Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0132

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/132 tal-24 ta' Jannar 2017 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-kuntratti mogħtija għall-provvista tal-infrastruttura tal-ajruporti għall-merkanzija fl-Awstrija (notifikata bid-dokument C(2017) 260) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/0260

ĠU L 21, 26.1.2017, p. 105–112 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/132/oj

26.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 21/105


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/132

tal-24 ta' Jannar 2017

dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-kuntratti mogħtija għall-provvista tal-infrastruttura tal-ajruporti għall-merkanzija fl-Awstrija

(notifikata bid-dokument C(2017) 260)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 30(5) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 35(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba mressqa minn Flughafen Wien,

Billi:

1.   IL-KUNTEST FATTWALI

1.1.   It-Talba

(1)

Fis-16 ta' Jannar 2015, il-Kummissjoni rċeviet talba minn Flughafen Wien (l-Ajruport ta' Vjenna, minn hawn 'il quddiem, “l-Applikant”) skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE (minn hawn 'il quddiem “it-Talba”).

(2)

It-Talba kienet tikkonċerna attivitajiet relatati mal-isfruttament ta' żona ġeografika għall-provvista tal-infrastruttura tal-ajruporti fuq it-territorju tal-Awstrija (3).

(3)

It-Talba hija akkumpanjata minn opinjoni tal-awtorità indipendenti li hija kompetenti għas-servizzi tal-ajruport fl-Awstrija, il-Ministeru Federali għat-Trasport, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (minn hawn 'il quddiem “BMVIT”), datata t-22 ta' Diċembru 2014. Dik l-opinjoni (minn hawn 'il quddiem “l-Opinjoni”) tindirizza l-kwistjoni dwar jekk hemmx aċċess liberu għas-suq u jekk l-attivitajiet soġġetti għat-Talba humiex esposti direttament għall-kompetizzjoni.

(4)

Fl-2010, l-Applikant resaq għall-ewwel darba lejn il-Kummissjoni biex jiddiskuti, b'mod informali, il-possibbiltajiet għal eżenzjoni mir-regoli tal-akkwist pubbliku. L-ewwel skambji ta' fehmiet kienu bbażati fuq abbozz ta' talba li kien diskuss matul il-laqgħa tas-17 ta' Marzu 2010. Dik il-laqgħa kienet segwita minn lista bil-miktub informali tal-kummenti u l-mistoqsijiet mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Applikant fit-12 ta' April 2010.

(5)

Fis-26 ta' Settembru 2013, l-Applikant issottometta abbozz aġġornat tat-Talba. Wara dik is-sottomissjoni, il-Kummissjoni kkummentat bil-miktub (permezz ta' ittra datata l-15 ta' Novembru 2013). L-Applikant wieġeb għall-ittra tal-Kummissjoni, fit-2 ta' April 2014, u wara segwa skambju ieħor informali ta' fehmiet f'laqgħa tas-26 ta' Ġunju 2014.

(6)

Fis-16 ta' Jannar 2015, l-Applikant issottometta formalment it-Talba għal eżenzjoni.

(7)

Fil-5 ta' Frar 2016, l-Applikant irtira t-Talba meta jkun ikkonċernat il-bejgħ bl-imnut (4).

(8)

Id-dritt Awstrijak dwar l-akkwist pubbliku (5) jippermetti li l-entitajiet kontraenti jissottomettu talbiet skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE.

(9)

VIE huwa entità kontraenti skont l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2014/25/UE, billi jwettaq attività relatata mal-isfruttament ta' żona ġeografika għall-provvista tal-ajruporti skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/25/UE u jopera abbażi ta' dritt speċjali fit = tifsira tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2014/25/UE.

(10)

Wara l-ewwel valutazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-Talba ma kinitx tinkludi l-informazzjoni meħtieġa biex tippermetti valutazzjoni xierqa tal-kriterji rilevanti għall-iskopijiet ta' eżenzjoni mir-regoli tal-akkwist pubbliku.

