Alegeți funcționalitățile experimentale pe care doriți să le testați

Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex

Document 32016R1159

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1159 tal-15 ta' Lulju 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jiġu prodotti minn Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited u Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited

    C/2016/4455

    ĠU L 192, 16.7.2016, p. 23-48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Statutul juridic al documentului care nu mai este în vigoare, Data încetării: 11/10/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1159/oj

    16.7.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 192/23


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1159

    tal-15 ta' Lulju 2016

    li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jiġu prodotti minn Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited u Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   L-investigazzjonijiet preċedenti u l-miżuri fis-seħħ

    (1)

    Wara investigazzjoni antidumping skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 435/2004 (2), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) u mill-Indoneżja.

    (2)

    Minn dak iż-żmien 'l hawn, dawn il-miżuri ġew estiżi għal perjodu ieħor ta' ħames snin f'Ġunju 2010 (3), u f'Mejju 2012 wara rieżami interim parzjali, il-livell ta' dazju ta' produttur esportatur Ċiniż ġie emendat (4). B'riżultat ta' dan, ir-rata tad-dazju applikabbli għall-Indoneżja kienet tvarja minn EUR 0,24/kg sa EUR 0,27/kg, u għall-RPĊ, minn EUR 0,23/kg sa EUR 0,26/kg (“il-miżuri fis-seħħ”).

    (3)

    Il-miżuri fis-seħħ applikati għall-importazzjonijiet kollha taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-RPĊ u mill-Indoneżja, bl-eċċezzjoni ta' importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li jiġi prodott mill-produtturi esportaturi Ċiniżi Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited u Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited. Oriġinarjament ma ġie stabbilit l-ebda dazju għal dawn il-kumpaniji, peress li ma nstab l-ebda dumping (ir-Regolament (KE) Nru 435/2004).

    (4)

    F'konformità mar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fil-kawża tal-Messiku — Miżuri Antidumping Definittivi fuq iċ-Ċanga u r-Ross (“ir-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO”) (5), il-produtturi esportaturi Ċiniżi Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited u Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited ma ġewx eżaminati fir-rieżamijiet tal-miżuri li saru wara kif impost mir-Regolament (KE) Nru 435/2004 u mhumiex suġġetti għall-miżuri fis-seħħ.

    (5)

    Investigazzjoni preċedenti, limitata għal Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited u Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited inbdiet fis-17 ta' Frar 2011 (6). Wara li ġie rtirat l-ilment, il-proċedura ntemmet permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 2012 (7) mingħajr ma imponiet miżuri.

    (6)

    It-tieni rieżami fil-kuntest tal-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ nbeda f'Ġunju 2015 (8) skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

    1.2.   Tnedija tal-investigazzjoni

    (7)

    Fit-12 ta' Awwissu 2015, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) fetħet investigazzjoni antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”), ristretta għal Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited u Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited, żewġ kumpaniji li jappartjenu għall-istess grupp (iż-żewġ kumpaniji msejħa “il-produtturi esportaturi kkonċernati” jew “Fang Da”), abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Notifika ta' Bidu ġiet ippublikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (9) (“in-Notifika ta' Bidu”).

    (8)

    Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fit-30 ta' Ġunju 2015 minn Productos Aditivos S.A.(“l-ilmentatur” jew “il-produttur tal-Unjoni”), l-uniku produttur taċ-ċiklamat tas-sodju fl-Unjoni, li b'hekk jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. L-ilment kien fih evidenza dwar id-dumping u d-dannu materjali li jirriżulta, li kienu biżżejjed biex jiġġustifikaw it-tnedija tal-investigazzjoni.

    (9)

    Wara l-iżvelar, Fang Da sostniet li l-evidenza fl-ilment dwar id-dannu kienet dgħajfa, u li t-tnedija ta' investigazzjoni kontra Fang Da, wara oħra, kienet abbuż. Hija ddikjarat ukoll li dan juri li l-ftuħ ta' dan il-każ skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku mhuwiex xieraq. Hija talbet ukoll kjarifika rigward ix-xejriet ta' ċerti indikaturi fil-fajl li nfetaħ.

    (10)

    Kif diġà ġie spjegat fil-premessa 8, il-Kummissjoni tqis li l-ilment kien fih biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata t-tnedija ta' investigazzjoni li waħidha hija kriterju għad-deċiżjoni tat-tnedija, u mhux l-eżistenza jew l-eżitu ta' investigazzjonijiet imgħoddija. L-analiżi speċifika tad-dannu fl-ilment wriet li hemm biżżejjed evidenza li tindika li hemm penetrazzjoni sinifikanti tas-suq tal-UE minn importazzjonijiet minn Fang Da li ssir bi prezzijiet li sostanzjalment iqaċċtu u jwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni stess. Barra minn hekk, mhux il-fatturi kollha jridu jevidenzjaw deterjorament sabiex jiġi stabbilit li hemm dannu materjali. Barra minn hekk, l-eżistenza ta' fatturi oħra li jista' jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, ma timplikax neċessarjament li l-effett tal-importazzjonijiet li jkunu oġġett ta' dumping fuq din l-industrija ma huwiex materjali. Għalhekk, it-tnedija tal-investigazzjoni hija legalment valida. Rigward il-kummenti dwar il-possibilità ta' inkonsistenza fi tliet indikaturi fil-fajl li nfetaħ, dawn jistgħu jiġu spjegati permezz tad-differenza sostanzjali fid-daqs tal-volumi involuti f'dawn il-kalkoli u għax iċ-ċifri kunfidenzjali użati jitqarrbu għad-dritt ('il fuq jew 'l isfel, skont is-sena).

    (11)

    Kien ukoll legalment possibbli li titnieda investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, anki jekk din kienet tirrigwarda kumpanija waħda, kif ikkonfermat mill-ġurisprudenza (10).

    1.3.   Proċedura sussegwenti

    (12)

    Il-Kummissjoni ma imponietx miżuri antidumping provviżorji f'din l-investigazzjoni sabiex tallinja l-għażla taż-żmien tas-sejbiet definittivi ta' dan il-proċediment mar-rieżami fil-kuntest tal-iskadenza li jissemma fil-premessa 6.

    1.4.   Il-partijiet interessati

    (13)

    Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni avżat speċifikament lill-ilmentatur, lill-produtturi esportaturi kkonċernati u lill-awtoritajiet Ċiniżi, lill-importaturi magħrufa, lill-fornituri, lill-utenti u lill-operaturi tas-suq li kien magħruf li kienu mħassbin dwar it-tnedija tal-investigazzjoni, u stednithom biex jipparteċipaw.

    (14)

    Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar it-tnedija tal-investigazzjoni u li jitolbu seduta ta' smigħ mal-Kummissjoni u / jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

    1.5.   Produtturi f'pajjiżi analogi

    (15)

    Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-produtturi fl-Indoneżja dwar it-tnedija u stednithom sabiex jipparteċipaw. Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati li hija kkunsidrat lill-Indoneżja bħala pajjiż terz b'ekonomija tas-suq (“il-pajjiż analogu”) skont it-tifsira tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Ma kienx hemm indikazzjonijiet fil-fajl li juru li possibilment kient qed isseħħ il-produzzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju f'pajjiżi terzi oħra.

    1.6.   Kampjunar

    (16)

    Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista' tistħarreġ b'kampjunar lill-importaturi kkonċernati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    (17)

    Biex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

    (18)

    Tliet importaturi mhux relatati pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Fid-dawl tal-għadd baxx ta' importaturi involuti, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx meħtieġ.

    1.7.   Formola ta' talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”)

    (19)

    Għall-għanijiet tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bagħtet formoli ta' talba għal TES lil żewġ produtturi esportatur fir-RPĊ.

    1.8.   Tweġibiet għall-kwestjonarju

    (20)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-uniku produttur fl-Unjoni, liż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi kkonċernati u lil tliet importaturi mhux relatati.

    (21)

    It-tweġibiet għall-kwestjonarju waslu mingħand l-uniku produttur tal-Unjoni, minn wieħed miż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi kkonċernati (inklużi tnejn mill-uffiċċji relatati tiegħu għall-bejgħ bl-esportazzjoni f'Hong Kong) u minn żewġ importaturi mhux relatati. It-tieni produttur esportatur Ċiniż kkonċernat kien waqqaf il-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat qabel il-perjodu tal-investigazzjoni, u għaldaqstant ma kienx jolqtu l-kwestjonarju għall-perjodu tal-investigazzjoni.

    1.9.   Żjarat ta' verifika

    (22)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hija qieset bħala meħtieġa sabiex jiġi stabbilit id-dumping, id-dannu li jirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

     

    Il-produttur tal-Unjoni

    Productos Aditivos S.A., Barcelona, Spanja

     

    Importaturi

    DKSH GmbH, Hamburg, il-Ġermanja

    Emilio Peña S.A., Torrente (Valencia), Spanja

     

    Produtturi esportaturi fir-RPĊ

    Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited, Yang Quan, ir-RPĊ

     

    L-uffiċċju għall-bejgħ bl-esportazzjoni (relatat ma' Fang Da) f'Hong Kong

    Zhong Hua Fang Da Ltd., Hong Kong

    1.10.   Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

    (23)

    L-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' April 2014 sal-31 ta' Marzu 2015 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2011 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

    2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    2.1.   Il-prodott ikkonċernat

    (24)

    Il-prodott ikkonċernat huwa ċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jiġi prodott miż-żewġ produtturi esportaturi kkonċernati u li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM 2929 90 00 (il-kodiċi TARIC 2929900010) (“il-prodott ikkonċernat”).

    (25)

    Iċ-ċiklamat tas-sodju huwa prodott bażiku użat bħala addittiv tal-ikel u jintuża ħafna bħala dolċifikant mill-industrija tal-ikel kif ukoll mill-produtturi ta' dolċifikanti għal fuq il-mejda b'kaloriji baxxi u tad-dieta. Jintużaw ukoll volumi żgħar mill-industrija farmaċewtika.

    (26)

    Iċ-ċiklamat tas-sodju huwa sustanza kimikament pura. Madankollu, bħal kif huwa l-każ għal kull kimika pura, dan jista' jkun fih proporzjon żgħir ta' impuritajiet f'ammonti ta' mg/kg fil-prodott. Il-kwantità tal-impuritajiet, stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tiddefinixxi l-kwalità taċ-ċiklamat tas-sodju. Iċ-ċiklamat tas-sodju jista' jinstab f'żewġ forom differenti: idrat (HC), bi 15 % ta' umdità; u anidru (AC), b'kontenut ta' umdità ta' mhux aktar minn 1 %. Dawn iż-żewġ forom taċ-ċiklamat tas-sodju li għandhom l-istess karatteristiċi u użi ewlenin; ivarjaw biss fil-grad ta' ħlewwa; it-tip tal-HC huwa inqas ħelu minħabba l-kontenut tal-ilma. Il-prezzijiet ivarjaw minħabba l-istess raġuni. It-tip tal-AC huwa aktar għali milli fil-forma tal-HC. Iż-żewġ forom għalhekk jinħtieġ li jitqiesu bħala prodott wieħed għall-finijiet ta' dan il-proċediment.

    2.2.   Il-prodott simili

    (27)

    L-investigazzjoni wriet li dawn il-prodotti għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

    il-prodott ikkonċernat;

    il-prodott magħmul u mibjugħ mill-produttur esportatur fis-suq domestiku tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

    il-prodott magħmul u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

    (28)

    Għaldaqstant il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-prodotti huma prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    3.   ID-DUMPING

    3.1.   Kummenti preliminari

    (29)

    Wieħed mill-produtturi esportaturi kkonċernati, Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited, waqqaf il-produzzjoni tiegħu tal-prodott ikkonċernat fl-2012. Għalhekk, Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited biss ippreżentat l-formola ta' talba għal TES u l-kwestjonarju bit-tweġibiet.

    (30)

    L-uffiċjali tal-Kummissjoni żaru lill-Da Food Additive (Shen Zhen) Limited sabiex jivverifikaw li l-kumpanija waqqfet il-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, u nstab li hekk kien. Għaldaqstant l-analiżi dwar id-dumping kienet ibbażata fuq id-dejta ppreżentata minn Fang Da Food Additive (Yang Quan).

