Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1011

    Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1011 tal-24 ta' April 2015 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prekursuri tad-droga u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ fil-prekursuri ta' drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1277/2005 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 162, 27.6.2015, p. 12–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 27/06/2015

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/1011/oj

    27.6.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 162/12


    REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1011

    tal-24 ta' April 2015

    li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prekursuri tad-droga u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ fil-prekursuri ta' drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1277/2005

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 3(8), 8(3) u 13(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ fil-prekursuri ta' drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi (2), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), l-Artikolu 11(1) u (3), l-Artikolu 19 u l-Artikolu 32(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1277/2005 (3) jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 fil-qasam tal-prekursuri tad-droga. Kemm ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 u r-Regolament (KE) Nru 111/2005 ġew emendati wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1277/2005 sabiex jinkludu setgħat għall-adozzjoni ta' atti ddelegati u atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat. Għaldaqstant, regoli ġodda għandhom jiġu adottati b'konformità mas-setgħat ġodda.

    (2)

    Għalkemm ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 jikkonċerna l-kummerċ domestiku u r-Regolament (KE) Nru 111/2005 jittratta l-kummerċ internazzjonali, ħafna mid-dispożizzjonijiet huma komuni għaż-żewġ Regolamenti. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm koerenza, huwa ġustifikat li jiġi adottat att delegat uniku li jkopri ż-żewġ Regolamenti.

    (3)

    Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ċertezza tad-dritt u infurzar koerenti tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jeħtieġ li tingħata definizzjoni ta' “bini kummerċjali”.

    (4)

    Il-liċenzji u r-reġistrazzjonijiet li huma meħtieġa għal operaturi li huma lesti li jwettqu attivitajiet li jinvolvu ċertu sustanzi (prekursuri tad-droga) li jistgħu jintużaw għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi jew ta' sustanzi psikotropiċi għandhom jingħataw biss lil operaturi affidabbli li japplikaw għalihom. Dawn l-operaturi jridu jkunu ħadu miżuri xierqa mmirati lejn l-immaniġġjar u l-ħżin sikur ta' dawk il-prekursuri tad-droga, u jridu jkunu ħatru uffiċjal responsabbli biex jiżguraw li l-attivitajiet li jinvolvu dawn is-sustanzi jsiru b'konformità mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

    (5)

    Ċertu operaturi li xogħolhom jinvolvi l-użu ta' prekursuri tad-droga għal użi mediċi, bħal pereżempju l-ispiżeriji u l-ispiżeriji tal-prodotti mediċinali veterinarji, jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit tal-pussess ta' liċenzja jew reġistrazzjoni għat-twettiq ta' attivitajiet li jinvolvu sustanzi ta' dan it-tip. Dan jista' jkun applikabbli wkoll għal ċertu awtoritajiet pubbliċi.

    (6)

    Operaturi li jwettqu attivitajiet relatati ma' prekursuri tad-droga li mhumiex maħsuba għas-suq tal-Unjoni, iżda li jkunu ddaħħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni, għandhom jipprovdu informazzjoni li turi li l-esportazzjoni ta' dawk is-sustanzi saret b'konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti sabiex jintwerew l-għanijiet leċiti tat-transazzjoni korrispondenti.

    (7)

    Operaturi stabbiliti fl-Unjoni għandhom jipprovdu ċertu dettalji bażiċi dwar l-attivitajiet li jkunu wettqu sabiex il-monitoraġġ tal-kummerċ tal-prekursuri tad-droga min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti jiġi ffaċilitat.

    (8)

    Sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta' dirottament ta' ċertu prekursuri tad-droga, qabel l-esportazzjoni tagħhom għandhom isiru notifika ta' qabel l-esportazzjoni u liċenzja tal-esportazzjoni.

    (9)

    Hemm bidliet frekwenti f'dawk li huma l-listi ta' pajjiżi terzi ta' destinazzjoni għall-esportazzjoni ta' sustanzi skedati tal-Kategoriji 2 u 3 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005. Sabiex ikun jista' jsir aġġornament rapidu ta' dawk il-listi, b'konformità mal-kriterji għal dawk il-listi stabbiliti f'dan ir-Regolament, dawn il-listi għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

    (10)

    Sabiex jiġi ffaċilitat il-piż amministrattiv għall-kummerċ f'ċertu kategoriji ta' prekursuri tad-droga, għandha tiġi pprovduta proċedura simplifikata għan-notifika ta' qabel l-esportazzjoni u għal-liċenzji tal-esportazzjoni.

