EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0259

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/259 tat-13 ta' Frar 2017 dwar ċerti miri tal-prestazzjoni riveduti u miżuri xierqa inklużi fil-pjanijiet għall-blokok tal-ispazju tal-ajru nazzjonali jew funzjonali mressqa skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li m'humiex adekwati skont il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta' referenza u li tistabbilixxi obbligi għal miżuri korrettivi (notifikata bid-dokument C(2017) 729) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/0729

ĠU L 38, 15.2.2017, p. 76–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/259/oj

15.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 38/76


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/259

tat-13 ta' Frar 2017

dwar ċerti miri tal-prestazzjoni riveduti u miżuri xierqa inklużi fil-pjanijiet għall-blokok tal-ispazju tal-ajru nazzjonali jew funzjonali mressqa skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li m'humiex adekwati skont il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta' referenza u li tistabbilixxi obbligi għal miżuri korrettivi

(notifikata bid-dokument C(2017) 729)

(It-testi bil-Franċiż, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż, bil-Malti, bl-Olandiż u bit-Taljan u biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, l-Istati Membri għandhom jadottaw pjanijiet għall-blokok tal-ispazju tal-ajru nazzjonali jew funzjonali (“FAB”), inklużi miri nazzjonali vinkolanti jew miri fil-livell tal-FABs, li jiżguraw il-konsistenza mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha. Dak ir-Regolament jistipula wkoll li l-Kummissjoni għandha tivvaluta l-konsistenza ta' dawk il-miri abbażi tal-kriterji tal-valutazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 11(6) tiegħu. Regoli dettaljati f'dan ir-rigward ġew stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013.

(2)

Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha fl-oqsma ewlenin tal-prestazzjoni tas-sikurezza, tal-ambjent, tal-kapaċità u tal-kosteffiċjenza għat-tieni perjodu ta' referenza (2015-2019) ġew adottati bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE (3).

(3)

Fit-2 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/347 (4) dwar l-inkonsistenza bejn ċerti miri inklużi fil-pjani inizjali tal-prestazzjoni u l-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha, u li tistabbilixxi r-rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta' dawk il-miri. Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u r-Repubblika Slovakka u ħtieġet reviżjonijiet tal-miri fl-oqsma ewlenin tal-prestazzjoni tal- kapaċità u/jew tal-kosteffiċjenza.

(4)

Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u r-Repubblika Slovakka kollha ppreżentaw sat-2 ta' Lulju 2015 il-pjani nazzjonali riveduti jew il-pjani riveduti fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali inklużi l-miri riveduti tal-prestazzjoni. Fl-4 ta' Frar 2016, Spanja u l-Portugall issottomettew emenda għall-pjan tal-blokk tal-ispazju funzjonali tal-ajru b'aktar miri riveduti tal-prestazzjoni.

(5)

Il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni, li huwa inkarigat biex jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, issottometta l-ewwel rapport ta' valutazzjoni lill-Kummissjoni fil-15 ta' Ottubru 2015.

(6)

Il-valutazzjoni tal-miri tal-prestazzjoni riveduti fir-rigward tal-konsistenza tagħhom mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha saret billi ntużaw l-istess kriterji ta' valutazzjoni u metodoloġiji li kienu ntużaw fil-valutazzjoni tal-miri tal-prestazzjoni sottomessi inizjalment u billi ġew ikkunsidrati miżuri xierqa meħuda mill-Istati Membri kkonċernati fejn kien possibbli, biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-miri ta' prestazzjoni u l-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

(7)