    (31)

    Madankollu, meta wieħed iqis ir-relazzjoni bejn iż-żewġ kumpaniji li jappartjenu għall-grupp Fang Da u li jappartjenu għall-istess kumpanija omm, is-sejbiet huma applikabbli għaż-żewġ kumpaniji li jikkostitwixxu l-grupp Fang Da.

    3.2.   Trattament ta' Ekonomija tas-Suq (“TES”)

    (32)

    Il-Kummissjoni vvalutat it-talba tal-produttur esportatur għal TES u wettqet ukoll żjara ta' verifika fil-bini tiegħu.

    (33)

    Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fl-investigazzjonijiet antidumping li jikkonċernaw l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafi minn 1 sa 6 tal-Artikolu msemmi għal dawk il-produtturi esportaturi li nstabu li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

    (34)

    L-investigazzjoni stabbilixxiet li l-produttur esportatur li talab għal TES ma weriex li jissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

    (35)

    B'mod aktar speċifiku, ġie stabbilit li t-tieni kriterju kif stabbilit fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku ma ġiex issodisfat, peress li t-transazzjonijiet ta' kontabbiltà ma kinux irreġistrati fuq il-bażi tad-dovuti. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda preżentazzjoni ġusta rigward il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija. Il-Kummissjoni identifikat ukoll kwistjoni dwar it-trattament kontabilistiku għall-proprjetà, għall-impjant u għat-tagħmir. Barra minn hekk, ġie stabbilit li ċerti spejjeż ma kienet rikonoxxuta l-ebda dispożizzjoni. Fl-aħħar nett instab, li ma saret l-ebda konsolidazzjoni fir-rapporti finanzjarji fil-livell (prinċipali) korrett.

    (36)

    Il-Kummissjoni għaddiet is-sejbiet marbutin mat-TES lill-produttur esportatur, lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u lill-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar is-sejbiet u li jitolbu seduta ta' smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

    (37)

    Wara l-iżvelar, il-produttur esportatur ikkonċernat ressaq il-kummenti tiegħu, u kkuntesta s-sejbiet kollha ta' hawn fuq. Il-kummenti li waslu ġew analizzati, madankollu ma kinux tali li jistgħu jbiddlu s-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, u l-produttur esportatur ġie infurmat b'dan fil-11 ta' April 2016. Wara l-iżvelar finali, il-produttur esportatur żamm l-oġġezzjonijiet tiegħu mingħajr ma pprovda aktar evidenza jew argumenti.

    (38)

    Bħala konklużjoni, il-produttur esportatur ikkonċernat ma setax juri li ssodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u għaldaqstant it-talba tiegħu għal TES ġiet miċħuda.

    3.3.   Pajjiż analogu

    (39)

    F'konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kellu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezzijiet f'ekonomija tas-suq xierqa ta' pajjiż terz, jew il-prezz minn tali pajjiż terz għal pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni, jew, fejn dan ma kienx possibbli, fuq xi bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz imħallas realment jew li għandu jitħallas fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat b'mod xieraq jekk meħtieġ biex jinkludi marġini ta' profitt raġonevoli.

    (40)

    Ingħatat attenzjoni xierqa sabiex tiġi identifikata ekonomija tas-suq ta' pajjiż terz ħalli jiġu stabbiliti l-prezzijiet jew il-valur maħdum bil-ħsieb li jiġi stabbilit valur normali.

    (41)

    Kif imsemmi fil-premessa 15, il-Kummissjoni infurmat fin-Notifika ta' Bidu lill-partijiet interessati li hija kkunsidrat lill-Indoneżja bħala pajjiż analogu xieraq u stiednet lill-partijiet interessati sabiex jikkummentaw. Ma wasal l-ebda kumment. Il-Kummissjoni fittxet il-kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi fl-Indoneżja. L-ittri u l-kwestjonarji rilevanti ntbagħtu lil tliet produtturi esportaturi Indoneżjani magħrufin.

    (42)

    Inizjalment, produttur esportatur Indoneżjan ppreżenta ruħu u wera x-xewqa tiegħu li jikkoopera. Il-Kummissjoni talbet lil din il-kumpanija sabiex timla l-kwestjonarju għall-produtturi taċ-ċiklamat tas-sodju f'pajjiż analogu. Ma waslet l-ebda tweġiba.

    (43)

    Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat isseħħ biss fl-Unjoni, fir-RPĊ u fl-Indoneżja. Ma kienx hemm indikazzjonijiet fil-fajl li juru li possibilment kienet qed isseħħ il-produzzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju f'pajjiżi terzi oħra.

    3.4.   Valur normali

    (44)

    Kif spjegat fil-premessi 40–43 hawn fuq, l-ebda produttur f'pajjiż analogu ma kkoopera.

    (45)

    Għalhekk, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kellu jiġi stabbilit fuq xi bażi raġonevoli oħra. F'dan is-sens, il-Kummissjoni tqis li hu raġonevoli li tibbaża l-valur normali fuq dejta vverifikata dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-produttur tal-Unjoni.

    (46)

    Il-prodott simili kien inbiegħ mill-industrija tal-Unjoni fi kwantitajiet rappreżentattivi. Madankollu, il-bejgħ domestiku tal-industrija tal-Unjoni kien qed jagħmel it-telf. Għalhekk, il-valur normali ġie bbażat fuq l-ispejjeż ta' manifattura tal-industrija tal-Unjoni flimkien ma' ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (BĠA) u għall-profitt. Il-BĠA ġew ddeterminati abbażi tad-dejta vverifikata mill-produttur tal-Unjoni. Ir-rata ta' profitt miżjuda kienet identika għall-profitt fil-mira użat għall-kalkolu tal-prezz mingħajr dannu tal-industrija tal-Unjoni (ara l-premessi 174–177 hawn taħt).

    3.5.   Il-prezz tal-esportazzjoni

    (47)

    L-esportazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni tal-produttur esportatur ikkonċernat saru permezz ta' kumpaniji kummerċjali tiegħu tal-esportazzjoni f'Ħong Kong, u l-bejgħ kollu tal-Unjoni sar lil klijenti mhux relatati tal-Unjoni. Il-prezz tal-esportazzjoni għalhekk ġie maħdum abbażi tal-prezzijiet li bih il-prodott importat reġa' nbiegħ mill-ġdid għall-ewwel darba lill-klijenti indipendenti tal-produttur esportatur ikkonċernat fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti adegwati fil-prezz għall-ispejjeż kollha sostnuti minħabba l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inklużi l-ispejjeż tal-BĠA, u għall-profitti, li ġew iddeterminati abbażi ta' dejta vverifikata minn żewġ importaturi mhux relatati.

    3.6.   Tqabbil

    (48)

    Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera fuq bażi ta' prezz mill-fabbrika.

    (49)

    Fejn dan kien iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u / jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

    (50)

    Ġew mogħtija aġġustamenti adegwati għat-trasport, għall-assigurazzjoni, għall-ġestjoni, għat-tagħbija u għall-ispejjeż anċillari, u ddaħħlu t-tariffi bankarji fejn instab li kienu raġonevoli, eżatti u appoġġati minn evidenza vverifikata.

    3.7.   Kummenti dwar id-dumping minn partijiet interessati wara l-iżvelar

    (51)

    Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet kollha bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kellha l-ħsieb timponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jiġu prodotti minn Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited u Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar l-iżvelar definittiv. Fejn kien xieraq il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu.

    (52)

    Wara l-iżvelar, Fang Da argumentat li kien diskriminatorju li l-valur normali tagħha jiġi ddeterminat abbażi tad-dejta tal-produttur tal-Unjoni, filwaqt li f'waħda mill-investigazzjonijiet preċedenti dwar l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-valur normali kien ġie bbażat fuq dejta mill-Indoneżja, bħala l-pajjiż analogu (11). L-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku jipprevedi ż-żewġ metodi f'ordni ġerarkiku, li jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi fattwali ta' kull investigazzjoni. Il-metodu tal-pajjiż analogu huwa l-ewwel wieħed. Kif spjegat fil-premessi minn 40 sa 43, minkejja l-isforzi estensivi tal-Kummissjoni, ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni minn xi produttur f'pajjiż analogu f'din l-investigazzjoni, filwaqt li fl-investigazzjoni preċedenti l-Indoneżja kkooperat. Għaldaqstant, kif intqal fil-premessa 45, il-valur normali kellu jkun bbażat fuq id-dejta tal-Unjoni bħala bażi raġonevoli f'konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, l-argument ġie miċħud abbażi taċ-ċirkostanzi fattwali ta' din l-investigazzjoni.

    (53)

    Barra minn hekk, Fang Da sostniet ukoll li valur normali bbażat fuq id-dejta tal-produttur tal-Unjoni wassal għal marġini ogħla ta' dumping (88,7 %), filwaqt li valur normali bbażat fuq l-Indoneżja bħala pajjiż analogu f'waħda mill-investigazzjonijiet (12) preċedenti wassal għal marġini ta' dumping iktar baxx (jiġifieri 14,2 %, apparagun tat-88,7 % ta' Fang Da). Id-determinazzjoni tal-valur normali allegatament ma kinitx raġonevoli f'dan il-każ minħabba li l-prezzijiet tal-esportazzjoni fiż-żewġ każijiet ma kinux differenti b'mod sinifikanti.

    (54)

    L-ewwel nett, Fang Da, sabiex tissostanzja d-dikjarazzjoni tagħha, ma pparagunatx il-prezz tal-esportazzjoni. F'kull każ, iż-żewġ każijiet jirreferu għal perjodi differenti ta' investigazzjoni, li jagħmel qarrieqi l-paragun bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni. It-tieni, kif ġie spjegat fil-premessa 52 hawn fuq, fin-nuqqas ta' kooperazzjoni minn kull pajjiż analogu, il-valur normali ġie ddeterminat fuq kull bażi raġonevoli oħra u b'mod partikolari fuq id-dejta mill-produttur tal-Unjoni, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. L-argument ġie miċħud abbażi taċ-ċirkostanzi fattwali ta' din l-investigazzjoni.

    (55)

    Barra minn hekk, il-produttur esportatur ikkonċernat allega li kien diskriminatorju li d-dazju tiegħu (EUR 1,17 għal kull kilo) jiġi bbażat fuq il-marġini ta' dannu, filwaqt li d-dazju (minn EUR 0,23 sa EUR 0,26 għal kull kg) fuq il-bqija tal-importazzjonijiet Ċiniżi (13) jiġi bbażat fuq il-marġini ta' dumping. Huwa reġa' afferma li din id-differenza fid-dazji mhix imwieżna b'xi differenza sinifikanti fil-prezzijiet medji tal-importazzjoni u li din ippremjat in-nuqqas ta' kooperazzjoni ta' produtturi esportaturi Ċiniżi oħra suġġetti għal proċediment ieħor li jirrigwarda l-istess prodott.

    (56)

    L-ewwel nett, ta' min ifakkar li, jekk id-dazju jissejjisx fuq il-marġini ta' dumping jew fuq il-marġini ta' dannu jiġi stabbilit fuq ir-regola tad-dazju inferjuri fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku (ara l-premessa 182 hawn taħt). Għalhekk, ma huwiex dipendenti fuq il-metodu għad-determinazzjoni tal-valur normali. It-tieni, diġà ġie spjegat fil-premessi 52 u 54 li l-użu ta' pajjiż analogu f'investigazzjoni, u l-użu tad-dejta tal-Unjoni f'oħra, ma kinux jikkostitwixxu trattament diskriminatorju. It-tielet, id-differenza fid-dazji tal-produttur esportatur ikkonċernat u tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li ma kkooperawx hija r-riżultat ta' proċedimenti separati relatati ma' perjodi differenti skont il-kundizzjonijiet tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, l-argument ġie miċħud.

    (57)

    Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, l-ebda kumment wara l-iżvelar finali ma biddel is-sejbiet dwar id-dumping.

    3.8.   Marġini tad-dumping

    (58)

    Il-Kummissjoni qabblet il-medja ponderata tal-prezz tal-esportazzjoni għal kull tip ta' prodott mal-valur normali medju peżat għal kull tip ta' prodott, skont l-Artikolu 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku.

    (59)

    Fuq din il-bażi, il-marġnijiet medji peżati ta' dumping, mogħtija bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

    Kumpanija

    Marġini ta' dumping definittiv

    Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited u Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited

    88,7 %

    4.   DANNU

    4.1.   Kumment preliminari

    (60)

    Billi l-industrija tal-Unjoni tikkonsisti minn produttur wieħed biss, u dan il-proċediment jikkonċerna grupp wieħed biss ta' produtturi esportaturi Ċiniżi, l-indikaturi tad-dannu u d-dejta tal-importazzjoni kellhom jiġu indiċjati sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta' dejta kummerċjali sensittiva.

