Laqgħat Plenari l-Kumitat Konsultattiv għandu jiġi rrappreżentat f'Washington D.C minn Kumitat Permanenti, li għandu jkun subordinat għalih.

b.

Il-Kumitat Konsultattiv jista' jiddelega l-awtorità dwar kwistjonijiet speċifiċi lill-Kumitat Permanenti. Il-Kumitat Konsultattiv jista' jimmodifika jew jirtira delega tal-awtorità ta' dan it-tip.

c.

L-azzjonijiet kollha meħuda mill-Kumitat Permanenti jistgħu jiġu riveduti mill-Kumitat Konsultattiv.

d.

Il-President tal-Kumitat Permanenti f'kull laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv għandu jirrapporta dwar l-attivitajiet tal-Kumitat Permanenti mill-aħħar laqgħa.

Taqsima 2 — Sħubija

Il-Membri kollha tal-ICAC huma eliġibbli biex iservu fil-Kumitat Permanenti.

Taqsima 3 — Kompetenza, Dmirijiet u Responsabbiltajiet

a.   Sostantivi:

(1)

Li jikkostitwixxi mezz għall-iskambju ta' opinjonijiet fir-rigward tal-iżviluppi attwali u prospettivi fis-sitwazzjoni internazzjonali tal-qoton.

(2)

Li jagħti effett prattikabbli lid-direzzjonijiet, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kumitat Konsultattiv.

(3)

Li jħejji programmi ta' ħidma.

(4)

Li jiżgura li l-programmi ta' ħidma jitwettqu safejn ikunu jippermettu l-finanzi tal-ICAC. Din ir-responsabbiltà għandha tinvolvi, iżda mhijiex neċessarjament limitata għal dawn li ġejjin:

(a)

Id-determinazzjoni tan-numru, in-natura u d-distribuzzjoni ta' rapporti u pubblikazzjonijiet li għandhom jinħarġu.

(b)

Kompiti lis-Segretarjat jew lis-sottokumitat adegwat dwar dawk l-elementi fil-programm ta' ħidma approvat li ma jkunx jixtieq iżomm għalih stess.

(c)

It-titjib tal-istatistika.

(d)

Ir-relazzjonijiet pubbliċi.

(5)

Li jħejji aġenda u skeda ta' żmien għall-Kumitat Konsultattiv u li jagħmel rakkomandazzjonijiet biex jiġu kkunsidrati minn dan il-Kumitat. L-aġenda għandha tinkludi d-data u l-post tal-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Konsultattiv.

(6)

Li jistabbilixxi kooperazzjoni prattikabbli man-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura, l-Istitut Internazzjonali tal-Qoton, u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn ikkonċernati minn kwistjonijiet ta' interess għall-ICAC.

b.   Il-finanzi

Li jissorvelja l-finanzi tal-ICAC. Din ir-responsabbiltà għandha tinkludi, iżda mhux neċessarjament tkun limitata, għall-adozzjoni ta' baġit ta' nefqiet u skala ta' valutazzjonijiet mingħand il-Membri għas-sena finanzjarja li jmiss tal-ICAC.

c.   Amministrazzjoni

(1)

Li joħloq u jżomm Segretarjat ġewwa Washington D.C, li għandu jinkludi Direttur Eżekuttiv u l-persunal tiegħu. (Ara l-Artikolu VII.)

(2)

Li jimpjega persunal skont kif ikun jidhirlu meħtieġ għall-iskop, billi jżomm f'moħħu x-xewqa li jattira persunal ikkwalifikat b'mod wiesa' kemm jista' jkun minn Membri parteċipanti.

(3)

Li jaħtar Direttur Eżekuttiv ġdid u jistabbilixxi t-termini tal-impjieg tiegħu jew tagħha fil-każ ta' bżonn, fil-perjodu interim ta' bejn il-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv.

(4)

Li jistabbilixxi, kif iqis meħtieġ għall-ħidma effiċjenti tan-negozju, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet ta' kull wieħed mill-uffiċjali tiegħu jew tas-Segretarjat.

(5)

Li jirrakkomanda emendi għal dawn ir-Regoli u r-Regolamenti.

Taqsima 4 — Assenjazzjoni ta' Xogħol

Il-Kumitat Permanenti jista' jassenja xogħol lil kwalunkwe sottokumitat dwar kwistjonijiet li jkunu fil-kompetenza ta' dak is-sottokumitat.

Taqsima 5 — Proċeduri tal-Kumitat Permanenti

a.   Ġenerali

(1)

Il-laqgħat għandhom isiru meta jissejħu mill-President jew mid-Direttur Eżekuttiv, fuq talba ta' kwalunkwe Membru, jew permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti.