Fir-rigward tal-qasam ta' prestazzjoni ewlieni tal-kapaċità, ġiet ivvalutata l-konsistenza tal-miri riveduti sottomessi mill-Istati Membri għad-dewmien tal-Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru (ATFM) en route, skont il-prinċipju stabbilit fil-punt 4 tal-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, bl-użu tal-valuri ta' referenza għall-kapaċità tal-FABs rispettivi tagħhom, li meta jiġu applikati, jiżguraw li fil-livell tal-Unjoni tintlaħaq il-mira tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha, ikkalkulat mill-Maniġer tan-Netwerk u kif stabbilit fl-aktar verżjoni riċenti tal-Pjan tal-Operazzjonijiet tan-Netwerk (2014-2018/2019) (“Il-Pjan tal-Operazzjonijiet tan-Netwerk”). Dik il-valutazzjoni wriet li l-miri sottomessi mill-Belġju, il-Lussemburgu, Franza, il-Ġermanja, u n-Netherlands fir-rigward tal-FABEC, minn Ċipru, il-Greċja, l-Italja, u Malta fir-rigward tal-Blue Med FAB, ma ġewx riveduti u mhumiex konformi mal-valuri ta' referenza rispettivi u għalhekk mhumiex konsistenti mal-mira rilevanti tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha. Barra minn hekk, il-miżuri xierqa meħuda mill-Istati Membri elenkati f'din il-premessa mhumiex biżżejjed billi ma għandhomx kalendarju konkret b'riżultati speċifiċi u, għalhekk, mhumiex adegwati f'dak li jirrigwarda r-reviżjoni tal-miri li għandhom jinkisbu.

(8)

Dwar il-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, ġew ivvalutati l-miri espressi fi spejjeż determinati għal kull unità en route mibgħuta mill-Istati Membri skont il-prinċipji stabbiliti fil-punt 5 b'mod konġunt mal-punt 1 tal-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, billi tqieset ix-xejra tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route matul it-tieni perjodu ta' referenza u l-perjodu kombinat tal-ewwel u t-tieni perjodu ta' referenza (2012-2019), l-għadd ta' unitajiet ta' servizz (il-previżjoni tat-traffiku) u l-livell tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route b'paragun ma' Stati Membri li jkollhom ambjent ekonomiku u operattiv simili. Dik il-valutazzjoni wriet li l-miri riveduti ppreżentati minn Franza, il-Ġermanja u n-Netherlands fir-rigward tal-FABEC għadhom mhumiex konsistenti mal-mira tal-prestazzjoni rilevanti għall-Unjoni kollha, għar-raġunijiet ta' hawn taħt. Barra minn hekk, il-miżuri xierqa meħuda mill-Istati Membri elenkati f'din il-premessa mhumiex biżżejjed billi ma għandhomx kalendarju konkret b'riżultati speċifiċi u, għalhekk, mhumiex adegwati f'dak li jirrigwarda r-reviżjoni tal-miri li għandhom jinkisbu.

(9)

Fil-każ ta' Franza, il-miri tagħha huma bbażati fuq tnaqqis ippjanat tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route matul it-tieni perjodu ta' referenza b'medja ta' 1,1 % fis-sena. Dan huwa ferm inqas mit-tnaqqis immirat tal-medja tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route għall-Unjoni kollha matul it-tieni perjodu ta' referenza (– 3,3 % fis-sena). Minbarra dan, matul il-perjodu kombinat tal-ewwel u t-tieni perjodu ta' referenza, l-ispejjeż determinati għal kull unità en route ma jonqsux skont it-tendenza tal-Unjoni (– 0,4 % meta mqabbel ma' – 1,7 %). Il-mira għall-2019 hija bbażata fuq spejjeż determinati ppjanati għal kull unità en route li huma daqs il-medja tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route tal-Istati Membri li jkollhom ambjent ekonomiku u operattiv simili għal dak ta' Franza, iżda li huma madwar 22 % ogħla mill-mira tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-2019. Barra minn hekk, l-ispejjeż determinati għal kull unità en route fl-2015 huma 7,9 % ogħla mill-ispejjeż reali fl-2014. Minbarra dan, fir-reviżjoni tal-miri, Franza ma naqqsitx l-ispejjeż iddeterminati en route tagħha u żiedet biss it-traffiku previst espress f'unitajiet ta' servizz.

