EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1098

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1098 tal-4 ta' Lulju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE fir-rigward tar-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE

ĠU L 182, 7.7.2016, p. 39–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1098/oj

7.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/39


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1098

tal-4 ta' Lulju 2016

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE fir-rigward tar-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 209(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 100 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“Ftehim ta' Sħubija AKP-UE”) jistipula li l-Annessi Ia, Ib, II, III, IV u VI tiegħu jistgħu jiġu riveduti, rieżaminati u/jew emendati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni min-naħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni AKP-UE għall-Finanzjament tal-Iżvilupp.

(2)

L-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jistipula li l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista' jiddelega setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.

(3)

Fid-39 sessjoni tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2014 f'Nairobi, il-Kenya, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE qabel, f'Dikjarazzjoni Konġunta, li jipproċedi bl-għeluq ordnat taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (“ĊŻI”) u għall-emendar tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u għal dan il-għan, li jagħti delega ta' setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE biex imexxi l-materja 'l quddiem bil-ħsieb li jiġu adottati d-deċiżjonijiet neċessarji, inkluża l-emenda rilevanti f'dak l-Anness III.

(4)

L-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE għandu jiġi emendat sabiex jiġi stabbilit il-qafas legali ġdid taċ-ĊŻI biex jeżisti biss għall-finijiet tal-likwidazzjoni tiegħu.

(5)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE fir-rigward tar-rieżami tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE fir-rigward tar-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

2.   Bidliet tekniċi żgħar għall-abbozz ta' Deċiżjoni jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LAJČÁK


(1)  Ftehim iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3), kif emendat bil-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u bil-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru … /2016 TAL-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE

ta' …

fir-rigward tar-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE

Il-KUMITATTAL-AMBAXXATURI AKP-UE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE”), u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 100 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jistipula li l-Annessi Ia, Ib, II, III, IV u VI tiegħu jistgħu jiġu riveduti, rieżaminati u/jew emendati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni min-naħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni AKP-UE għall-Finanzjament tal-Iżvilupp.

(2)

L-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jistipula li l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista' jiddelega setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.

(3)

L-Artikolu 2 tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jikkonċerna ċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (“ĊŻI”). Taħt il-punt (a) tal-Artikolu 2(6) ta' dak l-Anness III, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE jinħatar bħala l-awtorità superviżorja taċ-ĊŻI bi, fost affarijiet oħrajn, ir-responsabbiltà li jistabbilixxi l-istatuti taċ-ĊŻI, li kienu ġew adottati permezz tad-Deċiżjoni Nru 8/2005 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE (2) (“l-Istatuti taċ-ĊŻI”). Taħt il-punt (a) tal-Artikolu 2(7) tal-Anness III, il-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI jkun, fost affarjiet oħrajn, responsabbli għall-adozzjoni tar-regolament finanzjarju u r-regolamenti tal-persunal taċ-ĊŻI.

(4)

L-Artikolu 1 tal-Istatuti taċ-ĊŻI jiddefinixxi l-prinċipju tal-personalità ġuridika taċ-ĊŻI.

(5)

L-Artikoli 9 u 10 tal-Istatuti taċ-ĊŻI jiddefinixxu l-mandat u l-kompożizzjoni tal-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI.

(6)

Fid-39 sessjoni tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2014 f'Nairobi, il-Kenya, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE qabel, f'Dikjarazzjoni Konġunta, li jipproċedi bl-għeluq ordnat taċ-ĊŻI u għall-emendar tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u għal dan il-għan, li jagħti delega ta' setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE bil-ħsieb li jiġu adottati d-deċiżjonijiet neċessarji, inkluża l-emenda rilevanti f'dak l-Anness III.

(7)

Dik id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE stabbilixxiet il-Grupp ta' Ħidma Konġunt AKP-UE biex jiżgura li ċ-ĊŻI jingħalaq taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli.