(11)

Fis-27 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni talbet lill-Applikant jissupplimenta t-Talba bl-informazzjoni nieqsa u jipprovdi evidenza empirika sabiex juri d-definizzjoni tas-suq magħżul, flimkien ma' dejta aktar affidabbli dwar is-sitwazzjoni kompetittiva għal kull wieħed mis-swieq. It-tweġibiet kienu mibgħuta mill-Applikant, permezz ta' e-mails tal-4 u l-15 ta' Settembru 2015. Fil-21 ta' Settembru 2015 u fit-23 ta' Ottubru 2015 il-Kummissjoni talbet lill-Applikant jipprovdi kjarifiki ulterjuri għat-tweġiba tal-15 ta' Settembru 2015. It-tweġibiet tal-Applikant waslu fl-14 ta' Ottubru 2015, u fil-5 ta' Frar 2016. Minħabba l-fatt li t-tweġibiet ma kinux waslu sad-data tal-iskadenza stabbilita mill-Kummissjoni, il-limitu taż-żmien biex tittieħed deċiżjoni kien sospiż matul il-perjodu bejn id-data tal-iskadenza stabbilita fit-talba għall-informazzjoni (it-13 ta' Marzu 2015), u d-data li fiha waslet l-informazzjoni kompluta (il-5 ta' Frar 2016). Il-Partijiet qablu fuq estensjoni oħra taż-żmien. Id-data tal-iskadenza l-ġdida għall-adozzjoni kienet id-29 ta' Lulju 2016.

(12)

B'mod parallel, fl-20 ta' April 2015 il-Kummissjoni talbet għal informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet Awstrijaċi. It-tweġibiet kienu trażmessi mill-awtoritajiet Awstrijaċi, permezz tal-posta elettronika tat-3 ta' Lulju 2015.

(13)

Sar skambju ulterjuri ta' korrispondenza fir-rigward tal-istatus ġuridiku tal-Applikant bħala parti kontraenti. Fit-22 ta' April u fid-19 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-Applikant. L-Applikant wieġeb fl-4 ta' Mejju u fl-1 ta' Lulju 2016 rispettivament. Barra minn hekk, fil-11 ta' Lulju u fit-23 ta' Settembru 2016 il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali dwar dan is-suġġett mill-Awtoritajiet Awstrijaċi. L-Awtoritajiet Awstrijaċi wieġbu fil-31 ta' Awwissu u fit-30 ta' Settembru 2016 rispettivament.

(14)

Fil-5 ta' Lulju 2016, minħabba l-ħtieġa li tinkiseb u tiġi analizzata l-informazzjoni addizzjonali, id-data tal-iskadenza għall-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar dan il-każ ġiet estiża għall-31 ta' Ottubru 2016, bi qbil mal-partijiet.

(15)

Minħabba l-fatt li t-tweġibiet għat-talba għall-informazzjoni ma kinux waslu sad-data tal-iskadenza stabbilita mill-Kummissjoni, il-limitu taż-żmien biex tittieħed deċiżjoni kien sospiż matul il-perjodu bejn id-data tal-iskadenza stabbilita fit-talba għall-informazzjoni (id-9 ta' Awwissu 2016), u d-data li fiha waslet l-informazzjoni kompluta (il-31 ta' Awwissu 2016), għalhekk id-data tal-iskadenza l-ġdida għall-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni saret it-23 ta' Novembru 2016.

(16)

Fit-8 ta' Novembru 2016, l-Applikant irtira t-Talba billi din testendi sal-provvista tal-infrastruttura tal-ajruport għat-traffiku tal-passiġġieri, is-servizzi tal-gourndhandling u l-parkeġġ. Għalhekk it-Talba nżammet biss fir-rigward tal-provvista tal-infrastruttura tal-ajruport għall-merkanzija. Fit-18 ta' Novembru 2016, intlaħaq qbil reċiproku mill-partijiet dwar data tal-iskadenza ġdid għal Deċiżjoni tal-Kummissjoni. Din id-data tal-iskadenza ġiet stabbilita għall-31 ta' Jannar 2017.

(17)

Fit-23 ta' Settembru 2015, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru — IATA, issottomettiet dokument ta' pożizzjoni dwar il-valutazzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tal-ajruporti fl-Awstrija fir-rigward tat-Talba għal eżenzjoni mir-regoli tal-akkwist pubbliku. F'dan il-każ, is-sottomissjoni kienet ibbażata fuq l-avviż (6) tal-ftuħ tal-proċedura. Id-dokument ta' pożizzjoni jiffoka fuq il-valutazzjoni tal-provvista tas-servizzi diretti tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri fil-livell internazzjonali.

1.2.   Is-settur tal-ajruporti fl-Awstrija

(18)

Fil-preżent hemm 6 ajruporti kummerċjali fl-Awstrija, jiġifieri l-Ajruport ta' Vjenna (minn hawn 'il quddiem imsemmi bil-kodiċi tal-IATA tiegħu, bħala “VIE”), l-Ajruport ta' Graz (minn hawn 'il quddiem “GRZ”), l-Ajruport ta' Innsbruck (minn hawn 'il quddiem “INN”), l-Ajruport ta' Klagenfurt (minn hawn 'il quddiem “KLU”), l-Ajruport ta' Linz (minn hawn 'il quddiem “LNZ”) u l-Ajruport ta' Salzburg (minn hawn 'il quddiem “SZG”).

