Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0623

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/623 tal-21 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 dwar l-allokazzjoni ta' kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea

    C/2016/2244

    ĠU L 106, 22.4.2016, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/623/oj

    22.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 106/11


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/623

    tal-21 ta' April 2016

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 dwar l-allokazzjoni ta' kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (2012/105/UE) tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rata tariffarja li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-modalitajiet tekniċi skont dak il-Ftehim (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Fit-22 ta' Awwissu 2012, il-Federazzjoni Russa ssieħbet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-impenji tal-Federazzjoni Russa jinkludu l-kwoti tar-rati tariffarji għall-esportazzjoni ta' tipi speċifikati ta' injam koniferuż, li sehem minnu kien allokat għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Il-modalitajiet għall-amministrazzjoni ta' dawk il-kwoti b'rati tariffarji huma stabbiliti fil-Ftehim f'għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa b'rabta mal-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim”) u fil-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-modalitajiet tekniċi skont il-Ftehim (“il-Protokoll”). Il-Ftehim u l-Protokoll ġew iffirmati fis-16 ta' Diċembru 2011. Dawn ġew applikati provviżorjament mid-data tal-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

    (2)

    Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2012/105/UE, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012 (2) stabbilixxa r-regoli dwar l-allokazzjoni ta' kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament se jieqaf japplika fid-data li fiha tieqaf l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll.

    (3)

    Filwaqt li l-Ftehim u l-Protokoll ikomplu jiġu applikati b'mod provviżorju, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tagħhom, l-esperjenza miksuba permezz tal-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 żvelat il-ħtieġa li jiġu emendati bosta dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament.

    (4)

    B'mod partikolari, l-Artikolu 3 għandu jiġi modifikat sabiex jitnaqqas it-tul tal-ewwel parti ta' kull perjodu tal-kwota filwaqt li fl-istess ħin jiġi estiż it-tul tat-tieni parti tiegħu. B'hekk l-ewwel parti ta' kull perjodu tal-kwota issa se tibda mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Mejju u t-tieni parti ta' kull perjodu tal-kwota se tibda fl-1 ta' Ġunju u tibqa' sejra sal-aħħar tas-sena kalendarja rispettiva. Din hija modifika importanti, peress li l-bidu tat-tieni parti ta' kull perjodu tal-kwota issa sseħħ xahrejn iktar kmieni minn qabel. Din il-bidla hija neċessarja sabiex ikun possibbli li l-importaturi tal-UE tal-injam tal-abjad u l-arżnu jaċċessaw il-kwantitajiet li jifdal tal-kwoti tar-rati tariffarji kmieni kemm jista' jkun matul perjodu tal-kwota partikolari.

    (5)

    Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 għandu jiġi emendat biex jiċċara li l-kalkolu tal-limiti massimi tal-importaturi tradizzjonali għal perjodu speċifiku ta' kwota jsir fuq il-bażi ta' importazzjonijiet storiċi rilevanti tal-grupp ta' prodotti kkonċernat.

    (6)

    L-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 għandu jiġi emendat sabiex ikun żgurat li fl-ewwel parti ta' kull perjodu tal-kwota, id-drittijiet massimi ta' importazzjoni ta' importaturi tradizzjonali, għal kwalunkwe grupp ta' prodotti, ma jkunux inqas minn dawk mogħtija lill-importaturi ġodda.

    (7)

    Fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 11, għandha tiġi miżjuda t-tielet sentenza biex tifformalizza l-obbligi ta' rappurtar kull tliet xhur tal-Uffiċċji tal-Liċenzji tal-Istati Membri dwar l-importazzjonijiet attwali tal-prodotti koperti.

    (8)

    L-Artikolu 12 għandu jinbidel sabiex l-importaturi li ma jkunux jistgħu jirritornaw l-awtorizzazzjonijiet ta' kwota mhux użati lill-Uffiċċju tal-Liċenzji tal-Istat Membru rilevanti jitħallew jippreżentaw minflok “dikjarazzjoni ġuramentata” lill-Uffiċċju tal-Liċenzji, li fiha l-importatur jikkonferma li minkejja l-isforzi kollha tiegħu ma rnexxielux jirkupra l-awtorizzazzjonijiet ta' kwota mhux użati mill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa. Għal dak l-għan, formola ġdida għandha tkun introdotta fl-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012.