(8)

Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, fid-Deċiżjoni Nru 4/2014 (3) tiegħu awtorizza lill-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI biex jieħu kull miżura xierqa biex iħejji għall-għeluq taċ-ĊŻI. Sussegwentement, il-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI iffirma kuntratt ma' Kuratur sal-31 ta' Diċembru 2016.

(9)

F'konformità mal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni Nru 4/2014, il-pjan tal-għeluq jipprevedi l-finalizzazzjoni tal-għeluq sal-31 ta' Diċembru 2016 (“il-fażi tal-għeluq”). Bl-approvazzjoni li tal-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI tal-pjan tal-għeluq definittiv bejn id-29 u t-30 ta' Ġunju 2015, iċ-ĊŻI daħal fil-fażi tal-għeluq tiegħu.

(10)

Il-fażi tal-għeluq għandha tiġi segwita minn “fażi passiva” li fiha ċ-ĊŻI ser jeżisti biss għall-finijiet tal-likwidazzjoni tiegħu. Din il-fażi passiva, li ser tiġi ġestita minn Kuratur, tista' tinkludi kompiti amministrattivi, fost affarijiet oħrajn, iż-żamma tal-arkivji taċ-ĊŻI, ir-rispons għal kull formalità amministrattiva, jew il-ġestjoni ta' litigazzjonijiet residwi li ma setgħux jingħalqu waqt il-fażi tal-għeluq. Il-fażi passiva għandha tibda fil-jum wara l-fażi tal-għeluq, jiġifieri fl-1 ta' Jannar 2017. Il-fażi passiva għandha tintemm wara perijodu ta' erba' snin, jew meta ċ-ĊŻI jkun salda l-obbligazzjonijiet tiegħu kollha u rrealizza l-assi kollha tiegħu, skont liema jseħħ l-ewwel.

(11)

Taħt l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Finanzjarju taċ-ĊŻI, adottat permezz tad-Deċiżjoni Nru 5/2004 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE (4), il-kontijiet taċ-ĊŻI għandhom jingħalqu fi tmiem is-sena finanzjarja sabiex jitfasslu d-dikjarazzjonijiet finanzjarji taċ-ĊŻI. Għalhekk, l-awditu statutorju tas-sena 2016 relatat mal-fażi tal-għeluq jinħtieġ li jiġi ffinalizzat sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2017.

(12)

L-emendi fl-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jikkonċernaw it-tneħħija tar-referenzi għaċ-ĊŻI. Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi l-qafas legali l-ġdid taċ-ĊŻI mill-bidu tal-fażi passiva, jiġifieri mill-1 ta' Jannar 2017.

(13)

Skont l-Artikolu 95(1) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, il-Ftehim ser jiskadi fl-2020. L-istrutturi ta' governanza applikabbli għall-funzjonament taċ-ĊŻI fil-fażi passiva għalhekk għandhom ikunu determinati wkoll għall-perijodu wara d-29 ta' Frar 2020,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Sabiex jiġi rifless il-waqfien mill-attivitajiet taċ-ĊŻI sal-31 ta' Diċembru 2016, l-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE huwa emendat kif ġej:

(1)

it-titolu tal-Anness III huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Appoġġ Istituzzjonali”

(2)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-kooperazzjoni għandha tappoġġa l-mekkaniżmu istituzzjonali għall-promozzjoni tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. F'dan il-kuntest, il-kooperazzjoni għandha tgħin fit-tisħiħ u r-rafforzar tar-rwol taċ-Ċentru Tekniku ta' Kooperazzjoni Agrikola u Rurali (ĊTA) fl-iżvilupp tal-kapaċità istituzzjonali tal-AKP, partikolarment l-amministrazzjoni tal-informazzjoni, sabiex jittejjeb l-aċċess għal teknoloġiji għaż-żieda fil-produttività agrikola, il-kummerċjalizzazzjoni, is-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp rurali.”.

(3)

l-Artikolu 2 jitħassar.

(4)

l-Artikolu 3 huwa rinumerat bħala l-Artikolu 2.