    (11)

    Sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta' monitoraġġ, huwa xieraq li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni, b'mod regolari, b'informazzjoni dwar prekursuri tad-droga li jiġu maqbuda jew miżmuma.

    (12)

    Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza, il-koerenza leġiżlattiva u ċ-ċertezza tad-dritt, dan ir-Regolament Delegat għandu japplika mill-istess data li fiha jibda japplika r-Regolament ta' Implimentazzjoni,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' liċenzji u ta' reġistrazzjonijiet, jistipula l-każijiet fejn liċenzja jew reġistrazzjoni ma tkunx meħtieġa, jistabbilixxi kriterji biex jintwera l-għan leċitu ta' tranżazzjoni, jiddetermina l-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ tal-kummerċ, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex jiġu ddeterminati l-listi tal-pajjiżi ta' destinazzjoni għall-esportazzjonijiet ta' sustanzi skedati tal-Kategoriji 2 u 3, jistabbilixxi l-kriterji biex jiġu determinati proċeduri simplifikati ta' notifika ta' qabel l-esportazzjoni u ta' liċenzji tal-esportazzjoni u jispeċifika r-rekwiżiti dwar l-informazzjoni li għandha tingħata rigward l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' monitoraġġ fir-rigward tal-kummerċ fil-prekursuri tad-droga.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “bini kummerċjali” għandha tfisser il-bini flimkien mal-art okkupata minn operatur f'kull post individwali.

    Artikolu 3

    Il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' liċenzji

    1.   Sabiex jikseb liċenzja skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, l-operatur għandu jaħtar uffiċjal responsabbli għall-kummerċ f'sustanzi skedati li huma elenkati fil-Kategoriji 1 tal-Anness ta' dak ir-Regolament, għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti bl-isem u d-dettalji ta' kuntatt ta' dak l-uffiċjal u għandu jinnotifikaha minnufih bi kwalunkwe bidliet sussegwenti f'dan it-tagħrif.

    L-uffiċjal responsabbli għandu jiżgura li l-attivitajiet ta' importazzjoni, l-attivitajiet ta' esportazzjoni jew l-attivitajiet intermedjarji jseħħu b'konformità mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti, u għandu jingħata s-setgħa jirrappreżenta lill-operatur u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta' dan il-kompitu.

    2.   L-operatur ikkonċernat għandu jissodisfa r-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    l-operatur għandu jieħu miżuri xierqa kontra t-tneħħija mhux awtorizzata ta' sustanzi skedati elenkati fil-Kategorija 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 mill-postijiet tal-ħażna, tal-produzzjoni, tal-manifattura u tal-ipproċessar tas-sustanzi skedati, u għandu wkoll iżomm il-bini kummerċjali protett u fi stat tajjeb ta' sigurtà;

    (b)

    l-operatur għandu jagħmel applikazzjoni li tinkludi d-dettalji li ġejjin:

    (i)

    l-isem sħiħ, l-indirizz sħiħ, in-numri tat-telefown u/jew tal-faks u l-indirizz tal-posta elettronika tal-applikant;

    (ii)

    l-isem sħiħ tal-uffiċjal responsabbli u d-dettalji ta' kuntatt tiegħu/tagħha;

    (iii)

    deskrizzjoni tal-pożizzjoni u tal-kompiti tal-uffiċjal responsabbli;

    (iv)

    l-indirizzi sħaħ ta' fejn jinsab il-bini kummerċjali;

    (v)

    id-deskrizzjoni tal-postijiet kollha fejn jitwettqu l-operazzjonijiet deskritti fil-punt x;

    (vi)

    informazzjoni li turi li ttieħdu l-miżuri xierqa msemmija fil-paragrafu 2(a);

    (vii)

    l-isem u l-kodiċi NM tas-sustanzi skedati, kif stipulati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005;

    (viii)

    fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, indikazzjoni dwar dan li ġej:

    (a)

    l-isem tat-taħlita jew tal-prodott naturali;

