EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1363

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1363 tal-24 ta' Ġunju 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gżejjer Marshall dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

ĠU L 216, 11.8.2016, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1363/oj

Related international agreement

11.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 216/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1363

tal-24 ta' Ġunju 2016

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gżejjer Marshall dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) ittrasferixxa r-referenza għar-Repubblika tal-Gżejjer Marshall mill-Anness I għall-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2).

(2)

Dik ir-referenza għar-Repubblika tal-Gżejjer Marshall hija akkumpanjata minn nota f'qiegħ il-paġna li tindika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea.

(3)

Fid-9 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Gżejjer Marshall għall-konklużjoni ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gżejjer Marshall dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (il-“Ftehim”).

(4)

In-negozjati dwar il-Ftehim infetħu fis-17 ta' Diċembru 2014 u ġew iffinalizzati b'suċċess permezz tal-inizjalar tagħhom, permezz ta' skambju ta' ittri, fil-11 ta' Diċembru 2015 mir-Repubblika tal-Gżejjer Marshall u fit-13 ta' Jannar 2016 mill-Unjoni.

(5)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, u d-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim għandhom jiġu approvati, f'isem l-Unjoni. Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu.

(6)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jieħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3); għalhekk ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhux marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tieħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gżejjer Marshall dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-dikjarazzjonijiet mehmuża ma' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina lill-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 4

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu (5), sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(5)  Id-data tal-iffirmar tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


Top