    (9)

    Barra minn hekk, l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 għandhom jiġu mmodifikati biex jirriflettu l-ħtieġa li jiġu aġġornati r-regoli marbuta mat-tnaqqis tal-limiti massimi tal-importaturi tradizzjonali f'każ ta' nuqqas ta' użu jew nuqqas ta' ritorn tal-awtorizzazzjonijiet ta' kwota mogħtija.

    (10)

    Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 15 għandu jinbidel biex jippermetti s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 14 għat-tielet perjodu ieħor tal-kwota. Din is-sospensjoni ulterjuri hija ġġustifikata minħabba li attwalment għadha baxxa r-rata ta' utilizzazzjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji u l-bżonn li jitħeġġeġ aktar użu għall-perjodu tal-kwota li jmiss.

    (11)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Injam stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 2012/105/UE,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 3

    Il-metodu għall-allokazzjoni tal-kwota tariffarja jiddependi fuq id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni mill-importatur, kif ġej:

    (a)

    għal kull applikazzjoni mressqa sal-31 ta' Mejju ta' kull sena (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘l-ewwel parti tal-perjodu tal-kwota’), il-Kummissjoni għandha talloka kwoti tariffarji skont il-kategoriji ‘tradizzjonali’ jew ‘ġodda’ ta' importaturi, skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Protokoll; u

    (b)

    għal kull applikazzjoni mressqa mill-1 ta' Ġunju (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘it-tieni parti tal-perjodu tal-kwota’), il-Kummissjoni għandha talloka l-kwantitajiet li jifdal tal-kwoti tariffarji skont l-ordni kronoloġiku ta' kif in-notifiki jaslu għand il-Kummissjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘l-Uffiċċju/i tal-Liċenzji’) tal-applikazzjonijiet imressqa minn importaturi individwali, skont l-Artikolu 5(2)(a) tal-Protokoll.”

    (2)

    Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 jinbidel b'dan li ġej:

    “2.   Il-limitu massimu għal kull grupp ta' prodotti ta' importatur tradizzjonali applikabbli fil-perjodu tal-kwota suċċessiv (‘il-perjodu tal-kwota n + 1’) għandu jiġi kkalkolat skont il-medja tal-importazzjonijiet attwali tat-tali importatur tal-grupp ta' prodotti kkonċernat matul iż-żewġ perjodi tal-kwota ta' qabel is-sena tal-kalkolu tat-tali limitu massimu, fuq il-bażi tal-formula li ġejja:

     

    Ci = T * (Īi/ΣĪi)

    fejn:

     

    ‘Ci’ jirrappreżenta l-limitu massimu għall-grupp ta' prodotti kkonċernat (injam tal-abjad jew arżnu) għall-importatur i matul il-perjodu tal-kwota n + 1;

     

    ‘T’ jirrappreżenta l-kwota għall-importaturi tradizzjonali disponibbli għall-grupp ta' prodotti kkonċernat matul is-sena tal-kalkolu tal-limitu massimu (‘il-perjodu tal-kwota n’);

     

    ‘Īi’ jirrappreżenta l-medja tal-importazzjonijiet attwali mill-importatur tradizzjonali i tal-grupp ta' prodotti kkonċernat, fiż-żewġ perjodi tal-kwota ta' qabel il-kalkolu (‘il-perjodu tal-kwota n – 2’ u ‘l-perjodu tal-kwota n – 1’, rispettivament), kif ġej:

    [(importazzjonijiet attwali tal-importatur i fil-perjodu tal-kwota n – 2) + (importazzjonijiet attwali tal-importatur i fil-perjodu tal-kwota n – 1)]/2

     

    ‘ΣĪi’ jirrappreżenta s-somma tal-importazzjonijiet medji Īi tal-importaturi tradizzjonali kollha għall-grupp ta' prodotti kkonċernat.”

    (3)

    L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 7

    1.   Kull sena, il-Kummissjoni għandha tikkalkola l-limiti massimi applikabbli għal kull importatur tradizzjonali għall-perjodu tal-kwota suċċessiv f'konformità mal-metodu stabbilit fl-Artikolu 6(2). Jekk il-limitu massimu kkalkolat ta' importatur tradizzjonali għal grupp ta' prodotti partikolari jkun ogħla minn 0 %, iżda inqas mil-limitu massimu ta' 1,5 % tal-kwota tariffarja mogħtija lill-importaturi ġodda skont l-Artikolu 4(3), il-limitu massimu għall-importatur tradizzjonali kkonċernat jiġi stabbilit fil-livell ta' 1,5 % tal-kwota tariffarja għal grupp ta' prodotti rispettiv.