    4.2.   Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

    (61)

    Il-prodott simili kien immanifatturat minn produttur wieħed biss tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni, li għalhekk jikkostitwixxi l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

    4.3.   Il-konsum tal-Unjoni

    (62)

    Iċ-ċiklamat tas-sodju huwa prodott biss fl-Unjoni, fiċ-RPĊ u fl-Indoneżja. Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-konsum tal-Unjoni fuq il-bażi tal-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, flimkien mal-volum tal-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju mill-PPĊ u l-Indoneżja. Minħabba li l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju minn dawn iż-żewġ pajjiżi kienu soġġetti għal miżuri matul il-perjodu kkunsidrat, il-Kummissjoni użat l-istatistika miġbura skont l-Artikolu 14(6) (14) tar-Regolament bażiku (“il-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6)”) sabiex jiġu stabbiliti l-volum u l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet minn dawn iż-żewġ pajjiżi matul il-perjodu kkunsidrat, peress li kien fiha biżżejjed informazzjoni ddettaljata fil-livell ta' kodiċi TARIC b'10 figuri u kodiċijiet addizzjonali TARIC.

    (63)

    Wara l-iżvelar, il-produttur esportatur kkonċernat ippreżenta d-dejta l-ġdida tal-esportazzjoni Ċiniża li turi, matul il-perjodu kkunsidrat, il-volumi ta' importazzjoni minn produtturi esportaturi Ċiniżi, ħlief ta' Fang Da li kienu ogħla mid-dejta tal-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6). Il-produttur esportatur madankollu ma żvelax is-sors eżatt ta' din id-dejta l-ġdida jew, apparti li ppreżenta ċifri differenti, ma tax raġunni l-għaliex warrab id-dejta użata f'din l-investigazzjoni dwar importazzjonijiet attwali li jinsabu fil-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma biddlitx is-sors tad-dejta użata f'din l-investigazzjoni.

    (64)

    Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

    Tabella 1

    Il-konsum tal-Unjoni

    Indiċi (2011 = 100)

    2011

    2012

    2013

    2014

    Perjodu tal-investigazzjoni

    Konsum totali tal-Unjoni

    100

    103

    93

    97

    101

    Sors: id-dejta tal-industrija tal-Unjoni, il-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6).

    (65)

    Il-konsum taċ-ċiklamat tas-sodju fl-Unjoni l-ewwel naqas b'7 % bejn l-2011 u l-2013, u żdied fil-perjodu sussegwenti. Il-konsum matul il-perjodu tal-investigazzjoni laħaq bejn wieħed u ieħor l-istess livell bħal tal-2011.

    4.4.   L-importazzjonijiet minn Fang Da

    (66)

    Sabiex ikun hemm konsistenza fid-dejta matul il-perjodu kollu kkunsidrat, il-Kummissjoni użat l-istess sors ta' informazzjoni ta' hawn fuq — il-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6) — sabiex tistabbilixxix il-volum u x-xejriet tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet minn Fang Da. Din id-dejta ġiet kontorverifikata maċ-ċifri pprovduti mill Fang Da fit-tweġibiet tagħha tal-kwestjonarju, u nstab li kienet konsistenti.

    4.4.1.   Volum u sehem fis-suq

    (67)

    L-importazzjonijiet ta' Fang Da fl-Unjoni żviluppaw kif ġej:

    Tabella 2

    Il-volum tal-importazzjonijiet u s-sehem mis-suq

    Indiċi (2011 = 100)

    2011

    2012

    2013

    2014

    Perjodu tal-investigazzjoni

    Volum tal-importazzjonijiet

    100

    84

    111

    156

    161

    Sehem mis-suq

    100

    82

    119

    161

    160

    Sors: il-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6).

    (68)

    L-importazzjoni oġġett ta' dumping minn Fang Da żdiedu b'61 % matul il-perjodu kkunsidrat. L-ewwel naqsu b'16 % mill-2011 sal-2012, iżda wara dawn kważi rduppjaw mill-2012 sal-perjodu tal-investigazzjoni. L-ishma tas-suq segwew l-istess xejra, b'żieda sostanzjali globali ta' 60 %.

    (69)

    Fl-2014 u matul il-perjodu ta' investigazzjoni, Fang Da saret l-akbar fornitur fis-suq tal-Unjoni, b'sehem fis-suq ftit ogħla mill-importazzjonijiet l-oħra kollha f'daqqa, u ħafna ogħla minn mis-sehem fis-suq tal-industrija tal-Unjoni.

    (70)

    Wara l-iżvelar, il-produttur esportatur ikkonċernat sostna li abbażi tad-dejta l-ġdida dwar l-esportazzjoni Ċiniża, iż-żieda tiegħu fl-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienet ikkumpensata sew mit-tnaqqis fil-bejgħ tal-esportaturi Ċiniżi l-oħra, u dan jikkontradixxi s-sejbiet tal-investigazzjoni abbażi tad-dejta fil-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6). Kif imsemmi fil-premessa 63 hawn fuq, il-produttur esportatur ikkonċernat ma weriex li d-dejta l-ġdida li ppreżenta dwar il-produtturi esportaturi Ċiniżi, apparti ta' Fang Da, kienet aktar kredibbli mid-dejta użata f'din l-investigazzjoni, għaldaqstant dawn id-dikjarazzjonijiet ġew miċħudin.

    4.4.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet minn Fang Da u t-twaqqigħ tal-prezz

    (71)

    Il-prezz medju tal-importazzjonijiet minn Fang Da lejn l-Unjoni żviluppa kif ġej:

    Tabella 3

    Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/kg)

    Indiċi (2011 = 100)

    2011

    2012

    2013

    2014

    Perjodu tal-investigazzjoni

    Fang Da

    100

    110

    105

    96

    99

    Sors: il-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6).

    (72)

    Il-prezz medju tal-importazzjoni ta' Fang Da tal-prodott ikkonċernat naqas b'1 % matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, l-ewwel żdied b'10 % mill-2011 sal-2012, imbagħad naqas b'14-il punt tal-indiċi mill-2012 sal-2014, u fl-aħħar żdied bi tliet (3) punti tal-indiċi bejn l-2014 u l-perjodu tal-investigazzjoni.

    (73)

    Fl-2011 u fl-2012, il-prezzijiet tal-importazzjoni ta' Fang Da kienu, bħala medja, ogħla minn prezzijiet ta' importazzjoni oħra (stabbiliti fuq l-istess sors ta' informazzjoni u inklużi d-dazji antidumping), iżda fl-2013 kienu ugwali għal tal-aħħar u tbaxxew aktar minn dawn il-prezzijiet fl-2014 u fil-perjodu ta' investigazzjoni.

    (74)

    Il-Kummissjoni stabbilixxiet it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu tal-investigazzjoni fuq il-bażi tad-dejta ta' FDYQ u d-dejta tal-produttur tal-Unjoni billi qabblet:

    il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta' prodott tal-produttur tal-Unjoni imposti fuq il-klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, u aġġustati għal-livell tal-prezz mill-fabbrika; kif ukoll

    il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta' importazzjoni minn FDYQ lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti abbażi tal-kost, tal-assigurazzjoni u tan-nol (CIF) fil-fruntiera, b'aġġustamenti adegwati għad-dazji doganali u għall-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni.

    (75)

    It-tqabbil tal-prezzijiet sar skont it-tip ta' prodott, aġġustat kif dovut fejn meħtieġ. Ir-riżultat tat-tqabbil ingħata bħala perċentwal tal-fatturat tal-produttur tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dan wera marġini ta' twaqqigħ tal-prezz b'medja peżata ta' 19,1 %.

    4.5.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

    4.5.1.   Kummenti ġenerali

    (76)

    Il-produzzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju tikkonsisti minn żewġ stadji ta' produzzjoni prinċipali. Matul l-ewwel fażi, li jenħtieġ l-użu ta' reatturi, il-materja prima tinbidel f'ċiklamat tas-sodju mhux raffinat (mhux pur). Matul it-tieni fażi tal-produzzjoni, iċ-ċiklamat tas-sodju mhux raffinat għandu bżonn jiġi ppurifikat qabel ma jkun jista' jintuża, minħabba r-regoli rilevanti regolatorji, minn industriji alimentari, tax-xorb jew farmaċewtiċi aktar 'l isfel fil-katina ta' attivitajiet.

    (77)

    Minħabba inċident tekniku li seħħ f'Lulju 2011 (splużjoni f'fabbrika), l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx twettaq l-ewwel fażi tal-produzzjoni — il-proċess ta' reazzjoni — bejn Awwissu 2011 u Mejju 2012, u kellha temporanjament tiddependi fuq l-importazzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju li hija kompliet tippurifika sabiex tkun tista' żżomm l-attivitajiet kummerċjali tagħha.

    (78)

    Minħabba li produttur tal-Unjoni ma kellu l-ebda għażla oħra ħlief li temporanjament jiddependi fuq l-importazzjonijiet, u minħabba t-tul ta' żmien limitat u l-volum ta' importazzjonijiet matul il-perjodu kkunsidrat, dan l-inċident u l-konsegwenzi tiegħu ma jinvalidawx il-konklużjonijiet ta' hawn fuq rigward id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Dan madankollu kellu impatt importanti fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni għas-snin 2011–2012, jiġifieri fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat, b'mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità, tal-produzzjoni u tal-volum tal-bejgħ, kif ukoll tal-indikaturi ta' profittabbiltà. Kellu wkoll impatt — għalkemm żgħar — fuq l-iżvilupp tal-importazzjonijiet. Dawn l-elementi jittieħdu inkonsiderazzjoni meta jiġi analizzat l-iżvilupp tal-indikaturi tad-dannu.

    (79)

    F'dan il-kuntest u skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-analiżi tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping fl-industrija tal-Unjoni kien jinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li influwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Sabiex jiġi stabbilit id-dannu, il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi ekonomiċi abbażi tad-dejta relatata mal-uniku produttur tal-Unjoni li jikkostitwixxi l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

    (80)

    L-indikaturi ekonomiċi tal-uniku produttur tal-Unjoni, li ġew evalwati mill-Kummissjoni, huma kif ġej: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, il-kost lavorattiv, il-kobor tal-marġini ta' dumping u l-irkupru minn dumping imgħoddi, il-prezzijiet medji ta' unità, il-kostijiet ta' unità, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investiment, ir-redditu fuq l-investiment u l-abbiltà li jiġi ġġenerat il-kapital.

    4.5.2.   L-indikaturi tad-dannu

    4.5.2.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

    (81)

    Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità matul il-perjodu kkunsidrat żviluppaw kif ġej:

    Tabella 4

    Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

    Indiċi (2011 = 100)

    2011

    2012

    2013

    2014

    Perjodu tal-investigazzjoni

    Volum ta' produzzjoni

    100

    104

    189

    159

    157

    Kapaċità ta' produzzjoni

    100

    114

    171

    171

    171

    Użu tal-kapaċità

    100

    91

    110

    93

    92

    Sors: id-dejta tal-industrija tal-Unjoni.

    (82)

    Il-produzzjoni inġenerali żdiedet b'57 % matul il-perjodu kkunsidrat. Kif spjegat fil-premessi 77 ta' hawn fuq u 83 ta' hawn taħt, il-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni madankollu kienet inqas minn tas-soltu, fl-2011–2012. Bejn l-2013 u l-perjodu ta' investigazzjoni, il-livell ta' produzzjoni naqas sew, bi 32 punt tal-indiċi.

    (83)

    Il-kapaċità ta' produzzjoni żdiedet ukoll b'mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat (b'71 %), iżda din ix-xejra hija spjegata mill-ġdid minn livell mhux normalment baxx fl-2011 u fl-2012 li rriżulta minn inċident tekniku fil-faċilitajiet ta' produzzjoni. Il-kapaċità kienet ikkalkulata abbażi tax-xhur li matulhom l-industrija tal-Unjoni setgħet tipproduċi ċ-ċiklamat tas-sodju tagħha stess, li kienu seba' (7) xhur biss fl-2011, tmien (8) xhur fl-2012 u 12-il xahar għall-perjodi l-oħra. Sa mill-2013 il-livell tal-kapaċità tal-produzzjoni baqa' f'livell stabbli sal-perjodu tal-investigazzjoni.