Artikolu 2

1.   Qabel tmiem il-fażi tal-għeluq, jiġifieri fil-31 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkuntratta Kuratur biex jiżgura l-implimentazzjoni tal-fażi passiva mill-1 ta' Jannar 2017 għal perijodu ta' erba' snin, jew sa meta ċ-ĊŻI jkun salda l-obbligazzjonijiet kollha tiegħu u rrealizza l-assi kollha tiegħu, skont liema jseħħ l-ewwel.

2.   Ir-responsabbiltà tal-implimentazzjoni tal-fażi passiva għandha tkun f'idejn il-Kuratur. Il-Kuratur għandu jipprovdi rapporti annwali lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-fażi passiva.

Artikolu 3

1.   L-Istatuti taċ-ĊŻI, ir-Regolament Finanzjarju taċ-ĊŻI u r-Regolament tal-Persunal taċ-ĊŻI għandhom jibqgħu fis-seħħ sa tmiem il-fażi tal-għeluq.

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi l-qafas legali ġdid taċ-ĊŻI mill-1 ta' Jannar 2017.

2.   Mill-1 ta' Jannar 2017 il-personalità ġuridika taċ-ĊŻI, kif definita fl-Artikolu 1 tal-Istatuti taċ-ĊŻI, għandha tinżamm biss għall-finijiet tal-likwidazzjoni taċ-ĊŻI.

3.   Waqt il-fażi passiva, il-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI, kif stabbilit fl-Artikoli 9 u 10 tal-Istatuti taċ-ĊŻI, ser ikompli jeżisti sad-data tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar il-proposta għall-kwittanza skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 4/2014.

Mill-fażi passiva 'l quddiem, il-kompiti tal-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI għandhom ikunu limitati għall-approvazzjoni tar-rapport tal-għeluq, l-adozzjoni tal-kontijiet relatati mal-fażi tal-għeluq u t-trażmissjoni ta' proposta ta' kwittanza lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għal deċiżjoni. Mill-1 ta' Jannar 2017, huwa ma għandux ikollu iktar minn laqgħa waħda fis-sena. Dan ma jeskludix il-possibbiltà għall-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI li jiddeċiedi permezz ta' proċedura bil-miktub.

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, il-kwittanza titqies li ġiet approvata tliet xhur wara d-data tat-trażmissjoni tal-proposta ta' kwittanza, jew sal-31 ta' Diċembru 2017, skont liema taħbat l-ewwel.

4.   Il-kosti relatati mal-fażi passiva għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

5.   L-intitolamenti taċ-ĊŻI fir-rigward ta' partijiet terzi u l-intitolament ta' partijiet terzi fir-rigward taċ-ĊŻI għandhom ikunu soġġetti għal perijodu ta' limitazzjoni ta' tliet snin mill-1 ta' Jannar 2017.

Artikolu 4

L-inkarigu tal-Grupp Konġunt ta' Ħidma AKP-UE dwar l-għeluq taċ-ĊŻI, kif stabbilit mid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tad-19-20 ta' Ġunju 2014, għandu jintemm mad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar il-proposta ta' kwittanza skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 4/2014.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ hekk kif tiġi adottata, ħlief l-Artikolu 1 li jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017.

Magħmul fi …,

Għall-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE

Il-President


(1)  Ftehim iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3), kif emendat bil-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u bil-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).

(2)  Deċiżjoni Nru 8/2005 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tal-20 ta' Lulju 2005 dwar l-Istatuti u r-regoli ta' proċedura taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (ĠU L 66, 8.3.2006, p. 16).

(3)  Deċiżjoni Nru 4/2014 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tat-23 ta' Ottubru 2014 rigward il-mandat li għandu jingħata lill-Bord Eżekuttiv taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (ĊŻI) (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 61).

(4)  Deċiżjoni Nru 5/2004 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tas-17 ta' Diċembru 2004 dwar ir-Regolament Finanzjarju għaċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (ĠU L 70, 9.3.2006, p. 52).


Top