This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016R1649
Commission Delegated Regulation (EU) 2016/1649 of 8 July 2016 supplementing Regulation (EU) No 1316/2013 of the European Parliament and of the Council establishing the Connecting Europe Facility (Text with EEA relevance)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1649 tat-8 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1649 tat-8 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
C/2016/4178
ĠU L 247, 15.9.2016, p. 1–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Completion | 32013R1316 | 16/09/2016 |
15.9.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 247/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1649
tat-8 ta' Lulju 2016
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 21 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fis-7 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) Nru 275/2014 (2) li jistabbilixxi prijoritajiet tal-finanzjament tat-trasport għall-fini tal-programmi ta' ħidma multiannwali u annwali. |
(2) |
Bis-sentenza tagħha tas-17 ta' Marzu 2016 fil-Każ C-286/14, il-Parlament Ewropew vs Il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea annullat ir-Regolament Delegat (UE) Nru 275/2014 u ordnat li l-effetti ta' dak ir-Regolament jinżammu sad-dħul fis-seħħ, fi żmien raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti tas-sentenza, ta' att ġdid maħsub biex jissostitwixxih. |
(3) |
Skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013, il-prijoritajiet tal-finanzjament tat-trasport jeħtieġ li jqisu l-azzjonijiet eliġibbli li jikkontribwixxu għall-proġetti ta' interess komuni skont ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), elenkati skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013. |
(4) |
L-azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 huma deskritti iktar fid-dettall fl-Artikoli 10 u 11 ta' dak ir-Regolament u jipprovdu r-rati massimi tal-finanzjament applikabbli għal dawk l-azzjonijiet. Għaldaqstant huwa xieraq li jkun hemm referenza għall-azzjonijiet kif elenkati f'dawk l-Artikoli biex jingħataw id-dettalji tal-prijoritajiet tal-finanzjament tat-trasport. |
(5) |
Il-proġetti ta' interess komuni kif elenkati fil-Parti I tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 huma eliġibbli għall-programmi ta' ħidma multiannwali li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 17(3) ta' dak ir-Regolament. Il-proġetti li mhumiex elenkati fil-Parti I tal-Anness I iżda huma eliġibbli skont l-Artikolu 7(2) ta' dak ir-Regolament, huma eliġibbli għall-programmi ta' ħidma annwali. |
(6) |
Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 li jistabbilixxi l-objettivi settorjali speċifiċi tat-trasport, u meta wieħed iqis li l-Artikolu 21(3) ta' dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 li jagħti d-dettalji, għas-settur tat-trasport, tal-prijoritajiet ta' finanzjament li jridu jiġu riflessi fil-programmi ta' ħidma, dan ir-Regolament Delegat jistabbilixxi dawn il-prijoritajiet li jridu jiġu riflessi fil-programmi ta' ħidma multiannwali jew annwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament imsemmi. |
(7) |
Meta wieħed jikkunsidra li l-istrumenti finanzjarji għandhom jirċievu kontribuzzjoni tal-Unjoni skont il-programmi ta' ħidma annwali, huwa xieraq li hawn tiġi inkluża prijorità korrispondenti. |
(8) |
L-azzjonijiet li jappoġġaw il-programmi elenkati fl-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013, li jikkonsistu fl-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u limitati għal 1 % tal-pakkett finanzjarju, mhux se jkunu koperti mill-programmi ta' ħidma. Madankollu l-azzjonijiet li jappoġġaw il-programmi u li jikkontribwixxu għall-proġetti ta' interess komuni kif previst fl-Artikolu 7(2) u kif hemm referenza fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 se jkunu koperti mill-programmi ta' ħidma u huma inklużi hawnhekk flimkien ma' prijorità korrispondenti. |
(9) |
Ir-riżorsi kollha li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013, inklużi r-riżorsi trasferiti mill-Fond ta' Koeżjoni se jkunu koperti taħt l-istess programmi ta' ħidma. Skont l-Artikolu 11 ta' dak ir-Regolament, ir-riżorsi trasferiti mill-Fond ta' Koeżjoni se jkunu suġġetti għal sejħiet speċifiċi għall-proposti. |
(10) |
Biex jippermetti l-adozzjoni f'waqtha tal-atti ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa — is-Settur tat-Trasport — il-programm, dan ir-Regolament jeħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prijoritajiet ta' finanzjament li jridu jiġu riflessi fil-programmi ta' ħidma annwali u multiannwali msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 għat-tul tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għal azzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 7(2) ta' dak ir-Regolament, kif stabbilit fl-Anness.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Lulju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.
