Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R2071

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2071 tat-22 ta' Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u mar-regoli dwar il-monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra (Test b'rilevanza għaż-ŻEE )

C/2016/5900

ĠU L 320, 26.11.2016, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/2071/oj

26.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2071

tat-22 ta' Settembru 2016

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u mar-regoli dwar il-monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/757 jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika preċiżi tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) u ta' informazzjoni oħra rilevanti minn bastimenti li jaslu, li jinsabu, jew li jitilqu minn portijiet li huma taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru, sabiex jippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport marittimu b'mod kosteffiċjenti.

(2)

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/757 jistabbilixxi l-metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' CO2 abbażi l-konsum tal-fjuwil. L-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/757 jistabbilixxi r-regoli għal “monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra”.

(3)

Il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/757 tistipula li l-emissjonijiet ta' CO2 għandhom ikunu kkalkulati bil-multiplikazzjoni tal-fatturi ta' emissjoni u l-konsum ta' fjuwil li huwa determinat bil-metodi ta' monitoraġġ A (BDN u inventarji perjodiċi tat-tankijiet tal-fjuwil), B (monitoraġġ tat-tank tal-fjuwil tal-bunker abbord) u C (miters tal-fluss għall-proċessi ta' kombustjoni applikabbli) stipulati fil-Parti B ta' dak l-Anness. Ir-Riżoluzzjoni tal-IMO (2) dwar linji gwida dwar il-metodu tal-kalkolu tal-indiċi nominali tal-effiċjenza enerġetika (EEDI) għall-bastimenti ġodda li tistabbilixxi sett ta' valuri predefiniti għal fatturi ta' emissjoni għal fjuwils standard użati abbord il-bastimenti. Dawn il-valuri predefiniti jistgħu jintużaw biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu. Billi l-bastimenti japplikaw dawn il-valuri predefiniti biex jissorveljaw u jirrapportaw l-emissjonijiet tagħhom ta' CO2 skont l-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/757 jiżgura kemm approċċ regolatorju effiċjenti kif ukoll implimentazzjoni armonizzata.

(4)

Il-metodi ta' monitoraġġ A, B u C jindirizzaw id-determinazzjoni tal-fjuwil ippumpjat (“bunkering”) jew l-ammont ta' fjuwil li jifdal fit-tankijiet minn volum għal massa bl-użu ta' valuri tad-densità attwali tal-fjuwil. Skont il-punt (c) tal-ħames subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Parti B tal-Anness I, il-kumpaniji li jużaw il-metodu ta' monitoraġġ B jistgħu jiddeterminaw id-densità attwali skont id-densità mkejla f'analiżi ta' test imwettqa f'laboratorju akkreditat tal-fjuwil, jekk disponibbli. L-estensjoni tal-possibbiltà għal kumpaniji li jużaw il-metodi ta' monitoraġġ A u C għandha tiżgura l-implimentazzjoni armonizzata ta' dawn it-tliet metodi ta' monitoraġġ, f'konformità mal-istandard ISO 3675:1998 (3). Għandha wkoll tirrifletti b'mod sħiħ il-prattiki tal-industrija u għandha tiżdied il-komparabbiltà tal-konsum tal-fjuwil immonitorjati bl-użu tat-tliet metodi konċernati.

(5)

Il-kunċett “minn irmiġġ għal irmiġġ” għandu jipprovdi aktar ċarezza u approċċ armonizzat għall-punti eżatti tal-bidu u tat-tmiem tal-vjaġġi. Dan għandu jirfina l-parametri użati biex jiġi mmonitorjat il-ħin iddedikat fuq il-baħar u d-distanza vvjaġġata, kif speċifikat fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 tal-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/757, u għandu jirrifletti l-prattiki tal-industrija.

(6)

Il-linji gwida tal-IMO għall-użu volontarju tal-Indikatur Operattiv tal-Effiċjenza Enerġetika tal-bastimenti (4) u l-istandard EN 16258 (2012) tas-CEN (5) jagħtu lill-bastimenti ro-ro l-possibbiltà li jimmonitorjaw u jirrappurtaw il-merkanzija li tinġarr abbord abbażi l-massa attwali tal-merkanzija. Billi jiżdied dan il-parametru addizzjonali ma' dawk stipulati fil-punt (e) tal-paragrafu 1 tal-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/757 għandu jirrifletti aħjar il-prattiki tal-industrija u b'hekk il-montoraġġ isir aktar faċli.

(7)

Skont il-prassi normali tal-Kummissjoni li tikkonsulta esperti fil-fażi preparatorja tal-atti ddelegati, kien imwaqqaf “sottogrupp ta' monitoraġġ tal-MRV tat-trasport marittimu” li jiġbor flimkien esperti mill-Istati Membri, mill-industrija u mis-soċjetà ċivili fil-qafas tal-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu Sostenibbli (ESSF). Is-sottogrupp identifika għadd ta' standards internazzjonali u Ewropej u regoli internazzjonali u żviluppi xjentifiċi u tekniċi u rrakkomanda li jiġu koperti minn dan ir-Regolament. L-abbozzi tar-rakkomandazzjonijiet tas-sottogrupp dwar dawn l-aspetti ġew approvati mis-seduta plenarja tal-ESSF fit-28 ta' Ġunju 2016.