    (b)

    l-isem u l-kodiċi NM tas-sustanzi skedati li jinsabu fit-taħlita jew fil-prodott naturali, kif stipulati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005;

    (c)

    il-perċentwal massimu ta' dawn is-sustanzi skedati fit-taħlita jew fil-prodott naturali;

    (ix)

    deskrizzjoni tat-tip ta' operazzjonijiet previsti li jissemmew fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 111/2005;

    (x)

    kopja awtentikata tar-reġistru tal-kumpaniji jew tal-attivitajiet, fejn xieraq;

    (xi)

    ċertifikat ta' kondotta tajba tal-operatur ikkonċernat u tal-uffiċjal responsabbli, jew dokument li juri li dawn jagħtu l-garanzija meħtieġa għat-tmexxija xierqa tal-operazzjonijiet, jew dokument li jipprovdi l-informazzjoni li tippermetti lill-awtorità kompetenti tikseb dan it-tip ta' dokument.

    3.   Jekk l-operatur ikun diġà ngħata l-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat skont l-Artikolu 5a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (4); huwa jista' jindika n-numru taċ-ċertifikat tal-operatur ekonomiku awtorizzat (ċertifikat tal-AEO) meta jagħmel l-applikazzjoni għal liċenzja biex l-awtorità kompetenti tkun tista' tqis l-istatus tiegħu ta' AEO.

    4.   Fuq talba bil-miktub mingħand l-awtorità kompetenti rilevanti, l-applikant għandu jissottometti kwalunkwe informazzjoni addizzjonali rilevanti.

    5.   Meta l-applikant ikun persuna fiżika, il-punti (ii) u (iii) tal-paragrafu 2(b) m'għandhomx japplikaw, u l-punt (iv) tal-paragrafu 2(b) għandu japplika biss fejn rilevanti.

    6.   Mingħajr ħsara għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u mal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, l-awtorità kompetenti għandha tiċħad il-ħruġ tal-liċenzja jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(b) ta' dan ir-Regolament ma jiġux issodisfati, jew jekk ikun hemm raġunijiet validi biex wieħed jissuspetta li s-sustanzi skedati jkunu maħsuba għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi jew ta' sustanzi psikotropiċi.

    7.   Fil-każ ta' kummerċ bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi msemmija fir-Regolament (KE) Nru 111/2005, l-awtorità kompetenti tista' jew tillimita l-validità tal-liċenzja għal perjodu ta' mhux aktar minn tliet snin, jew inkella teħtieġ li l-operaturi, f'intervalli ta' żmien ta' mhux aktar minn tliet snin, juru li l-kundizzjonijiet li taħthom ingħatat il-liċenzja għadhom qed jiġu ssodisfati.

    Il-validità tal-liċenzji maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament m'għandhiex tiġi affettwata.

    8.   Liċenzja m'għandhiex tkun trasferibbli.

    9.   F'każ li tiġi prevista kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin, id-detentur tal-liċenzja għandu japplika għal liċenzja ġdida:

    (a)

    iż-żieda ta' sustanza skedata;

    (b)

    il-bidu ta' operazzjoni ġdida;

    (c)

    bdil fil-post fejn jinsab il-bini kummerċjali fejn isiru l-operazzjonijiet.

    F'dawn il-każijiet, il-validità tal-liċenzja eżistenti għandha tintemm fid-data li tiġi l-ewwel fost dawn li ġejjin:

    (i)

    id-data ta' meta tiskadi l-validità fejn terminu ta' validità kien stabbilit skont l-Artikolu 3(6) ta' dan ir-Regolament jew skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 273/2004;

    (ii)

    id-data ta' meta tibda l-validità tal-liċenzja l-ġdida.

    10.   Il-paragrafu 9 għandu japplika wkoll għal liċenzji maħruġa qabel id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

    11.   Il-paragrafi 2 sa 6 u 8, 9 u 10 għandhom japplikaw ukoll għall-fini ta' ksib ta' liċenzji skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 273/2004, bl-eċċezzjoni ta' liċenzji speċjali.

    12.   L-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu 3(2) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 għandhom jinkludu d-dwana, il-pulizija u l-laboratorji uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti.