(2)

Għandha tingħata notifika minn qabel ta' mill-inqas 10 tijiem.

(3)

Il-laqgħat għandhom isiru fil-privat sakemm il-Kumitat Permanenti ma jiddeċidix mod ieħor.

b.   Il-kworum

(1)

Il-preżenza ta' delegati minn terz tal-Membri għandha tikkostitwixxi kworum.

(2)

Fin-nuqqas ta' kworum, il-laqgħa għandha tipproċedi jekk mill-inqas tmien Membri jkunu preżenti. Madankollu, il-minuti għandhom jidentifikaw liema deċiżjonijiet, jekk ikun hemm, ikunu ġew adottati fin-nuqqas ta' kworum u liema Membru, jekk ikun hemm, ikun astjena fl-adozzjoni tagħhom.

(3)

Kwalunkwe deċiżjoni ta' dan it-tip normalment għandha tkun vinkolanti. Madankollu, il-Membri li jew ikunu assenti jew li jkunu rriservaw il-pożizzjoni tagħhom jistgħu jopponu f'perjodu ta' għaxart ijiem mid-data tal-minuti provviżorji u jekk in-numru ta' dawk li jopponu d-deċiżjoni jkun ikbar minn dak ta' dawk li jkunu appoġġjaw id-deċiżjoni fil-laqgħa, id-deċiżjoni tiġi annullata, u dan il-fatt għandu jiġi rrapportat fil-minuti finali.

c.   L-aġenda

(1)

L-adozzjoni ta' aġenda għandha tkun l-ewwel ħaġa li għandha tiġi indirizzata fil-laqgħat kollha.

(2)

Għandha titħejja aġenda provviżorja mid-Direttur Eżekuttiv u din għandha tintbagħat lill-Membri kollha man-notifika li jsejjaħ il-laqgħa. Jista' jiġi inkluż punt fuq l-aġenda provviżorja minn kwalunkwe Membru billi jinnotifika lid-Direttur Eżekuttiv mill-inqas ġimgħa qabel il-laqgħa.

(3)

Punt jista' jiġi miżjud mal-aġenda matul laqgħa sakemm il-maġġoranza ta' dawk il-Membri preżenti ma jopponux. Madankollu, kull azzjoni meħuda dwar dan il-punt għandha teħtieġ unanimità għall-adozzjoni tagħha f'dik il-laqgħa.

(4)

Kull proposta ġdida introdotta matul laqgħa għandha tkun teħtieġ unanimità sabiex tiġi adottata f'dik il-laqgħa.

d.   Il-minuti

(1)

Il-minuti proviżorji tal-laqgħat għandhom jiġu ppreparati f'forma mqassra. Rekord verbatim għandu jitħejja biss meta mitlub mid-Direttur Eżekuttiv, minn uffiċjal, jew minn Membru.

(2)

Kull min ikun preżenti f'laqgħa għandu jkollu d-dritt li jirrevedi materjal li jikkonċernah jew li jkun attribwit lilu. Kull bidla għandha tiġi nnotifikata lis-Segretarjat fi żmien għaxart (10) ijiem minn meta ssir il-laqgħa

(3)

Wara dan, il-minuti finali għandhom jitqassmu lill-Membri kollha.

ARTIKOLU V — L-UFFIĊJALI TAL-KUMITAT PERMANENTI

Taqsima 1

a.

L-uffiċjali tal-Kumitat Permanenti għandhom ikunu l-President, l-Ewwel Viċi President, u t-Tieni Viċi President.

b.

L-uffiċjali tal-Kumitat Permanenti għandhom jiġu eletti f'kull Laqgħa regolari tal-Kumitat Konsultattiv. Dawn għandhom jibqgħu fil-kariga sal-elezzjoni tas-suċċessuri tagħhom.

c.

Fl-elezzjoni tal-uffiċjali tal-Kumitat Permanenti, il-Kumitat Konsultattiv għandu jqis:

(i)

ir-rotazzjoni fuq bażi ġeografika wiesgħa kemm jista' jkun;

(ii)

l-għoti ta' rappreżentanza adegwata kemm lill-Membri li jimportaw il-qoton kif ukoll lil dawk li jesportawh;

(iii)

il-kapaċità, l-interess, u l-parteċipazzjoni fix-xogħol tal-Kumitat.

d.