(10)

Fil-każ tal-Ġermanja, il-miri tagħha huma bbażati fuq tnaqqis ippjanat tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route matul it-tieni perjodu ta' referenza b'medja ta' 3,5 % fis-sena. Dan huwa ftit iktar mit-tnaqqis immirat tal-medja tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route għall-Unjoni kollha matul it-tieni perjodu ta' referenza (– 3,3 % fis-sena). Madankollu, matul il-perjodu kombinat tal-ewwel u t-tieni perjodu ta' referenza, l-ispejjeż determinati għal kull unità en route ma jonqsux skont it-tendenza tal-Unjoni (– 0,8 % meta mqabbel ma' – 1,7 %). Il-mira għall-2019 hija bbażata fuq spejjeż determinati ppjanati għal kull unità en route fl-2019 li huma sostanzjalment ogħla (+ 12,6 %) mill-medja tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route tal-Istati Membri li jkollhom ambjent ekonomiku u operattiv simili għal dak tal-Ġermanja u madwar 34 % ogħla mill-mira tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-2019. Barra minn hekk, l-ispejjeż determinati għal kull unità en route fl-2015 huma 3,9 % ogħla mill-ispejjeż reali fl-2014.

(11)

Fil-każ tan-Netherlands, il-miri tagħha hija bbażata fuq tnaqqis ippjanat tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route matul it-tieni perjodu ta' referenza b'medja ta' 0,4 % fis-sena biss. Dan huwa ferm inqas mit-tnaqqis immirat tal-medja tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route għall-Unjoni kollha matul it-tieni perjodu ta' referenza (– 3,3 % fis-sena). Minbarra dan, matul il-perjodu kombinat tal-ewwel u t-tieni perjodu ta' referenza, l-ispejjeż determinati għal kull unità en route ma jonqsux skont it-tendenza tal-Unjoni (– 0,2 % meta mqabbel ma' – 1,7 %). Il-mira għall-2019 hija bbażata fuq spejjeż determinati ppjanati għal kull unità en route li huma ftit ogħla (+ 1,3 %) mill-medja tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route tal-Istati Membri li jkollhom ambjent ekonomiku u operattiv simili għal dak tan-Netherlands u madwar 19 % ogħla mill-mira tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-2019. Barra minn hekk, l-ispejjeż determinati għal kull unità en route fl-2015 huma 3,4 % ogħla mill-ispejjeż reali fl-2014. Minbarra dan, fir-reviżjoni tal-miri tagħha, in-Netherlands ma naqqsitx l-ispejjeż iddeterminati en route tagħha u lanqas ma żiedet it-traffiku previst espress f'unitajiet ta' servizz.

(12)

Għaldaqstant huwa xieraq li l-Kummissjoni toħroġ Deċiżjoni dwar il-miżuri korrettivi neċessarji li jridu jiġu adottati mill-Istati Membri kkonċernati biex jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tagħhom jipproponu miri tal-prestazzjoni riveduti, li jindirizzaw l-inkonsistenzi identifikati f'din id-Deċiżjoni. Suġġerimenti għal miżuri xierqa bħal dawn għandhom jiġu speċifikati, f'konformità mal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 390/2013, fid-dawl tar-raġunijiet għan-nuqqasijiet identifikati u l-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha. Skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, l-Istati Membri kkonċernati għandhom, barra milli jadottaw miżuri korrettivi, jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-elementi li juru l-konsistenza tagħhom ma' din id-Deċiżjoni. It-tnejn għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

(13)

Sabiex jiġu indirizzati l-inkonsistenzi fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, għandu jiġi żgurat li l-miżuri korrettivi jwasslu għal miri tal-prestazzjoni riveduti li jkunu konformi mal-valuri ta' referenz għall-kapaċità a tal-FAB stabbiliti fil-Pjan Operattiv tan-Netwerk. B'mod partikolari, dan jinkludi dawn iċ-ċentri ta' kontroll tal-erja (ACC): Maastricht UAC (il-Ġermanja, il-Belġju, il-Lussemburgu, in-Netherlands), Bordeaux, Brest, Marseille u Reims (Franza) fir-rigward tal-FABEC, Nikosija (Ċipru), Ateni u Makedonia (il-Greċja) fir-rigward tal-Blue Med FAB.

(14)

Sabiex jiġu indirizzati l-inkonsistenzi fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, għandu jkun żgurat li l-miżuri korrettivi jwasslu għal miri riveduti ta' prestazzjoni.

