Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1879

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1879 tal-24 ta' Ġunju 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Federali tal-Mikroneżja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

    ĠU L 289, 25.10.2016, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1879/oj

    25.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 289/2


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1879

    tal-24 ta' Ġunju 2016

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Federali tal-Mikroneżja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) trasferixxa r-referenza għall-Istati Federali tal-Mikroneżja mill-Anness I għall-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2).

    (2)

    Dik ir-referenza għall-Istati Federali tal-Mikroneżja hija akkumpanjata minn nota f'qiegħ il-paġna li tindika li l-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea.

    (3)

    Fid-9 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Istati Federali tal-Mikroneżja sabiex jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Federali tal-Mikroneżja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (il-“Ftehim”).

    (4)

    In-negozjati dwar il-Ftehim infetħu fis-17 ta' Diċembru 2014 u ġew iffinalizzati b'suċċess permezz tal-inizjalar tagħhom, bl-iskambju ta' ittri, fis-16 ta' Diċembru 2015 mill-Istati Federali tal-Mikroneżja u fit-13 ta' Jannar 2016 mill-Unjoni.

    (5)

    Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, u d-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim għandhom jiġu approvati, f'isem l-Unjoni. Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu, sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu.

    (6)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3); għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (7)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Federali tal-Mikroneżja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Id-dikjarazzjonijiet mehmuża ma' din id-Deċiżjoni huma approvati f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 4

    Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu (5), sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta' Ġunju 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A.G. KOENDERS


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (5)  Id-data tal-iffirmar tal-Ftehim se tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top