(19)

L-operatur ta' VIE huwa kumpanija pubblika b'responsabbiltà limitata (7) elenkata fil-Borża ta' Vjenna sa mill-1992, filwaqt li l-operaturi tal-ajruporti l-oħrajn Awstrijaċi huma kollha kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata.

(20)

Is-sitt ajruporti kummerċjali Awstrijaċi qdew total ta' 26,3 miljun passiħħieri fl-2013 (8) u madwar […] (9) tunnellati ta' merkanzija fis-sena (10).

2.   IL-QAFAS ĠURIDIKU

(21)

Id-Direttiva 2014/25/UE tapplika għall-għoti ta' kuntratti għall-attivitajiet relatati mal-provvista tal-infrastruttura tal-ajruporti, sakemm din l-attività mhux eżentata skont l-Artikolu 34 ta' dik id-Direttiva.

(22)

Skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, il-kuntratti intiżi biex jippermettu t-twettiq ta' attività li għaliha tapplika dik id-Direttiva ma jkunux soġġetti għal dik id-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq l-attività, din tkun esposta direttament għall-kompetizzjoni fi swieq fejn l-aċċess ma jkunx ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni huwa vvalutat abbażi ta' kriterji oġġettivi, b'kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. L-aċċess jitqies bħala mhux ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu. Dik il-leġiżlazzjoni hija mniżżla fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE. Madankollu, għall-provvista ta' installazzjonijiet tal-ajruport, dak l-Anness ma jelenkax kwalunkwe leġiżlazzjoni rilevanti li tilliberalizza dan is-settur. Konsegwentement, l-aċċess ħieles għas-suq ma jistax ikun preżunt, u għandu jintwera de facto u de jure.

(23)

L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi evalwat abbażi ta' diversi indikaturi, li l-ebda wieħed minnhom ma huwa neċessarjament deċiżiv, per se. Fir-rigward tas-swieq konċernati minn din id-Deċiżjoni, l-ishma mis-suq jikkostitwixxu kriterju wieħed u għandhom jingħataw kunsiderazzjoni. Minħabba l-karatteristiċi tas-swieq konċernati, għandhom jiġu kkunsidrati kriterji oħra.

(24)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. B'mod partikolari, il-kriterji u l-metodoloġija użati biex jiġi vvalutat l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE mhumiex neċessarjament identiċi għal dawk użati biex titwettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat jew tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (11). Dan il-punt ġie kkonfermat ukoll mill-Qorti f'sentenza reċenti (12).

(25)

Wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li tistabbilixxi jekk is-servizzi kkonċernati mit-Talba humiex esposti għal tali livell ta' kompetizzjoni (fis-swieq li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett skont it-tifsira tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE) li jiżgura li, anki fin-nuqqas tad-dixxiplina miġjuba mir-regoli dettaljati tal-akkwist stabbiliti fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati jsir b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi ta' kriterji li jippermettu li x-xerrejja jidentifikaw is-soluzzjoni li b'mod ġenerali tkun l-aktar waħda vantaġġuża ekonomikament.

3.   VALUTAZZJONI

3.1.   Aċċess liberu għas-suq

(26)

F'dan il-każ, l-attività rilevanti hija l-provvista tal-infrastruttura tal-ajruport għall-merkanzija.

(27)

Rigward il-provvista tal-infrastruttura tal-ajruporti, ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti li fuq il-bażi tagħha jista' jiġi preżunt li hemm aċċess liberu għas-suq, għalhekk huwa meħtieġ li l-valutazzjoni rilevanti ssir fuq il-bażi tal-każistika eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tappartjeni għal-libertà tal-istabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE.