L-uffiċjali għandhom iservu mingħajr kumpens mill-ICAC. L-ispejjeż kollha tal-uffiċjali għandhom jitħallsu mill-ICAC sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kumitat Permanenti għal kompiti partikolari u speċifiċi li jkunu jinvolvu spejjeż tal-ivjaġġar.

Taqsima 2 — Il-mandat

L-uffiċjali tal-Kumitat Permanenti għandhom jiġu eletti għal sena. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, dawn jistgħu jerġgħu jiġu eletti għal perjodu addizzjonali. Meta jkun prattiku, l-Ewwel Viċi President jiġi nnominat bħala s-suċċessur tal-President li jkun se jħalli l-kariga u t-Tieni Viċi President jiġi innominat bħala s-suċċessur tal-Ewwel Viċi President.

Taqsima 3 — Proċeduri Relatati mal-Elezzjonijiet

Kumitat nominattiv, miftuħ għall-Membri kollha, għandu jitlaqqa' mhux aktar tard minn erba' xhur qabel il-Laqgħa Plenarja. Il-kumitat nominattiv jeleġġi l-President tiegħu stess. Il-kumitat nominattiv għandu jirrapporta lill-Kumitat Permanenti li mbagħad jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Kumitat Konsultattiv. Id-delegati għall-Kumitat Permanenti li jkunu jirrappreżentaw Membri li jkollhom arretrati ta' aktar minn sena fil-ħlas tal-valutazzjonijiet tal-ICAC fiż-żmien tal-laqgħa tal-kumitat nominattiv ma għandhomx ikunu eliġibbli għan-nomina bħala uffiċjali tal-Kumitat Permanenti.

Taqsima 4 — Il-President

a.

Il-President għandu jkun l-uffiċjal ewlieni li jippresjedi u membru ex-officio tas-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma kollha.

b.

Jekk għal kwalunkwe raġuni l-President ma jkunx jista' jibqa' sat-tmiem tal-mandat tiegħu jew tagħha, l-Ewwel Viċi President għandu jsir il-President ad interim għall-perjodu sakem jiġi elett President ġdid.

Taqsima 5 — Il-Viċi Presidenti

a.

L-Ewwel Viċi-President għandu jippresjedi f'laqgħat tal-Kumitat Permanenti fin-nuqqas, jew fuq talba, tal-President.

b.

It-Tieni Viċi President għandu jippresjedi f'laqgħat tal-Kumitat Permanenti fin-nuqqas, jew fuq talba, tal-President u/jew tal-Ewwel Viċi President.

c.

Jekk għal kwalunkwe raġuni l-Ewwel Viċi President ma jkunx jista' jibqa' sat-tmiem tal-mandat tiegħu jew tagħha, jew jekk il-pożizzjoni tiegħu/tagħha tiġi vakanti minħabba li jkun sar President ad interim skont it-Taqsima 4b ta' dan l-Artikolu, it-Tieni Viċi President għandu awtomatikament isir l-Ewwel Viċi President ad interim għall-perjodu sakemm jiġi elett Viċi President ġdid.

ARTIKOLU VI — SOTTOKUMITATI TAL-KUMITAT PERMANENTI

Taqsima 1 — Il-Kumitat Permanenti

Il-Kumitat Permanenti jista' jistabbilixxi sottokumitati jew gruppi ta' ħidma, jippreskrivi t-termini ta' referenza tagħhom, u jtemmhom jew jirrilaxxahom.

Taqsima 2 — Sottokumitati

Is-sħubija fi kwalunkwe sottokumitat jew grupp ta' ħidma għandha tkun miftuħa għal kull Membru tal-Kumitat Permanenti.

Taqsima 3 — Kompetenza, Dmirijiet u Responsabbiltajiet tas-Sottokumitati

a.

Kull sottokumitat:

(1)

Għandu jkun responsabbli quddiem il-Kumitat Permanenti għax-xogħol assenjat lilu mill-Kumitat Konsultattiv jew mill-Kumitat Permanenti.

(2)

Jista' jiġbed l-attenzjoni tal-Kumitat Permanenti lejn kwalunkwe kwistjoni fil-kompetenza tiegħu.

(3)

Għandu jeleġġi l-President u l-Viċi President tiegħu stess. Jekk, għal kwalunkwe raġuni, il-President ta' kwalunkwe sottokumitat ma jkunx kapaċi jkompli f'din il-kariga, il-Viċi President ta' dak is-sottokumitat għandu jsir il-president u s-sottokumitat għandu jeleġġi Viċi President ġdid.

(4)

Jista' jippreskrivi r-regoli ta' proċedura, formali jew informali, tiegħu stess.