    Artikolu 4

    Każijiet fejn mhijiex meħtieġa liċenzja

    L-ispiżeriji, l-ispiżeriji tal-prodotti mediċinali veterinarji, id-dwana, il-pulizija u l-forzi armati u l-laboratorji uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiġu eżentati mill-ħtieġa tal-liċenzjar skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, sakemm dawn l-operaturi jużaw il-prekursuri tad-droga fi ħdan l-ambitu tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom.

    L-operaturi indikati fl-ewwel paragrafu huma eżentati wkoll minn dan li ġej:

    (a)

    l-għoti tad-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 111/2005;

    (b)

    l-obbligu li jinħatar uffiċjal reponsabbli kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta' dan Regolament.

    Artikolu 5

    Il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' reġistrazzjonijiet

    1.   Sabiex jikseb reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, l-operatur għandu jaħtar uffiċjal responsabbli għall-kummerċ f'sustanzi skedati li huma elenkati fil-Kategoriji 2 tal-Anness ta' dak ir-Regolament, għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti bl-isem u d-dettalji ta' kuntatt ta' dak l-uffiċjal u għandu jinnotifikaha minnufih bi kwalunkwe bidliet sussegwenti f'dan it-tagħrif.

    L-uffiċjal responsabbli għandu jiżgura li l-attivitajiet ta' importazzjoni, l-attivitajiet ta' esportazzjoni jew l-attivitajiet intermedjarji jseħħu b'konformità mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti, u għandu jingħata s-setgħa jirrappreżenta lill-operatur u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta' dan il-kompitu.

    2.   L-operatur li juża sustanzi skedati tal-Kategorija 2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 għandu jagħmel applikazzjoni li tinkludi l-informazzjoni u d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 3(2)(b), bl-eċċezzjoni tal-punti (vi), (x) u (xi) tal-Artikolu 3(2)(b), sakemm dan ma jiġix mitlub mill-awtorità kompetenti.

    Dan japplika wkoll għal operaturi li jesportaw sustanzi skedati tal-Kategorija 3 elenkati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005.

    3.   L-Artikolu 3(3) u (4) għandu japplika wkoll.

    4.   L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 u l-paragrafu 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-operaturi u l-utenti msemmija fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 fir-rigward ta' sustanzi skedati tal-Kategorija 2 tal-Anness I ta' dak ir-Regolament.

    5.   L-utenti ta' sustanzi skedati tal-Kategorija 2 A elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni dwar l-użu tas-sustanzi skedati.

    Artikolu 6

    Każijiet fejn mhijiex meħtieġa reġistrazzjoni

    Il-kategoriji li ġejjin jistgħu jiġu eżentati mill-ħtieġa ta' reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar- Regolament (KE) Nru 111/2005:

    (a)

    L-ispiżeriji, l-ispiżeriji tal-prodotti mediċinali veterinarji, id-dwana, il-pulizija, il-laboratorji uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti u l-forzi armati, sakemm dawn l-operaturi jużaw il-prekursuri tad-droga fi ħdan l-ambitu tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom;

    (b)

    L-operaturi li jesportaw sustanzi skedati elenkati fil-Kategorija 3 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, jekk it-total tal-kwantitajiet li jirrigwardaw l-esportazzjonijiet tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti (l-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru) ma jaqbiżx l-ammonti speċifikati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament. Meta dawn l-ammonti jinqabżu fis-sena kalendarja attwali, l-operatur għandu minnufih jiġi konformi mal-ħtieġa li jirreġistra.

    (c)

    L-operaturi involuti fl-esportazzjoni ta' taħlitiet li fihom is-sustanzi skedati elenkati fil-Kategorija 3 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, jekk l-ammont tas-sustanza skedata preżenti fit-taħlitiet ma jaqbiżx, matul is-sena kalendarja preċedenti, l-ammonti speċifikati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament. Meta dawn l-ammonti jinqabżu fis-sena kalendarja attwali, l-operatur għandu minnufih jiġi konformi mal-ħtieġa li jirreġistra.

    Artikolu 7

    Kondizzjonijiet għal eżenzjonijiet minn ċertu rekwiżiti

    Għall-finijiet tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 273/2004, il-klijenti għandhom jinfurmaw lill-fornituri tagħhom jekk l-Artikolu japplikax għalihom.

