Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0714

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/714 tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħadu n-Netherlands dwar id-disponibbiltà fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali VectoBacWG u Aqua-K-Othrine skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2016) 2682)

    C/2016/2682

    ĠU L 125, 13.5.2016, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/714/oj

    13.5.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 125/14


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/714

    tal-11 ta' Mejju 2016

    dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħadu n-Netherlands dwar id-disponibbiltà fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali VectoBacWG u Aqua-K-Othrine skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2016) 2682)

    (It-test bin-Netherlandiż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1) (minn hawn 'il quddiem, “ir-Regolament”), u b'mod partikolari l-Artikolu 55(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament, fis-7 ta' Ottubru 2015, in-Netherlands adottaw deċiżjoni biex jippermettu temporanjament it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' VectoBacWG u ta' Aqua-K-Othrine għall-kontroll tal-larvi u tal-adulti tal-ispeċijiet eżotiċi invażivi ta' nemus minn operaturi ċċertifikati, Aedes albopictus u Aedes japonicus, (minn hawn 'il quddiem, “nemus”) għal perjodu sal-1 ta' Novembru 2015. Minħabba t-tmiem tal-istaġun tan-nemus, ma kienx hemm għalfejn li dan il-permess jinżamm ukoll tul l-istaġun tax-xitwa. In-Netherlands infurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien dwar din l-azzjoni u dwar il-ġustifikazzjoni għaliha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament.

    (2)

    VectoBacWG fih il-Bacillus thuringiensis subsp. israelensis tas-serotip H14 u tar-razza AM65-52 (minn hawn 'il quddiem, “Bacillus thuringiensis israelensis”) bħala sustanza attiva u Aqua-K-Othrine fih id-deltametrina bħala sustanza attiva, it-tnejn li huma għall-użu fil-prodotti tat-tip 18 kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament. Skont l-informazzjoni pprovduta min-Netherlands, il-miżura temporanja kienet meħtieġa għall-ħarsien tas-saħħa pubblika billi dawn in-nemus, li fin-Netherlands jinstabu fl-istabbilimenti tal-kumpaniji tal-bejgħ tat-tajers, fiċ-ċimiterji u fil-ġonna, jistgħu jġorru mard tropikali bħad-dengue u ċ-chikungunya. Il-possibbiltà tat-tixrid għandha tiġi evitata kemm jista' jkun u malajr kemm jista' jkun.

    (3)

    Fit-12 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand in-Netherlands sabiex tiddeċiedi dwar jekk il-miżura tistax tiġi estiża skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament. It-talba saret minħabba l-fatt li inkella fin-Netherlands ma jkunx hemm disponibbli prodotti alternattivi xierqa għall-kontroll tan-nemus li jġorr il-mard fl-1 ta' April 2016 meta hu mistenni li jibda l-istaġun il-ġdid tan-nemus.

    (4)

    Is-sustanzi attivi Bacillus thuringiensis israelensis u d-deltametrina (KE Nru 258-256-6, Nru CAS 52918-63-5) t-tnejn kienu ġew evalwati fil-programm ta' ħidma għall-eżami sistematiku tas-sustanzi attivi kollha li diġà kienu fis-suq fl-14 ta' Mejju 2000, kif stipulat fl-Artikolu 89 tar-Regolament.

    (5)

    Wara l-approvazzjoni taż-żewġ sustanzi attivi, l-applikazzjonijiet għall-ewwel awtorizzazzjoni ta' VectoBacWG u ta' Aqua-K-Othrine tressqu skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 89(3) tar-Regolament, fil-Greċja u fi Franza, rispettivament, u għadhom qed jiġu evalwati. L-applikazzjonijiet bil-għan li jiksbu r-rikonoxximent reċiproku f'sekwenza fin-Netherlands skont l-Artikolu 33 tar-Regolament, huma mistennija li jiġu ppreżentati ladarba l-Greċja u Franza jkunu taw l-awtorizzazzjonijiet tagħhom.

    (6)

    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jirrikonoxxi li n-nemus infirex drammatikament fil-livell dinji, iffaċilitat b'mod partikolari mill-attivitajiet tal-bniedem, u għandu l-potenzjal li jsir theddida serja għas-saħħa.

    (7)

    Fl-istennija li fin-Netherlands tingħata l-awtorizzazzjoni għal VectoBacWG u Aqua-K-Othrine, skont l-Artikolu 33 tar-Regolament, jixraq li n-Netherlands jitħallew jestendu l-miżura temporanja għal perjodu totali ta' mhux aktar minn 550 jum.

    (8)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, in-Netherlands jistgħu jestendu, għal perjodu totali ta' mhux aktar minn 550 jum, il-miżura għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta' VectoBacWG, li fih il-Bacillus thuringiensis israelensis, u ta' Aqua-K-Othrine, li fih id-deltametrina (KE Nru 258-256-6, Nru CAS 52918-63-5), għall-prodotti tat-tip 18 kif inhu ddefinit fl-Anness V tar-Regolament (insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta' artropodi oħra) għall-kontroll tan-nemus li jġorr il-mard.

    Artikolu 2

    Huma u jieħdu l-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1, in-Netherlands għandhom jassiguraw li dawn il-prodotti jintużaw biss minn operaturi ċċertifikati u bis-superviżjoni tal-awtorità kompetenti.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.


    Top