    (84)

    Ir-rata ta' użu tal-kapaċità naqset bi 8 % bejn l-2011 u l-perjodu tal-investigazzjoni, iżda segwiet xejra sinifikanti 'l isfel sa mill-2013, li huwa konformi mat-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni.

    4.5.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

    (85)

    Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw hekk matul il-perjodu kkunsidrat:

    Tabella 5

    Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

    Indiċi (2011 = 100)

    2011

    2012

    2013

    2014

    Perjodu tal-investigazzjoni

    Volum tal-bejgħ

    100

    69

    146

    108

    104

    Sehem mis-suq

    100

    67

    157

    111

    104

    Sors: id-dejta tal-industrija tal-Unjoni u l-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6).

    (86)

    Il-volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni u s-sehem mis-suq korrispondenti segwew l-istess xejra matul il-perjodu kkunsidrat. Dawn żdiedu b'mod globali b'4 %.

    (87)

    Billi ż-żewġ ċifri jirriflettu biss il-bejgħ taċ-ċiklamat tas-sodju prodott mill-industrija tal-Unjoni stess, il-livelli tal-2011 u tal-2012 kienu baxxi aktar mis-soltu minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-premessi 77 u 83 ta' hawn fuq. Sa mill-2013, minn meta l-produzzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju tagħha stess kienet reġgħet ġiet stabbilita b'mod permanenti, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 42 punt tal-indiċi minħabba t-telf ta' ordnijiet.

    (88)

    Is-sehem mis-suq naqas ukoll b'mod sinifikanti bejn l-2013 u l-perjodu tal-investigazzjoni. Dan jikkuntrasta mal-iżvilupp kemm tal-konsum fl-Unjoni, li żdied bi 8 punti tal-indiċi kif ukoll mal-importazzjonijiet ta' Fang Da, li komplew jiżdiedu wkoll u komplew iżidu s-sehem tas-suq tagħhom matul dawn it-tliet snin.

    4.5.2.3.   Tkabbir

    (89)

    Is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tjiebet bejn l-2011 u l-2013 meta hija kienet kapaċi żżid il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, il-bejgħ u s-sehem mis-suq. Din iż-żieda seħħet minħabba żewġ fatturi: (i) iż-żieda tad-dazji antidumping għal ċerti produtturi esportaturi tar-RPĊ, li rduppjaw f'Mejju 2012 u (ii) il-fatt li l-industrija tal-Unjoni reġgħet kienet f'pożizzjoni li tipproduċi ċ-ċiklamat tas-sodju tagħha stess matul it-12-il xahar tal-2013, apparagun ta' seba' (7) xhur fl-2011 u tmien (8) xhur fl-2012 biss.

    (90)

    Li kieku ma seħħitx l-isplużjoni f'Lulju 2011, il-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-bejgħ u ċ-ċifri tas-sehem mis-suq kienu jkunu ħafna ogħla fl-2011 u fl-2012, ġaladarba l-industrija tal-Unjoni setgħet tipprovdi lill-klijenti tagħha ċ-ċiklamat tas-sodju tagħha stess minflok wieħed importat li kienet tkompli tipproċessa (tippurifika) bejn Awwissu 2011 u Mejju 2012. B'riżultat ta' dan, iż-żieda fil-produzzjoni, fil-bejgħ u tas-sehem mis-suq ta' bejn l-2011 u l-2013 kienu jkunu ferm iżgħar, filwaqt li l-kapaċità ta' produzzjoni kienet saħansitra tibqa' fil-livell li kellha fl-2013 matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Mill-2013 sal-perjodu tal-investigazzjoni x-xejriet relatati mal-volum imsemmijin hawn fuq inqalbu kompletament, ħlief għall-kapaċità tal-produzzjoni. Għalkemm mill-2013 il-konsum tal-Unjoni kellu t-tendenza li jiżdied, l-industrija tal-Unjoni daħlet f'fażi ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Fl-istess ħin, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni baqgħet negattiva sew matul il-perjodu kollu kkunsidrat, li ostakolat il-prospetti tagħha ta' tkabbir.

    4.5.2.4.   Impjiegi u produttività

    (91)

    L-impjiegi u l-produttività żviluppaw hekk matul il-perjodu kunsidrat:

    Tabella 6

    Impjiegi u produttività

    Indiċi (2011 = 100)

    2011

    2012

    2013

    2014

    Perjodu tal-investigazzjoni

    Għadd ta' impjegati

    100

    100

    105

    105

    105

    Produttività

    100

    104

    180

    151

    150

    Sors: id-dejta tal-industrija tal-Unjoni

    (92)

    Minkejja li ma kinitx kapaċi tipproduċi ċ-ċiklamat tas-sodju tagħha stess bejn Awwissu 2011 u Mejju 2012, l-industrija tal-Unjoni ddeċidiet li żżomm l-impjiegi kostanti f'dan il-perjodu, peress li kwalunkwe tnaqqis kien meqjus bħala għoli wisq u bla bżonn. Għalkemm fl-2012 ingħata s-sensja impjegat, il-livell tal-impjiegi ma nbidilx bejn l-2011 u l-2012 minħabba li l-industrija tal-Unjoni impjegat fl-istess sena impjegat ġdid. L-għadd ta' impjegati żdied bi ftit fl-2013, u mbagħad baqa' stabbli sal-perjodu tal-investigazzjoni.

    (93)

    Minħabba l-isplużjoni fil-fabbrika, il-produttività tal-industrija tal-Unjoni kienet affettwata bħal kif kienu affettwati l-indikaturi ekonomiċi l-oħra ppreżentati hawn fuq. Il-produttività, bħall-produzzjoni, kienet eċċezzjonalment baxxa fl-2011 u fl-2012, u mbagħad żdied b'mod qawwi bi kważi 80 punt tal-indiċi fl-2013. Minn dak iż-żmien 'l hawn madankollu, minħabba t-telf ta' ordnijiet, din naqset bi 30 punt tal-indiċi fl-2014, u baqgħet f'dan il-livell sal-perjodu tal-investigazzjoni.

    4.5.2.5.   Id-daqs tal-marġini tad-dumping u l-irkupru minn dumping tal-imgħoddi

    (94)

    Il-marġini tad-dumping kien ferm ogħla mil-livell de minimis. L-impatt tad-daqs tal-marġini attwali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali, meta jitqies il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet minn Fang Da.

    (95)

    Il-miżuri antidumping kontra l-importazzjonijiet ta' produtturi esportaturi Ċiniżi u Indoneżjani oħra ilhom fis-seħħ mill-2004. F'dan il-kuntest, ta' min isemmi li l-livell tad-dazju antidumping, li kien impost fl-investigazzjoni oriġinali fuq żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi differenti minn Fang Da, instab li ma ma kienx biżżejjed sabiex ipatti għad-dumping li kien ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni. B'riżultat ta' dan, id-dazju antidumping għal dawn il-produtturi esportaturi Ċiniżi, f'Mejju 2012 kien aktar milli rduppjat, kif spjegat fil-premessa 2 ta' hawn fuq. Fid-dawl tal-analiżi attwali, huwa ċar li għadu qed iseħħ dumping.

    4.5.2.6.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

    (96)

    Il-prezzijiet tal-bejgħ medji għal kull unità tal-uniku produttur tal-Unjoni lill-klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw hekk matul il-perjodu kkunsidrat:

    Tabella 7

    Prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

    Indiċi (2011 = 100)

    2011

    2012

    2013

    2014

    Perjodu tal-investigazzjoni

    Il-prezz medju tal-bejgħ għal kull unità

    100

    105

    103

    107

    106

    Spiża medja tal-produzzjoni għal kull unità

    100

    107

    97

    95

    96

    Sors: id-dejta tal-industrija tal-Unjoni.

    (97)

    Il-prezz medju tal-bejgħ għal kull unità tal-industrija tal-Unjoni żdied b'6 % matul il-perjodu kkunsidrat. L-ewwel żdied b'5 punti tal-indiċi bejn l-2011 u l-2012, u mbagħad baqa' stabbli sal-perjodu tal-investigazzjoni.

    (98)

    L-ispiża medja tal-produzzjoni għal kull unità tal-industrija tal-Unjoni żdiedet b'7 punti tal-indiċi bejn l-2011 u l-2012, u mbagħad naqset b'10 punti tal-indiċi fl-2013 apparagun tal-2012. Sa mill-2013 din baqgħet f'livell stabbli sal-perjodu tal-investigazzjoni. Dan it-tibdil irriżulta prinċipalment mill-fluttwazzjoni fl-ispejjeż tal-materja prima.

    (99)

    Rigward dan ta' hawn fuq, jinħtieġ li wieħed isemmi li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tissepara b'mod preċiż l-ispejjeż tal-purifikazzjoni mit-total tal-ispejjeż ta' produzzjoni. Bħala riżultat, l-indiċijiet tal-2011 u tal-2012, bil-kontra tal-indiċijiet tal-2013, tal-2014 u tal-perjodu tal-investigazzjoni, jirriflettu wkoll l-ispejjeż ta' purifikazzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju li kien importat mill-industrija tal-Unjoni.

    (100)

    Fid-dawl ta' hawn fuq, l-interpretazzjoni tax-xejriet bejn l-2011–2012 u l-perjodi sussegwenti jinħtieġ li ssir bi prudenza peress li l-iżvilupp tagħhom kien influwenzat — għalkemm bi ftit biss — minħabba li l-indiċijiet tal-2011–2012 kienu bbażati fuq settijiet differenti ta' dejta.

    (101)

    F'kull każ, matul il-perjodu kollu kkunsidrat, il-prezz medju tal-bejgħ għal kull unità dejjem kien taħt l-ispejjeż medji tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni għal kull unità stipulati fit-tabella ta' hawn fuq.

    4.5.2.7.   Kostijiet lavorattivi

    (102)

    Il-kostijiet lavorattivi medji tal-uniku produttur tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

    Tabella 8

    Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

    Indiċi (2011 = 100)

    2011

    2012

    2013

    2014

    Perjodu tal-investigazzjoni

    Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

    100

    127

    115

    102

    95

    Sors: id-dejta tal-industrija tal-Unjoni.

    (103)

    Il-kostijiet lavorattivi medji naqsu b'5 % matul il-perjodu kollu kkunsidrat. L-ispejjeż madankollu, l-ewwel żdiedu b'27 % fl-2012 — prinċipalment minħabba li ġie kkumpensat impjegat li ngħata s-sensja — u mbagħad kienu qed jonqsu b'mod kostanti sal-perjodu tal-investigazzjoni meta waqgħu b'5 % taħt il-livell li kellhom fl-2011.

    4.5.2.8.   Inventarji

    (104)

    Il-livelli tal-istokk tal-uniku produttur tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

    Tabella 9

    Inventarji

    Indiċi (2011 = 100)

    2011

    2012

    2013

    2014

    Perjodu tal-investigazzjoni

    Stokkijiet tal-għeluq

    100

    258

    339

    406

    708

    L-istokkijiet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni

    100

    249

    179

    255

    451

    Sors: id-dejta tal-industrija tal-Unjoni.

    (105)

    Matul il-perjodu kkunsidrat, l-istokkijiet tal-għeluq murija bħala perċentwal tal-produzzjoni, varjaw b'mod sinifikanti. Dawn l-ewwel żdiedu bejn l-2011 u l-2012, imbagħad naqsu fis-sena ta' wara, u fl-aħħar żdiedu b'mod sinifikanti sal-perjodu tal-investigazzjoni. Kumplessivament, tul il-perjodu kkunsidrat dawn żdiedu bi 351 punt tal-indiċi. Sa ċertu punt, din iż-żieda seħħet għax il-produttur tal-Unjoni ma kienx kapaċi jbigħ il-prodotti tiegħu għax kien qed jikkompeti ma' importazzjonijiet bi prezzijiet baxx, iżda hija wkoll ir-riżultat ta' livelli ta' stokkijiet baxxi fl-2011 wara l-inċident tekniku spjegat fil-premessa 77 ta' hawn fuq.