ARTIKOLU VII — IS-SEGRETARJAT

Taqsima 1

Is-Segretarjat għandu jitmexxa minn Direttur Eżekuttiv li għandu jkun impjegat imħallas full-time u għandu jibqa' fil-kariga matul il-perjodu tal-kuntratt tal-impjieg tiegħu.

a.

Għandha tkun kundizzjoni tal-impjieg tiegħu/tagħha li ma għandu jkollu l-ebda interess finanzjarju sostanzjali li jippreġudika t-tmexxija tal-affarijiet tal-ICAC u li ma għandux ifittex jew jirċievi struzzjonijiet minn kwalunkwe awtorità ħlief l-ICAC.

b.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirċievi trattament ugwali bħall-membri l-oħra tas-Segretarjat fil-kwistjonijiet kollha, ħlief għad-determinazzjoni u l-implimentazzjoni ta' aġġustamenti għall-għoli tal-ħajja fis-salarji u l-kontribuzzjonijiet għall-benefiċċji tal-irtirar li fil-każ tad-Direttur Eżekuttiv se jkunu ddeterminati mis-sistema tan-NU.

c.

Id-Direttur Eżekuttiv

(1)

Għandu jkun:

(a)

it-Teżorier tal-ICAC, iżda mingħajr obbligazzjoni finanzjarja personali fit-twettiq normali ta' dawn id-dmirijiet;

(b)

is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Konsultattiv;

(c)

is-Segretarju tal-Kumitat Permanenti u l-korpi subordinati tiegħu, sakemm ma jiddelegax ir-responsabbiltajiet tiegħu lil membru tal-persunal tiegħu;

(d)

il-Kustodju tar-rekords kollha tal-ICAC;

(e)

Responsabbli mill-persunal tas-Segretarjat.

(2)

Għandu jkollu:

(a)

Ir-responsabbiltà sħiħa għall-programm ta' ħidma assenjat lis-Segretarjat;

(b)

Ir-responsabbiltà għat-tħejjija ta' aġenda; skedi tal-ħinijiet: dokumenti tekniċi; proċeduri, notifiki u minuti ta' laqgħat;

(c)

Ir-responsabbiltà għal kwistjonijiet ta' protokoll u għall-komunikazzjoni ma' Membri, korpi internazzjonali oħra, u ma' korpi nazzjonali interessati fix-xogħol tal-ICAC.

(3)

Għandu:

(a)

Jirrappreżenta lill-Kumitat Permanenti f'arranġamenti mal-Membri ospitanti għal laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv.

(b)

Jassenja assistenza teknika lil kumitati f'laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv b'konsultazzjoni mal-gvernijiet ospitanti.

(c)

Iħejji baġit annwali ddettaljat għall-kunsiderazzjoni tal-Kumitat Permanenti li għandu jinkludi l-intestaturi li ġejjin: is-salarji; il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni; il-vjaġġi u s-sussistenza; l-apparat tal-uffiċċju; it-tagħmir tal-uffiċċju, il-kera u r-rati, u jipprovdi indikazzjoni tar-riżorsi tal-persunal li għandhom ikunu ddedikati għall-amministrazzjoni, l-attivitajiet tekniċi u attivitajiet oħrajn.

(d)

Iħejji għall-kunsiderazzjoni tal-Kumitat Permanenti skala proposta ta' valutazzjonijiet.

(e)

Jipprovdi, fuq bażi ta' kull tliet xhur, dettalji tan-nefqa sa dakinhar imqabbla mal-baġit approvat.

(4)

Għandu jkun responsabbli għal dmirijiet jew responsabbiltajiet oħra kif jiġu assenjati lilu/lilha minn żmien għall-ieħor mill-Kumitat Konsultattiv jew mill-Kumitat Permanenti.

Taqsima 2

Għandha tkun ir-responsabbiltà tas-Segretarjat:

a.

Li jitlob mingħand il-Membri t-tagħrif dettaljat fl-Artikolu IX kif ukoll dak it-tagħrif speċjali li jista' jkun mitlub mill-Kumitat Konsultattiv jew mill-Kumitat Permanenti.

b.

Li jiżviluppa u jżomm arranġamenti għall-iskambju ta' tagħrif relatat max-xogħol tal-ICAC ma' gvernijiet mhux membri, organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, u korpi privati.

c.