(28)

Skont l-Applikant, l-aċċess għas-suq mhuwiex ristrett de jure. Fl-Awstrija, it-Taqsima 71(1) tal-Luftfahrtgesetz (LFG, l-Att dwar l-Avjazzjoni) tipprovdi li operatur li japplika għal liċenzja ta' ajruport ċivili jkun intitolat li jirċievi “liċenzja ta' ajruport ċivili” jekk il-pjan li jistabbilixxi ajruport ikun adegwat mill-fehma teknika u jkun mistenni mmaniġġjar sikur, l-operatur huwa affidabbli, xieraq u għandu biżżejjed riżorsi finanzjarji, u ma hemm l-ebda “interess pubbliku ieħor” konfliġġenti. F'dan ir-rigward, skont it-Taqsima 71(2) LFG, ajruport pubbliku ppjanat huwa preżunt li ma jkunx fl-interess tal-pubbliku, jekk it-tliet kundizzjonijiet li ġejjin ma jiġux sodisfatti fl-istess ħin: (i) jekk l-ajruport huwa inqas minn 100 km 'il bogħod minn ajruport pubbliku eżistenti, (ii) l-ajruport probabbli jkun ta' xkiel għall-funzjonijiet tat-trasport ta' ajruport eżistenti, u (iii) l-ajruport eżistenti jista' jibda jopera fi żmien sitt xhur id-doveri prospettivi tal-ajruport ippjanat u lest li jagħmel dan.

(29)

Huwa pertinenti li wieħed jiftakar li hija każistika stabbilita li sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel ma tistax tilleġittima deċiżjonijiet diskrezzjonarji li jittieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali li probabbilment jiċħdu l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (13). Sabiex sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel tkun ġustifikata anki jekk din tidderoga mil-libertà fundamentali li tipprovdi servizzi, din trid fi kwalunkwe każ tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji li huma magħrufin bil-quddiem, b'mod li tillimita l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, sabiex ma tintużax b'mod arbitrarju (14).

(30)

Barra dan, jekk is-sistema tal-awtorizzazzjoni timponi kundizzjonijiet relatati mad-distanza minima bejn l-impriżi, tali sistema tista' titqies ġustifikata, jekk din hija ġeneralment xierqa biex jinkiseb l-għan li jiġi żgurat li l-provvista tas-servizz lill-pubbliku, bħall-provvista tal-infrastruttura tal-ajruport u s-servizzi relatati, hija affidabbli u ta' kwalità tajba (15). Skont il-każistika tal-Qorti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tkun xierqa biex tiżgura li jinkiseb l-għan invokat biss jekk din tirrifletti ġenwinament tħassib biex jinkiseb dak l-għan b'mod konsistenti u sistematiku (16).

(31)

F'dak li għandu x'jaqsam mat-tieni kriterju li jistabbilixxi preżunzjoni ta' nuqqas ta' interess pubbliku, jiġifieri l-kundizzjoni li l-ajruport ippjanat probabbilment ifixkel il-funzjonijiet tat-trasport ta' ajruport eżistenti, l-Applikant jinvoka sentenza f'kawża li tikkonċerna l-Kodiċi Awstrijak dwar il-Linji tat-Trasport bil-Mutur (17) (Kraftfahrliniengesetz, KfLG) fejn il-Qorti Amministrattiva Suprema Awstrijaka (VwGH) iddeċidiet li t-tieni kriterju ma għandux jiġi mifhum b'mod li jipproteġi impriża eżistenti mill-kompetizzjoni. Madankollu, skont il-Qorti Amministrattiva Suprema Awstrijaka, anki jekk detentur ta' konċessjoni ġdida jista' jkun obbligat jittollera l-kompetizzjoni man-negozju tiegħu minn impriżi oħrajn, dan isib il-limiti tiegħu fejn id-detentur tal-konċessjoni eżistenti jsofri telf ta' qligħ li manifestament jixħet dubju fuq l-operazzjoni ekonomika ta' rotta eżistenti. Barra dan, skont l-istess Qorti, deterjorazzjoni fil-proporzjon tad-dħul għall-ispejjeż li hija biss ta' natura temporanja, kemm jekk minħabba flutwazzjonijiet staġjonali, fatturi esterni temporanji jew investimenti f'rotta li d-detentur tal-konċessjoni għandu l-intenzjoni li jammortizza fuq ċertu perjodu ta' żmien, ma tistax tiġġustifika ċ-ċaħda ta' konċessjoni ġdida.

(32)