(2) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 275/2014 tas-7 ta' Jannar 2014 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (ĠU L 80, 19.3.2014, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).
ANNESS
IL-PRIJORITAJIET TAL-FINANZJAMENT TAT-TRASPORT GĦALL-FINI TAL-PROGRAMMI TA' ĦDIMA MULTIANNWALI U ANNWALI
1. Il-prijoritajiet tal-finanzjament għall-programmi ta' ħdima multiannwali
1.1. Il-prijoritajiet ta' finanzjament bl-iskop li jinħolqu konnessjonijiet nieqsa u jitneħħew il-punti ta' konġestjoni, li tittejjeb l-interoperabilità ferrovjarja, u, b'mod partikolari, li jittejbu t-taqsimiet transkonfinali:
(i) |
Proġetti identifikati bil-quddiem fuq il-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni (il-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilma interni, it-toroq, u l-portijiet marittimi u interni). |
(ii) |
Proġetti identifikati bil-quddiem dwar sezzjonijiet oħra tan-Netwerk Ewlieni (il-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilma interni, it-toroq, il-portijiet marittimi u interni). |
(iii) |
L-interoperabilità ferrovjarja. |
(iv) |
It-tnedija tal-ERTMS. |
1.2. Il-prijoritajiet ta' finanzjament bl-iskop li jiġu żgurati sistemi ta' trasport sostenibbli u effiċjenti fuq medda twila ta' żmien, bil-ħsieb li jkun hemm tħejjija għall-flussi futuri tat-trasport mistennija, kif ukoll li jippermettu li l-modi kollha tat-trasport jiġu dekarbonizzati permezz ta' tranżizzjoni lejn teknoloġiji innovattivi tat-trasport b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, filwaqt li tiġi ottimizzata s-sikurezza:
(i) |
It-tnedija ta' teknoloġiji ġodda u tal-innovazzjoni fil-modi kollha tat-trasport, b'enfasi fuq id-dekarbonizzazzjoni, is-sikurezza u t-teknoloġiji innovattivi għall-promozzjoni tas-sostenibbiltà, l-operazzjoni, il-ġestjoni, l-aċċessibbiltà, il-multimodalità u l-effiċjenza tan-netwerk. |
(ii) |
Infrastruttura b'sigurtà u sikurezza, inklużi parkings b'sigurtà u sikurezza fuq in-Netwerk Ewlieni tat-toroq. |
1.3. Il-prijoritajiet ta' finanzjament bl-iskop li jittejbu kemm jista' jkun l-integrazzjoni u l-interkonnessjonijiet bejn il-mezzi ta' trasport, u tittejjeb l-interoperabilità tas-servizzi ta' trasport, filwaqt li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-infrastrutturi tat-trasport:
(i) |
Ajru Uniku Ewropew — SESAR. |
(ii) |
Servizzi ta' Informazzjoni dwar ix-Xmajjar. |
(iii) |
Sistemi tat-Trasport Intelliġenti għat-toroq. |
(iv) |
Sistemi ta' Monitoraġġ tat-Traffiku tal-Bastimenti u ta' Informazzjoni. |
(v) |
Awtostradi tal-baħar. |
(vi) |
Azzjonijiet li jimplimentaw l-infrastruttura tat-trasport f'nodi tan-Netwerk Ewlieni, inkluż in-nodi urbani. |