Li jħejji, jippubblika u jqassam Bulettin Statistiku ta' Kull Tliet Xhur [il-frekwenza ta' din il-pubblikazzjoni nbidlet għal darbtejn fis-sena bl-azzjoni tat-43 Laqgħa Plenarja], Rieżami kull Xahar tas-Sitwazzjoni Dinjija [il-frekwenza ta' din il-pubblikazzjoni nbidlet għal kull xahrejn b'azzjoni tat-43 Laqgħa Plenarja], u Sqarrija għall-Istampa bbażata fuq dan, skont ir-regoli preskritti mill-Kumitat Konsultattiv jew mill-Kumitat Permanenti.

d.

Li jħejji rapporti u analiżi oħrajn ta' dan it-tip kif ikun meħtieġ mill-Kumitat Konsultattiv, il-Kumitat Permanenti, is-sottokumitati, jew gruppi ta' ħidma stabbiliti skont l-Artikolu VI, Taqsima 1.

e.

Li jinnotifika lill-Membri dwar laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv, il-Kumitat Permanenti, u s-sottokumitati. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddeċiedi lil min jinnotifika dwar laqgħat oħrajn.

Taqsima 3

a.

L-istqarrijiet għall-istampa jew dokumenti oħrajn bl-għan li jesprimu l-fehmiet jew l-opinjonijiet tal-ICAC jistgħu jinħarġu biss bl-approvazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv jew tal-Kumitat Permanenti, kif xieraq.

b.

Id-dikjarazzjonijiet jew l-artikli ppubblikati mis-Segretarjat fuq l-inizjattiva tiegħu stess għandu jkollhom dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' kull responsabbiltà min-naħa tal-ICAC.

Taqsima 4

Għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Membri li jinnominaw aġenzija tal-koordinazzjoni li għandha sservi bħala l-punt ta' kuntatt ewlieni mas-Segretarjat.

ARTIKOLU VIII — PROĊEDURI FISKALI

Taqsima 1

Is-sena finanzjarja tal-ICAC għandha tibda fl-1 ta' Lulju.

Taqsima 2

Għal kull sena finanzjarja għandhom jiġu sottomessi baġit ta' nefqa u skala ta' valutazzjonijiet tal-Membri mid-Direttur Eżekuttiv lill-Kumitat Permanenti, li għandu jkun intitolat li jemendahom kollha jew li jemenda parti minnhom u li l-azzjoni tiegħu fuqhom għandha tkun finali sakemm ma tiġix mibdula mill-Kumitat Konsultattiv.

Taqsima 3 — Kontabbiltà

a.

In-nefqiet għandhom jiġu debitati mill-kontijiet tas-sena finanzjarja li fiha jsiru attwalment il-pagamenti.

b.

L-irċevuti għandhom jiġu kkreditati fil-kontijiet tas-sena finanzjarja li fiha l-fondi jiġu attwalment irċevuti.

c.

Is-Segretarjat għandu jħejji u jissottometti lill-Kumitat Permanenti dikjarazzjonijiet ta' kull tliet xhur tal-pożizzjoni finanzjarja attwali tal-ICAC sa mit-30 ta' Settembru, il-31 ta' Diċembru, il-31 ta' Marzu u t-30 ta' Ġunju.

Taqsima 4 — Awditjar

a.

Il-Kumitat Permanenti għandu jżomm awditur ta' reputazzjoni rikonoxxuta u jara li l-kontijiet tal-ICAC jiġu awditjati mill-inqas darba fis-sena.

b.

Ma' kull bidla fil-kariga tad-Direttur Eżekuttiv, il-Kumitat Permanenti jista' jordna li jsir awditjar speċjali.

c.

Ir-rapport ta' kull awditur għandu jiġi sottomess lill-Kumitat Permanenti u lill-Aġenziji ta' Koordinazzjoni għall-approvazzjoni fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti wara li s-Segretarjat jirċievi r-rapport.

Taqsima 5 — Fondi

a.

Sakemm ma jingħatawx struzzjonijiet mod ieħor mill-Kumitat Permanenti, il-fondi kollha rċevuti mill-ICAC għandhom imorru f'Fond ta' Ħidma. Il-Kumitat Permanenti minn żmien għall-ieħor għandu jiddetermina ammont limitu ta' dollari għaċ-ċekkijiet miktuba fuq il-Fond ta' Ħidma mis-Segretarjat, li għalih jew għal ammont ogħla minnu tkun meħtieġa approvazzjoni bil-miktub mill-President tal-Kumitat Permanenti. L-ebda individwu, inkluż id-Direttur Eżekuttiv, ma jista' jiffirma ċekk miktub fuq kwalunkwe kont tal-Kumitat għalih jew għaliha stess.

b.