(15)

Il-Kumitat dwar Ajru Uniku ma ressaqx opinjoni. Tqies li kien meħtieġ att ta' implimentazzjoni u l-President ressaq l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni lill-kumitat ta' appell għal aktar deliberazzjoni. Il-kumitat ta' appell ma ma ressaqx opinjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miri tal-prestazzjoni li jikkonċernaw l-oqsma tal-prestazzjoni ewlenin tal-kapaċità u tal-kosteffiċjenza, elenkati fl-Anness I, u l-miżuri xierqa inklużi fil-pjanijiet riveduti tal-prestazzjoni ppreżentati skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 mhumiex adegwati skont il-miri tal-prestazzjoni tal-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta' referenza, stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/132/UE.

Artikolu 2

Il-Belġju, il-Lussemburgu, Franza, il-Ġermanja u n-Netherlands fir-rigward tal-FABEC, Ċipru, l-Italja, il-Greċja u Malta fir-rigward tal-Blue Med FAB se jieħdu miżuri korrettivi fir-rigward tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam tal-prestazzjoni ewlieni tal-kapaċità, b'kont meħud tas-suġġerimenti mniżżla fil-Parti A tal-Anness II.

Artikolu 3

Franza, il-Ġermanja u n-Netherlands fir-rigward tal-FABEC, se jieħdu miżuri korrettivi fir-rigward tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam tal-prestazzjoni ewlieni tal-kosteffiċjenza, b'kont meħud tas-suġġerimenti mniżżla fil-Parti B tal-Anness II.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1.

(3)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE tal- 11 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-livelli limiti ta' twissija għat-tieni perjodu ta' referenza mill-2015 sal-2019 (ĠU L 71, 12.3.2014, p. 20).

(4)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/347 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar l-inkonsistenza ta' ċerti miri fil-pjanijiet għall-blokok tal-ispazju tal-ajru nazzjonali jew funzjonali mressqa skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta' referenza u li tistabbilixxi r-rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta' dawk il-miri (ĠU L 60, 4.3.2015, p. 48).


ANNESS I

Il-miri tal-prestazzjoni fl-oqsma ta' prestazzjoni ewlenin tal-kapaċità u tal-kosteffiċjenza inklużi fil-pjani nazzjonali riveduti jew fil-pjani riveduti fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali ppreżentati skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 li mhumiex konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni fl-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta' referenza

Qasam ta' prestazzjoni ewlieni tal-kapaċità

Dewmien tal-Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru (ATFM) en route f'min/titjira

STAT MEMBRU

FAB

MIRA TAL-FAB GĦALL-KAPAĊITÀ ENROUTE

2015

2016

2017

2018

2019

Il-Belġju/Il-Lussemburgu

FAB KE

0,48

0,49

0,48

0,47

Konsistenti (0,43)

Franza

Il-Ġermanja

In-Netherlands

[L-Izvizzera]

Ċipru

Blue Med

0,35

0,36

0,37

0,37

0,38

Il-Greċja

L-Italja

Malta

Qasam ta' prestazzjoni ewlieni tal-kosteffiċjenza

Spjega:

Indikatur

Entrata

Unitajiet

(A)

Total ta' Spejjeż Iddeterminati En route

(f'termini nominali u fil-munita nazzjonali)

(B)

Rata tal-inflazzjoni

(%)

(C)

Indiċi tal-inflazzjoni

(100 = 2009)

(D)

Total ta' Spejjeż Iddeterminati En route

(f'termini ta' prezzijiet reali tal-2009 u fil-munita nazzjonali)

(E)

Total ta' Unitajiet tas-Servizzi En route

(TSUs)

(F)

Spiża Iddeterminata għal Kull Unità En route (DUC)

(f'termini ta' prezzijiet reali tal-2009 u fil-munita nazzjonali)

FAB KE

Żona tal-Imposti: Franza — Munita: EUR

 

2015

2016

2017

2018

2019

(A)

1 290 640 175

1 296 576 851

1 328 676 964

1 340 098 296

1 343 820 915

(B)

0,1 %

0,8 %

1,1 %

1,2 %

1,5 %

(C)

108,2

109,1

110,3

111,7

113,3

(D)

1 192 625 922

1 188 249 284

1 204 538 004

1 200 012 085

1 186 146 439

(E)

18 662 000

19 177 000

19 300 000

19 526 000

19 759 000

(F)