    4.5.2.9.   Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investiment, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital

    (106)

    Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-uniku produttur tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

    Tabella 10

    Profittabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

    Indiċi (2011 = 100)

    2011

    2012

    2013

    2014

    Perjodu tal-investigazzjoni

    Profittabbiltà

    – 100

    – 111

    – 82

    – 61

    – 69

    Fluss tal-flus

    100

    – 500

    – 1 107

    – 559

    – 766

    Investimenti

    100

    203

    15

    0

    0

    Redditu fuq l-investimenti

    – 100

    – 42

    – 104

    – 79

    – 77

    Sors: id-dejta tal-industrija tal-Unjoni.

    (107)

    Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni billi uriet il-profitt nett ta' qabel it-taxxa tal-bejgħ taċ-ċiklamat tas-sodju lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta' dan il-bejgħ. Kif imsemmi fil-premessa 99 ta' hawn fuq, l-ispiża tal-produzzjoni użata biex jiġi stabbilit il-livell tal-profitt/telf għall-2011–2012 setgħet tiġi stabbilita biss b'mod ġenerali, jiġifieri billi jiddaħħlu wkoll l-ispejjeż relatati maċ-ċiklamat tas-sodju impurtat. Abbażi ta' dan, l-analiżi taċ-ċifri dwar il-profittabbiltà wrew li l-industrija tal-Unjoni ġġenerat telf sinifikanti matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Kienu partikolarment għoljin fl-2011–2012, iżda s-sitwazzjoni mill-2013 tjiebet.

    (108)

    Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiffinanzja hija stess l-attivitajiet tagħha. Ix-xejra tal-fluss tal-flus nett, stabbilita apparagun tal-bejgħ kollu (15) taċ-ċiklamat tas-sodju, inbidlet minn waħda pożittiva fl-2011 għal waħda ferm negattiva bejn l-2012 u l-perjodu tal-investigazzjoni.

    (109)

    L-uniċi investimenti sinifikanti saru fl-2011–2013, u dawn jikkonċernaw biss is-sostituzzjoni tal-għodda tal-produzzjoni li ġiet affettwata mill-isplużjoni tal-2011. Dawn l-investimenti kienu kompletament koperti bil-polza tal-assigurazzjoni.

    (110)

    Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt muri bħala perċentwal tal-valur kontabilistiku tal-assi fissi. Dan kien ferm negattiv tul il-perjodu kollu kkunsidrat.

    (111)

    Minħabba l-livell ta' telf li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni, il-kapaċità tagħha li tiġġenera kapital kienet affettwata serjament.

    4.5.3.   Konklużjoni dwar id-dannu

    (112)

    Għalkemm xi indikaturi ekonomiċi li jappartenu għas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni bħalma huma l-produzzjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni, il-bejgħ, is-sehem mis-suq u l-produttività tjiebu bejn l-2011–2012 u 2013, dawn it-tendenzi kienu influwenzati, b'mod parzjali biss, mill-iżviluppi ta' suq ġenwin li rriżultaw mill-impożizzjoni ta' dazji antidumping ogħla għal ċerti produtturi esportaturi mir-RPĊ f'Mejju 2012.

    (113)

    Fil-fatt, kif issemma fil-premessa 89 ta' hawn fuq, dan it-titjib jista' jiġi spjegat sa ċertu punt: (i) mill-isplużjoni fil-fabbrika f'Lulju 2011, (ii) mill-fatt li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tipproduċi ċ-ċiklamat tas-sodju tagħha stess minħabba din l-isplużjoni bejn Awwissu 2011 u Mejju 2012, u (iii) billi fl-2013 reġa' ġie għal kif kien il-proċess ta' produzzjoni għal 12-il xahar sħaħ wara li l-linji tal-produzzjoni ġew mibdulin wara li nqerdu. Evidentement, iż-żieda ta' dawn l-indikaturi sal-2013 kienet tkun ferm inqas li kieku din l-isplużjoni ma seħħitx.

    (114)

    L-evoluzzjoni pożittiva tat-tendenzi msemmijin hawn fuq evidentement inbidlet mill-2013 'l hawn, peress li l-produzzjoni, il-bejgħ u l-produttività tal-industrija tal-Unjoni, kif ukoll is-sehem mis-suq tagħha maru għall-agħar sostanzjalment.

    (115)

    Barra minn hekk, matul il-perjodu kollu kkunsidrat, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni baqgħet f'qagħda prekarja b'mod permanenti. B'mod partikolari, l-indikaturi tal-industrija tal-Unjoni bħall-profittabbiltà, il-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-investimenti, kollox ma' kollox wrew riżultati negattivi ħafna.

    (116)

    Abbażi ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni sofriet ħsara materjali skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

    (117)

    Il-produttur esportatur ikkonċernat, fil-kummenti tiegħu wara l-iżvelar finali, ikkuntesta l-konklużjoni fil-premessa 115 li l-profittabbiltà, il-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-investimenti esponew dannu ġaladarba żviluppaw b'mod pożittiv bejn l-2013 u l-perjodu tal-investigazzjoni.

    (118)

    Il-Kummissjoni tinnota li għalkemm tul il-perjodu kkunsidrat il-livell tat-telf, il-fluss tal-flus negattiv u r-redditu fuq l-investiment tabilħaqq żdiedu bi ftit, il-livelli tagħhom kienu xorta waħda ferm negattivi għall-2013, għall-2014 u għall-perjodu tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-ebda wieħed mill-fatturi ta' dannu ma huwa deċiżiv fih nnifisu, iżda kollha huma analizzati flimkien. Għalhekk l-asserzjoni qed tiġi miċħuda.

    (119)

    Barra minn hekk, Fang Da argumentat li l-perjodu kkunsidrat ma kienx rappreżentattiv għax kien affettwat minn żewġ fatturi ewlenin, jiġifieri, id-dejta kollha tal-2011 u tal-2012 kienet distorta, u l-perjodu li kien fadal mill-2013 sal-perjodu tal-investigazzjoni kien qasir wisq.

    (120)

    Fir-rigward tal-ewwel fattur, Fang Da argumentat li d-dejta kollha tal-2011 u tal-2012 statistikament ma setgħetx tintuża u trid tiġi injorati f'kull analiżi dwar id-dannu minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

    (i)

    matul dawn is-sentejn kienet għaddejja investigazzjoni kontra l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju minn Fang Da, u din kienet biżżejjed biex timmodifika kwalunkwe dejta u biex iġġib dawn il-perjodi mhux kredibbli sabiex tiġi stabbilita linja ta' referenza li fuqha jistgħu jiġu analizzati x-xejriet tal-futur;

    (ii)

    dawn is-sentejn kienu affettwati b'mod sinifikanti mill-ispużjoni fil-fabbrika tal-produttur tal-Unjoni.

    (121)

    Rigward il-punt (i) ta' hawn fuq, Fang Da ma wrietx għaliex jew kif l-investigazzjoni preċedenti kienet immodifikat id-dejta tal-industrija tal-Unjoni għal dak il-perjodu. Għaldaqstant, dan l-argument kellu jitwarrab mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha tal-asserzjonijiet ta' hawn fuq.

    (122)

    Rigward il-punt (ii) ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tirrikonoxxi b'mod ċar li l-isplużjoni kellha impatt fuq l-indikaturi ekonomiċi tal-industrija tal-Unjoni fl-2011–2012 u, kif imsemmi fil-premessa 78 hawn fuq, dawn l-elementi kienu debitament ikkunsidrati meta ġie analizzat l-iżvilupp tal-indikaturi tad-dannu. Ta' min ifakkar ukoll li l-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa 114 ta' hawn fuq li l-qagħda tal-industrija tal-Unjoni evidentement kompliet sejra għall-agħar sa mill-2013, jiġifieri wara l-perjodu bejn l-2011 u l-2012. B'riżultat ta' dan, din l-asserzjoni kellha tiġi miċħuda.

    (123)

    Fir-rigward tat-tieni element, Fang Da ddikjarat li l-bqija tal-perjodu kkunsidrat, mill-2013 sal-2014 u l-perjodu tal-investigazzjoni, ma kenux biżżejjed sabiex jinġibdu konklużjonijiet sinifikanti dwar id-dannu. Il-produttur esportatur ikkonċernat ma ssostanzjatx l-asserzjoni tiegħu. Għall-perjodu tal-investigazzjoni, s-sejba tad-dannu saret abbażi ta' analiżi tax-xejriet tal-indikaturi tad-dannu matul il-perjodu kkunsidrat. Għaldaqstant, din l-asserzjoni kellha tiġi miċħuda wkoll.

    (124)

    B'żieda ma' dan ta' hawn fuq, Fang Da ddikjarat ukoll li l-2013 ma setgħetx tintuża bħala s-sena ta' referenza għall-valutazzjoni tad-dannu minħabba li ċ-ċifri tal-2013 kienu eċċezzjonalment għoljin. Dan kien allegatament ikkawżat minn klijenti tal-industrija tal-Unjoni, li wara l-isplużjoni ma setgħux jixtru ċ-ċiklamat tas-sodju u, meta l-produzzjoni reġgħet ġiet għal li kienet, reġgħu lura lejn l-industrija tal-Unjoni sabiex iżżidu l-livelli tal-istokkijiet tagħhom.

    (125)

    L-ewwel nett, dan l-argument huwa bbażat fuq sempliċi allegazzjoni li ma tistax tiġi ssostanzjata, ġaladarba Fang Da ma ppreżentat l-ebda evidenza li, bħala riżultat tal-isplużjoni, l-industrija tal-Unjoni tilfet għadd sinifikanti mill-klijenti tagħha li ddeċidew li jerġa' lura b'aktar ordnijiet fl-2013. Fit-tieni, l-evidenza ddokumentata ma tissostanzjax din l-allegazzjoni. Għall-kuntrarju, turi li fl-2011–2012, il-perjodu li matulu hija ma setgħetx tipproduċi ċ-ċiklamat tas-sodju tagħha stess, l-industrija tal-Unjoni żammet il-klijenti tagħha u kompliet tipprovdihom b'ċiklamat tas-sodju impurtat, li kompla jiġi pproċessat, kif imsemmi fil-premessa 77 ta' hawn fuq. Għaldaqstant, din l-asserzjoni kellha tiġi wkoll miċħuda.

    5.   KAWŻALITÀ

    (126)

    Skont l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping minn Fang Da kkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi magħrufa oħrajn setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kwalunkwe dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħra għajr l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn Fang Da ma ġiex attribwit għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn Fang Da.

    5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping minn Fang Da

    (127)

    L-investigazzjoni wriet li hemm korrelazzjoni qawwija bejn il-prezzijiet tal-importazzjoni ta' Fang Da, is-sehem mis-suq tagħha u s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Din hija spjegata fit-tabella li ġejja:

    Tabella 11

    Prezzijiet tal-importazzjoni u s-sehem mis-suq

    Indiċi (2011 = 100)

    2011

    2012

    2013

    2014

    Perjodu tal-investigazzjoni

    Prezzijiet tal-importazzjoni ta' Fang Da

    100

    110

    105

    96

    99

    Sehem mis-suq ta' Fang Da

    100

    82

    119

    161

    160

    Sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni

    100

    67

    157

    111

    104

    Prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi (inklużi d-dazji antidumping), għajr ta' Fang Da

    100

    109

    112

    108

    111

    Sehem mis-suq Ċiniż, mingħajr Fang Da

    100

    110

    79

    73

    77

    Sors: id-dejta tal-industrija tal-Unjoni, il-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6).

    (128)

    Fil-perjodu mill-2011 sal-2012 il-prezzijiet tal-importazzjoni ta' Fang Da lejn l-Unjoni żdiedu b'10 % u s-sehem mis-suq tagħha naqas bi 18 %. Fil-perjodu ta' wara mill-2013 sal-perjodu ta' investigazzjoni, madankollu, Fang Da ġestiti sabiex tirdoppja sehemha tas-suq billi tnaqqas b'mod sinifikanti l-prezzijiet tagħha.

    (129)

    Mill-2012 sal-2013 Fang Da l-ewwel naqqset il-prezzijiet tagħha b'5 % u allinjathom mal-prezzijiet l-oħra tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Dawn tal-aħħar kienu wkoll affettwati, minn Mejju 2012, minn żieda sinifikanti fid-dazji antidumping applikabbli għal produttur esportatur Ċiniż kbir, żvilupp li huwa muri fit-tabella ta' hawn fuq bil-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi inklużi d-dazji antidumping. Mill-2012 sal-2013 dan l-allinjament fil-prezz wassal għal żieda sinifikanti tas-sehem mis-suq ta' Fang Da, b'37 punt tal-indiċi, u seħħ prinċipalment għad-dannu ta' importazzjonijiet Ċiniżi oħrajn li s-sehem tagħhom mis-suq naqas b'31 punt tal-indiċi.