Huwa awtorizzat Fond ta' Riżerva fl-ammont li għandu jiġi stabbilit minn żmien għall-ieħor mill-Kumitat Permanenti. It-teħid ta' ammonti mill-Fond ta' Riżerva jista' jkun awtorizzat mill-Kumitat Permanenti, iżda biss meta l-flejjes disponibbli fil-Fond ta' Ħidma ma jkunux biżżejjed biex ikopru impenji jew obbligazzjonijiet tal-ICAC. Kull teħid ta' flus mill-Fond ta' Riżerva jrid ikun awtorizzat għal ammont u żmien speċifiku.

Taqsima 6 — Investiment

Il-fondi li jkunu jeċċedu r-rekwiżiti attwali jistgħu jiġu investiti f'titoli ta' sigurtà ewlenin li jġibu d-dħul f'dollari għal żmien qasir jew jistgħu jiġu ddepożitati f'kontijiet li jħallu l-interessi assigurati federalment, kif ordnat mill-Kumitat Permanenti.

Taqsima 7 — Disponiment tal-Assi

a.

L-għamara u t-tagħmir tal-uffiċċju li ma jkunux għadhom meħtieġa mill-ICAC jistgħu jitneħħew skont il-proċeduri approvati mill-Kumitat Permanenti.

b.

Jekk fi kwalunkwe ħin, ix-xoljiment tal-ICAC ikun jidher imminenti, il-Kumitat Permanenti għandu jiddeċiedi kif l-aħjar jissodisfa l-obbligazzjonijiet finanzjarji pendenti tal-ICAC u jiddisponi mill-assi kollha li jkun fadal.

c.

Kull assi li jibqa', wara li jkunu ġew issodisfati l-obbligazzjonijiet finanzjarji kollha, għandhom jiġu proratati lill-Membri li l-valutazzjonijiet tagħhom ikunu tħallsu kollha proporzjonalment mal-ammont attwalment ikkontribwit minn kull wieħed minnhom matul is-sena finanzjarja attwali u t-tliet snin finanzjarji preċedenti.

Taqsima 8 — Pjan tal-Irtirar

a.

Il-Kumitat Permanenti huwa awtorizzat biex jistabbilixxi pjan ta' rtirar għall-membri full-time tas-Segretarjat.

b.

Jekk jiġi stabbilit pjan bħal dan,

(1)

L-ICAC għandu jagħti kontribuzzjonijiet annwali lill-pjan mill-inqas ugwali għal, iżda mhux aktar mid-doppju tal-kontribuzzjonijiet annwali tal-impjegati parteċipanti.

(2)

Il-pjan jista' jiġi mibdul jew ma jitkompliex mill-Kumitat Permanenti. Fil-każ li l-pjan ma jitkompliex jew fil-każ tax-xoljiment tal-ICAC, kull impjegat parteċipant għandu jirċievi rifużjoni, kemm tal-kontribuzzjonijiet tal-impjegati kif ukoll tal-kontribuzzjonijiet tal-ICAC f'isem l-impjegati bl-imgħax li jkun akkumula fuqhom.

ARTIKOLU IX — L-GĦOTI TA' INFORMAZZJONI

Taqsima 1

Il-Membri, permezz tal-aġenziji ta' koordinazzjoni tagħhom, għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni disponibbli li tista' tkun meħtieġa sabiex jitwettaq il-programm ta' ħidma. Informazzjoni ta' dan it-tip għandha tintbagħat direttament lis-Segretarjat bl-aktar mezz effiċjenti malli ssir disponibbli.

Taqsima 2

L-informazzjoni li ġejja għandha tingħata kull xahar sakemm ma jiġix indikat mod ieħor, iżda d-dejta dwar regolamenti għandha tintbagħat biss meta ssir bidla jew meta mitlub speċifikament mis-Segretarjat.

a.

Il-kwantitajiet ta' lent tal-qoton f'unitajiet lokali, li jinkludu, fejn possibbli, tqassim skont it-tulijiet medji bażiċi tal-fibri li ġejjin: inqas minn 3/4″, 3/4″ sa 1-3/8″, 1-3/8″ u aktar, jew l-ekwivalenti metriċi tagħhom.

(1)

Il-ħażniet klassifikati skont il-pajjiż fejn ikunu tkabbru, fl-aħħar ta' kull xahar:

(a)

fi mtieħen u stabbilimenti oħrajn ta' konsum,

(b)

fi mħażen pubbliċi u privati, fi tranżitu, u fi kwalunkwe post ieħor.