(vii) |
Konnessjonijiet mal-pjataformi loġistiċi multimodali u l-iżvilupp tagħhom. |
1.4. Azzjonijiet ta' appoġġ għall-programmi.
2. Il-prijoritajiet tal-finanzjament għall-programmi ta' ħidma annwali
2.1. Il-prijoritajiet ta' finanzjament bl-iskop li jitneħħew l-ostakli, li tittejjeb l-interoperabilità ferrovjarja, li jinħolqu l-konnessjonijiet nieqsa u, b'mod partikolari, li jittejbu t-taqsimiet transkonfinali:
(i) |
Il-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilma interni u l-proġetti ta' toroq fuq in-Netwerk Ewlieni inklużi l-konnessjonijiet mal-portijiet interni u marittimi u mal-ajruporti, kif ukoll l-iżvilupp tal-portijiet. |
(ii) |
Proġetti identifikati fuq in-Netwerk Komprensiv (il-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilma interni, it-toroq, il-portijiet marittimi u interni). |
(iii) |
Proġetti li jgħaqqdu n-netwerk ta' trasport trans-Ewropew ma' netwerks tal-infrastruttura ta' pajjiżi ġirien, b'mod partikolari relatati ma' taqsimiet transkonfinali (il-ferroviji, il-passaġġ tal-ilma interni, it-toroq, il-portijiet marittimi u interni). |
2.2. Il-prijoritajiet ta' finanzjament bl-iskop li jiġu żgurati sistemi ta' trasport sostenibbli u effiċjenti fuq medda twila ta' żmien, bil-ħsieb li jkun hemm tħejjija għall-flussi futuri tat-trasport mistennija, kif ukoll li jippermettu li l-modi kollha tat-trasport jiġu dekarbonizzati permezz ta' tranżizzjoni lejn teknoloġiji innovattivi tat-trasport b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, filwaqt li tiġi ottimizzata s-sikurezza:
(i) |
It-tnedija ta' teknoloġiji ġodda u tal-innovazzjoni, minbarra dawk koperti mill-Programm ta' Ħidma multiannwali. |
(ii) |
Servizzi tat-Trasport tal-Merkanzija. |
(iii) |
Azzjonijiet sabiex jitnaqqas l-istorjbu li joħroġ mill-ferroviji li jġorru l-merkanzija inkluż it-twaħħil ta' tagħmir apposta mal-vetturi kollha li joperaw fuq il-linji tal-ferroviji. |
2.3. Il-prijoritajiet ta' finanzjament bl-iskop li tittejjeb kemm jista' jkun l-integrazzjoni u l-interkonnessjonijiet bejn il-mezzi ta' trasport, u tittejjeb l-interoperabilità tas-servizzi ta' trasport, filwaqt li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-infrastrutturi tat-trasport:
(i) |
Sistemi ta' applikazzjonijiet telematiċi barra dawk koperti mill-Programm ta' Ħidma multiannwali. |
(ii) |
Azzjonijiet għal aċċessibilità aħjar għall-infrastruttura tat-trasport għall-persuni b'diżabilità. |
(iii) |
Azzjonijiet li jimplimentaw l-infrastruttura tat-trasport f'nodi tan-Netwerk Ewlieni, inkluż in-nodi urbani. |
(iv) |
Konnessjonijiet mal-pjataformi loġistiċi multimodali u l-iżvilupp tal-pjattaformi. |
2.4. Strumenti finanzjarji tas-CEF:
(i) |
Kontribuzzjoni lill-istrumenti finanzjarji, kif definit fl-Artikolu 14 u l-Parti III tal-anness tas-CEF. |
(ii) |
Azzjonijiet li jappoġġaw il-programm għall-istrumenti finanzjarji innovattivi. |