    (130)

    Mill-2013 sal-2014 Fang Da kompliet tnaqqas il-prezzijiet tagħha b'9 punti tal-indiċi, biex laħqu livell ta' prezz orħos minn dak ta' importazzjonijiet Ċiniżi oħrajn, bir-riżultat li s-sehem mis-suq tagħha reġa' żdied b'mod sinifikanti bi 42 punt tal-indiċi. Din id-darba dan seħħ direttament għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni li s-sehem mis-suq tagħha naqas bi 53 punt tal-indiċi matul l-istess perjodu.

    (131)

    Kif indikat fil-premessa 75 ta' hawn fuq, il-marġini ta' twaqqigħ il-prezz stabbilit għal Fang Da kien konsiderevoli. Minħabba l-volum dejjem jikber ta' importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping minn Fang Da bi prezzijiet li jwaqqgħu b'mod sinifikanti dawk tal-industrija tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni ma kinitx f'qagħda li tibbenefika miż-żieda tad-dazji antidumping għal produttur esportatur Ċiniż ieħor fl-2012, u ma setgħetx tikseb lura s-sehem li kellha mis-suq.

    (132)

    Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn Fang Da kkontribwew b'mod sinifikanti għad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

    5.2.   L-effetti ta' fatturi oħra

    5.2.1.   L-importazzjonijiet minn produtturi esportaturi oħra ħlief minn Fang Da

    (133)

    Il-volum ta' importazzjonijiet minn produtturi esportaturi oħra ħlief minn Fang Da żviluppaw kif ġej:

    Tabella 12

    Indiċi tal-volum tal-Importazzjoni

    Indiċi (2011 = 100)

    2011

    2012

    2013

    2014

    Perjodu tal-investigazzjoni

    RPĊ (minbarra Fang Da)

    100

    114

    73

    71

    77

    L-Indoneżja

    100

    225

    31

    18

    9

    Sors: il-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6).

    (134)

    Il-volum tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja kien baxx fl-2011 u fl-2012, kien baxx ħafna fl-2013 u negliġibbli fl-2014 u fil-perjodu tal-investigazzjoni. Għaldaqstant għalkemm varja ħafna matul il-perjodu kkunsidrat, l-impatt tiegħu fuq l-industrija tal-Unjoni jista' jitqies bħala limitat ħafna mill-2011 sal-2012 u bħala insinifikanti mill-2013 sal-perjodu tal-investigazzjoni.

    (135)

    Il-volum tal-importazzjonijiet minn produtturi Ċiniżi minbarra Fang Da naqas bi 23 % matul il-perjodu kkunsidrat. L-ewwel żdied b'14 % bejn l-2011 u l-2012, u minn dak iż-żmien 'il hawn naqas b'mod sinifikanti, b'mod partikolari bi tnaqqis ferm qawwi ta' 41 punt tal-indiċi mill-2012 sal-2013.

    (136)

    Minkejja dan it-tnaqqis globali, l-importazzjonijiet Ċiniżi l-oħra baqgħu f'livell sinifikanti, li kien qrib ħafna għal-livell ta' Fang Da. Anki jekk il-prezzijiet medji tagħhom — inklużi d-dazji antidumping applikati fuqhom — kienu bħala medja naqra ogħla minn ta' Fang Da, xorta kienu għadhom ta' livell baxx, u ferm aktar baxxi mill-prezzijiet tal-Unjoni. Għalhekk, jista' jiġi konkluż li, matul il-perjodu kkunsidrat, l-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi tal-produtturi Ċiniżi minbarra ta' Fang Da kkontribwew għas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni.

    (137)

    Kif spjegat fil-punt 5.1 ta' hawn fuq, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni li kompliet tiħżien sa mill-2013 kienet minħabba l-volum dejjem jikber ta' importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping u bi prezz baxx minn Fang Da. Għaldaqstant, l-effetti tal-importazzjonijiet minn produtturi oħra minbarra minn Fang Da, anki jekk ikkontribwew għad-dannu, mhumiex tali li jiksru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping minn Fang Da u d-dannu materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

    5.2.2.   Inċident tekniku (splużjoni) fil-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni

    (138)

    Kif kien diġà spjegat fil-premessi 77 u 83 ta' hawn fuq, kien hemm splużjoni fil-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni f'Lulju 2011, li minħabba fiha l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx twettaq il-proċess ta' reazzjoni biex b'hekk tipproduċi u tbigħ iċ-ċiklamat tas-sodju tagħha stess bejn Awwissu 2011 u Mejju 2012.

    (139)

    In-nuqqas ta' kapaċità li tipproduċi ċ-ċiklamat tas-sodju tagħha stess kellu impatt negattiv fuq l-indikaturi ekonomiċi tal-industrija tal-Unjoni bejn Awwissu 2011 u Mejju 2012. Tabilħaqq, pereżempju, il-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-bejgħ, is-sehem mis-suq u ċ-ċifri tal-produttività kienu jkunu ogħla f'dak il-perjodu, li kieku ma seħħx l-inċident, peress li l-industrija tal-Unjoni setgħet tipprovdi lill-klijenti tagħha biċ-ċiklamat tas-sodju tagħha stess minflok dak impurtat li kienet qed tippurifika u tbigħu mill-ġdid bejn Awwissu 2011 u Mejju 2012.

    (140)

    Minkejja li l-indikaturi ekonomiċi tal-industrija tal-Unjoni msemmijin hawn fuq ġew affettwati minħabba n-nuqqas ta' kapaċità tagħha li tipproduċi ċ-ċiklamat tas-sodju tagħha stess bejn Awwissu 2011 u Mejju 2012, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-isplużjoni fil-fabbrika ma kkontribwixxietx b'mod sinifikanti għad-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni bejn l-2013 u l-perjodu tal-investigazzjoni.

    (141)

    Tabilħaqq, diġà f'Mejju 2012, l-industrija tal-Unjoni reġgħet kienet totalment kapaċi tipproduċi ċ-ċiklamat tas-sodju tagħha stess, u minn dan iż-żmien 'il hawn, l-isplużjoni ma affettwatx aktar l-attività ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. Bejn l-2013 u l-perjodu tal-investigazzjoni, kienu l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn Fang Da li bdew iħallu impatt dannuż fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. Tajjeb li wieħed jinnota li dan l-impatt negattiv beda jseħħ diversi xhur wara li l-industrija tal-Unjoni biddlet il-linji tal-produzzjoni li nqerdu, u meta l-produzzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju tagħha stess reġgħet ġiet totalment kif kienet u ġiet ikkalkulata abbażi ta' ċikli ta' 12-il xahar fl-2013, fl-2014 u fil-perjodu ta' investigazzjoni.

    (142)

    Meta jittieħed inkonsiderazzjoni dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-inċident tekniku, li affettwa l-operazzjonijiet tan-negozju tal-industrija tal-Unjoni bejn Awwissu 2011 u Mejju 2012, ma kisirx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn Fang Da u s-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni kkawżata minn dawn l-importazzjonijiet bejn l-2013 u l-perjodu tal-investigazzjoni.

    5.2.3.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

    (143)

    Il-volum tal-esportazzjonijiet tal-produttur tal-Unjoni żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

    Tabella 13

    Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

    Indiċi (2011 = 100)

    2011

    2012

    2013

    2014

    Perjodu tal-investigazzjoni

    Volum tal-esportazzjonijiet

    100

    118

    198

    212

    180

    Prezz medju

    100

    102

    106

    106

    108

    Sors: id-dejta tal-industrija tal-Unjoni.

    (144)

    Il-bejgħ bl-esportazzjoni kien jirrappreżenta parti sinifikanti tal-volum tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu kkunsidrat, li jvarja minn madwar 30 % għal madwar 50 %. Il-volumi ta' bejgħ baxx fl-2011–2012 iridu jiġu interpretati fil-kuntest tan-nuqqas ta' kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tipproduċi u tbigħ iċ-ċiklamat tas-sodju tagħha stess bejn Awwissu 2011 u Mejju 2012. Fil-perjodu ta' wara, ladarba l-produzzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju reġgħet bdiet, il-bejgħ bl-esportazzjoni l-ewwel żdied b'14-il punt tal-indiċi bejn l-2013 u l-2014, u sussegwentement waqa' bi 32 punt tal-indiċi matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

    (145)

    Il-prezzijiet medji tal-bejgħ bl-esportazzjoni kienu qed jiżdiedu matul il-perjodu kkunsidrat, u kienu 8 % ogħla fil-perjodu ta' investigazzjoni apparagun tal-2011. Anki li kieku baqgħu sistematikament inqas mill-ispejjeż medji tal-produzzjoni għal kull unità tal-industirja tal-Unjoni, il-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu ogħla milli l-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, u b'hekk jiġġeneraw livell ferm iktar baxx ta' telf meta mqabbel mal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni.

    (146)

    Minkejja l-fatt li l-bejgħ bl-esportazzjoni kien qed jiġġenera xi telf, il-Kummissjoni xorta kkonkludiet li l-attività tal-esportazzjoni ma kkontribwixxietx b'mod sinifikanti għad-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. Dan kien minħabba r-raġunijiet li ġejjin: L-ewwel nett, il-volumi ta' bejgħ bl-esportazzjoni naqsu ħafna aktar, kemm f'termini assoluti kif ukoll f'termini relattivi, mill-bejgħ fis-suq tal-Unjoni bejn l-2013 u l-perjodu tal-investigazzjoni. Dan il-bejgħ tal-aħħar ġie partikolarment affettwat sew f'dan il-perjodu mill-volumi kbar ta' importazzjonijiet bi prezz baxx li huma oġġett ta' dumping ta' Fang Da. It-tieni, minħabba l-prezzijiet għoljin tagħhom u għaldaqstant il-marġnijiet ta' telf aktar baxxi, il-bejgħ bl-esportazzjoni ppermetta lill-industrija tal-Unjoni li tnaqqas it-telf globali tagħha li jirriżulta mill-bejgħ tal-prodott simili.

    (147)

    Konsegwentement, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-bejgħ bl-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma kisirx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn Fang Da u s-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni kkawżata minn dawn l-importazzjonijiet.

    5.2.4.   Konsum

    (148)

    Id-dannu ma jistax ikun ir-riżultat ta' bidla fil-mudell tal-konsum peress li d-domanda żdiedet bi ftit bejn l-2011 u l-perjodu tal-investigazzjoni. Matul il-perjodu bejn l-2013 u l-perjodu tal-investigazzjoni meta l-impatt dannuż tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping minn Fang Da kien partikolarment sinifikanti, il-konsum żdied anki bi 8 %, żvilupp li jsaħħaħ il-konklużjoni ta' hawn fuq.

    5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

    (149)

    L-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni kienet evidentement qed iġġarrab dannu materjali fil-perjodu tal-investigazzjoni. L-industrija tal-Unjoni kienet qed tagħmel telf matul il-perjodu kollu kkonċernat. Barra minn hekk, sa mill-2013, meta l-industrija tal-Unjoni setgħet tipproduċi b'mod normali wara l-inċident li affettwa l-linji tal-produzzjoni tagħha, l-indikaturi tal-volum tad-dannu bħall-produzzjoni, il-bejgħ u s-sehem mis-suq urew sinjali ċari ta' deterjorament.

    (150)

    Dan ikkonċida ma' żieda sinifikanti ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping ta' Fang Da bi prezzijiet baxxi, li fil-bidu rnexxielhom ineħħu minn posthom importazzjonijiet Ċiniżi oħrajn, u mbagħad ħadu f'idejhom is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant hemm rabta ċara ta' kawżalità bejn id-dannu li sofriet l-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping ta' Fang Da.

    (151)

    Il-Kummissjoni ddistingwixxiet u sseparat l-effetti tal-fatturi magħrufa kollha dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Xi fatturi oħra bħall-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-inċident tekniku fil-fabbrika kkontribwixxew għal dan id-dannu. Dawn l-effetti, anki f'daqqa, tqiesu madankollu bħala insinifikanti apparagun tal-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Minħabba l-volum u l-livell tal-prezzijiet, l-importazzjonijiet minn produtturi esportaturi Ċiniżi oħra, madankollu, instab li kkontribwixxew b'mod sinifikanti għal dan id-dannu.