(2)

Magni għall-ħalġ tal-qoton (jew magni tal-ippressar),

(3)

L-importazzjonijiet, klassifikati skont il-pajjiż fejn ikunu tkabbru, jew, jekk ma jkunx disponibbli, skont il-pajjiż tal-oriġini,

(4)

Il-konsum, klassifikat skont il-pajjiż tat-tkabbir, meta jkun possibbli:

(a)

fi mtieħen li jduru u fabbriki oħrajn,

(b)

fid-djar (stima annwali).

(5)

Maħruq jew meqrud b'mod ieħor (stima annwali),

(6)

Esportazzjonijiet, klassifikati skont il-pajjiż ta' destinazzjoni, u fejn possibbli skont il-varjetà,

(7)

Esportazzjonijiet mill-ġdid, klassifikati skont il-pajjiż ta' destinazzjoni.

b.

L-indikazzjonijiet tal-produzzjoni antiċipata bħaż-żona tal-qoton li għandha tiġi mħawla, il-bejgħ tal-fertilizzanti, id-distribuzzjoni taż-żerriegħa għaż-żrigħ, l-intenzjonijiet tal-bdiewa li jiżirgħu l-qoton, il-kontrolli taż-żoni mill-gvernijiet u l-għanijiet.

c.

Il-previżjonijiet u l-istimi ta' żoni mħawla u maħsuda, ir-rendiment, u l-produzzjoni skont il-varjetajiet, malli jkunu disponibbli, mill-inqas darba fiż-żmien taż-żrigħ u darba meta l-uċuħ tar-raba' jimmaturaw. It-tagħrif dwar l-uċuħ tar-raba' preferibbilment għandu jkun f'termini ta' lent tal-qoton iżda meta tkun disponibbli biss dejta dwar il-qoton tajjeb għaż-żrigħ, għandha tingħata xi indikazzjoni tal-produzzjoni tal-lent.

d.

Statistika għal kull xahar, għal kull tliet xhur u għal kull sena, liema waħda tkun l-aktar konvenjenti, dwar il-produzzjoni, l-importazzjonijiet skont il-pajjiż tal-oriġini u l-esportazzjonijiet skont il-pajjiż ta' destinazzjoni, preferebbilment f'unitajiet ta' kwantità, ta' ħajt tal-qoton u drappijiet.

e.

L-aġenziji ta' koordinazzjoni huma mitluba li jirrapportaw immedjatament, esklussivament mir-rapport regolari ta' kull xahar, il-bidliet kollha fir-regolamenti tal-Membri li jaffettwaw il-qoton.

Taqsima 3

Il-Membri għandhom jikkooperaw mas-Segretarjat fil-forniment ta' informazzjoni disponibbli fejn ikun meħtieġ mill-programm ta' ħidma dwar il-produzzjoni, importazzjonijiet, esportazzjonijiet u prezzijiet ta' fibri taċ-ċellulożi u mhux taċ-ċellulożi u drappijiet.

ARTIKOLU X — LINGWI

Taqsima 1

Il-lingwi uffiċjali u ta' ħidma tal-ICAC għandhom ikunu l-Ingliż, il-Franċiż, l-Ispanjol, ir-Russu u l-Għarbi.

Taqsima 2

Għal-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv:

a.

Il-Kumitat Permanenti għandu jiddeċiedi liema faċilitajiet għall-interpretazzjoni għandu jipprovdi l-ICAC. L-ICAC ma għandux iġarrab spejjeż mhux inklużi fil-baġit b'rabta ma' dawn il-faċilitajiet.

b.

Id-dikjarazzjonijiet formali minn Membri għandhom jiġu sottomessi f'mill-inqas lingwa uffiċjali waħda.

Taqsima 3

Għal raġunijiet prattiċi biss, l-Ingliż normalment se jintuża f'laqgħat tal-Kumitat Permanenti u korpi subordinati.

Taqsima 4

a.

Dawn li ġejjin għandhom jiġu ppubblikati bl-Ingliż, bil-Franċiż u bl-Ispanjol:

Rekords sommarji ta' diskussjonijiet fil-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv

Rieżami ta' kull Xahar tas-Sitwazzjoni Dinjija tal-Qoton [il-frekwenza ta' din il-pubblikazzjoni nbidlet għal darba kull xahrejn bl-azzjoni tat-43 Laqgħa Plenarja]

Il-minuti tal-Kumitat Permanenti [it-traduzzjoni għall-Franċiż u l-Ispanjol ġiet sospiża bl- azzjoni tat-43 Laqgħa Plenarja]

b.