    Artikolu 8

    Il-kriterji biex jiġu ddeterminati l-għanijiet leċiti ta' tranżazzjoni

    1.   L-operatur għandu jipprovdi informazzjoni li tiddikjara li l-kunsinna tkun telqet mill-pajjiż tal-esportazzjoni b'konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ adottati skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi (5) biex juri l-għanijiet leċiti tat-tranżazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 111/2005.

    2.   Għal dak il-għan, l-operatur jista' juża l-mudell stabbilit fl-Anness II ta' dan ir-Regolament, jew inkella jippreżenta l-awtoritazzazzjoni għall-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 jew id-dikjarazzjoni tal-klijent imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 273/2004.

    Artikolu 9

    Informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ tal-kummerċ

    1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 273/2004, l-operaturi għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti fil-qosor dwar il-kwantitajiet tas-sustanzi skedati użati jew fornuti u, fil-każ ta' forniment, għandhom jiddikjaraw il-kwantità li tkun ġiet fornuta lil kull parti terza.

    Għas-sustanzi skedati fil-Kategorija 3 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004, l-ewwel paragrafu għandu japplika biss fuq talba mill-awtoritajiet kompetenti.

    2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 l-operaturi għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar dan li ġej:

    (a)

    l-esportazzjonijiet kollha tas-sustanzi skedati soġġetti għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni;

    (b)

    l-importazzjonijiet kollha tas-sustanzi skedati tal-Kategorija 1 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 li jeħtieġu awtorizzazzjoni għall-importazzjoni, jew il-każijiet kollha fejn is-sustanzi skedati tal-Kategorija 2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 jiddaħħlu f'żona ħielsa ta' kontroll tat-tip II, jitqiegħdu taħt proċedura li twassal għal sospensjoni għajr għal meta jkunu se jintbagħtu f'destinazzjoni oħra, jew jinħelsu biex jiċċirkolaw b'mod ħieles;

    (c)

    l-attivitajiet intermedjarji kollha li jinvolvu sustanzi skedati tal-Kategoriji 1 u 2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005.

    3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(a) għandha tkun organizzata billi ssir referenza għall-pajjiżi tad-destinazzjoni, għall-kwantitajiet li ġew esportati u għan-numri ta' referenza tal-liċenzji tal-esportazzjoni, skont il-każ.

    4.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(b) għandha tkun organizzata billi ssir referenza għall-pajjiż terz tal-esportazzjoni u għan-numru ta' referenza tal-awtorizzazzjonijiet għall-importazzjoni, skont il-każ.

    5.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(c) għandha tkun organizzata billi ssir referenza għall-pajjiżi terzi involuti f'dawn l-attivitajiet intermedjarji u għall-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni jew għall-importazzjoni, skont il-każ. Fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti, l-operaturi għandhom jipprovdu aktar informazzjoni.

    6.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jittrattaw l-informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu bħala informazzjoni kummerċjali riservata.

    Artikolu 10

    Il-kundizzjonijiet biex jiġu determinati l-listi tal-pajjiżi ta' destinazzjoni għall-esportazzjoni ta' sustanzi skedati tal-Kategoriji 2 u 3

    Il-listi li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 għandhom jinkludu dan li ġej:

    (a)

    il-pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehim speċifiku dwar il-prekursuri tad-droga;

    (b)

    il-pajjiżi terzi li talbu li jirċievu notifiki ta' qabel l-esportazzjoni skont l-Artikolu 12(10) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-traffiku illeċitu tad-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi tal-1988.

    (c)

    il-pajjiżi terzi li talbu li jirċievu notifiki ta' qabel l-esportazzjoni skont l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-traffiku illeċitu tad-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi tal-1988.

    Il-listi tal-pajjiżi speċifiċi ta' destinazzjoni għall-esportazzjoni ta' sustanzi skedati elenkati fil-Kategoriji 2 u 3 tal-Anness imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

    Artikolu 11

    Il-kriterji biex jiġu determinati proċeduri simplifikati għal notifiki ta' qabel l-esportazzjoni

    1.   Fil-każ ta' esportazzjonijiet maħsuba għall-proċedura simplifikata tal-liċenzji tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 l-awtorità kompetenti tista' tibgħat notifika simplifikata ta' qabel l-esportazzjoni li tkopri diversi operazzjonijiet ta' esportazzjoni mwettqa fi ħdan perjodu speċifiku ta' 6 xhur jew 12-il xahar.