Fuq il-bażi ta' dak imsemmi, jidher li t-tieni kriterju kien interpretat mill-Qorti Amministrattiva Suprema Awstrijaka bħala li mhux intiż biex jillimita l-kompetizzjoni. Dan jillimita kull lok għal deċiżjoni arbitrarja tal-awtorità li tagħti l-konċessjoni. Barra dan, jista' jiġi inferit mis-sentenza tal-Qorti Amministrattiva Suprema Awstrijaka li sistema ta' awtorizzazzjonijiet li tistabbilixxi kriterji speċifiċi għall-istabbiliment ta' preżunzjoni tan-nuqqas ta' interess pubbliku f'ajruport ġdid kienet maħluqa fuq is-suppożizzjoni li l-ajruport ġdid jipprovdi servizzi li huma affidabbli u ta' kwalità tajba. Jidher li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka rilevanti, u l-interpretazzjoni tat-tieni kriterju msemmi mill-Qorti Amministrattiva Suprema Awstrijaka jirriflettu ġenwinament tħassib biex jinkisbu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni b'mod konsistenti u sistematiku. Għalhekk, għall-finijiet ta' din id-deċiżjoni, jista' jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet biex tingħata liċenzja biex jiġi stabbilit ajruport fl-Awstrija jilħqu l-kriterji tal-oġġettività, tan-nondiskriminazzjoni u tat-trasparenza, u, skont dan, li l-aċċess għas-suq għall-provvista tal-infrastruttura tal-ajruport jista' jitqies liberu de jure.

(33)

Sa fejn hija kkonċernata l-valutazzjoni tal-aċċess liberu għas-suq de facto, l-Applikant jgħid li l-aċċess mhuwiex ristrett għaliex qed jiġu stabbiliti ajruporti kummerċjali ġodda. L-Applikant jikkwota l-ajruport ta' Berlin Branderburg u l-ajruport ta' Lublin bħala eżempji. Skont l-Applikant, l-ajruport ta' Berlin Branderburg huwa meqjus kemm mill-grupp tal-Lufthansa kif ukoll mill-grupp ta' airberlin bħala alternattiva konkreta għall-ajruport ta' Vjenna. Barra dan, l-ajruporti militari jistgħu jiġu adattati biex joperaw bħala ajruporti kummerċjali, eż. GRZ u LNZ fl-Awstrija. Barra dan, l-Applikant isostni li l-ajruporti kummerċjali eżistenti jistgħu jiġu estiżi, eż. l-ajruporti ta' Frankfurt Hahn u Weeze fil-Ġermanja.

(34)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni sottomessa mill-applikant, huwa diffiċli li jiġi stabbilit b'mod konklużiv jekk l-aċċess għas-suq biex jiġu stabbiliti ajruporti ġodda huwiex ristrett de facto. Meta jiġi stabbilit ajruport ġdid, min ser jipprova jidħol ġdid ser jeħtieġ jagħmel investimenti kapitali għoljin u għalhekk ser ikun hemm riskju sinifikanti li jkunu involuti spejjeż mitlufa li jistgħu jiskoraġġixxu dawk li jipprovaw jidħlu ġodda. Madankollu, jidher li dawn l-ispejjeż huma parti mir-riskji kummerċjali normali li dawk li jidħlu ġodda jridu jħallsu meta jiddeċiedu li jistabbilixxu ajruport ġdid. Ma hemm l-ebda informazzjoni dwar ostakli fattwali eżistenti għad-dħul fis-suq konċernat ħlief mir-riskju kummerċjali normali inerenti meta jsir investiment kbir li jikkonċerna l-provvista ta' infrastruttura ta' ajruport. Għalhekk huwa meqjus, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, li l-aċċess għas-suq huwa liberu de facto.

3.2.   Valutazzjoni kompetittiva — Analiżi tas-suq

(35)

Din it-taqsima ser tanalizza jekk it-tieni kundizzjoni għal eżenzjoni ġietx issodisfata jew le, jiġifieri li l-attività koperta mit-Talba, u li tissodisfa l-kundizzjoni tal-aċċess liberu għas-suq de jure u de facto, hija direttament esposta għall-kompetizzjoni. Għal dan l-għan, jiġu ddefiniti l-prodott rilevanti u s-suq ġeografiku rispettiv, u fuq dik il-bażi titwettaq analiżi tas-suq.

3.2.1.   Definizzjoni tas-Suq tal-Prodott

(36)

Skont deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni (18) s-swieq tal-prodott li ġejjin kienu meqjusin bħala swieq tal-prodotti rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għal-linji tal-ajru u l-ajruporti: (i) il-provvista ta' servizzi tal-infrastruttura tal-ajruporti (li jinkludu l-iżvilupp, il-manutenzjoni, l-użu u l-provvista ta' faċilitajiet tar-runway, taxiways u struttura oħra tal-ajruporti, kif ukoll il-koordinazzjoni u l-kontroll tal-attivitajiet imwettqin fuq dawn l-infrastrutturi); (ii) il-provvista (jew l-ikkuntrattar) tas-servizzi tal-groundhandling; u (iii) il-provvista (jew l-ikkuntrattar) ta' servizzi kummerċjali assoċjati (eż. ix-xorb u l-ikel, il-bejgħ tal-ispazju tar-reklamar) (19).