63,91

61,96

62,41

61,46

60,03


Żona tal-Imposti: Il-Ġermanja — Munita: EUR

 

2015

2016

2017

2018

2019

(A)

1 069 142 223

1 039 589 465

1 036 418 901

1 036 540 416

1 035 149 924

(B)

1,4 %

1,6 %

1,7 %

1,7 %

1,7 %

(C)

109,9

111,7

113,6

115,5

117,5

(D)

972 517 385

930 743 590

912 394 284

897 248 041

881 066 280

(E)

12 801 000

13 057 000

13 122 000

13 242 000

13 365 000

(F)

75,97

71,28

69,53

67,76

65,92


Żona tal-Imposti: Il-Pajjiżi l-Baxxi — Munita: EUR

 

2015

2016

2017

2018

2019

(A)

184 921 748

184 103 594

187 392 113

194 163 267

198 569 117

(B)

1,00 %

1,24 %

1,44 %

1,49 %

1,51 %

(C)

110,6

112,0

113,6

115,3

117,0

(D)

167 178 324

164 400 112

164 961 239

168 412 538

169 672 018

(E)

2 806 192

2 825 835

2 845 616

2 874 072

2 902 813

(F)

59,57

58,18

57,97

58,60

58,45


ANNESS II

Suġġerimenti għal miżuri korrettivi

A.   Qasam ta' prestazzjoni ewlieni tal-kapaċità

Dawn li ġejjin huma suġġerimenti għal miżuri korrettivi fil-qasam ta' prestazzjoni ewlieni tal-kapaċità fil-livell ta' Ċentru ta' Kontroll tal-Erja (ACC) sabiex jiġu indirizzati r-raġunijiet sottostanti għal nuqqas ta' kapaċità.

BlueMed FAB

Ċipru (ACC Nicosia)

Raġunijiet għal nuqqas ta' kapaċità: Użu inflessibbli tal-persunal, kapaċitajiet tas-settur baxxi, nuqqas ta' flessibilità fil-konfigurazzjonijiet tas-settur, nuqqas ta' flessibilità fis-skema tal-ftuħ, nuqqas li jiġu implimentati bis-sħiħ il-miżuri ppjanati għat-titjib tal-pjan tal-kapaċità.

Suġġerimenti għal miżuri korrettivi:

1.

Titħaffef l-implimentazzjoni ta' sistema ġdida għall-organizzazzjoni ta' fornitur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSP);

2.

It-twettiq tal-ippjanar mill-ġdid biex tiġi pprovduta l-kapaċità meħtieġa billi jitqiesu:

a.

L-implimentazzjoni ta' proposti għat-tqegħid f'settur mill-ġdid;

b.

L-evalwazzjonijiet mill-ġdid tal-kapaċitajiet tas-settur;

3.

Implimentazzjoni ta':

a.

Skedar ta' xogħol flessibbli li jippermetti allinjament aħjar bejn id-domanda tat-traffiku u l-ħinijiet tal-ftuħ tas-settur;

b.

Konfigurazzjonijiet flessibbli tal-ftuħ, skont il-flussi tat-traffiku;

4.

Titjib tal-fluss tat-traffiku tal-ajru u tat-tekniki fl-amministrazzjoni tal-kapaċità (ATFCM);

Fil-pjan tal-prestazzjoni tiegħu Ċipru indika li titjib fil-prestazzjoni inġenerali ma jseħħx sakemm ma jkunux fis-seħħ il-bidliet istituzzjonali meħtieġa għall-istabbiliment ta' sistema ġdida ta' organizzazzjoni tal-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSP) u għalhekk qed jiġi ssuġġerit li Ċipru jistabbilixxi dawn il-bidliet malajr kemm jista' jkun.

Il-Greċja (ACCs Ateni u Makedonia)

Raġunijiet għal nuqqas ta' kapaċità: In-nuqqas ta' investimenti fil-kontroll tat-traffiku tal-ajru (ATC), in-nuqqas ta' reklutaġġ ATCO.

Suġġerimenti għal miżuri korrettivi:

1.

L-implimentazzjoni ta' miżuri biex titjieb il-prestazzjoni billi tiġi kkunsidrata s-separazzjoni tal-entità ANSP minn mal-gvern;

2.

Riorganizzazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru li jippermettu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni f'waqthom ta' pjan operattiv u r-reklutaġġ ta' persunal;

3.

Il-ħolqien ta' pjan ta' ristrutturar komprensiv biex jiġu implimentati tekniki ġodda li jtejbu l-flessibbiltà, bidliet fil-konfigurazzjoni staġunali u skedar iktar flessibbli.

FAB EC

Il-Ġermanja, il-Belġju, il-Lussemburgu, in-Netherlands (ACC Maastricht UAC)

Raġunijiet għal nuqqas ta' kapaċità: In-nuqqas ta' kapaċità f'Livell ta' Grupp Settorjali wara bidliet mhux mistennija f'xejriet tat-traffiku fl-2015; tkabbir fil-kapaċità li jirriżulta minn proġetti tal-ispazju tal-ajru tal-FABEC x'aktarx li mhux se jseħħ matul il-perjodu tal-ippjanar.

Suġġerimenti għal miżuri korrettivi:

1.

Taħriġ iktar intensiv tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru ATCO li jippermetti allinjament aħjar bejn id-domanda tat-traffiku u l-ħinijiet tal-ftuħ fiil-Livell tal-Grupp taas-Settur.

2.

Żvilupp u implimentazzjoni ta' proposti ta' tqegħid fis-settur mill-ġdid;

3.

Implementazzjoni ta' titjib ippjanat fis-sistema tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru (ATM).

Franza (ACC Bordeaux)

Raġunijiet għal nuqqas ta' kapaċità: It-taħriġ u l-implimentazzjoni ta' sistema ġdida ATM — ERATO.

Suġġerimenti għal miżuri korrettivi:

1.

Tekniki ATFCM imtejba;

2.

Pjan ta' Tranżizzjoni Flessibbli għas-sistema l-ġdida tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru (ATM), koordinati ma' maniġer tan-netwerk, sabiex jiġu inklużi miżuri ta' mitigazzjoni xierqa li jnaqqsu t-telf.

Franza (ACC Brest)

Raġunijiet għal nuqqas ta' kapaċità: It-taħriġ u l-implimentazzjoni ta' sistema ġdida tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru (ATM) — ERATO. It-tqegħid f'setturi u skemi settorjali ta' ftuħ li jistgħu jiġu adattati aħjar għad-domanda tat-traffiku.

Suġġerimenti għal miżuri korrettivi:

1.

L-implimentazzjoni ta' proposti għat-tqegħid f'settur mill-ġdid;

2.

Skedar ta' xogħol flessibbli li jippermetti allinjament aħjar bejn id-domanda tat-traffiku u l-ħinijiet tal-ftuħ tas-settur;

3.

Konfigurazzjonijiet flessibbli tal-ftuħ, skont il-flussi tat-traffiku;

4.

Tekniki ATFCM imtejba.

Franza (ACC Marsilja)

Raġunijiet għal nuqqas ta' kapaċità: Nuqqas ta' kapaċità fi tmiem il-ġimgħa minħabba skemi ta' ftuħ settorjali inadattati, nuqqas ta' taħriġ u implimentazzjoni tas-sistema ġdida tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru (ATM) — 4Flight (2017–2019).

Suġġerimenti għal miżuri korrettivi:

1.

Skedar ta' xogħol flessibbli li jippermetti allinjament aħjar bejn id-domanda tat-traffiku u l-ħinijiet tal-ftuħ tas-settur, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa;

2.

Konfigurazzjonijiet flessibbli tal-ftuħ, skont il-flussi tat-traffiku;

3.

Tekniki ATFCM imtejba;

4.

Azzjoni għad-disinjar tar-rotot u t-tqegħid f'setturi, b'attenzjoni partikolari fuq l-interfaċċja mal-ACC ta' Barċellona;

5.

Pjan ta' Tranżizzjoni Flessibbli għas-sistema l-ġdida ATM, ikkoordinat ma' Maniġer tan-Netwerk, sabiex jiġu inklużi miżuri ta' mitigazzjoni xierqa.