    2.   L-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta' esportazzjoni għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ta' destinazzjoni l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 111/2005.

    3.   L-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-pajjiż tad-destinazzjoni kif xieraq, u għal dak il-għan għandha tagħmel użu mis-sistema PEN-onlajn jew min-“Notifika Multilaterali ta' Rapportar Kimiku” stabbiliti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 12

    Il-kriterji biex jiġu determinati proċeduri simplifikati għal liċenzji tal-esportazzjoni

    1.   Wara applikazzjoni min-naħa tal-operatur ikkonċernat, l-awtorità kompetenti tista' tagħti liċenzja tal-esportazzjoni bi proċedura simplifikata, b'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, f'każijiet ta' esportazzjoni frekwenti ta' sustanza skedata speċifika waħda elenkata fil-Kategoriji 3 u 4 tal-Anness ta' dak ir-Regolament, li tinvolvi lill-istess esportatur stabbilit fl-Unjoni u lill-istess importatur fl-istess pajjiż terz tad-destinazzjoni, li tkopri perjodu speċifiku ta' żmien ta' 6 xhur jew ta' 12-il xahar.

    Liċenzja tal-esportazzjoni ta' dan it-tip tista' tingħata biss fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    meta matul l-esportazzjonijiet preċedenti l-operatur ikun wera l-kapaċità li jissodisfa l-obbligazzjonijiet kollha marbuta ma' dawk l-esportazzjonijiet, u ma jkun wettaq l-ebda reat kontra l-leġiżlazzjoni rilevanti;

    (b)

    meta l-awtorità kompetenti tinsab sodisfatta rigward l-għanijiet leċiti ta' dawk l-operazzjonijiet ta' esportazzjoni.

    2.   L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni simplifikata għal liċenzja tal-esportazzjoni għandha tinkludi tal-inqas dan li ġej:

    (a)

    l-ismijiet u l-indirizzi tal-esportatur, tal-importatur fil-pajjiż terz u tad-destinatarju finali;

    (b)

    l-isem tas-sustanza skedata, kif indikat fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, jew, fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, l-isem u l-Kodiċi NM tagħha u l-isem ta' kwalunkwe sustanza skedata, kif indikat fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, li tinsab fit-taħlita jew fil-prodott naturali;

    (c)

    il-kwantità massima tas-sustanza skedata maħsuba għall-esportazzjoni;

    (d)

    il-perjodu ta' żmien speċifiku maħsub għall-operazzjonijiet ta' esportazzjoni.

    3.   L-awtorità kompetenti għandha tieħu d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ssemplifikata tal-esportazzjoni f'perjodu ta' 15-il ġurnata ta' xogħol mid-data li fiha tkun waslet l-informazzjoni meħtieġa.

    4.   F'każ ta' kura medika ta' emerġenza, meta l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1(a) u (b) ta' dan l-Artikolu jiġu ssodisfati, l-awtorità kompetenti għandha tieħu d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal-liċenzja tal-esportazzjoni simplifikata għall-esportazzjoni ta' sustanzi skedati tal-Kategorija 4 elenkati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 minnufih, jew mhux aktar tard minn 3 ijiem ta' xogħol wara l-wasla tal-applikazzjoni.

    Artikolu 13

    Il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li jikkonċernaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta' monitoraġġ

    1.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni l-komunikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 u fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 fix-xahar ta' wara kull kwart tas-sena kalendarja. Il-komunikazzjonijiet għandhom jinkludu l-informazzjoni dwar il-każijiet kollha fejn ir-rilaxx ta' sustanzi skedati u mhux skedati jkun ġie sospiż, jew fejn is-sustanzi skedati u mhux skedati jkunu ġew miżmuma.

    2.   Din l-informazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

    (a)

    l-ismijiet tas-sustanzi;

    (b)

    jekk ikunu magħrufa, l-oriġini, il-provenjenza u d-destinazzjoni tas-sustanzi;

    (c)

    il-kwantità tas-sustanzi, l-istatus doganali tagħhom u l-mezz ta' trasport użat.

