This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R2344
Commission Implementing Regulation (EU) 2015/2344 of 15 December 2015 laying down implementing technical standards with regard to currencies with constraints on the availability of liquid assets in accordance with Regulation (EU) No 575/2013 of the European Parliament and of the Council (Text with EEA relevance)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2344 tal-15 ta’ Diċembru 2015 li jistabbilixxi l-implimentazzjoni ta' standards tekniċi fir-rigward ta' muniti b'limitazzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta' assi likwidi skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2344 tal-15 ta’ Diċembru 2015 li jistabbilixxi l-implimentazzjoni ta' standards tekniċi fir-rigward ta' muniti b'limitazzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta' assi likwidi skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 330, 16.12.2015, p. 26–28
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
16.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 330/26 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2344
tal-15 ta’ Diċembru 2015
li jistabbilixxi l-implimentazzjoni ta' standards tekniċi fir-rigward ta' muniti b'limitazzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta' assi likwidi skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 419(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 412(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistipula rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità, li jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet iridu jżommu assi likwidi sabiex jiżguraw li jżommu livelli ta' riżervi ta' likwidità li huma adegwati għall-iffaċċjar ta' kull żbilanċ possibbli bejn l-influssi u l-ħruġ ta' likwidità. |
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/61 (2), adottat konformi mal-Artikolu 460 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jispeċifika fid-dettall ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità. |
(3) |
Fejn il-ħtiġijiet ġustifikati għal assi likwidi fid-dawl tar-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità jeċċedu d-disponibbiltà ta' dawk l-assi likwidi f'munita, deroga waħda jew aktar għandhom japplikaw għal dik il-munita, kif stabbilit fl-Artikolu 419(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. |
(4) |
Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu identifikati l-muniti li għandhom jibbenefikaw minn deroga u l-limitu li għalih tali deroga għandha tkun disponibbli. |
(5) |
Dan l-ivvalutar mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ta' ħtiġijiet ġustifikati kien ibbażat fuq l-aħjar dejta disponibbli li setgħet tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti dwar l-assi likwidi f'munita partikolari u l-ammont ta' assi likwidi rikjesti minn investituri oħra u għalhekk mhuwiex disponibbli biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet għal assi likwidi. |
(6) |
L-EBA identifikat il-kuruna Norvegiża (NOK) bħala munita b'limitazzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta' assi likwidi. Dik l-identifikazzjoni saret qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) Nru 2015/61, meta l-EBA vvalutat id-disponibbiltà ta' assi likwidi konformi mal-istandards internazzjonali adottati mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja. L-ivvalutar eżamina l-ammonti ta' assi likwidi li mhumiex rikjesti minn entitajiet li mhumiex soġġetti għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u qabbel dawn mal-ħtiġijiet ta' istituzzjonijiet ibbażati fuq ħruġ stmat u ponderat ta' flus nett għat-30 jum segwenti, billi ħa kont ta' limitu massimu fuq l-influssi, fatturi li probabbilment jaffettwaw in-nuqqas ta' assi likwidi fuq perjodu twil ta' tliet sa ħames snin u mira ta' 110 % għar-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità. |
(7) |
L-ivvalutar tal-EBA ikkonkluda li l-ħtiġijiet iġġustifikati għal assi likwidi eċċedew id-disponibbiltà ta' assi likwidi fin-NOK. Id-dejn sovran huwa wieħed mill-aktar assi likwidi, iżda fil-każ tan-Norveġja l-forniment tad-dejn tal-gvern huwa relattivament limitat minħabba l-pożizzjoni baġitarja favorevoli. Filwaqt li istituzzjonijiet internazzjonali u banek ta' żvilupp multinazzjonali ħarġu wkoll ammonti kbar ta' bonds fin-NOK, dawn il-ħarġiet huma predominantement pjazzamenti privati miżmuma minn investituri barranin u għalhekk ma kinux ikkunsidrati mill-EBA bħala likwidi u disponibbli għal istituzzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Fl-aħħar nett, l-ivvalutar tal-EBA kien ibbażat fuq l-istandards internazzjonali tal-likwidità adottati mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja filwaqt li l-ivvalutar dwar jekk il-ħtiġijiet ġustifikati għal assi likwidi jeċċedux b'mod sinifikanti d-disponibbiltà ta' assi likwidi f'munita partikolari għandu jkun ibbażat fuq il-lista definittiva ta' assi likwidi stabbilita mir-Regolament Delegat (UE) Nru 2015/61. Dan tal-aħħar jistabbilixxi firxa usa' ta' assi likwidi, b'mod partikolari f'relazzjoni mal-bonds koperti. Madankollu, din id-differenza mhijiex biżżejjed biex tbiddel il-konklużjoni tal-EBA li l-ħtiġijiet ġustifikati għal assi likwidi eċċedew id-disponibbiltà ta' assi likwidi fin-NOK. |
(8) |
L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-implimentazzjoni ta' standard tekniku li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Konformi mal-proċedura fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni approvat b'emendi l-abbozz tal-implimentazzjoni ta' standard tekniku sottomessi mill-EBA wara li kienet bagħtet l-abbozz tal-implimentazzjoni ta' standard tekniku lura lill-EBA bl-ispjegazzjoni tar-raġunijiet għall-emendi. L-EBA pprovdiet opinjoni formali li tappoġġa dawk l-emendi u li tikkonferma li l-ammont li bih il-ħtiġijiet ġustifikati għall-assi likwidi jaqbżu d-disponibbiltà ta' assi likwidi f'NOK kif propost fl-abbozz oriġinali tagħha tal-implimentazzjoni ta' standard tekniku ma għandux jiġi emendat. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-ħtiġijiet ġustifikati għal assi likwidi fid-dawl tar-rekwiżit fl-Artikolu 412 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jitqiesu li jeċċedu d-disponibbiltà ta' dawk l-assi likwidi fil-muniti speċifikati fl-Anness għal dan ir-Regolament bil-perċentwali speċifikati f'dak l-Anness.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12)
ANNESS
Lista ta' muniti b'limitazzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta' assi likwidi
Nru. |
Munita |
L-ammont li bih il-ħtiġijiet ġustifikati għal assi likwidi jaqbżu d-disponibbiltà |
1. |
Krona Norveġiża (NOK) |
63 % |