(8)

L-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2015/757 għandhom għalhekk jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2015/757 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55.

(2)  MEPC 245 (66) 2014.

(3)  ISO 3675:1998 crude petroleum and liquid petroleum products — Laboratory determination of density — Hydrometer method.

(4)  MEPC.1/Circ.684 IMO Guidelines for voluntary use of the ship Energy Efficiency Operational Indicator.

(5)  Metodoloġija għall-kalkolu u d-dikjarazzjoni tal-konsum ta' enerġija u l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tas-servizzi tat-trasport (merkanzija u passiġġieri).


ANNESS

L-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2015/757 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Parti A tinbidel b'dan li ġej:

“A.   KALKOLU TAL-EMISSJONIJIET TA' CO2 (L-ARTIKOLU 9)

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-emissjonijiet ta' CO2, il-kumpaniji għandhom japplikaw il-formula li ġejja:

Il-konsum tal-fjuwil × il-fattur ta' emissjoni

Il-konsum tal-fjuwil għandu jinkludi fjuwil ikkunsmat minn magni prinċipali, magni awżiljari, turbini tal-gass, bojlers u ġeneraturi tal-gass inert.

Il-konsum tal-fjuwil fil-portijiet tal-irmiġġ għandu jiġu kkalkulat b'mod separat.

Għandhom jiġu applikati dawn il-valuri predefiniti għall-fatturi ta' emissjoni għal fjuwils użati abbord:

Tip ta' fjuwil

Referenza

Fattur ta' emissjoni (t-CO2/t-fjuwil)

1.

Diżil/Gas oil

ISO 8217 Gradi DMX sa DMB

3,206

2.

Żejt kombustibbli light (light fuel oil/LFO)

ISO 8217 Gradi RMA sa RMD

3,151

3.

Żejt kombustibbli heavy (heavy fuel oil/HFO)

ISO 8217 Gradi RME sa RMK

3,114

4.

Gass petroleum likwifikat (LPG)

Propan

3,000

Butan

3,030

5.

Gass naturali likwifikat (LNG)

 

2,750

6.

Metanol

 

1,375

7.

Etanol

 

1,913

Fatturi ta' emissjoni xierqa għandhom jiġu applikati għall-bijofjuwils u għall-fjuwils mhux fossili alternattivi u fjuwils oħra li għalihom ma hu speċifikat l-ebda valur predefinit.”;

(b)

il-parti B hija emendata kif ġej:

(i)

fil-ħames subparagrafu tal-paragrafu 1, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

id-densità mkejla mill-fornitur tal-fjuwil waqt l-ippumpjar tal-fjuwil fit-tank u li tkun irreġistrata fuq il-fattura tal-fjuwil jew fuq il-BDN;”;

(ii)

fil-ħames subparagrafu tal-paragrafu 1, jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)

id-densità mkejla f'analiżi ta' test imwettaq f'laboratorju akkreditat għat-test ta' fjuwil, fejn disponibbli.”;

(iii)

fir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 3, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

id-densità mkejla mill-fornitur tal-fjuwil waqt l-ippumpjar tal-fjuwil fit-tank u li tkun irreġistrata fuq il-fattura tal-fjuwil jew fuq il-BDN;”;

(iv)

fir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 3, jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)

id-densità mkejla f'analiżi ta' test imwettaq f'laboratorju akkreditat għat-test ta' fjuwil, fejn disponibbli.”.

(2)

Il-paragrafu 1 tal-parti A tal-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej:

“id-data u s-siegħa tat-tluq mill-irmiġġ u tal-wasla fl-irmiġġ għandhom jiġu kkunsidrati bl-użu tal-Ħin Universali ta' Greenwich (GMT/UTC).”;

(b)

fil-punt (b), l-aħħar sentenza tinbidel b'dan li ġej:

“Id-distanza vvjaġġata għandha tkun determinata mill-irmiġġ fil-port tat-tluq sal-irmiġġ fil-port tal-wasla u għandha tkun espressa f'mili nawtiċi.”;

(c)

fil-punt (e), l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“għal bastimenti ro-ro, il-merkanzija li tkun qed tinġarr għandha tiġi definita bħala l-massa ta' merkanzija abbord, stabbilita bħala l-massa attwali jew bħala n-numru ta' unitajiet ta' merkanzija (trakkijiet, karozzi, eċċ.) jew il-metri fil-korsija okkupati mmultiplikat bil-valuri predefiniti għall-piż tagħhom.”.


Top