    3.   Fi tmiem kull sena kalendarja, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri kollha l-informazzjoni li tkun irċeviet skont il-paragrafu 1.

    Artikolu 14

    Tħassir

    Ir-Regolament (KE) Nru 1277/2005 huwa mħassar.

    Artikolu 15

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2015.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta' April 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1.

    (2)  ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1.

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1277/2005 tas-27 ta' Lulju 2005 li jistabbilixxi r-regoli li jimplimentaw għar-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi prekursuri tad-droga u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jfassal ir-regoli għas-sorveljanza tal-kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi tas-sustanzi prekursuri tad-droga (ĠU L 202, 3.8.2005, p. 7).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE tat-22 ta' Ottubru 1990 fir-rigward tal-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Traffiku Illeċitu ta' Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi (ĠU L 326, 24.11.1990, p. 56).


    ANNESS I

    Sustanza

    Kwantità

    Aċetun (1)

    50 kg

    Etiletere (1)

    20 kg

    Metiletilketon (1)

    50 kg

    Toluwen (1)

    50 kg

    Aċidu sulfuriku

    100 kg

    Aċidu idrokloriku

    100 kg


    (1)  Dan jinkludi l-imluħ ta' dawn is-sustanzi kull fejn l-eżistenza ta' dawn l-imluħ hija possibbli.


    ANNESS II

    Image

    Test ta 'immaġni

    Noti

    1.

    Il-mod kif inhu mqassam il-mudell mhuwiex vinkolanti.

    2.

    In-numri tal-ordni u t-test tal-mudell huma vinkolanti.

    3.   Protezzjoni tad-dejta personali

    Meta l-Kummissjoni Ewropea tipproċessa dejta personali inkluża f'dan id-dokument, għandu japplika r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta.

    Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tipproċessa dejta personali inkluża f'dan id-dokument, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

    L-għan tal-ipproċessar tad-dejta personali huwa l-monitoraġġ tal-kummerċ fil-prekursuri tad-droga fi ħdan l-Unjoni b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 273/2004 kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1258/2013, u l-kummerċ fil-prekursuri tad-droga bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi skont ir-Regolament (KE) No111/2005, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1259/2013.

    Il-kontrollur fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta huwa l-awtorità kompetenti nazzjonali ta' fejn ikun ġie ppreżentat dan id-dokument. Il-lista tal-awtoritajiet kompetenti hija ppubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni:

    http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/customs/customs_controls/drugs_precursors/legislation/national_competent_authorities.pdf

    B'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ fil-prekursuri ta' drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta fl-Unjoni u għall-għanijiet ta' kontroll u monitoraġġ ta' ċertu sustanzi li jintużaw ta' sikwit għall-produzzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi jew ta' sustanzi psikotropiċi, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jaqsmu d-dejta personali u l-informazzjoni li tinsab f'dan id-dokument mal-awtoritajiet rilevanti f'pajjiżi terzi.

    Is-suġġetti tad-dejta għandhom id-dritt ta' aċċess għad-dejta personali li tirrigwarda lilhom li tiġi pproċessata u, fejn xieraq, għandhom ukoll id-dritt li jirrettifikaw, iħassru jew jimblukkaw dejta personali skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 jew skont il-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

    It-talbiet kollha għall-eżerċizzju tad-dritt ta' aċċess, rettifika, tħassir jew imblukkar għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti li lilhom ġie ppreżentat dan id-dokument u għandhom ukoll jiġu pproċessati mill-istess awtoritajiet kompetenti.

    Il-bażi legali għall-ipproċessar tad-dejta personali hija l-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, u l-Artikolu 13b tar-Regolament (KE) Nru 273/2004.

    Id-dejta personali li tinsab f'dan id-dokument m'għandhiex tinżamm għal aktar milli jkun meħtieġ mill-għanijiet li għalihom tkun ġiet miġbura.

    F'każ ta' kunflitt, l-ilmenti jistgħu jiġu indirizzati lill-awtorità nazzjonali rilevanti għall-protezzjoni tad-dejta. Id-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja (http://ec.europa.eu/justice/data-protection/bodies/authorities/eu/index_en.htm#h2-1)

    Meta l-ilment ikun jikkonċerna l-ipproċessar ta' dejta personali mill-Kummissjoni Ewropea, dan għandu jiġi indirizzat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta:

    (http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/).