Franza (ACC Reims)

Raġunijiet għal nuqqas ta' kapaċità: It-taħriġ u l-implimentazzjoni tas-sistema ġdida tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) — 4Flight (2017–2019), distribuzzjoni tat-traffiku b'domanda ogħla tat-traffiku fuq l-iqsar rotot, in-nuqqas ta' prevedibbiltà tad-domanda tat-traffiku f'ċerti setturi.

Suġġerimenti għal miżuri korrettivi:

1.

Azzjonijiet għad-disinn tar-rotot u t-tqegħid f'setturi;

2.

Skedar ta' xogħol flessibbli li jippermetti allinjament aħjar bejn id-domanda tat-traffiku u l-ħinijiet tal-ftuħ tas-settur;

3.

Konfigurazzjonijiet flessibbli tal-ftuħ, skont il-flussi tat-traffiku;

4.

Tekniki ATFCM imtejba;

5.

Pjan ta' Tranżizzjoni Flessibbli għas-sistema l-ġdida ATM, ikkoordinat ma' Maniġer tan-Netwerk, sabiex jiġu inklużi miżuri ta' mitigazzjoni xierqa.

L-aġġornamenti tas-sistema tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru (ATM) fi Franza huma meħtieġa għal titjib fuq medda twila ta' żmien u huwa għalhekk issuġġerit li Franza itejjeb il-prestazzjoni permezz ta' ppjanar aħjar ta' implimentazzjoni gradwali tas-sistema l-ġdida.

B.   Qasam ta' prestazzjoni ewlieni tal-kosteffiċjenza

Dawn li ġejjin huma suġġerimenti għal miżuri korrettivi fil-qasam ta' prestazzjoni ewlieni tal-kosteffiċjenza li jistgħu jiġu implimentati fi żmien qasir, waqt li jitqiesu l-interdipendenzi mal-bqija tal-oqsma ta' prestazzjoni ewlenin kif ukoll il-kapaċitajiet ta' investiment essenzjali fil-livell tas-sistema. Is-suġġerimenti huma bbażati fuq tliet konsiderazzjonijiet ta' titjib, jiġifieri l-previżjoni tat-traffiku, ir-rata ta' dħul fuq il-kapital u r-rata ta' imgħax fuq id-dejn.

Franza

Suġġerimenti għal miżuri korrettivi:

1.

Traffiku: F'Lulju 2015, meta mqabbel mal-informazzjoni pprovduta fl-ewwel pjan ta' prestazzjoni, Franza diġà żiedet it-traffiku ppjanati tul RP2 (b'medja ta' + 2,9 %), biex b'hekk it-tbassir tat-traffiku ppjanat ġie skont ix-xenarju low-case STATFOR ta' Frar 2015. Madankollu, abbażi tat-traffiku reali tal-2015 u l-aħħar previżjoni pprovduta minn STATFOR ta' Frar 2016, huwa ssuġġerit li t-traffiku ppjanat jiżdied biex jirrifletti l-aħħar informazzjoni disponibbli.

2.

Ir-rata tal-imgħax fuq id-dejn: Franza assumiet rata ta' imgħax fuq id-dejn ta' 2,7 % għall-ANSP (DSNA) fuq RP2. Madankollu, il-kundizzjonijiet monetarji evolvew b'mod sinifikanti. Attwalment, rati tal-imgħax ta' bonds tal-gvern “fit-tul” mingħajr riskju għal Franza huma storikament baxxi u bbażati fuq id-dejta tal-Bank Ċentrali Ewropew, ir-rata armonizzata fit-tul hija inqas minn 1 %. Barra minn hekk, DSNA mhijiex entità korporatizzata u d-dejn tagħha (u l-primjum tar-riskju assoċjat) jista' jiġi assimilat mill-qrib mar-rata ta' referenza fit-tul tal-gvern. Huwa għalhekk issuġġerit li Franza tuża rata ta' interessi iktar baxxa biex taħdem l-ispiża DSNA tal-kapital.