(37)

Is-servizzi ta' infrastruttura tal-ajruporti jistgħu jiġu maqsumin skont l-oġġett tat-trasport bħala traffiku tal-passiġġieri u dawk relatati mat-trasport tal-merkanzija minħabba li, minbarra r-runways, it-traffiku tal-passiġġieri u t-trasport tal-merkanzija jeħtieġu infrastruttura differenti.

(38)

Il-merkanzija normalment hija trasportata permezz ta' mezzi tat-trasport transmodali “lura minn” u “lil hinn” mill-punti tal-oriġini u tad-destinazzjoni. Barra dan, għall-kuntrarju tal-passiġġieri, il-merkanzija tista' tiġi direzzjonata b'numru ogħla ta' waqfiet. Barra dan, skont id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni (20) s-swieq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru huma inerentement unidirezzjonali minħabba d-differenzi fid-domanda f'kull tarf tar-rotta.

(39)

L-Applikant jaqbel mad-definizzjoni tas-suq tal-prodott kif stabbilita mill-prattika tal-Kummissjoni u struttura t-Talba skont dan.

(40)

Fl-isfond tal-fatturi eżaminati fil-premessi 36 sa 39, għall-finijiet tal-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE humiex issodisfati, u mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni f'oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, is-suq tal-prodotti rilevanti huwa l-provvista tal-infrastruttura tal-ajruport għall-merkanzija.

3.2.2.   Definizzjoni u Valutazzjoni Kompetittiva tas-Suq Ġeografiku

(41)

Din it-taqsima tħares lejn id-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti li jikkorrispondi għas-suq tal-prodotti ddefinit, telenka l-argumenti tal-applikant u tagħti l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwarhom, u tivvaluta s-sitwazzjoni kompetittiva.

(42)

Skont l-Applikant (21) id-definizzjoni eżatta tas-suq għall-merkanzija tista' titħalla miftuħa, għall-finijiet tat-Talba. Barra dan, l-Applikant jargumenta li s-suq ġeografiku jidher li huwa l-Ewropa kollha.

(43)

Filwaqt li f'deċiżjonijiet preċedenti (22), il-Kummissjoni sabet li s-suq rilevanti fir-rotot intra-Ewropej tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru jista' jiġi definit bħala l-Ewropa kollha u għandu jinkludi modalitajiet alternattivi ta' trasport, notevolment it-trasport bit-triq u bil-ferrovija, ta' min wieħed jiftakar li s-suq tal-prodotti għall-finijiet tad-deċiżjoni preżenti mhuwiex it-trasport tal-merkanzija bl-ajru, iżda il-provvista tal-infrastruttura tal-ajruport għall-merkanzija.

(44)

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, u mingħajr ħsara għad-dritt tal-kompetizzjoni, jew kwalunkwe qasam tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni tqis li d-dimenzjoni ġeografika eżatta tas-suq tal-prodott rilevanti tista' titħalla miftuħa, billi s-sehem mis-suq tal-Applikant fl-iktar definizzjoni ristretta xorta waħda se jkun żgħir.

(45)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Applikant (23), dwar is-suppożizzjoni li s-suq ġeografiku rilevanti huwa fl-Ewropa kollha, l-ishma mis-suq ta' VIE (24) fir-rigward tal-merkanzija kienu […] % fl-2010, […] % fl-2011 u […] % fl-2012, filwaqt li l-ajruporti l-oħra għandhom ishma mis-suq aktar baxxi minn 1 % fit-tliet snin kollha. Permezz ta' approċċ aktar konservattiv meta jitqies li s-suq ġeografiku jinkludi biss il-hubs tal-Lufthansa, l-ishma mis-suq ta' VIE kienu ta' […] % fl-2010; […] % fl-2011 u […] fl-2012, filwaqt li l-ajruporti Awstrijaċi l-oħra kellhom inqas minn 1 % fit-tliet snin kollha. Dawn il-fatturi għalhekk għandhom jittieħdu bħala indikazzjoni ta' esponiment dirett għall-kompetizzjoni fir-rigward ta' din l-attività.

(46)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u mingħajr ħsara għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-fatturi elenkati fil-premessa (45) għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta' esponiment għall-kompetizzjoni, ta' din l-attività fl-Awstrija. Konsegwentement, minħabba li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, għandu jiġi stabbilit li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għall-kuntratti intiżi biex jippermettu t-twettiq ta' din l-attività fl-Awstrija.

