Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0547

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/547 tas-7 ta' April 2016 li tapprova, f'isem l-Unjoni Ewropea, l-emenda tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk

C/2016/1967

ĠU L 94, 8.4.2016, pp. 14–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/547/oj

8.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/14


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/547

tas-7 ta' April 2016

li tapprova, f'isem l-Unjoni Ewropea, l-emenda tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni 2013/785/UE tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (1), u partikolarment l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (2), minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”, approvat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006 (3), iwaqqaf kummissjoni konġunta inkarigata mill-kontroll tal-applikazzjoni tal-ftehim imsemmi, u partikolarment it-twettiq, l-interpretazzjoni u t-tħaddim xieraq. L-Artikolu 5 tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistipula l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, minn hawn 'il quddiem “il-Protokoll”, approvat mid-Deċiżjoni 2013/785/UE, jawtorizza lill-kummissjoni konġunta tadotta l-emendi għall-Protokoll,

(2)

Ġie previst li l-kummissjoni konġunta tiltaqa' fi Brussell mill-14 sas-16 ta' Ottubru 2015 sabiex tadotta l-emendi għal ċertu miżuri tekniċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, fosthom it-tqassim tal-għadd u tat-tunnellaġġ tal-bastimenti tas-sajd bil-konz awtorizzati fil-kategorija “Sajd tal-qiegħ”, wara li ġiet innutata utilizzazzjoni baxxa aktar mis-soltu ta' din is-sottokategorija, kif ukoll il-kompożizzjoni tal-qabdiet fil-kategorija “Sajd pelaġiku industrijali”, sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-attivitajiet tas-sajd f'din il-kategorija.

(3)

Qabel il-laqgħa kkonċernata tal-kummissjoni konġunta, il-Kummissjoni wasslet dokument ta' tħejija lill-Kunsill fejn hemm spjegat fid-dettall l-elementi speċifiċi tal-pożizzjoni prevista mill-Unjoni.

(4)

Il-pożizzjoni prevista mill-Unjoni ġiet approvata mill-Kunsill skont il-punt 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2013/785/UE.

(5)

Il-miżuri dwar it-tqassim tal-għadd u tat-tunnellaġġ tal-bastimenti tas-sajd bil-konz kienu ġew irreġistrati fil-minuti tal-laqgħa msemmija tal-kumitat konġunt, filwaqt li dawk dwar il-kompożizzjoni tal-qabdiet fil-kategorija “Sajd pelaġiku industrijali” ġew ikkonfermati b'ittra Nru 510/11 tat-13 ta' Novembru 2015 tal-Ministeru tal-Agrikoltura u s-Sajd tal-Marokk.

(6)

Iż-żieda fir-rata tal-qabdiet tal-grupp tal-ispeċijiet tas-sardin u l-laċċi hija kkumpensata minn tnaqqis ekwivalenti fir-rata tal-qabdiet tal-grupp tal-ispeċijiet sawrell/kavalli/inċova, bil-perċentwal tal-qabdiet ma jinbidilx.

(7)

Dawn il-modifiki għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni Ewropea.

(8)

Jeħtieġ li tiġi prevista l-applikabbiltà retroattiva ta' dawn il-miżuri mit-13 ta' Novembru 2015,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-emendi lill-iskedi tekniċi Nri 4 u 6 tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistipula l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, adottati mill-kummissjoni konġunta mwaqqfa mill-Artikolu 10 ta' dan il-Ftehim u li tirriżulta mis-silta tal-minuti u mis-silta tal-ittra Nru 510/11 ippreżentata fl-Annessi I u II ta' din id-Deċiżjoni, hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mit-13 ta' Novembru 2015.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 349, 21.12.2013, p. 1.

(2)   ĠU L 141, 29.5.2006, p. 4.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006 tat-22 ta' Mejju 2006 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU L 141, 29.5.2006, p. 1; verżjoni MT: ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 1).


ANNESS I

Silta mill-minuti tal-laqgħa tal-14 — 16 ta' Ottubru 2015 tal-kummissjoni konġunta mwaqqfa bil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk

Wara li ġie nnutat użu aktar baxx mis-soltu tas-sottokategorija tal-bastimenti tas-sajd bil-konz u wara talba mill-Unjoni Ewropea għal reviżjoni tat-tunnellaġġ awtorizzat, il-parti Marokkina tipproponi tqassim ġdid tal-għadd u tat-tunnellaġġi tal-bastimenti awtorizzati fir-rigward tal-limitu kumplessiv tal-kapaċità għas-segment tal-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-kategorija 4, kif ġej: 5 bastimenti bil-konz ta' 150 GT jew inqas u erba' bastimenti bil-konz ta' 200 GT jew inqas. Il-parti Marokkina se tkompli tistħarreġ din it-talba fil-kuntest tal-limitu kumplessiv iffissat filwaqt li tistħarreġ it-talbiet għal-liċenzji għall-bastimenti b'tunnellaġġ li jaqbeż il-200 GT.


ANNESS II

Silta mill-ittra Nru 510/11 tat-13 ta' Novembru 2015 tal-Ministeru tal-Agrikoltura u s-Sajd tal-Marokk

Wara t-talba magħmula waqt it-tieni laqgħa tal-kumitat konġunt fi Brussell bejn l-14 u s-16 ta' Ottubru 2015, dwar ir-reviżjoni ta' ċertu metodi tekniċi ta' esplojtazzjoni ta' speċijiet peleġiċi żgħar tal-kategorija 6, għandi l-unur ngħarrfek li l-opinjoni xjentifika tal-INRH tirrakkomanda li l-kwota tal-qabdiet tal-grupp tas-sardin u l-laċċi tinġieb għal 37 % tal-kwota allokata u biex jinżamm dan il-livell sabiex jiġi evitat is-sajd żejjed tal-istokk.


Top