    2.   L-Uffiċċji tal-Liċenzji għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu tal-perjodu tal-kwota n, b' informazzjoni dwar l-importazzjonijiet attwali tal-prodotti koperti fil-perjodu tal-kwota n – 1 li ġew innotifikati lilhom skont l-Artikolu 11(1). Tali taqsira titressaq f'format elettroniku, f'konformità mas-sistema tat-teknoloġija tal-informatika stabbilita mill-Kummissjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Uffiċċji tal-Liċenzji bil-limiti massimi li jirriżultaw mill-kalkoli li jkunu saru skont l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7(1) sa mhux aktar tard mit-30 ta' April tal-perjodu tal-kwota n.”

    (4)

    Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 11 jinbidel b'dan li ġej:

    “1.   Mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju wara t-tmiem ta' kull tielet xahar, l-importaturi għandhom jgħarrfu lill-Uffiċċju tal-Liċenzji tal-Istat Membru minn fejn ikunu rċevew awtorizzazzjoni ta' kwota bl-importazzjonijiet attwali tagħhom ta' prodotti koperti lejn l-Unjoni Ewropea matul l-aħħar tliet xhur. Għal dan l-iskop, l-importatur għandu jipprovdi lill-Uffiċċju tal-Liċenzji kopja tad-dikjarazzjonijiet doganali tal-importazzjonijiet ikkonċernati. L-Uffiċċji tal-Liċenzji għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju wara t-tmiem ta' kull tielet xahar, b'taqsira tal-importazzjonijiet attwali ta' prodotti koperti lejn l-Unjoni Ewropea matul l-aħħar tliet xhur li ġew innotifikati mill-importaturi.”

    (5)

    L-Artikoli 12, 13 u 14 huma sostitwiti b'dan li ġej:

    “Artikolu 12

    1.   Fejn awtorizzazzjoni ta' kwota tibqa' ma tintużax wara sitt xhur tal-ħruġ tagħha, l-importatur għandu jew jinnotifika lill-Uffiċċju tal-Liċenzji bl-intenzjoni tiegħu li jużaha fil-perjodu tal-kwota li jkun fadal jew jirritorna l-awtorizzazzjoni ta' kwota lill-Uffiċċju tal-Liċenzji rilevanti. Jekk l-importatur ma jkunx jista' jikseb awtorizzazzjoni ta' kwota mhux użata mill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa, jista' minflok jippreżenta dikjarazzjoni ġuramentata korrispondenti lill-Uffiċċju tal-Liċenzji fil-forma stabbilita fl-Anness IV filwaqt li jiddikjara li ma jistax jirkupra l-awtorizzazzjoni ta' kwota mhux użata minkejja l-isforzi kollha tiegħu. Fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu tal-kwota n, l-importatur għandu jirritorna kwalunkwe awtorizzazzjoni ta' kwota mhux użata jew jippreżenta, jekk applikabbli, id-dikjarazzjoni(jiet) ġuramentata/i korrispondenti billi juża l-formola stipulata fl-Anness IV. Meta tkun inħarġet awtorizzazzjoni ta' kwota qabel il-bidu ta' perjodu tal-kwota skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll, il-limitu ta' żmien ta' sitt xhur għandu jingħadd mill-1 ta' Jannar tas-sena korrispondenti għal perjodu tal-kwota.

    2.   L-Uffiċċji tal-Liċenzji għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni ta' kwota jew kwalunkwe dikjarazzjoni ġuramentata rritornata mill-importaturi skont il-paragrafu 1. Il-bilanċ tal-limiti massimi tal-importaturi tradizzjonali għall-grupp ta' prodotti kkonċernat disponibbli jiġi mmodifikat għall-ammont korrispondenti.

