Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1433

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1433 tas-26 ta' Awwissu 2016 dwar ir-rikonoxximent tal-“Biomass Biofuels Sustainability voluntary scheme” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà skont id-Direttiva 98/70/KE u fid-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    C/2016/5413

    ĠU L 232, 27.8.2016, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/08/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1433/oj

    27.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 232/13


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1433

    tas-26 ta' Awwissu 2016

    dwar ir-rikonoxximent tal-“Biomass Biofuels Sustainability voluntary scheme” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà skont id-Direttiva 98/70/KE u fid-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7c(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (2), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Artikoli 7b u 7c u l-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikoli 17 u 18 u l-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE jistipulaw kriterji simili għas-sostenibbiltà tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi, u proċeduri simili għall-verifika tal-konformità ma' dawk il-kriterji.

    (2)

    Meta l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu jridu jitqiesu għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operaturi ekonomiċi juru l-konformità tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.

    (3)

    Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards għall-produzzjoni tal-prodotti tal-bijomassa fihom dejta preċiża għall-iskopijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, u/jew juru li l-konsenji tal-bijofjuwils jew tal-bijolikwidi jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 17(3), (4) u (5), u/jew li ebda materjal ma ġie modifikat jew imwarrab intenzjonalment sabiex il-konsenja jew parti minnha tkun tista' taqa' taħt l-Anness IX. Meta operatur ekonomiku jagħti provi jew jipprovdi dejta miksuba skont skema volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni, safejn ikun kopert bid-deċiżjoni tar-rikonoxximent, Stat Membru ma jistax jitlob lill-fornitur jipprovdi aktar evidenza ta' konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà.

    (4)

    It-talba biex ikun rikonoxxut li l-“Biomass Biofuels Sustainability voluntary scheme” bbażata f'11 rue de Monceau, 75008 Pariġi, Franza, turi li l-konsenji tal-bijofjuwil jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva 98/70/KE u fid-Direttiva 2009/28/KE, tressqet quddiem il-Kummissjoni fil-25 ta' Lulju 2016. L-iskema tkopri firxa wiesgħa ta' materji primi inkluż skart u residwi u l-katina kollha tal-kustodja. Id-dokumenti tal-iskema rikonoxxuta jeħtieġ li jkunu disponibbli fil-pjattaforma tat-trasparenza stabbilita skont id-Direttiva 2009/28/KE.

    (5)

    Il-valutazzjoni tal-“Biomass Biofuels Sustainability voluntary scheme” sabet li din tkopri kif jixraq il-kriterji tas-sostenibbiltà tad-Direttiva 98/70/KE u tad-Direttiva 2009/28/KE, u tapplika wkoll metodoloġija ta' bilanċ tal-massa konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE.

    (6)

    L-evalwazzjoni tal-“Biomass Biofuels Sustainability voluntary scheme” sabet li din tissodisfa standards xierqa ta' affidabbiltà, tat-trasparenza u tal-awditjar indipendenti u li tikkonforma wkoll mar-rekwiżiti metodoloġiċi tal-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u tal-Bijolikwidi,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-“Biomass Biofuels Sustainability voluntary scheme” (minn hawn 'il quddiem, “l-iskema”) li tressqet quddiem il-Kummissjoni għar-rikonoxximent fil-25 ta' Lulju 2016, turi li l-konsenji tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi prodotti skont l-istandards għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi stabbiliti fl-iskema jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà kif stabbiliti fl-Artikolu 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Artikolu 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.

    L-iskema fiha wkoll dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni hija valida għal perjodu ta' ħames (5) snin wara li tidħol fis-seħħ. Jekk il-kontenut tal-iskema, kif imressaq quddiem il-Kummissjoni għar-rikonoxximent fil-25 ta' Lulju 2016, jinbidel b'tali mod li jista' jaffettwa l-bażi ta' din id-Deċiżjoni, dan it-tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-tibdil innotifikat biex tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri kif jixraq il-kriterji ta' sostenibbiltà li għalihom ġiet rikonoxxuta.

    Artikolu 3

    Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tirrevoka din id-Deċiżjoni, fost l-oħrajn, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    (a)

    jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi meqjusa bħala deċiżivi għal din id-Deċiżjoni jew jekk ikun twettaq ksur serju u strutturali ta' dawk l-elementi;

    (b)

    jekk l-iskema ma tibgħatx rapporti annwali lill-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 7c(6) tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Artikolu 18(6) tad-Direttiva 2009/28/KE;

    (c)

    jekk l-iskema ma timplimentax l-istandards tal-awditjar indipendenti speċifikati fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7c(5) tad-Direttiva 98/70/KE u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(5) tad-Direttiva 2009/28/KE jew ma jkunx twettaq titjib lill-elementi l-oħrajn tal-iskema meqjusa bħala deċiżivi għall-issuktar tar-rikonoxximent.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Awwissu 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

    (2)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.


    Top