Dawn li ġejjin għandhom jiġu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha:

Ir-Rieżami Annwali tas-Sitwazzjoni Dinjija tal-Qoton

Ir-Rapport tal-President tal-Kumitat Permanenti

Ir-Rapport tad-Direttur Eżekuttiv

Id-dikjarazzjoni finali tal-Laqgħa Plenarja

c.

Il-Kumitat Permanenti għandu jiddetermina liema dokumenti oħrajn ta' natura sostantiva għandhom jiġu stampati f'diversi lingwi billi jqis kemm huma utli għall-Membri u l-implikazzjonijiet baġitarji.

ARTIKOLU XI — VOTAZZJONI

Taqsima 1

a.

Fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom il-Kumitat Konsultattiv u l-Kumitat Permanenti għandhom ifittxu l-unanimità.

b.

Fil-każ li ma jkunx jista' jinkiseb kunsens fil-Kumitat Permanenti, il-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata tista' tiġi riferita għall-Kumitat Konsultattiv, sakemm ma jiġix speċifikat f'dawn ir-regolamenti jew f'regolamenti oħrajn tal-ICAC, li l-kwistjoni għandha titpoġġa għall-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti. Il-Kumitat Konsultattiv għandu jipproċedi b'kunsens. Fil-każ li ma jinkisibx kunsens fil-Kumitat Konsultattiv, il-kwistjoni għandha titpoġġa għall-votazzjoni fuq talba ta' kwalunkwe Membru, u f'dan il-każ l-adozzjoni ta' kull rakkomandazzjoni jew proposta għandha teħtieġ l-approvazzjoni ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Membri preżenti meta ssir il-votazzjoni.

c.

Kull Stat Membru għandu jkun intitolat għal vot wieħed.

d.

Astensjoni ma għandhiex tkun meqjusa bħala vot.

e.

Il-votazzjoni normalment għandha ssir billi l-membri jgħollu jdejhom sakemm il-maġġoranza tal-Membri preżenti u li jkunu se jivvutaw ma jitolbux votazzjoni b'sejħa tal-ismijiet. Għandha ssir votazzjoni permezz ta' vot sigriet meta din tkun mitluba minn kwalunkwe Membru.

ARTIKOLU XII — KOOPERAZZJONI MA' ORGANIZZAZZJONIJIET OĦRAJN

Taqsima 1

a.

L-ICAC għandu jikkoopera ma' organizzazzjonijiet oħrajn, pubbliċi jew privati, nazzjonali jew internazzjonali. Il-Kumitat Permanenti għandu jiddetermina l-organizzazzjonijiet u n-natura u l-limitu ta' din il-kooperazzjoni.

b.

Dawn l-organizzazzjonijiet, kif ukoll gvernijiet mhux membri u l-pubbliku, jistgħu, bl-approvazzjoni tal-Membru ospitanti, jiġu mistiedna biex jattendu f'sessjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv. Il-parteċipazzjoni fil-laqgħat għandha tkun ibbażata fuq dawk it-termini li jista' jippreskrivi l-Kumitat Konsultattiv jew il-Kumitat Permanenti.

ARTIKOLU XIII — EMENDI

Dawn ir-Regoli u r-Regolamenti jistgħu jiġu emendati biss mill-Kumitat Konsultattiv sakemm ma jiġux speċifikament riferiti għal emenda lill-Kumitat Permanenti.

ARTIKOLU XIV — SUPERSESSJONI

Dawn ir-Regoli u r-Regolamenti adottati fis-16 ta' Ġunju 1972 jissostitwixxu kull att, riżoluzzjoni, jew Regoli u Regolamenti preċedenti li mhumiex konsistenti mad-dispożizzjonijiet tagħhom.

Indiċi

Kumitat Konsultattiv

1 -9, 12 13

L-aġenda

5-6, 8

Valutazzjoni

2-3, 5, 7-10

Baġit

2, 5, 8-9, 12

President (Il-)

3-5, 7, 10, 12

Kooperazzjoni

5, 13

Aġenzija ta' Koordinazzjoni

9

Direttur Eżekuttiv

1-6, 8-10, 12

Finanzi

4-5

Fondi

9-10

Informazzjoni

1-2, 4, 9, 11

Lingwi

12

Sħubija

1-4, 7

Minuti

5-6, 8, 12

Laqgħa Plenarja

1-4, 7, 9, 12

Kworum

5

Segretarjat

4-6, 8-11

Segretarju Ġenerali

3, 8

Il-Kumitat Permanenti

1-10, 12-13

Kumitat tat-Tmexxija

3

Viċi President

3, 6-7

Votazzjoni

12-13

Programm ta' Ħidma

2, 4, 8, 11


Top