4.   KONKLUŻJONIJIET

(47)

Minħabba l-fatturi eżaminati fil-premessi 1 sa 46, il-kundizzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE għandha titqies li ġiet issodisfata fl-Awstrija fir-rigward tal-provvista tal-infrastruttura tal-ajruporti għall-merkanzija,

(48)

Minħabba li l-kundizzjoni ta' aċċess mhux ristrett għas-suq titqies issodisfata, id-Direttiva 2014/25/UE la għandha tapplika meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti intiżi biex jippermettu t-twettiq ta' dawk is-servizzi fl-Awstrija, u lanqas meta jiġu organizzati konkorsi tad-disinn għat-twettiq ta' tali attività f'dak il-pajjiż.

(49)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali minn Jannar 2015 sa Novembru 2016 kif jidher mill-informazzjoni mogħtija mill-Applikant u mill-Awtoritajiet Awstrijaċi. Din tista' tiġi riveduta, f'każ li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE ma jibqgħux jiġu ssodisfati, wara bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali.

(50)

Billi xi servizzi fir-rigward tal-provvista tal-infrastuttura tal-ajruport lil-linji tal-ajru (bħall-infrastruttura tal-ajruport għas-servizzi tat-traffiku tal-passiġġieri, tal-groundhandling u s-servizzi mhux ajrunawtiċi) jibqgħu jkunu soġġetti għad-Direttiva 2014/25/UE, ta' min wieħed ifakkar li l-kuntratti ta' akkwist li jkopru bosta attivitajiet għandhom jiġu ttrattati skont l-Artikolu 6 ta' dik id-Direttiva. Dan ifisser li, meta entità kontraenti tkun involuta f'akkwist “imħallat”, jiġifieri akkwist użat biex jingħata sostenn għall-prestazzjoni kemm tal-attivitajiet eżentati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE kif ukoll tal-attivitajiet li mhumiex eżentati, għandhom jitqiesu l-attivitajiet li għalihom huwa intenzjonat prinċipalment il-kuntratt. F'każ ta' akkwist imħallat bħal dan, meta l-iskop ikun prinċipalment is-sostenn ta' attivitajiet li mhumiex eżentati, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25/UE. Jekk ikun oġġettivament impossibbli li jiġi determinat għal liema attività jkun primarjament intiż il-kuntratt, il-kuntratt għandu jingħata skont ir-regoli msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2014/25/UE (25).

(51)

Huwa mfakkar li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni jipprovdi għal eżenzjoni mill-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva għal konċessjonijiet mogħtija minn entitajiet kontraenti fejn, għall-Istat Membru li fih ser jitwettqu l-konċessjonijiet, ikun ġie stabbilit skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE li l-attività hija esposta direttament għall-kompetizzjoni. Billi ġie konkluż li l-attività tal-provvista tal-infrastruttura tal-ajruport lil-linji tal-ajru għat-trasport tal-merkanzija hija soġġetta għall-kompetizzjoni, il-kuntratti tal-konċessjoni intiżi biex jippermettu t-twettiq ta' dawk l-attivitajiet fir-Repubblika tal-Awstrija mhux ser ikunu esklużi mill-qasam ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23/UE.

(52)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2014/25/UE ma għandhiex tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u bil-ħsieb li tkun permessal-provvista tal-infrastruttura tal-ajruport għall-merkanzija li titwettaq fl-Awstrija.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(3)  Għalkemm l-Applikant huwa l-ajruport ta' Vjenna, it-Talba tikkonċerna l-attività tal-provvista ta' ajruporti fl-Awstrija, għalhekk l-ajruporti kollha Awstrijaċi huma koperti mit-Talba.

(4)  L-ittra tal-applikant tal-5 ta' Frar 2016,p. 1.

(5)  Bundesvergabegesetz, it-Taqsima 179(5).

(6)  ĠU C 93, 20.3.2015, p. 22.

(7)  VIE hija fl-aħħar mill-aħħar posseduta fi proporzjon ta' 40 % mill-awtoritajiet reġjonali skont it-tifsira tal-Art. 2(1) tad-Direttiva 2004/17/KE, iżda l-pożizzjoni legali ta' VIE bħala impriża pubblika, skont it-tifsira tal-Art. 2(1)(b) tad-Direttiva 2004/17/KE, kienet ikkonfermata mill-Uffiċċju Awstrijak tal-Akkwisti Federali (Ref. Bundesvergabeamt, N/0117-BVA/02/2009-24 u Bundesvergabeamt, N/0117-BVA/02/2009-EV8).