    (152)

    Minkejja dan, fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping minn Fang Da, u li l-fatturi l-oħra ma kissrux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping ta' Fang Da u d-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. Id-dannu jikkonsisti prinċipalment fit-telf tal-produzzjoni, tal-volum tal-bejgħ u tas-sehem mis-suq, b'mod partikolari mill-2013 'l hawn, kif ukoll fit-telf finanzjarju u fil-prestazzjoni ħażina tal-indikaturi finanzjarji l-oħra kollha bħalma huma l-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-investimenti.

    (153)

    Skont il-kummenti li waslu minn Fang Da wara l-iżvelar, l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-kawżalità kienet żbaljata, ma kinitx sħiħa u kien fiha purament suppożizzjonijiet li mhumiex ibbażati fuq il-fatti. F'dan il-kuntest, Fang Da, speċifikament ddikjarat li l-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi tal-produtturi Ċiniżi minbarra ta' Fang Da, u d-dannu awtokkaġunat b'riżultat tal-splużjoni fil-fabbrika kienu aktar minn biżżejjed biex jiksru r-rabta ta' bejn l-importazzjonijiet minn Fang Da u d-dannu kkawżat minn dawn l-importazzjonijiet lill-industrija tal-Unjoni.

    (154)

    Din l-allegazzjoni madankollu ma kinitx issostanzjata minn xi evidenza li turi li l-Kummissjoni ma ddistingwixxietx u sseparat biżżejjed l-effetti tal-fatturi magħrufin kollha dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Il-Kummissjoni tabilħaqq analizzat adegwatament l-effetti tal-importazzjonijiet minn produtturi esportaturi oħra għajr minn Fang Da, kif spjegat fit-taqsima 5.2.1. Barra minn hekk, l-użu tad-dejta tal-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6) minflok tad-dejta l-ġdida tal-esportazzjoni Ċiniża li tressqet wara l-iżvelar diġà ġie indirizzat fil-premessi 63 u 70. Id-dejta tal-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6) ma tissostanzjax id-dikjarazzjoni ta' Fang Da li ż-żieda fl-esportazzjonijiet ta' Fang Da lejn l-Unjoni kienet aktar milli kkuntrastata bit-tnaqqis fil-bejgħ ta' esportaturi Ċiniżi oħrajn. Għalhekk, l-istqarrijiet imsemmija hawn fuq dwar l-impatt tal-importazzjonijiet minn produtturi esportaturi oħra għajr Fang Da ma jistgħux jiġu aċċettati.

    (155)

    Il-Kummissjoni analizzat adegwatament wkoll l-effetti tal-isplużjoni fil-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni taħt it-taqsima 5.2.2 ta' hawn fuq u waslet għall-konklużjoni li minkejja li laqtet lill-industrija tal-Unjoni fl-2011 u fl-2012, ma kisritx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn Fang Da u d-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, din it-talba għandha tiġi miċħuda.

    (156)

    Fang Da sostnew ukoll li l-impatt ta' superdolċifikanti oħra, bħall-aċesulfam potassiku u l-aspartam, kien wieħed mill-fatturi u r-raġuni reali għall-iżvilupp negattiv tas-suq tal-Unjoni għaċ-ċiklamat tas-sodju, u kien kontributur ferm sinifikanti għal kull dannu li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet, fattur li kien imissu ġie analizzat mill-Kummissjoni. Dawn l-allegazzjonijiet ma ġewx sostnuti minn xi evidenza oħra ħlief mir-referenzi għas-sejbiet tal-Kummissjoni fil-proċedimenti li jikkonċernaw l-importazzjonijiet tal-aċesulfam potassiku u tal-aspartam (16).

    (157)

    Jinħtieġ li wieħed ifakkar li l-uniku produttur fl-Unjoni taċ-ċiklamat tas-sodju la jipproduċi l-aċesulfam potassiku, u lanqas l-aspartam, għaldaqsant il-produttur tal-Unjoni ma kienx parti mill-industrija tal-Unjoni kif definita fiż-żewġ proċedimenti antidumping li jirrigwardaw dolċifikanti oħra. Għaldaqstant, is-sejbiet dwar l-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping tal-aċesulfam potassiku u tal-aspartam fuq is-sitwazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni tal-aċesulfam potassiku u tal-aspartam ma jkollu l-ebda effett fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni f'dan il-proċediment. F'kull każ, l-asserzjoni mhux issostanzjata li l-aċesulfam potassiku huwa prodott konkorrenti preferibbli għaċ-ċiklamat tas-sodju u li kkontribwixxa b'mod sinifikanti ħafna għal kull dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, għandha normalment tidher bħala tnaqqis fil-konsum taċ-ċiklamat tas-sodju. Kif deskritt fil-premessi minn 64 to 65, matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-Unjoni taċ-ċiklamat tas-sodju laħaq bejn wieħed u ieħor l-istess livell tal-2011, u dan ma kienx ikun il-każ li kieku, kif allegat, l-aċesulfam potassiku ssostitwixxa ċ-ċiklamat tas-sodju bħala prodott konkorrenti ppreferut. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta' kwalunkwe evidenza sostanzjata li tikkontradixxi s-sejbiet tal-Kummissjoni kif spjegat fil-premessa 148, l-asserzjoni ta' Fang Da għandha tiġi miċħuda.

    6.   L-INTERESS TAL-UNJONI

    (158)

    F'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk setgħetx b'mod ċar tikkonkludi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri f'dan il-każ, minkejja li ġie stabbilit dumping dannuż. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq ir-rikonoxximent ta' bosta interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi u tal-utenti.

    6.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

    (159)

    L-investigazzjoni stabbilixxiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping ta' Fang Da. L-industrija tal-Unjoni ma kinetx f'qagħda li tibbenefika bis-sħiħ mill-impożizzjoni ta' dazji antidumping kontra l-Indoneżja u l-esportaturi Ċiniżi l-oħra, inkluża ż-żieda fid-dazji antidumping fl-2012. Il-politika aggressiva fl-ipprezzar u ż-żieda mis-sehem fis-suq li rriżultat minn Fang Da sa mill-2013 kkawżaw tnaqqis konsiderevoli fil-volum tal-bejgħ u fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni minkejja l-preżenza ta' miżuri antidumping fuq importazzjonijiet mir-RPĊ u mill-Indoneżja.

    (160)

    L-impożizzjoni tal-miżuri kontra l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping minn Fang Da mistennija tħalli lill-industrija tal-Unjoni tikkompeti mal-importazzjonijiet b'kundizzjonijiet ġusti tas-suq. Dan għandu jtaffi minn fuq l-industrija l-pressjoni tal-prezzijiet li attwalment il-volumi sostanzjali ta' importazzjonijiet ta' Fang Da qed jeżerċitaw fuq is-suq tal-Unjoni. Huwa biss taħt dawn iċ-ċirkostanzi li l-industrija tal-Unjoni tkun kapaċi żżid il-prezzijiet, il-produzzjoni u l-volum tal-bejgħ tagħha.

    (161)

    Fin-nuqqas ta' miżuri, il-pressjoni tal-prezzijiet mill-importzzjonijiet oġġett ta' dumping f'volumi sostanzjali ta' Fang Da hija mistenni li tkompli tiddeterjora l-qagħda tal-industrija tal-Unjoni li diġà hija ferm prekarja. Dan fl-aħħar mill-aħħar se jġiegħel lill-industrija tal-Unjoni biex twaqqaf il-produzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju kompletament, bil-konsegwenza li jintilfu l-impjiegi u sorsi alternattivi ta' provvista fl-Unjoni.

    (162)

    Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-impożizzjoni ta' dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet minn Fang Da tkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

    6.2.   L-interess ta' importaturi mhux relatati

    (163)

    Il-Kummissjoni rċeviet tweġiba għall-kwestjonarju mingħand żewġ importaturi mhux relatati li jirrappreżentaw biss proporzjon żgħir mill-importazzjonijiet totali minn Fang Da matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Wieħed minn dawn l-importaturi huwa wkoll utent li juża xi kwantitajiet impurtati taċ-ċiklamat tas-sodju sabiex jipproduċi t-taħlitiet li jagħtu ħlewwa tiegħu stess, li mbagħad jinbiegħu lill-kumpaniji tal-ikel u tax-xorb.

    (164)

    Rigward il-bejgħ mill-ġdid taċ-ċiklamat tas-sodju importat minn Fang Da, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-marġnijiet tal-profitt taż-żewġ importaturi mhux relatati huma baxxi. Huwa għalhekk mistenni li l-impożizzjoni ta' miżuri tista' tagħmel din l-attività mhux profittabbli u l-importaturi probabbilment jew jibdlu l-fornituri jew saħansitra jwaqqfu l-attivitajiet relatati tagħhom. Madankollu l-Kummissjoni sabet ukoll li, għaż-żewġ kumpaniji, iċ-ċiklamat tas-sodju kien jirrappreżenta biss proporzjon żgħir ħafna tal-fatturat totali tagħhom. L-impatt tal-impożizzjoni tal-miżuri fuq l-attività globali ta' dawn il-kumpaniji għaldaqstant ma jkunx importanti. L-attività ta' taħlit ta' waħda mill-kumpaniji li kkooperaw uriet ukoll marġnijiet robusti ta' profitt li jistgħu jnaqqsu l-effett tad-dazji antidumping.

    6.3.   L-interess tal-utenti

    (165)

    Bl-eċċezzjoni tal-importatur ta' hawn fuq li huwa wkoll utent taċ-ċiklamat tas-sodju, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda tweġiba tal-kwestjonarju mill-utenti.

    (166)

    L-utenti finali ewlenin tal-prodott ikkonċernat / tal-prodott simili fl-Unjoni huma fl-industriji tal-ikel, tax-xorb u farmaċewtiċi. Fl-investigazzjonijiet preċedenti dwar l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju minn produtturi oħra minbarra Fang Da, ġie stabbilit li ċ-ċiklamat tas-sodju kien jammonta għal proporzjon baxx ħafna tal-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom. Għalhekk, l-effett tal-impożizzjoni ta' dazji antidumping ma kienx meqjus sinifikanti. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li proporzjon sinifikanti ta' ċiklamat tas-sodju importat minn Fang Da jista' jkollu użu aħħari differenti minn dak taċ-ċiklamat tas-sodju impurtat minn produtturi esportaturi oħrajn. Fin-nuqqas ta' xi rappreżentanza tal-ikel, tax-xorb u farmaċewtika f'din l-investigazzjoni, huwa raġonevoli li jiġi konkluż li l-impatt tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet minn Fang Da mhux se jkun sinifikanti fuqhom.

    (167)

    Fid-dawl tal-osservazzjoni ta' hawn fuq li, fin-nuqqas ta' miżuri, l-industrija tal-Unjoni tista' tkun imġiegħla twaqqaf il-produzzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju u peress li jeżistu biss ftit produtturi taċ-ċiklamat tas-sodju globalment, il-miżuri se jkunu probabbilment ta' benefiċċju għall-utenti, peress li jżommu l-produzzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju fl-Unjoni kif ukoll jagħtu għażla minn għejun taċ-ċiklamat tas-sodju magħmul minn produtturi konkorrenti differenti li jipproduċu ċ-ċiklamat tas-sodju.

    (168)

    Wara l-iżvelar, Fang Da argumentat li l-impożizzjoni tal-miżuri antidumping definittivi proposti se tpoġġi l-uniku produttur tal-Unjoni f'pożizzjoni dominanti fis-suq, pożizzjoni li jkun jista' jieħu vantaġġ minnha totalment.

    (169)

    F'dan il-kuntest jinħtieġ li jiġi enfasizzat li, fil-qafas tat-test tal-interess tal-Unjoni, l-ebda kumment dwar kwistjonijiet ta' kompetizzjoni ma wasal mingħand il-partijiet interessati rilevanti skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. B'mod partikolari, l-ebda utent tal-Unjoni ma bagħat xi kumment f'dan ir-rigward.

    (170)

    Barra minn hekk, minkejja l-miżuri antidumping eżistenti fuq l-importazzjonijiet minn produtturi esportaturi Ċiniżi ħlief minn Fang Da, dawn l-importazzjonijiet komplew b'volum sostanzjali u s-sehem mis-suq tagħhom għadu konsiderevolment ogħla mis-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, mhux probabbli li l-industrija tal-Unjoni tkun kapaċi tikseb jew tieħu vantaġġ minn pożizzjoni dominanti fis-suq fl-Unjoni. Għalhekk, l-istqarrijiet imsemmijin hawn fuq minn Fang Da ġew miċħuda.