    Artikolu 13

    1.   Meta l-importazzjonijiet attwali minn importatur tradizzjonali matul il-perjodu tal-kwota n – 1 huma inqas minn 75 % tal-kwantitajiet koperti mill-awtorizzazzjonijiet ta' kwota kollha għal grupp ta' prodotti li ngħataw lil tali importatur matul l-istess perjodu tal-kwota, il-limiti massimi tal-importazzjonijiet tal-importatur għall-grupp ta' prodotti kkonċernat matul il-perjodu tal-kwota n + 1 għandhom jitnaqqsu b'ammont proporzjonali għad-daqs tal-importazzjonijiet attwali li jkunu nieqsa.

    2.   It-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

     

    ri = (0,75*ΣΑi – Ii)/ΣΑi

    fejn:

     

    ‘ri’ jirrappreżenta t-tnaqqis li japplika għal-limitu massimu tal-importazzjonijiet tal-importatur i, għall-grupp ta' prodotti kkonċernat, matul il-perjodu tal-kwota n + 1;

     

    ‘Σαi’ jirrappreżenta s-somma tal-kwantitajiet koperti mill-awtorizzazzjonijiet ta' kwota għall-grupp ta' prodotti kkonċernat mogħtija lill-importatur tradizzjonali i matul il-perjodu tal-kwota n – 1;

     

    ‘Ii’ jirrappreżenta l-importazzjonijiet attwali tal-grupp ta' prodotti kkonċernat tal-importatur i matul il-perjodu tal-kwota n – 1.

    Artikolu 14

    1.   Meta awtorizzazzjoni ta' kwota li ma tkunx ġiet irritornata jew koperta minn dikjarazzjoni ġuramentata korrispondenti skont l-Artikolu 12 tibqa' ma tintużax fit-tmiem tal-perjodu tal-kwota n – 1, il-limiti massimi tal-importazzjonijiet tal-importatur għall-grupp ta' prodotti kkonċernat matul il-perjodu tal-kwota n + 1 jitnaqqsu bl-ammont proporzjonali għad-daqs tal-awtorizzazzjoni ta' kwota mhux użata.

    2.   It-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

     

    Ri = ΣUi/ΣΑi

    fejn:

     

    ‘Ri’ jirrappreżenta t-tnaqqis applikabbli għal-limitu massimu tal-importazzjonijiet tal-importatur i, għall-grupp ta' prodotti kkonċernat, matul il-perjodu tal-kwota n + 1;

     

    ‘ΣUi’ jirrappreżenta s-somma ta' kwantitajiet koperti mill-awtorizzazzjonijiet ta' kwota mhux użati għall-grupp ta' prodotti kkonċernat mogħtija lill-importatur i matul il-perjodu tal-kwota n – 1;

     

    ‘ΣΑi’ jirrappreżenta s-somma tal-kwantitajiet koperti mill-awtorizzazzjonijiet ta' kwota mogħtija lill-importatur i, għall-grupp ta' prodotti kkonċernat, matul il-perjodu tal-kwota n – 1.”

    (6)

    Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 13 u 14 ma japplikawx matul l-ewwel tliet perjodi tal-kwota wara l-perjodu tranżizzjonali.”

    (7)

    L-Anness IV huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “ANNESS IV

    Dikjarazzjoni ġuramentata

    Importatur:

    Stat Membru tal-UE

    Numru tal-VAT:

    Persuna ta' kuntatt:

    Telefown:

    Posta elettronika:

    Jiena, is-sottoskritt, nikkonferma li, minkejja l-isforzi kollha tiegħi, ma kienx possibbli li nitlob lura l-awtorizzazzjonijiet ta' kwota mhux użati elenkati hawn taħt mingħand l-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa.

    Awtorizzazzjoni ta' kwota 1:

     

    Nru ta' awtorizzazzjoni ta' kwota:

     

    Id-data tal-ħruġ ta' awtorizzazzjoni ta' kwota:

     

    Importatur (isem, pajjiż, Nru tal-VAT):

     

    Esportatur (isem, Nru tal-VAT):

    Awtorizzazzjoni ta' kwota 2 eċċ.:

    Jiena, is-sottoskritt, niddikjara solennement li, sa fejn naf, il-kontenut tad-dikjarazzjoni tiegħi ta' hawn fuq huwa vera u korrett u l-ebda parti minnu ma hija falza.

     

     

    Post/Data

    Firma”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta' April 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 57, 29.2.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012 tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar l-allokazzjoni ta' kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L 152, 13.6.2012, p. 28).


    Top