(8)  Skont l-istudju “The Austrian Aviation sector in the context of business location Austria” (Is-settur tal-Avjazzjoni Awstrijak fil-kuntest tal-lokazzjoni tan-negozju l-Awstrija), Ġunju 2014, p. 3.

(9)  Informazzjoni kunfidenzjali

(10)  Skont l-informazzjoni pprovduta fl-Anness 7, it-total tal-volumi ta' merkanzija kien ta' 226 606 tunnellata fl-2010, 208 913 tunnellata fl-2011 u 188 261 tunnellata fl-2012.

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(12)  Is-Sentenza tas-27 ta' April 2016, Österreichische Post AG v. il-Kummissjoni, T-463/14, ECLI:EU:T:2016:243, il-punt 28.

(13)  Il-Kawża C-157/99 Smits u Peerbooms [2001] ECLI:EU:C:2001:404, il-paragrafu 90; Il-Kawża C-385/99 Müller-Fauré u van Riet [2003] ECLI:EU:C:2003:270, il-paragrafu 84; Il-Kawża C-372/04 Watts [2006] ECLI:EU:C:2006:325, il-paragrafu 115. Il-Paragrafu 70 huwa mill-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali, il-paragrafu 115 huwa mis-sentenza.

(14)  Il-Kawża C-205/99 Analir u Oħrajn [2001] ECLI:EU:C:2001:107, il-paragrafu 38; Il-Kawża C-372/04 Watts [2006] ECLI:EU:C:2006:325, il-paragrafu 116.

(15)  Il-Kawżi Magħquda C-570/07 u C-571/07 Blanco Pérez u Chao Gómez [2010] ECLI:EU:C:2010:300, para. 94.

(16)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-169/07 Hartlauer [2009] ECLI:EU:C:2009:141, il-paragrafu 55; Il-Kawżi Magħquda C-338/04, C-359/04 u C-360/04 Placanica u Oħrajn [2007] ECLI:EU:C:2007:133, il-paragrafi 53 u 58.

(17)  Is-Sentenza tal-25 ta' Marzu 2009, 2008/03/0090.

(18)  M.7398 — Mirael/Ferrovial/NDH1, premessa 19; M.786 — Birmingham International Airport, premessa 15, M. 6732 — Ferrovial/Qatar Holding/CDPQ/Baker Street/BAA, premessa 21;M. 5652 — GIP/Gatwick Airport, premessa 21;M. 1035 — Hochtief/Aer Rianta/Düsseldorf Airport premessa 11; M.2262 Flughafen Berlin II premessa 13; u M.3823 — MAG/Ferrovial Aeropuertos/Exeter Airport premessa 15.

(19)  Is-servizzi tas-sigurtà tal-ajruport ġeneralment mhumiex meqjusin bħala attività ekonomika, għalhekk, ir-regoli tal-kompetizzjoni normalment ma japplikawx (eż. id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2005 fil-kawża COMP/D3/38469, ilment relatat mal-imposti mitluba minn AIA SA u l-Olympic Fiel Company SA.).

(20)  M.5141 — KLM/Martinair, premessa 38; M.5440 -Lufthansa/Austrian Airlines, premessa 31.

(21)  Ittra tal-Applikant datata l-4 ta' Settembru, paġna 19.

(22)  Il-Kawża M.3280, Air France/KLM, paragrafu 36 tal-11 ta' Frar 2004; Il-Kawża M.5440, Lufthansa/Austrian Airlines, paragrafu 29 tat-28 ta' Awwissu 2009; Il-Kawża M.5747, Iberia/British Airways, paragrafu 41, tat-8 ta' Settembru 2010.

(23)  L-Anness 7 tat-Talba.

(24)  L-ishma mis-suq ġew ikkalkulati filwaqt li ma tqisux l-ajruporti kollha tal-Ewropea, iżda għadd iżgħar ta' ajruporti, li aktarx jagħmlu l-akbar pressjoni kompetittiva fuq VIE. Dawn l-ajruporti huma: l-Ajruport ta' Amsterdam Schiphol (AMS); l-Ajruport ta' Charles de Gaule (CDG); l-Ajruport ta' Dusseldorf (DUS); l-Ajruport ta' Fiumicino (FCO); l-Ajruport ta' Frankfurt (FRA); l-Ajruport ta' Munich (MUC); l-Ajruport ta' Milan Malpensa (MXP); SZG; l-Ajruport ta' Berlin Tegel (TXL) u l-Ajruport ta' Zurich (ZRH).

(25)  L-istess riżultat materjali jirriżulta wkoll mill-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/17/KE.

(26)  Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).


Top