Li taġġusta t-traffiku ppjanat għall-2018 u l-2019 u li tillimita l-massimu tar-rata tal-imgħax fuq id-dejn, pereżempju, b'rata ta' 1,5 % għas-snin 2018 u 2019 jirriżulta f'xejra tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route matul it-tieni perjodu ta' referenza ta' – 2,2 % fis-sena, li jkun eqreb lejn it-tendenza fl-Unjoni kollha (– 3,3 % fis-sena) u x-xejra tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route matul il-perjodu kombinat tal-ewwel u t-tieni perjodu ta' referenza ta' – 1,1 % fis-sena, li jkun eqreb lejn il-mira tal-Unjoni kollha (– 1,7 % fis-sena).

Il-Ġermanja

Suġġerimenti għal miżuri korrettivi:

Traffiku: F'Lulju 2015, meta mqabbel mal-informazzjoni pprovduta fl-ewwel pjan ta' prestazzjoni, il-Ġermanja diġà żiedet it-traffiku ppjanat tul RP2 (b'medja ta' + 2,7 %), biex b'hekk it-tbassir tat-traffiku ppjanat ġie skont ix-xenarju low-case STATFOR għal Frar 2015. Madankollu, abbażi tat-traffiku reali tal-2015 u l-aħħar previżjoni pprovduta minn STATFOR (Frar 2016), huwa ssuġġerit li t-traffiku ppjanat jiżdied biex jirrifletti l-aħħar informazzjoni disponibbli.

Barra minn din il-miżura fuq perjodu ta' żmien qasir, huwa rikonoxxut li l-Ġermanja kienet investiet sostanzjalment mill-ġdid f'ANSP tagħha għat-tieni perjodu ta' referenza. Madankollu, hemm riskju ta' żidiet sinifikanti fl-ispejjeż fi tmiem it-tieni perjodu ta' referenza u għalhekk huwa ssuġġerit li l-Ġermanja tikkunsidra miżuri fit-tul li jindirizzaw l-ispejjeż bażiċi moħbija li jaf iwasslu, pereżempju, għal xejra fl-ispejjeż determinati għal kull unità en route matul il-perjodu kombinat tal-ewwel u t-tieni perjodu ta' referenza ta' – 1,5 % fis-sena, li hija eqreb lejn il-mira tal-Unjoni kollha (– 1,7 % fis-sena).

In-Netherlands

Suġġerimenti għal miżuri korrettivi:

1.

Traffiku: F'Lulju 2015, meta mqabbel mal-informazzjoni pprovduta fl-ewwel pjan ta' prestazzjoni, iln-Netherlands ma rrevedietx it-tkabbir tat-traffiku ppjanat matul RP2, li kien ibbażata fuq ix-xenarju baxx STATFOR ta' Frar 2015. Abbażi tat-traffiku reali tal-2015 u l-aħħar previżjoni pprovduta minn STATFOR (Frar 2016), huwa ssuġġerit li t-traffiku ppjanat jiżdied biex jirrifletti l-aħħar informazzjoni disponibbli.

2.

Ir-rata tal-imgħax fuq id-dejn: In-Netherlands assuma rata ta' imgħax fuq dejn ta' 3,2 % għall-2019 għal ANSP tiegħu (LVNL). Madankollu, il-kundizzjonijiet monetarji evolvew b'mod sinifikanti. Attwalment, ir-rati tal-imgħax ta' bonds tal-gvern “fit-tul” għan-Netherlands huma storikament baxxi u bbażati fuq id-dejta tal-Bank Ċentrali Ewropew, ir-rata armonizzata fit-tul hija ferm inqas minn 1 %. Huwa għalhekk issuġġerit li n-Netherlands tuża rata ta' interessi iktar baxxa biex taħdem l-ispiża LNVL tal-kapital.

Li taġġusta t-traffiku ppjanat għall-2018 u l-2019 u li tillimita l-massimu tar-rata tal-imgħax fuq id-dejn, pereżempju, b'rata ta' 3,0 % għas-snin 2018 u 2019 jirriżulta f'xejra tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route matul it-tieni perjodu ta' referenza ta' – 2,5 % fis-sena, li jkun eqreb lejn it-tendenza fl-Unjoni kollha (– 3,3 % fis-sena) u x-xejra tal-ispejjeż determinati għal kull unità en route matul il-perjodu kombinat tal-ewwel u t-tieni perjodu ta' referenza ta' – 1,5 % fis-sena, li jkun eqreb lejn il-mira tal-Unjoni kollha (– 1,7 % fis-sena).


Top