    ANNESS III

    Image

    Test ta 'immaġni

    Noti

    1.

    Il-mod kif inhu mqassam il-mudell mhuwiex vinkolanti.

    2.

    In-numri tal-ordni u t-test tal-mudell huma vinkolanti. Il-kaxxi mmarkati b'tipa skura għandhom jimtlew b'mod obbligatorju.

    3.

    Aktar dettalji dwar il-kaxxi:

     

    Kaxxa “Parti A”: Indika jekk l-MCRN tkoprix operazzjoni waħda ta' esportazzjoni, jew jekk tkoprix aktar minn waħda. Meta tkopri diversi operazzjonijiet, indika l-perjodu ta' żmien maħsub.

     

    Kaxxa 14 (kwantità u piż): Fil-każ ta' MCRN li tkopri diversi operazzjonijiet ta' esportazzjoni, indika l-kwantità massima u l-piż massimu.

     

    Punt 18 (Data tat-tluq): Fil-każ ta' MCRN li tkopri diversi operazzjonijiet ta' esportazzjoni, din il-kaxxa għandha timtela billi tiġi indikata d-data stmata tat-tluq finali.

    4.   Protezzjoni tad-dejta personali

    Meta l-Kummissjoni Ewropea tipproċessa dejta personali inkluża f'dan id-dokument, għandu japplika r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta.

    Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tipproċessa dejta personali inkluża f'dan id-dokument, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

    L-għan tal-ipproċessar tad-dejta personali huwa l-monitoraġġ tal-kummerċ fil-prekursuri tad-droga fi ħdan l-Unjoni b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 273/2004 kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1258/2013, u l-kummerċ fil-prekursuri tad-droga bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi skont ir-Regolament (KE) Nru 111/2005, kif emendat bir Regolament (UE) Nru 1259/2013.

    Il-kontrollur fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta huwa l-awtorità kompetenti nazzjonali ta' fejn ikun ġie ppreżentat dan id-dokument. Il-lista tal-awtoritajiet kompetenti hija ppubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni:

    http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/customs/customs_controls/drugs_precursors/legislation/national_competent_authorities.pdf

    B'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ fil-prekursuri ta' drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta fl-Unjoni u għall-għanijiet ta' kontroll u monitoraġġ ta' ċertu sustanzi li jintużaw ta' sikwit għall-produzzjoni illeċita ta' drogi narkotiċi jew ta' sustanzi psikotropiċi, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jaqsmu d-dejta personali u l-informazzjoni li tinsab f'dan id-dokument mal-awtoritajiet rilevanti f'pajjiżi terzi.

    Is-suġġetti tad-dejta għandhom id-dritt ta' aċċess għad-dejta personali li tirrigwarda lilhom li tiġi pproċessata u, fejn xieraq, għandhom ukoll id-dritt li jirrettifikaw, iħassru jew jimblukkaw dejta personali skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 jew skont il-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

    It-talbiet kollha għall-eżerċizzju tad-dritt ta' aċċess, rettifika, tħassir jew imblukkar għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti li lilhom ġie ppreżentat dan id-dokument, u għandhom ukoll jiġu pproċessati mill-istess awtoritajiet kompetenti.

    Il-bażi legali għall-ipproċessar tad-dejta personali hija l-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, u l-Artikolu 13b tar-Regolament (KE) Nru 273/2004.

    Id-dejta personali li tinsab f'dan id-dokument m'għandhiex tinżamm għal aktar milli jkun meħtieġ mill-għanijiet li għalihom tkun ġiet miġbura.

    F'każ ta' kunflitt, l-ilmenti jistgħu jiġu indirizzati lill-awtorità nazzjonali rilevanti għall-protezzjoni tad-dejta. Id-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja (http://ec.europa.eu/justice/data-protection/bodies/authorities/eu/index_en.htm#h2-1)

    Meta l-ilment ikun jikkonċerna l-ipproċessar ta' dejta personali mill-Kummissjoni Ewropea, dan għandu jiġi indirizzat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta:

    (http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/).


    Top