    6.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

    (171)

    Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti biex jiġi konkluż li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti l-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn Fang Da.

    7.   IL-MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI

    (172)

    Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità u tal-interess tal-Unjoni, jinħtieġ li jiġu imposti miżuri sabiex ma jsirx aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

    7.1.   Livell ta' eliminazzjoni tad-dannu (marġini ta' dannu)

    (173)

    Sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta' dawn il-miżuri, il-Kummissjoni l-ewwel stabbilixxiet l-ammont ta' dazju neċessarju sabiex jiġi eliminat id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

    (174)

    Id-dannu jiġi eliminat jekk l-industrija tal-Unjoni tkun kapaċi tkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha u tagħmel profitt qabel it-taxxa mill-bejgħ tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni li jista' jinkiseb b'mod raġonevoli f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni minn industrija ta' dan it-tip fis-settur, jiġifieri fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

    (175)

    Matul il-perjodu kkunsidrat, ma kien hemm l-ebda sena li fiha kien hemm kundizzjonijiet bħal dawn. Billi għal kważi għaxar snin, l-industrija tal-Unjoni sofriet telf b'żewġ ċifri, l-istess japplika għal xi perjodu ta' qabel il-perjodu ta' żmien kkunsidrat.

    (176)

    Il-produttur tal-Unjoni kien ippropona li jiħaq il-profitt ta' 10 %. Din iċ-ċifra ma setgħetx tiġi aċċettata bħala l-profitt fil-mira minħabba s-sejbiet msemmijin fil-premessa 175 u minħabba li l-produttur tal-Unjoni ma setax juri li din iċ-ċifra setgħet tintlaħaq taħt kundizzjonijiet kompetittivi tas-suq normali għaċ-ċiklamat tas-sodju, li huwa prodott bażiku li għalih is-suq immatura.

    (177)

    Għalhekk, il-Kummissjoni reġgħet lura għall-profitti fil-mira użati f'investigazzjonijiet oħra marnutin ma' industrija ta' dan it-tip fis-settur. F'investigazzjoni antidumping reċenti li kienet tirrigwarda dolċifikant ieħor, l-aspartam, il-Kummissjoni stabbilixxiet fl-istadju provviżorju (17), li l-profitt fil-mira ta' 5 % — 10 % (firxa mogħtija għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità) jikkorrispondi għal dak li jista' jinkiseb f'kundizzjonijiet normali tas-suq u b'kompetizzjoni effettiva mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li dan il-profitt fil-mira huwa raġonevoli biex jintuża f'din l-investigazzjoni ukoll.

    (178)

    Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkalkolat il-prezz mhux dannuż ta' prodott simili tal-industrija tal-Unjoni billi żiedet il-marġini ta' profitt fil-mira mal-ispejjeż tal-produzzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni tal-produttur tal-Unjoni.

    (179)

    Imbagħad, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu fuq il-bażi ta' tqabbil tal-prezz ta' importazzjoni medju ponderat tal-produtturi esportaturi kkonċernati, aġġustat kif dovut għall-ispejjeż tal-importazzjoni u d-dazji doganali, kif stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, mal-prezz mingħajr dannu medju ponderat tal-prodott simili mibjugħ mill-produttur tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Kull differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ingħatat bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjoni. Għaldaqstant, il-marġini ta' dannu għall-produtturi esportaturi nstab li kien 61,6 %.

    (180)

    Wara l-iżvelar, il-produttur esportatur kkonċernat sostna li l-profitt fil-mira użat għall-kalkolu tal-eliminazzjoni tad-dannu ma ġiex żvelat. Madankollu, il-Kummissjoni kienet spjegat b'mod ċar fl-iżvelar tagħha li l-profitt fil-mira, kif deskritt fil-premessa 177, seta' jingħata biss bħala firxa għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità, u pprovda referenza għal att leġiżlattiv fejn dan ġie deskritt f'aktar dettall. Il-profitt fil-mira ġie żvelat bħala firxa reali, għaliex l-ikkwotar tal-profitt fil-mira eżatt kien jiżvela informazzjoni kunfidenzjali tal-uniku produttur tal-Unjoni tal-aspartam. Għaldaqstant, l-assertzjoni ta' Fang Da għandha tiġi miċħuda.

    (181)

    Wara l-iżvelar, Fang Da sostniet li minħabba li għal kważi għaxar snin, l-industrija tal-Unjoni sofriet telf b'żewġ ċifri, il-profitt fil-mira jew l-ogħla livell ta' profitt li produttur tal-Unjoni kien jistenna li jilħaq fin-nuqqas ta' importazzjonijiet allegatament li huma l-oġġett ta' dumping kien ta' — 10 %. Jinħtieġ li jiġi nnotat li — 10 % mhuwiex profitt, iżda telf, għalhekk l-użu tat-telf bħala profitt fil-mira jkun illoġiku u jmur kontra kull ħsieb ekonomiku peress li dan ma jeliminax jew ineħħi d-dannu. Barra minn hekk, il-fatt li l-industrija tal-Unjoni sofriet telf dovut minħabba perjodu twil ta' importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping minn produtturi esportaturi oħra u mhux minn Fang Da, jiġġustifika l-użu ta' marġini ta' profitt reċenti identifikat f'dan is-settur, kif spjegat fil-premessa 177. Il-Kummissjoni kienet diġà spjegat fil-premessi minn 174 sa 177 l-għaliex fl-investigazzjoni attwali hija użat profitt fil-mira li kien inqas minn kemm il-profitt fil-mira propost mill-produttur tal-Unjoni kif ukoll il-profitt fil-mira użat fil-proċediment antidumping li kien jirrigwarda l-produtturi esportaturi l-oħrajn taċ-ċiklamat tas-sodju. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, għandu jiġi konkluż li ma hemm l-ebda evidenza li l-għażla tal-Kummissjoni ta' profitt fil-mira ma kinitx raġonevoli, għaldaqstant l-asserzjoni ta' Fang Da għandha tiġi miċħuda.

    7.2.   Miżuri definittivi

    (182)

    Jinħtieġ li jiġu imposti miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju prodotti u esportati minn Fang Da, skont ir-regola tad-dazju inferjuri fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni qabblet il-marġnijiet tad-dannu u l-marġnijiet tad-dumping. L-ammont tad-dazji jinħtieġ li jkun stabbilit fil-livell il-baxx tal-marġnijiet tad-dumping u tad-dannu.

    (183)

    Fir-rigward tal-forma tal-miżuri, tqies li d-dazju antidumping jinħtieġ li jieħu l-istess forma tad-dazji imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1160 (18) rigward l-importazzjonijiet minn produtturi esportaturi oħra fil-RPĊ u fl-Indoneżja. Biex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-miżuri u biex tiġi skoraġġuta l-manipulazzjoni tal-prezzijiet, tqies f'loku li d-dazji jiġu imposti f'forma ta' ammont speċifiku għal kull kilogramm.

    (184)

    Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, ir-rati ta' dazju antidumping, mogħtija skont il-prezz CIF fil-fruntieri tal-Unjoni, bid-dazji doganali mhux imħallsin, jinħtieġ li jkunu abbażi tal-marġini tad-dannu u kif ġej:

    Kumpanija

    Marġini tad-dumping

    Marġini tad-dannu

    Id-dazju antidumping definittiv (ir-rata)

    Id-dazju antidumping definittiv (euro għal kull kg)

    Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited, Gong Le Industrial Estate, Xixian County, Bao An, Shenzhen, 518102, Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    88,7 %

    61,6 %

    61,6 %

    EUR 1,17

    Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited, Da Lian Dong Lu, Economic u Technology Zone, Yangquan City, Shanxi 045000, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    88,7 %

    61,6 %

    61,6 %

    EUR 1,17

    (185)

    Ir-rati tad-dazju antidumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta' din l-investigazzjoni. Gћaldaqstant, dawn irriflettew is-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta' din il-kumpanija. Din ir-rata tad-dazju hija applikabbli esklussivament għall-importazzjonijiet tal-prodott kkonċernat li joriġina mill-pajjiż kkonċernat u li huwa magħmul mill-entità legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b'mod speċifiku fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmijin b'mod speċifiku, għandhom suġġetti għar-rati tad-dazju elenkati taħt l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1160.

    (186)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Hemm impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jiġu prodotti minn Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited u Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited, li attwalment jaqgħu taħt il-Kodiċi NM ex 2929 90 00 (il-kodiċi TARIC 2929900010).

    2.   Ir-rati tad-dazju antidumping definittivi applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u magħmul mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, ikunu kif ġej:

    Kumpanija

    Id-dazju antidumping definittiv (euro għal kull kg)

    Kodiċi TARIC addizzjonali

    Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited, Gong Le Industrial Estate, Xixian County, Bao An, Shenzhen, 518102, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    EUR 1,17

    A471

    Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited, Da Lian Dong Lu, Economic u Technology Zone, Yangquan City, Shanxi 045000, People's Republic of China

    EUR 1,17

    A472

    3.   F'każijiet fejn il-merkanzija ssirilha ħsara qabel ma tidħol f'ċirkolazzjoni libera, u għalhekk, il-prezz effettivament imħallas jew pagabbli jinqasam proporzjonalment sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali skont l-Artikolu 131 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (19), l-ammont ta' dazju antidumping, ikkalkulat abbażi tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, għandu jitnaqqas b'perċentwal li jikkorrispondi mat-tqassim proporzjonali tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas.

    4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Lulju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 435/2004 tat-8 ta' Marzu 2004 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fl-Indoneżja (ĠU L 72, 11.3.2004, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 492/2010 tat-3 ta' Ġunju 2010 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Indoneżja wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 140, 8.6.2010, p.2).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 398/2012 tas-7 ta' Mejju 2012 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 492/2010 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina, fost l-oħrajn, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ĠU L 124, 11.5.2012, p. 1.

    (5)  WT/DS295/AB/R, id-29 ta' Novembru 2005, AB-2005-6.

    (6)  Avviż ta' bidu ta' proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, limitat għal żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited u Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited, u ta' bidu ta' rieżami tal-miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 50, 17.2.2011, p. 9).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' April 2012 li ttemm il-proċediment antidumping dwar l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ristrett għal żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited u Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limite (2012/185/UE) (ĠU L 99, 5.4.2012, p. 33).

    (8)  Notifika ta' bidu dwar ir-rieżami fil-kuntest tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja, (ĠU C 189, 6.6.2015, p. 2).

    (9)  Notifika ta' bidu ta' proċediment antidumping rigward l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ristrett għal Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited u Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited (ĠU C 264, 12.8.2015, p. 32).

    (10)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta' Settembru 2012 fil-Kawża T-156/11, Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, EU:T:2012:431, il-paragrafu 84.

    (11)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 4.

    (12)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 4.

    (13)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 3.

    (14)  Il-bażi tad-dejta tal-Artiklu 14(6) fiha dejta dwar l-importazzjoni ta' prodotti suġġetti għal miżuri jew investigazzjonijiet ta' antidumping jew antisussidji, it-tnejn li huma mill-pajjiżi u mingħand il-produtturi esportaturi li jikkonċernahom il-proċediment u minn pajjiżi terzi oħra u produtturi esportaturi oħra, fil-livell ta' kodiċijiet TARIC b'10 figuri u kodiċijiet addizzjonali TARIC.

    (15)  Bil-kontra tal-bejgħ irrappurtat fit-Tabella 5, il-bejgħ totali msemmi f'din il-premessa jkopri l-bejgħ taċ-ċiklamat tas-sodju tal-industrija tal-Unjoni stess u taċ-ċiklamat tas-sodju bbażat fuq il-materjal importat fl-2011 u fl-2012, li sar kemm fis-swieq tal-Unjoni kif ukoll tal-esportazzjoni.

    (16)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1963 tat-30 ta' Ottubru 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċesulfam potassiku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 287, 31.10.2015, p.52) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/262 tal-25 ta' Frar 2016 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-aspartam li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 50, 26.2.2016, p.4).

    (17)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/262.

    (18)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1160 tal-15 ta' Lulju 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja wara rieżami fil-kuntest tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ara l-paġna 49 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (19)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


    Sus