Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1608

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1608 tal-24 ta' Settembru 2015 li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli massimi ta' residwu għall-aċidu kapriku, għaż-żejt tal-paraffina (CAS 64742-46-7), għaż-żejt tal-paraffina (CAS 72623-86-0), għaż-żejt tal-paraffina (CAS 8042-47-5), għaż-żejt tal-paraffina (CAS 97862-82-3), għall-kubrit tal-ġir u għall-urea f'ċerti prodotti jew fuqhom (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 249, 25.9.2015, p. 14–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1608/oj

25.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 249/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1608

tal-24 ta' Settembru 2015

li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli massimi ta' residwu għall-aċidu kapriku, għaż-żejt tal-paraffina (CAS 64742-46-7), għaż-żejt tal-paraffina (CAS 72623-86-0), għaż-żejt tal-paraffina (CAS 8042-47-5), għaż-żejt tal-paraffina (CAS 97862-82-3), għall-kubrit tal-ġir u għall-urea f'ċerti prodotti jew fuqhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Għall-aċidu kapriku, għaż-żejt tal-paraffina (CAS 64742-46-7), għaż-żejt tal-paraffina (CAS 72623-86-0), għaż-żejt tal-paraffina (CAS 8042-47-5), għaż-żejt tal-paraffina (CAS 97862-82-3), għall-kubrit tal-ġir u għall-urea, ma ġew stabbiliti ebda MRLs speċifiċi u s-sustanzi ma ġewx inklużi fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, japplika l-valur prestabbilit ta' 0,01 mg/kg stipulat fl-Artikolu 18(1)(b) ta' dak ir-Regolament.

(2)

L-aċidu kapriku huwa approvat skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (2). Ebda impuritajiet relevanti ma ġew identifikati għal dik is-sustanza. Barra minn hekk, l-esponiment naturali għall-aċidu kapriku huwa ferm ogħla minn dik marbut mal-użu ta' dik is-sustanza bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Fid-dawl ta' dan, jitqies xieraq li din is-sustanza tiġi inkluża fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(3)

Għaż-żejt tal-paraffina (CAS 64742-46-7), għaż-żejt tal-paraffina (CAS 72623-86-0), għaż-żejt tal-paraffina (CAS 8042-47-5) u għaż-żejt tal-paraffina (CAS 97862-82-3) (3)  (4), l-Awtorità kkonkludiet li jekk jintwera li ż-żjut tal-paraffina huma ta' purità għolja, ma jkunx hemm lok għal tħassib tossikoloġiku u ma jkunux meħtieġa d-doża aċċettabbli ta' kuljum (ADI), il-livell aċċettabbli ta' espożizzjoni tal-operaturi (AOEL) u d-doża akuta ta' referenza (DAR). Fl-20 ta' Novembru 2012, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ħa nota ta' verżjoni emendata tar-rapporti ta' analiżi li fihom huwa spjegat li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jikkonformaw ma' grad farmaċewtiku (purità għolja). Fid-dawl ta' dan, jitqies xieraq li dawn is-sustanzi jiġu inklużi fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(4)

Għall-kubrit tal-ġir (5), l-Awtorità ma setgħetx tasal għal konklużjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju tad-dieta għall-konsumaturi peress li xi informazzjoni dwar il-preżenza potenzjali tar-residwi tal-polisulfat ma kinitx disponibbli. Madankollu, ir-residwi tal-kubrit u tal-kalċju mill-użu ta' kubrit tal-ġir (polisulfat tal-kalċju) jinsabu kullimkien fl-ambjent. Fid-dawl ta' dan, jitqies xieraq li din is-sustanza tiġi inkluża temporanjament fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 sakemm tiġi ppreżentata l-opinjoni motivata tal-Awtorità skont l-Artikolu 12(1).

(5)

Għall-urea (6), l-Awtorità kkunsidrat li valutazzjoni tar-riskju kwantitattiva tad-dieta tal-konsumatur ma kinitx meħtieġa minħabba metodi speċifiċi ta' applikazzjoni ta' dik is-sustanza. L-urea (karbamida) hija approvata bħala addittiv tal-ikel skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 (7). Barra minn hekk, l-esponiment naturali għal dik is-sustanza huwa ħafna ogħla minn dak marbut mal-użu tal-urea bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Fid-dawl ta' dan, jitqies xieraq li din is-sustanza tiġi inkluża fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(6)

Abbażi tal-konklużjoni tal-Awtorità u b'kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti tas-suġġett ikkunsidrat, il-modifiki xierqa tal-MRLs jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(7)

jista' jenħtieġ ukoll li s-sustanzi elenkati fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 ikunu konformi mar-rekwiżiti pprovduti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ikel u/jew l-għalf. Fid-dawl ta' dan, jitqies xieraq li jiġi mmodifikat it-test tan-nota f'qiegħ il-paġna 2 f'dak l-Anness biex tirreferi għal leġiżlazzjoni speċifika oħra dwar l-ikel u/jew l-għalf tal-Unjoni. Tali leġiżlazzjoni tista' wkoll tibda tapplika għal sustanza wara l-inklużjoni tagħha fl-Anness IV tar- Regolament (KE) Nru 396/2005. Fid-dawl ta' dan, huwa xieraq li dik in-nota f'qiegħ il-paġna ssir applikabbli għas-sustanzi kollha inklużi fl-Anness IV.

(8)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Settembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta' bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89).

(3)  Il-konklużjoni tal-evalwazzjoni bejn il-pari dwar il-pestiċidi fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanza attiva taż-żjut tal-paraffina (CAS 64742-46-7, 72623-86-0 u 97862-82-3). Rapport Xjentifiku tal-EFSA (2008) 216, 1-59.

(4)  Il-konklużjoni tal-evalwazzjoni bejn il-pari dwar il-pestiċidi fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanza attiva taż-żjut tal-paraffina (CAS 8042-47-5, tulijiet tal-ktajjen C18-C30, informazzjoni affidabbli dwar il-punti tat-togħlija mhix disponibbli). Rapport Xjentifiku tal-EFSA (2008) 219, 1-61.

(5)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva kubrit tal-ġir. EFSA Journal 2010;8(11):1890. [45 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2010.1890.

(6)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva urea. EFSA Journal 2012;10(1):2523. [35 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.2523.

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta' Novembru 2011 li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel (ĠU L 295, 12.11.2011, p. 1).


ANNESS

L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrati “aċidu kapriku”, “żejt tal-paraffina (CAS 64742-46-7)”, “żejt tal-paraffina (CAS 72623-86-0)”, “żejt tal-paraffina (CAS 8042-47-5)”, “żejt tal-paraffina (CAS 97862-82-3)”, “kubrit tal-ġir (1)” u “urea” huma miżjuda, f'ordni alfabetika.

(2)

it-test tan-nota f'qiegħ il-paġna 2 jinbidel b'dan li ġej:

“(2)

Is-sustanzi inklużi fl-Anness IV, mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni speċifika oħra dwar l-ikel u/jew l-għalf, pereżempju dwar l-addittivi tal-ikel, l-addittivi tal-għalf, is-supplimenti tal-ikel, l-aromatizzanti, eċċ.”.

(3)

jitħassru r-referenzi għan-nota f'qiegħ il-paġna 2 wara l-entrati.

(4)

tiżdied referenza għan-nota f'qiegħ il-paġna 2 wara t-titolu.


Top